EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0515

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rapport dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Programm Erasmus Mundus II (2009-2013)

/* COM/2012/0515 final */

52012DC0515

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rapport dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Programm Erasmus Mundus II (2009-2013) /* COM/2012/0515 final */


WERREJ

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Programm Erasmus Mundus II (2009-2013)

1........... DAĦLA......................................................................................................................... 3

2........... SFOND GĦALL-EVALWAZZJONI ESTERNA.......................................................... 3

3........... L-EVALWAZZJONI ESTERNA.................................................................................. 4

3.1........ It-termini tal-evalwazzjoni............................................................................................... 4

3.2........ Metodoloġija.................................................................................................................. 4

3.3........ Is-sejbiet tal-evalwatur.................................................................................................... 5

3.3.1..... In-novitajiet ta’ EM II::................................................................................................... 5

3.3.2..... Sejbiet ġenerali oħra....................................................................................................... 6

3.3.3..... Rilevanza........................................................................................................................ 7

3.3.4..... Effikaċja......................................................................................................................... 7

3.3.5..... Sostenibbiltà................................................................................................................... 7

3.3.6..... Effiċjenza........................................................................................................................ 8

3.3.7..... Ġestjoni tal-programm: disinn u struttura.......................................................................... 8

4........... RAKKOMANDAZZJONIJIET EWLENIN TAL-EVALWAZZJONI ESTERNA...... 10

4.1........ Rilevanza: rakkomandazzjonijiet ġenerali:....................................................................... 10

4.2........ Effikaċja: rakkomandazzjonijiet ġenerali......................................................................... 10

4.3........ Sostenibbiltà: rakkomandazzjonijiet ġenerali:.................................................................. 10

4.4........ Effiċjenza: rakkomandazzjonijiet ġenerali:....................................................................... 11

5........... IL-KONKLUŻJONIJIET TAL-KUMMISSJONI....................................................... 11

1.           DAĦLA

Il-programm ta’ evalwazzjoni interim tal-Erasmus Mundus II (EM) tnieda mill-Kummissjoni Ewropea skont ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni Erasmus Mundus Nru 1298/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008[1]. L-għan ta’ din l-evalwazzjoni kien li jkun hemm stima tar-rilevanza, l-effikaċja, is-sostenibbiltà u l-effiċjenza tal-programm, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lin-novitajiet introdotti fil-fażi II tal-programm. Din l-evalwazzjoni kopriet it-tliet azzjonijiet kollha kemm huma (Azzjoni 1, Azzjoni 2 u Azzjoni 3) matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni 2009-2011.

L-evalwazzjoni tmexxiet mill-Grupp ta’ Tmexxija magħżul mid-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea (Edukazzjoni u Kultura; Żvilupp u Kooperazzjoni - Għajnuna Ewropea u Tkabbir), is-Servizz Ewroprew ta’ Azzjoni Esterna u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjo-viżiv u l-Kultura, li kollha kemm huma huma involuti fil-programm EM. It-test sħiħ tal-evalwazzjoni jista' jinkiseb permezz tal-ħolqa: http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/evalreports/index_en.htm

Dan ir-rapport dwar l-Evalwazzjoni Interim huwa ppreżentat skont l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni EM. Huwa mfassal fuq is-sejbiet tal-Evalwazzjoni Interim ta’ EM II fir-rigward tar-riżultati miksuba u l-aspetti kwalitattivi tal-implimentazzjoni tal-programm. Ir-rapport iressaq il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenija tal-Evalwazzjoni Interim.

Dawn il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet huma bbażati fuq l-istħarriġiet estensivi u l-intervisti tal-parteċipanti u l-partijiet interessati ewlenin ta’ EM.

2.           SFOND GĦALL-EVALWAZZJONI ESTERNA

Il-programm EM II (2009 – 2013) għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni għolja Ewropea, li jgħin itejjeb il-prospetti tal-karriera tal-istudenti u li jippromwovi d-djalogu u l-fehim bejn il-popli u l-kulturi permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali u għall-kontribuzzjoni tal-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi terzi fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, skont l-objettivi tal-politika esterna tal-UE.

EM għandu baġit ta’ aktar minn EUR 950 miljun, b’madwar EUR 494 miljun allokati għall-Azzjonijiet 1 u 3, meħuda mill-baġit tal-edukazzjoni tal-UE, u EUR 460 miljun allokati għal Azzjoni 2, meħuda minn għadd ta’ strumenti differenti ta’ finanzjament.

Struttura tal-programm: EM II 2009-2013 ġie implimentat permezz ta’ dawn l-azzjonijiet li ġejjin:

– Azzjoni 1: Programmi konġunti EM ta’ kwalità eċċellenti fil-livell ta’ masters u ta’ dottorat, inklużi boroż ta’ studju/fellowships għall-partiċipazzjoni f'dawn il-programmi;

– Azzjoni 2: Sħubijiet EM bejn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja Ewropej u ta’ Pajjiżi Terzi, inklużi boroż ta’ studju u fellowships għal mobbiltà f’kull livell akkademiku. Din l-azzjoni tieħu post dik li kienet l-iskema “External Cooperation Window”;

– Azzjoni 3: Promozzjoni tal-edukazzjoni għolja Ewropea permezz ta' proġetti li jsaħħu l-attrattività tal-Ewropa bħala destinazzjoni għall-edukazzjoni u ċentru ta’ eċċellenza fuq livell dinji.

Novitajiet ta’ EM II: Bill-fażi II l-ambitu tal-programm EM ġie estiż biex jinkorpora d-dimensjonijiet ġodda ewlenin li ġejjin:

– L-estensjoni tal-Programmi Konġunti għal-livell tad-dottorat;

– L-offerta ta’ boroż ta’ studju għal studenti Ewropej;

– L-integrazzjoni tal-iskema “External Cooperation Window” fil-programm EM bħala Azzjoni 2 u t-twessiegħ tal-ambitu tagħha;

– Il-possibbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja ta’ pajjiżi terzi li jieħdu sehem fil-Programmi Konġunti EM.

3.           L-EVALWAZZJONI ESTERNA

3.1.        It-termini tal-evalwazzjoni

Wara sejħa għall-offerti[2], intgħażel l-Istitut tal-Politika u l-Ġestjoni Pubblika (IPGP) biex iwettaq l-evalwazzjoni. L-ambitu tal-evalwazzjoni interim kien il-perjodu 2009 – 2011, li matulu seħħu wħud mis-sejħiet għal proposti għall-implimentazzjoni tal-programm.

Il-mira tal-evalwazzjoni interim kienet li tipprovdi tweġibiet għal mistoqsijiet ta’ evalwazzjoni marbuta mar-rilevanza u l-utilità, l-effiċjenza, l-effikaċja, is-sostenibbiltà u l-valur miżjud tal-programm tal-Unjoni Ewropea.

Fir-rigward ta’ kull waħda mill-mistoqsijiet ta’ evalwazzjoni, l-evalwazzjoni interim ipprovdiet rakkomandazzjonijiet konkreti dwar kif il-loġika, l-objettivi, id-disinn, l-implimentazzjoni u r-riżultati jistgħu jittejbu iktar mill-perspettiva tal-Kummissjoni, il-benefiċjarji u l-applikanti potenzjali.

3.2.        Metodoloġija

Il-metodoloġija applikata l-ewwelnett tibda b'sett ta’ 45 mistoqsija ta’ evalwazzjoni u sub-mistoqsijiet/mistoqsijiet operattivi. Għat-tweġib tal-mistoqsijiet ġew iddefiniti indikaturi espliċiti u kriterji ta’ ġudizzju.

3.3.        Is-sejbiet tal-evalwatur

3.3.1.     In-novitajiet ta’ EM II:

- Il-Programmi Konġunti tad-Dottorat tal-EM:

Il-Programmi Konġunti tal-Masters u tad-Dottorat iffinanzjati bl-Azzjoni 1 kellhom valur miżjud konsiderevoli billi ffaċilitaw is-suċċess tal-gradwati meta ġew biex ifittxu x-xogħol u/jew pożizzjonijiet ta' riċerka ulterjuri. L-esperjenza internazzjonali u l-kompetenza interkulturali jistgħu jitqiesu bħala l-iktar kwalitajiet importanti li ddistingwew l-istudenti EM minn gradwati oħrajn. L-inklużjoni tal-kooperazzjoni fid-dottorati u l-post-dottorati fi ħdan l-EM II kienet waħda mill-aktar innovazzjonijiet ta’ suċċess tal-fażi II, u ġibdet il-parteċipazzjoni ta' ħafna istituzzjonijiet prestigjużi tal-edukazzjoni għolja.

- L-Azzjoni EM 2 il-ġdida

L-inklużjoni tal-Azzjoni 2 b’għanijiet speċifiċi marbuta mal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi saret fi ħdan disinn ta’ programm li jindirizza l-kunflitt potenzjali bejn l-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżi terzi (Azzjoni 2) u l-promozzjoni tal-eċċellenza (Azzjoni 1). B’dan il-mod, l-Azzjoni EM II tfasslet biex ma jkunx hemm "telf tal-imħuħ". Din l-azzjoni l-ġdida fiha żewġ elementi: waħda għal pajjiżi li qed jiżviluppaw (fergħa 1) u waħda għall-pajjiżi industrijalizzati (fergħa 2).

L-intervisti ma’ benefiċjarji istituzzjonali u individwali kif ukoll l-istudji tal-każijiet jagħtu x’wieħed jifhem li l-objettivi ta’ kooperazzjoni u eċċellenza kienu aktar komplementari milli kontradittorji. Il-benefiċjarji minn pajjiżi terzi japprezzaw l-impatt kbir pożittiv tal-kooperazzjoni fuq il-kapaċitajiet tal-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Għolja f’pajjiżhom. Madankollu, il-partijiet interessati minn pajjiżi terzi enfasizzaw il-ħtieġa għal aktar relazzjonijiet reċiproċi bejn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja mill-UE u l-pajjiżi terzi.

- L-offerta ta’ boroż ta’ studju għal studenti tal-Unjoni Ewropea

B’mod ġenerali, din il-fażi ġdida tal-programm ta’ EM offriet valur miżjud għall-istudenti tal-UE meta jfittxu x-xogħol jew pożizzjonijiet ta’ riċerka ulterjuri (billi qabel dan kien biss għal studenti minn pajjiż terzi). L-esperjenza internazzjonali u l-kompetenzi interkulturali huma vantaġġi EM importanti li issa qed jingħataw ukoll lill-istudenti tal-UE.

Madankollu, fi ħdan l-Azzjoni 1, l-għotjiet għal studenti Ewropej jistgħu jitqiesu bħala l-anqas li kellhom suċċess min-novitajiet tal-programm (l-għotjiet tal-kategorija B għall-istudenti tal-UE ma kinux biżżejjed ta’ valur biex jattiraw l-istudenti). Barra minn hekk, ta’ min jissuġġerixxi li, li jingħata tagħrif xieraq huwa kruċjali biex jinġibdu l-istudenti Ewropej.

Li l-istudenti Ewropej jinġibdu lejn il-mobbiltà tal-Azzjoni 2 kienet ukoll sfida. Madankollu, ir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet imsieħba li ġew intervistati fil-fergħa 2 tal-Azzjoni 2 (il-pajjiżi industrijalizzati) kienu jemmnu bil-qawwa li l-mobbiltà lejn u minn pajjiżi terzi industrijalizzati għandha fil-ġejjieni tibqa’ fil-programmi EM minħabba li tappoġġja l-eċċellenza u toffri opportunitajiet kbar biex jibnew relazzjonijiet mal-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Għolja fl-ekonomiji ewlenin madwar id-dinja.

- Il-possibbiltà li l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Għolja tal-pajjiżi terzi jipparteċipaw fl-Azzjoni 1 tal-programm bħala msieħba sħaħ

Din in-novità offriet opportunitajiet biex l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Għolja f’pajjiżi terzi jaqsmu fi ħdan konsorzji disinn Ewropew ta’ programmi konġunti komuni għal kulħadd.

Il-kooperazzjoni bejn l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Għolja tal-UE u dawk mhux Ewropej hija mfixkla mid-diversità tas-sistemi nazzjonali ta’ edukazzjoni għolja. Il-parteċipazzjoni tal-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Għolja mhux Ewropej fil-programm tal-EM issib id-diffikultajiet minħabba r-regolamenti, il-kwistjonijiet ta’ governanza, ir-riżorsi limitati u l-karatteristiċi speċifiċi marbuta ma’ diversi oqsma ta’ suġġetti. L-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Għolja mhux tal-UE u l-imsieħba tal-UE indirizzaw l-ostakli marbuta mad-diversità tas-sistemi nazzjonali, tal-kwistjonijiet amministrattivi, tal-koordinazzjoni tal-konsorzju, tal-għoti ta’ diplomi konġunti u d-diversità tal-ispejjeż tal-edukazzjoni, komuni għall-konsorzju. F’termini ġenerali, l-isfidi ntgħelbu fuq bażi ad-hoc, iżda biex jiġu indirizzati fil-ġejjieni se jinħtieġu aktar miżuri sistematiċi.

Fl-EM II, il-benefiċjarji istituzzjonali kienu entużjasti dwar l-impatt li l-programm kellu fit-tisħiħ tar-rabtiet internazzjonali bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u dawk minn pajjiżi terzi. L-eżempji wrew biċ-ċar il-kapaċità tal-programm li jkun utli biex jinternazzjonalizza s-sistemi ta' edukazzjoni għolja tal-pajjiżi parteċipanti (biż-żieda tal-opportunitajiet ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali internazzjonali).

3.3.2.     Sejbiet ġenerali oħra

Din l-Evalwazzjoni Interim kienet utli biex nitgħallmu aktar dwar l-objettivi aħħarija tal-benefiċjarji tal-EM II:

– Il-benefiċjarji tal-Azzjoni 1 sostnew li l-eċċellenza fit-tagħlim u fir-riċerka kienet l-għan ewlieni tal-proġetti magħżula tagħhom.

– Il-benefiċjarji tal-Fergħa 1 tal-Azzjoni 2 enfasizzaw il-kooperazzjoni, il-mobbiltà u l-bini tal-kapaċità.

– Il-partijiet interessati li qed jieħdu sehem fil-Fergħa 2 tal-Azzjoni 2 ssuġġerew li l-eċċellenza akkademika kienet il-motivazzjoni ċentrali tal-istituzzjonijiet involuti.

Il-programm tal-EM ikkontribwixxa biex isaħħaħ il-vantaġġ kompetittiv tal-Ewropa fl-edukazzjoni għolja billi għen lis-sistemi ta’ edukazzjoni għolja joffru dehra aktar omoġenja permezz tal-programmi konġunti.

L-għanijiet tal-EM II kienu f’konformità mal-inizjattivi u l-prijoritajiet politiċi tal-UE. Madankollu fil-ġejjieni EM II jista’ jkompli jsaħħaħ l-attenzjoni tiegħu fuq l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, li huwa enfasizzat f'Ewropa 2020. Il-programm jipprovdi ħiliet siewja ta’ karriera għal gradwati iżda l-impjegabbiltà fil-fatt baqgħet uniformi mar-reġjuni u l-oqsma tas-suġġetti kollha.

3.3.3.     Rilevanza

L-għanijiet ta’ EM II baqgħu rilevanti ħafna anke jekk il-ħtiġijiet li jiffaċċjaw il-gruppi fil-mira u l-partijiet interessati kienu pjuttost differenti. Iż-żewġ programmi konġunti (azzjoni 1) u l-mobbiltà (Azzjoni 2) jikkontribwixxu biex jippromwovu l-eċċellenza, il-bini tal-kapaċità u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni internazzjonali.

Il-benefiċjarji minn pajjiżi terzi enfasizzaw il-potenzjal tal-programm li jikkontribwixxi għall-bini tal-kapaċità tal-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Għolja tagħhom. Ir-riskju ta’ "telf ta’ mħuħ" mill-pajjiżi terzi baqa’ hemm, iżda l-partijiet interessati mill-pajjiżi terzi ssuġġerew ukoll li l-element tal-iżvilupp jista’ jissaħħaħ billi jiġu żgurati aktar relazzjonijiet reċiproċi bbilanċjati bejn il-parteċipanti mill-UE u l-pajjiżi terzi.

EM II kien marbut mill-qrib mal-programmi l-oħra tal-UE u kien jikkomplementahom, u dawn kienu: l-Azzjonijiet LLP, Tempus, Alfa, Edulink u Marie Curie.

3.3.4.     Effikaċja

Għalkemm il-programm ikkontribwixxa għall-politika strateġika tal-UE, l-impatt tiegħu fuq il-proċess ta’ Bologna kien imħallat u varjat minn pajjiż għal ieħor. Il-kontribuzzjoni kienet sinifikanti ħafna f’ċerti pajjiżi terzi, l-aktar fil-pajjiżi tal-Viċinat, u partikolarment fil-qasam tal-leġiżlazzjoni meħtieġa għall-għarfien ta' lawrji konġunti u mekkaniżmi ta’ għarfien ta’ kreditu. Madankollu, huwa magħruf li għandu jsir sforz addizzjonali dwar dawn il-kwistjonijiet fi ħdan l-UE u f'pajjiżi terzi.

B’mod ġenerali, il-programm jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tisħiħ tal-orjentazzjoni internazzjonali tal-istituzzjonijiet li qed jieħdu sehem, iżda l-proċess għandu jitqies fil-kuntest ta’ kollaborazzjoni internazzjonali usa’ u jqis is-sitwazzjonijiet differenti fi ħdan l-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Għolja. Il-programm ġie mifhum bħala l-inizjattiva tal-“poter tal-persważjoni” biex jinbdlu l-attitudnijiet u l-fehmiet ta’ dawk li jfasslu l-politika u l-partijiet interessati. F’xi każijiet, il-parteċipanti tal-EM II diġà kellhom impenji fit-tul f’dak li għandu x’jaqsam mal-kooperazzjoni internazzjonali.

B’mod ġenerali, dwar is-suġġett tad-diffikultajiet li nstabu, l-evalwazzjoni identifikat tliet gruppi ta’ ostakoli marbuta mal-mobbiltà: 1) ostakoli marbuta mad-diversità tas-sistemi nazzjonali ta' edukazzjoni għolja; 2) ostakoli marbuta mad-disinn tal-programm; 3) ostakoli marbuta mal-piż amministrattiv u l-kofinanzjament (il-konsorzji EM normalment iħallu l-amminstrazzjoni u l-ġestjoni ċentralizzata f’idejn l-istituzzjonijiet ta’ koordinazzjoni tagħhom. Dawn l-istituzzjonijiet jippruvaw jiżguraw l-effikaċja amministrattiva u finanzjarja, u dan jinkludi l-identifikazzjoni ta’ sorsi possibbli ta’ kofinanzjament).

3.3.5.     Sostenibbiltà

L-istituzzjonijiet li ħadu sehem kienu tipikament internazzjonalizzati ħafna u kellhom membri tal-persunal responsabbli għall-ġestjoni ta’ proġetti internazzjonali, iżda kważi nofs il-benefiċjarji rrappurtaw li kienu nieqsa mir-riżorsi umani biex ilaħħqu mal-ammont ta’ xogħol tal-proġett tal-EM konġunt. L-istituzzjonijiet li ħadu sehem kienu ġeneralment imħejjija għat-tneħħija gradwali tal-finanzjament tal-UE, iżda huma esprimew ix-xewqa li din tkun gradwali.

Bis-saħħa tat-tikketta EM l-istituzzjonijiet li huma eċċellenti fil-qasam tagħhom iżda mhux fil-prestiġju internazzjonali setgħu jkollhom aċċess għall-finanzjament estern u jiksbu aktar għarfien tal-korsijiet tagħhom b’mod aktar faċli. Li tippermetti lill-benefiċjarji preċedenti jżommu t-tikketta wara tmiem il-perjodu ta’ finanzjament iżid is-sostenibbiltà tal-korsijiet tagħhom.

Il-promozzjoni tal-programmi u l-isfruttament tar-riżultati jistgħu jtejbu s-sostenibbiltà tal-proġetti EM. L-EMA (Assoċjazzjoni tal-Alumni EM) hija partikolarment motivata u attiva biex tippromwovi l-programm u l-iżvilupp tal-identità tal-gradwati EM. L-attivitajiet ta’ tixrid tagħhom ħadu l-aktar il-forma ta’ promozzjoni tal-programmi minflok il-promozzjoni tal-Ewropa bħala destinazzjoni ta' studju.

3.3.6.     Effiċjenza

Il-programm kien implimentat b'mod effiċjenti. L-evalwazzjoni turi d-dettalji li ġejjin, dwar l-effiċjenza tal-programm:

- Il-biċċa l-kbira tal-eżiti ppjanati tal-programm huma mfassla li jinkisbu sal-2013 b’inqas spejjeż milli inizjalment mistenni.

- L-eżiti tal-programm kienu qed jinkisbu bl-istess spejjeż jew anke b’inqas minn dawk ta’ skemi simili ta’ boroż ta’ studju. B’mod ġenerali, l-analiżi tissuġġerixxi li l-ksib tal-istess riżultati b’inqas fondi ma kienx problematiku għax il-programm ġie implimentat b’mod effiċjenti f’termini ta’ baġit u eżiti miksuba.

- Fit-tieni fażi tal-EM, ġew stabbiliti għodod amministrattivi rilevanti bħall-kalkolu tal-ispejjeż imġarrba msejsa fuq ammonti mħallsa f'daqqa. Għalkemm l-għadd ta' rapporti ta' attività kien jitnaqqas matul l-implimentazzjoni tal-programm, il-benefiċjarji vvalutaw il-parteċipazzjoni tagħhom fl-EM bħala waħda ta 'piż.

3.3.7.     Ġestjoni tal-programm: disinn u struttura

Il-benefiċjarji tal-programm evalwaw b’mod pożittiv it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-proġetti EM, ħlief għall-ammont ta’ xogħol amministrattiv estensiv. Il-benefiċjarji ssuġġerew li kien possibbli tissimplifika aktar (pereżempju rapporti dwar l-attivitajiet), inkluż it-tibdil tal-approċċ ta’ applikazzjoni mill-ġdid kull sena.

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proġetti kienu primarjament kwantitattivi. Għall-ġejjieni, il-potenzjal tal-Proġett ta’ Evalwazzjoni tal-Kwalità tal-EM (EMQA) jista’ wkoll jiġi applikat biex tiġi evalwata aħjar il-kwalità tal-programmi konġunti bl-involviment ta' esperti fil-qasam.

Il-benefiċjarji kienu sodisfatti bis-servizzi tal-Aġenzija Eżekuttiva (EACEA), u bl-informazzjoni u l-gwida pprovduti mill-Istrutturi Nazzjonali, l-Uffiċċji Nazzjonali Tempus u d-Delegazzjonijiet tal-UE. Għalkemm il-mekkaniżmi għall-għażla tal-proġetti kienu effiċjenti, ir-rati baxxi ta’ suċċess għal xi Azzjonijiet u friegħi naqqsu l-fiduċja tal-gruppi fil-mira fit-trasparenza tal-għażla tal-proġetti.

It-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn id-DĠs fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet 1 u 2 kif ukoll in-nuqqas ta' Kumitat wieħed responsabbli għall-programm kollu ma jikkontribwixxux għall-iżvilupp tas-sinerġiji bejn l-Azzjonijiet tal-programm. Madankollu, id-dgħufijiet fil-koordinazzjoni strateġika huma sa ċertu punt paċuti minn koordinazzjoni tajba fil-livell operattiv billi l-amministrazzjoni tal-azzjonijiet kollha taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta' unità waħda fi ħdan l-Aġenzija Eżekuttiva (EACEA – l-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kultura).

Jeħtieġ li jinħatar kumitat wieħed (inklużi r-rappreżentanti mid-DĠ EAC, id-DĠ DEVCO u Direttorati Ġenerali u Servizzi oħra tal-Kummissjoni Ewropea) għat-tmexxija tal-Programm post-2013.

4.           RAKKOMANDAZZJONIJIET EWLENIN TAL-EVALWAZZJONI ESTERNA

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

4.1.        Rilevanza: rakkomandazzjonijiet ġenerali:

Skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni ġenerali, ir-rilevanza tista’ tissaħħaħ permezz ta' objettivi tal-programm iktar ibbilanċjati u rabtiet imsaħħa bejn EM u programmi oħra tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni għolja.

4.2.        Effikaċja:rakkomandazzjonijiet ġenerali

Sabiex titjieb l-effikaċja, ir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni huma indirizzati lejn il-kwistjonijiet ewlenin li ġejjin: l-impjegabbiltà; il-bilanċ fil-programm bejn l-objettivi għall-eċċellenza, il-bini tal-kapaċità u l-parteċipazzjoni ġeografika; bl-involviment ta’ min iħaddem; sostenn fil-proċess tal-viża; u tfassil ta’ skema tal-aħjar prassi.

Fir-rigward tal-impjegabbiltà, l-attivitajiet tal-programm jistgħu jkunu aktar miftuħa għall-mobilità internazzjonali u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni vokazzjonali pprovduti minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja għat-taħriġ ta’ professjonisti bi kwalifiki għolja.

Jinżamm u jissaħħaħ il-bilanċ bejn l-objettivi tal-Programm għall-eċċellenza, l-iżvilupp tal-kapaċità u r-rappreżentanza ġeografika. Għandu jkun hemm inċentivi biex tiġi inkluża firxa usa’ ta’ istituzzjonijiet minn pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali fil-Programm u jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom, sabiex tiġi żgurata mobilità bbilanċjata.

Għandhom jitrawmu prassijiet tajba għall-involviment ta’ min iħaddem, u jeħtieġ li jkun hemm attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni f'pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali.

Billi l-ostakli ewlenin huma relatati ma’ kwistjonijiet amministrattivi, huwa importanti li d-DĠ EAC ikompli jappoġġja l-azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex jiffaċilita l-proċess tal-viża għall-benefiċjarji ta’ programmi ta' mobilità Ewropea, li bħalissa huma infurzati permezz tal-ħruġ ta’ direttivi.

Il-prassijiet tajba għandhom jitwasslu lill-applikanti u l-benefiċjarji.

4.3.        Sostenibbiltà: rakkomandazzjonijiet ġenerali:

L-iżgurar tas-sostenibbiltà huwa tħassib ieħor kondiviż mill-benefiċjarji tal-EM kollha. Ir-rakkomandazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà huma marbuta ma’ użu aħjar tal-finanzjament limitat tal-UE. Il-qsim ta’ prassijiet tajba u programm aktar integrat jista’ jkun siewi wkoll.

Filwaqt li hemm riskju ta’ dipendenza fuq il-finanzjament tal-UE, huwa wkoll veru li l-applikazzjonijiet għal finanzjament minn strumenti oħra jeħtieġu t-tisħiħ u t-twessigħ ta’ netwerks akkademiċi u b’hekk jistgħu jimmaturaw korsijiet u sħubiji eċċellenti.

Huwa importanti li jinqasmu ma' kulħadd il-prassijiet tajba biex l-imsieħba jsaħħu l-mekkaniżmi ta’ għarfien tagħhom u ma jinħlewx ir-riżorsi użati fuq l-iżvilupp tagħhom.

4.4.        Effiċjenza: rakkomandazzjonijiet ġenerali:

Skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Evalwazzjoni Interim, l-effiċjenza tal-programmi tista’ tittejjeb billi tgħaqqad l-allokazzjonijiet finanzjarji għal kull azzjoni mal-għanijiet politiċi identifikati b’mod ċar, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi ta’ reġjuni differenti tad-dinja fid-definizzjoni tal-prijoritajiet tas-suġġetti, il-livell ta’ intervent – universitarju, masters, PhD - grad vs. il-mobilità tal-kredits; it-titjib fis-sorveljanza u l-evalwazzjoni ta’ proġetti fil-ġejjieni u s-semplifikazzjoni tal-promozzjoni tal-programmi.

Ikkunsidrar mill-ġdid tal-bilanċ fost diversi azzjonijiet u friegħi tagħhom fil-programm post-2013 skont għanijiet politiċi identifikati b’mod ċar u bl-għan li jiġu mmassimizzati l-opportunitajiet ta’ suċċess.

Jitjiebu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ proġetti fil-ġejjieni b’bilanċ aħjar tal-evalwazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva u bl-involviment ta’ esperti fil-qasam waqt iż-żjarat ta’ monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proġetti. It-tkomplija tal-Proġett ta’ Evalwazzjoni tal-Kwalità tal-EM u rbit aħjar mal-monitoraġġ tal-proġett.

Is-simplifikazzjoni tal-promozzjoni tal-programmi fl-Azzjonijiet differenti skont il-programm post-2013, filwaqt li jinżamm il-qafas istituzzjonali attwali li jinvolvi l-Aġenzija Eżekuttiva, l-Istrutturi Nazzjonali u d-Delegazzjonijiet tal-UE.

5.           IL-KONKLUŻJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

Il-Kummissjoni tapprova l-evalwazzjoni ġenerali tal-evalwatur li l-Programm EM II pprovda appoġġ qawwi u ta kontribut importanti fil-proċess ta’ internazzjonalizzazzjoni tal-Qasam Ewropew ta’ Edukazzjoni Għolja.

Il-programm jibqa’ rilevanti ħafna fil-promozzjoni tal-eċċellenza, l-appoġġ għall-kooperazzjoni internazzjonali, il-mobilità u l-bini tal-kapaċità akkademika. Matul dan l-ewwel nofs tal-programm EM (2009 – 2011), il-programm wera effikaċja fit-tisħiħ tal-istrateġija ta’ orjentament internazzjonali tal-istituzzjonijiet parteċipanti, filwaqt li pprovda sostenibbiltà lill-attivitajiet ta’ netwerking strateġiku. L-Evalwazzjoni Interim ta’ EM tiżvela programm li ġie implimentat b’mod effiċjenti bi proporzjon kost/benefiċċju tajjeb.

It-tliet Azzjonijiet tal-programm ipprovdew riżultati straordinarji għall-Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Għolja, għall-istudenti u l-akkademiċi mill-Istati Membri tal-UE u għall-pajjiżi terzi. L-Azzjoni 1 kkontribwiet biex titjieb l-eċċellenza fit-tagħlim u t-tagħlim u biex ikun hemm appoġġ tan-netwerking istituzzjonali.

Is-Sħubijiet tal-Azzjoni 2 tal-EM II kienu importanti fl-appoġġ tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-edukazzjoni għolja u anke effiċjenti fl-inklużjoni tal-istituzzjonijiet tal-pajjiżi terzi bħala membri ta’ sħubiji internazzjonali li jappoġġjaw il-mobilità akkademika.

L-Azzjoni 3 tal-EM II kienet effettiva billi ġabet koerenza u sostenibbiltà għall-programm kollu.

EM II ġie mfassal biex jinkludi erba’ novitajiet biex jingħelbu bosta nuqqasijiet, difetti u dgħufijiet osservati fil-fażi preċedenti (2004 – 2008). Anke jekk in-novitajiet jeħtieġu aktar titjib, ir-riżultat globali huwa pożittiv ħafna, l-aktar fl-integrazzjoni tal-Azzjon 2 il-ġdida, fis-sehem aktar attiv tal-imsieħba minn pajjiżi terzi f’konsorzji u fil-boroż ta’ studju offruti għal studenti tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tinnota l-konklużjonijiet ta’ din l-evalwazzjoni favur aktar titjib li jista' jsir fit-tieni nofs tal-programm u lil hinn.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tilqa' r-rakkomandazzjoni 4.1 li ssaħħaħ ir-rilevanza bit-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-programmi EM u programmi oħra tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni għolja. Din ir-rakkomandazzjoni tirrifletti ħafna l-għażla preferuta identifikata fl-Istima tal-Impatt dwar id-Dimensjoni Internazzjonali tal-Azzjonijiet ta’ Edukazzjoni Għolja tal-Programm Futur Integrat għall-perjodu 2014-2020. Dik l-alternattiva (li abbażi tagħha l-Kummissjoni abbozzat il-proposta tagħha għal programm futur integrat Erasmus għal Kulħadd għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport) għandha l-għan li ssaħħaħ l-għanijiet u l-impatt permezz tal-konċentrazzjoni u l-arkitettura ssimplifikata. L-użu ta’ din l-għażla, fit-tfassil tal-programm futur integrat għandu joħloq ir-rabtiet meħtieġa fi ħdan programmi interni (bejn Erasmus u Erasmus Mundus) u bejn politiki esterni u interni u programmi fil-qasam tal-edukazzjoni għolja (Erasmus Mundus, Tempus, EDULINK, Alfa, Atlantis, eċċ.). Huwa mistenni wkoll li jsaħħaħ ir-rabtiet bejn il-mobilità u s-sħubiji (inkluż il-bini tal-kapaċità u l-miżuri ta’ appoġġ għall-politika) u jipprovdi appoġġ biex tiżdied il-kwalità ġenerali u r-rilevanza tal-edukazzjoni għolja, billi jissaħħu r-rabtiet bejn il-politiki u l-programmi, u jkun ta’ sostenn għall-universitajiet fl-istrateġija tagħhom ta’ internazzjonalizzazzjoni u l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja f’pajjiżi mhux tal-UE flimkien mal-iżvilupp tal-kapital uman tagħhom.

Il-Kummissjoni taqbel ukoll fir-rigward tar-rakkomandazzjoni 4.2 biex tittejjeb l-effikaċja tal-programm permezz ta’ bilanċ aħjar bejn l-eċċellenza u l-bini tal-kapaċità (l-aktar billi jkun hemm rabta bejn l-allokazzjonijiet finanzjarji għal kull azzjoni ma’ għanijiet politiċi identifikati b’mod ċar, li jirriflettu l-ħtiġijiet ta' reġjuni differenti tad-dinja); bl-involviment ta’ min iħaddem; u bit-titjib – safejn possibbli – tal-proċess tal-viża.

Għal dik li hija r-rakkomandazzjoni 4.3, il-Kummissjoni diġà ilha tappoġġa (u se tkompli tagħmel dan) is-sostenibbiltà permezz ta’ inizjattivi differenti, bħat-twaqqif tal-isem prestiġjuż tal-Erasmus Mundus u l-implimentazzjoni ta’ ġemgħa li tiġbor mill-ġdid l-aqwa prassijiet ta’ sostenibbiltà taħt l-Erasmus Mundus.

Rigward ir-rakkomandazzjoni 4.4, il-Kummissjoni taqbel mal-ħtieġa li jittejbu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proġetti u li tiġi ssimplifikata l-promozzjoni tal-programm (bil-ħsieb li jittejjeb il-qafas istituzzjonali attwali li jinvolvi l-Aġenzija Eżekuttiva, l-Istrutturi Nazzjonali u d-Delegazzjonijiet tal-UE). Dan se jsir fil-qafas tal-programm futur integrat, billi jintużaw l-għodod prodotti fil-fażi attwali tiegħu, l-aktar taħt il-Proġett ta' Evalwazzjoni tal-Kwalità tal-EM.

[1]               ĠU 340 19.12.2008 p.83

[2]               Sejħa ristretta għall-offerti skont il-Kuntratt ta’ Qafas Multiplu EAC/50/2009 għall-evalwazzjoni, appoġġ marbut mal-evalwazzjoni u għall-istima tal-impatt.

Top