EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0243

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Is-Sitt Rapport Annwali tal-2011 dwar l-implimentazzjoni ta' assistenza Komunitarja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta

/* COM/2012/0243 final */

52012DC0243

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Is-Sitt Rapport Annwali tal-2011 dwar l-implimentazzjoni ta' assistenza Komunitarja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta /* COM/2012/0243 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Is-Sitt Rapport Annwali tal-2011 dwar l-implimentazzjoni ta' assistenza Komunitarja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta

1.           Introduzzjoni

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta[1] (minn hawn 'il quddiem ir-"Regolament dwar l-Għajnuna") huwa l-bażi għall-implimentazzjoni tal-assistenza għall-Komunità Turko-Ċiprijotta u jeħtieġ rapportar annwali lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Dan is-sitt rapport ikopri s-sena 2011.

2.           Ipprogrammar tal-assistenza

Bejn l-2006 u l-2010, EUR 264 miljun kienu pprogrammati taħt ir-Regolament dwar l-Għajnuna u ħafna mill-proġetti li jirriżultaw minn dan l-iffinanzjar bikri kienu għadhom għaddejjin fl-2011. L-iżvilupp tal-programm tal-2011 uża input minn konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u minn evalwazzjonijiet tal-2009 u l-2010. Huwa segwa l-objettivi tar-Regolament dwar l-Għajnuna: ir-riunifikazzjoni ta’ Ċipru permezz tal-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku; ir-rikonċiljazzjoni, il-bini ta' fiduċja u s-sostenn lis-soċjetà ċivili; li komunità Turko-Ċiprijotta tinġab eqreb lejn l-UE u l-preparazzjoni ta' testi legali allinjati mal-acquis bl-iskop li dawn isiru applikabbli immedjatament mad-dħul fis-seħħ ta' soluzzjoni komprensiva għall-problema ta' Ċipru. Finanzi għall-infrastruttura jew tagħmir kbir ma kinux inklużi fl-allokazzjoni tal-2011, billi proġetti infrastrutturali sostanzjali kienu diġà bdew. L-allokazzjoni tal-2011 ta’ EUR 28 miljun saret disponibbli b'żewġ Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni[2].

3.           Mekkaniżmi ta' implimentazzjoni

Il-programm hu implimentat fi Stat Membru tal-UE f’qasam li mhuwiex taħt il-kontroll effettiv tal-Awtoritajiet tal-Istat Membru u fejn l-applikazzjoni tal-acquis tal-UE tinsab sospiża. L-għajnuna hi implimentata primarjament permezz ta’ ġestjoni ċentralizzata mill-Kummissjoni Ewropea. Xi proġetti huma ġestiti b'mod konġunt mal-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP).

Il-Kummissjoni topera f’kuntest politiku, legali u diplomatiku uniku. Huma meħtieġa arranġamenti ad hoc sabiex jiġi implimentat il-programm filwaqt li jitħarsu l-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja soda. Fi programmi ta' għajnuna ffinanzjati mill-UE, f'ċirkostanzi normali, ftehim ta’ finanzjament mal-Gvern benefiċjarju jistabbilixxi l-qafas legali tal-assistenza. Ma jeżisti l-ebda ftehim bħal dan għall-assistenza lill-komunità Turko-Ċiprijotta. Il-Kummissjoni għandha toqgħod fuq dak li taħseb li għandhom ikunu r-regoli u l-kundizzjonijiet applikabbli lokalment u dan jintroduċi ċertu livell ta’ riskju. Il-ġestjoni u l-mitigazzjoni ta' dawn ir-riskji huma parti mir-responsabbiltà tal-Kummissjoni u l-miżuri adottati jinkludu monitoraġġ u sostenn intensiv għall-benefiċjarji, kundizzjonijiet ta’ ħlas riveduti, li jgħaqqdu ħlasijiet bil-quddiem mal-evidenza ta' kuntratti ta' akkwist iffirmati u użu aktar mifrux ta’garanziji bankarji.

Il-Kummissjoni tiddependi fuq is-sostenn tal-komunità Turko-Ċiprijotta sabiex dan il-programm ikun suċċess u b’mod partikolari sabiex tiżgura s-sostenibbiltà tiegħu fuq medda twila ta’ żmien. Il-partijiet interessati Turko-Ċiprijotti huma kkonsultati dwar il-ħtiġijiet tagħhom għal finanzjament futur u esperti Turko-Ċiprijotti jieħdu sehem f'kumitati ta' evalwazzjoni tal-offerti u għandhom rwol ewlieni fil-kumitati ta’ tmexxija tal-proġetti. Kooperazzjoni bejn il-komunitajiet Ċiprijotti Torok u Ċiprijotti Griegi tibqa meħtieġa għall-effikaċjà sħiħa tal-programm u għall-għan aħħari biex tinkiseb riunifikazzjoni.

It-Tim tal-Programm, imwaqqaf fl-2006 fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għat-Tkabbir, juża l-Uffiċċju ta’ Sostenn għall-Programmi tal-UE (EUPSO) fil-parti tat-Tramuntana ta' Nikosija, ma' loġistiċi tal-uffiċċju pprovduti permezz ta' kuntratt ta' servizz. Dan l-uffiċċju jipprovdi bażi lokali għall-implimentazzjoni tal-proġett u għall-interazzjoni ma' partijiet interessati Turko-Ċiprijotti. Ir-rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Ċipru tospita wkoll laqgħat u seminars u tikkomunika mal-pubbliku Ċiprijott dwar il-programm bħala parti mir-rwol standard tagħha.

Fin-nuqqas ta’ Ftehim ta’ Finanzjament li jistabbilixxi l-qafas legali li skontu tiġi implimentata l-assistenza, programmi ta’ żvilupp tas-settur ma jistgħux jinftiehmu faċilment. Il-programm ta’ assistenza, għalhekk, jinkludi ammont sinifikanti ta’ appoġġ permezz ta' għotja, partikolarment lill-atturi mhux pubbliċi inklużi l-NGOs, l-SMEs, bdiewa u studenti. Il-ġestjoni ta’ din l-asssitenza permezz ta' għotja (aktar minn 1000 għotja mill-2009) hija impenjattiva f'termini ta' riżorsi umani tal-EUPSO, u fl-2011 is-sitwazzjoni tal-persunal kienet partikolarment ta' sfida, b'għadd imnaqqas u bdil għoli ta' persunal, u dan kien jeħtieġ l-iffissar ta' prijoritajiet stretti.

Waħda mill-isfidi għall-assistenza mill-UE lill-komunità Turko-Ċiprijotta hija d-diffikultà ta' ppjanar fit-tul u fuq terminu medju. Il-programm bħalissa huwa ffinanzjat mill-marġini tal-baġit tal-UE minħabba li mhux inkluż fil-qafas finanzjarju multiannwali għall-2007-2013 u l-allokazzjonijiet annwali mhumiex garantiti. Madankollu, hemm għadd ta’ setturi, inkluż dawk importanti għall-konformita mal-acquis fil-ġejjieni, fejn huwa meħtieġ sostenn multiannwali biex l-intervent jirnexxi bis-sħiħ.

4.           Implimentazzjoni matul il-perjodu ta’ rapportar

4.1.        Ħarsa Ġenerali

Is-sena 2011 rat il-kuntratti maġġuri ta' provvista u kostruzzjoni kbira tal-programm tal-2006 jersqu lejn it-tlestija fl-oqsma tal-ilma, l-iskart solidu, il-ħarsien tan-natura, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni. Bosta kuntratti ta' għotjiet taħt l-iskemi varji għall-NGOs tas-soċjetà ċivili, l-SMEs, l-iżvilupp rurali, skejjel, boroż ta’studju, u organizzazzjonijiet tat-taħriġ tlestew. Ingħatat ukoll assistenza teknika (AT) konsiderevoli b’appoġġ ta’ dawn il-programmi. L-operazzjonijiet permezz ta’ ġestjoni konġunta mal-UNDP tmexxew b’appoġġ għall-Kumitat għall-Persuni Nieqsa, trattament tad-drenaġġ u titjib tal-infrastruttura lokali u urbana. Il-mandat tal-Kummissjoni skont ir-Regolament dwar l-Għajnuna jinkludi wkoll it-tħejjija għall-applikazzjoni sħiħa u l-implimentazzjoni tal-acquis Komunitarju biex tinsab soluzzjoni għall-problema ta' Ċipru u t-tixrid ta' informazzjoni dwar l-ordni politika u legali tal-Unjoni Ewropea lill-komunità Turko-Ċiprijotta. Is-sentejn mill-2009 kienu, għalhekk, perjodu intensiv għall-implimentazzjoni tal-proġetti li fih il-Kummissjoni żviluppat esperjenza kunsiderevoli fit-trattament ta' restrizzjonijiet lokali. Minkejja l-fatt li xi infrastruttura maġġuri waslet biex tgħaddi f'idejn il-benefiċjarju, għad hemm problemi dwar is-sostenibbiltà tal-proġetti. Kuntratti ta' xogħlijiet għall-impjant ta' desalinizzazzjoni qrib Sirianokhori/Kumköy u l-bini ta' faċilitajiet għall-protezzjoni tan-natura f'erba' Żoni Speċjali ta' Protezzjoni Ambjentali, definiti bħala siti potenzjali ta' Natura 2000, kellhom jiġu kanċellati mill-Kummissjoni.

Problema oħra li rriżultat fl-2011 kienet l-istatus tal-garanziji bankarji maħruġa fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru. Kuntrattur lokali fetaħ kawża fil-"qorti" lokali biex iwaqqaf lill-Kummissjoni milli tuża garanziji fuq il-ħlas bil-quddiem u ta’ prestazzjoni wara t-terminazzjoni ta' kuntratt. Din il-kwistjoni hija ta’ rilevanza għall-programm inġenerali u, sakemm il-kwistjoni tkun riżolta, se jibqa' jkun hemm tħassib dwar l-effettività ta' garanziji bankarji lokali.

4.2.        Progress skont l-objettivi

L-objettiv ġenerali tal-Programm għall-Għajnuna huwa li jiffaċilita l-għaqda mill-ġdid ta’ Ċipru billi jinkoraġġixxi l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta b’enfażi partikolari fuq l-integrazzjoni ekonomika tal-gżira, fuq it-titjib tal-kuntatti bejn iż-żewġ komunitajiet u mal-UE, u fuq it-tħejjija tal-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE f'każ li jintlaħaq ftehim komprensiv dwar il-problema ta’ Ċipru. Sar kontribut konsiderevoli għat-titjib f'ċerti oqsma, partikolarment l-ilma, id-drenaġġ u l-ambjent, u hemm xi evidenza li d-distakk fil-PDG/capita bejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern u l-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru ġie mnaqqas, għalkemm l-istampa mhix kompletament ċara minħabba dejta mhux kompleta.

4.2.1.     Objettiv 1: Żvilupp u ristrutturazzjoni tal-infrastruttura

Fis-settur tal-ilma, it-tibdil ta’ pajpijiet tad-distribuzzjoni tal-ilma tal-konkrit tal-asbestos qodma fit-Tramuntana ta’ Nikosija, Kyrenia, Kioneli/Gonyeli u Lefka/Lefke kien tlesta matul l-2011. F'Nikosija, il-benefiċjarju rrappurta tnaqqis sostanzjali ta' tnaqqis sostanzjali fit-tnixxiegħat tal-ilma, li jwassal għal tnaqqis globali tal-provvista tal-ilma lejn il-parti tat-Tramuntana ta' Nikosija minn 0.67 għal 0.40 m3/jum/miter tal-konsumatur.

Fiż-żona ta' Morphou/Güzelyurt, l-ikkummissjonar tal-impjant tat-trattament tad-drenaġġ kien beda matul it-tieni nofs tal-2011. Barra minn hekk, 53 km ta' netwerk tad-drenaġġ u 43 km ta' mejns tal-ilma ġew installati. Wara li jsiru l-konnessjonijiet kollha tad-djar, dan se jipprovdi, għall-ewwel darba, il-ġbir u t-trattament tad-drenaġġ f’dan ir-reġjun għal madwar 10,700 persuna biex b'hekk jitnaqqas it-tniġġis tas-sorsi tal-ilma taħt l-art. Fiż-żona ta' Famagusta, l-infrastruttura l-ġdida għat-trattament tad-drenaġġ għal madwar 30,000 persuna qed joqrob it-tlestija u se jkun kummissjonat matul l-ewwel nofs tal-2012. Il-proġett jinkludi 50 km ta' netwerks tad-drenaġġ u 45 km ta' netwerks tal-ilma. Iż-żewġ proġetti f'Famagusta u f'Morphou sofrew minn dewmien fil-bini, li tefa' piż fuq ir-riżorsi limitati ta' superviżjoni. Il-kostruzzjoni ta' impjant għat-trattament tad-drenaġġ bikomunali ġdid ta' Nikosija f'Milia/Haspolat, kofinanzjat mill-UE u mill-Bord ta' Drenaġġ ta' Nikosija u implimentat permezz tal-UNDP, kompla fl-2011 u l-kummissjonar mistenni fit-tieni nofs tal-2012.

L-akbar proġett fis-settur tal-ilma kien dak tal-impjant ta' desalinizzazzjoni fi Sirianokhori/Kumköy għal EUR 27 miljun, sabiex jipprovdi l-ilma għal 100,000 ruħ u jitnaqqas l-isfruttament żejjed tal-akwifer ta' Morphou, li attwalment huwa s-sors tal-ilma ewlieni fiż-żona. Il-programm kellu problemi inkluż restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-sit imposti minn l-armata Torka, li tfaċċaw fl-aħħar tal-2010. Ladarba dawk ir-restrizzjonijiet tneħħew f'Marzu 2011, il-kuntrattur ma kienx dispost li jkompli. Il-Kummissjoni temmet il-kuntratt f’Diċembru 2011.

Dwar il-ħarsien tan-natura, ġew ippreparati abbozzi ta' pjanijiet maniġerjali għaż-Żoni Speċjali ta' Protezzjoni Ambjentali kollha (SEPAs) u saru laqgħat ta' konsultazzjoni mal-partijiet interessati lokali. Tlestiet netwerk ta' mogħdijiet għall-mixi ta' iktar minn 600 km. Kostruzzjoni ta' ċentri ta' informazzjoni u ġestjoni li jinsabu f’erba’ SEPAs sofrew minn prestazzjoni fqira tal-kuntrattur u l-Kummissjoni temmet il-kuntratt f’Novembru 2011. Il-post tal-arbitraġġ tal-kuntratt huwa l-Belġju, iżda l-kuntrattur Turko-Ċiprijott lokali fetaħ kawża fil-qorti "lokali" biex iwaqqaf lill-Kummissjoni milli tuża' l-garanziji fuq il-ħlas bil-quddiem u dawk ta’ prestazzjoni mill-bank lokali. Sakemm il-kwistjoni tiġi solvuta, se jibqa' jkun hemm tħassib dwar l-effettività tal-garanziji bankarji lokali. It-tlestija tal-binjiet għadha sfida li għandha tkun indirizzata fl-2012. Sadanittant, it-twassil u l-użu tal-provvisti maħsuba għal tim tal-protezzjoni tan-natura kienu imdewma.

Fir-rigward tal-iskart solidu, ir-rijabilitazzjoni u l-għeluq tal-miżbla ta' Kato Dhikomo/Aşağı Dikmen ipprogressaw sew u se jitlestew fl-ewwel nofs tal-2012. L-istazzjon ta' trasferiment ta' Famagusta u l-miżbla l-ġdida f'Koutsoventis/Güngör tlestew fl-2011. It-trasferiment u l-ftuħ ta’ faċilitajiet ġodda kien, madankollu, imdewwem minħabba li l-benefiċjarju ma kienx kapaċi jistabbilixxi l-entità operattiva meħtieġa. Irriżulta wkoll dewmien minn kawża fil-"qorti" legali mressqa minn università fil-qrib għal raġunijiet ambjentali. Il-każ ġie miċħud mill-"qorti", iżda dan, sadanitant, wassal għal rimi temporanju f'żona ġdida qrib is-sit ta' Kato Dhikomo/Aşağı Dikmen. Il-faċilità tal-iskart mediku tal-isptar ewlieni fil-parti tat-Tramuntana ta' Nikosija ġiet mgħoddija lejn l-aħħar tal-2011.

Fis-settur tal-enerġija, il-bqija tal-kuntratti ta' provvista u ta' Assistenza Teknika tlestew. Il-kostruzzjoni ambizzjuża tal-Impjant tal-Enerġija Solari ta' 1.27 MW tlesta u l-installazzjoni ilha titħaddem b'kapaċità sħiħa minn Novembru 2011. L-allokazzjoni ta' persunal iddedikat mill-benefiċjarju hija meħtieġa, madankollu, għall-użu sostenibbli u effikaċji tal-istallazzjoni ta’ ġenerazzjoni u s-sistema ta' kontroll. L-Assistenza Teknika għar-ristrutturar tal-utilità elettrika u r-riforma tal-politika tas-settur ma sarxs b'mod effikaċji minħabba nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-kontropartijiet.

Fis-settur tat-telekomunikazzjoni, it-tagħmir kollu għal titjib tan-netwerk ġie fornit lis-siti u l-biċċa l-kbira ġie installat, iżda kien hemm dewmien fi tħejjija tas-sit u l-kontribut tekniku mill-benefiċjarju. Il-proġett għandu jitlesta sa nofs l-2012. Il-komponent tal-Assistenza Teknika ġie estiż skont dan. Il-"liġi" bid-dettalji tal-modalitajiet tal-liberalizzazzjoni tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ġiet adottata f’Diċembru 2011. Il-kundizzjonijiet meħtieġa biex tkun isseparata l-provvista ta' servizzi mill-operazzjoni tan-netwerk għad iridu jiġu sodisfatti sabiex ikun żgurat trasferiment mingħajr xkiel u l-użu sostenibbli tal-assi ffinanzjati mill-UE.

Taħt il-proġett tas-sigurtà tat-traffiku, il-proġetti kollha tal-Assistenza Teknika u ta' provvista huma lesti. Ġew ippreparati pjanijiet ta' ġestjoni tat-traffiku, il-bażi tad-dejta tal-informazzjoni dwar l-inċidenti u s-sistema tal-ġbir tad-dejta huma effettivi u t-tagħmir għall-ispezzjoni tal-vetturi ġie installat u qed jintuża. Il-kampanja ta' edukazzjoni biex tippromwovi s-sigurtà tat-traffiku seħħet fil-bidu tal-2011 u tat xi riżultati pożittivi u immedjati bi tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta’ inċidenti gravi. Fl-aħħar nett, wara bosta dewmien, il-proġett biex ikunu eliminati l-"punti suwed" tal-inċidenti tat-traffiku għandu jitlesta sal-ewwel nofs tal-2012.

4.2.2.     Objettiv 2: Promozzjoni ta’ żvilupp soċjali u ekonomiku

Erba' timijiet tal-Assistenza Teknika komplew iwasslu taħriġ u għajnuna lill-bdiewa, il-veterinarji u l-kontropartijiet għall-iżvilupp rurali inkluż l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-għotjiet. Iż-żewġ skemi ta’ għotjiet Titjib fil-Produzzjoni Agrikola u Appoġġ għall-Intrapriża Rurali tlestew fl-2011, iżda ħafna mis-37 proġett taħt Żvilupp Komunitarju permezz ta’ Inizjattivi tal-Irħula sofrew dewmien, liema dewmien irriżulta partikolarment mill-akkwist ta' xogħlijiet infrastrutturali. Tħejjew żewġ sejħiet addizzjonali għall-proposti, biex jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-2011.

Taħt il-proġett Aġġornament tal-Infrastruttura Urbana u Lokali implimentat b'ġestjoni konġunta mal-UNDP, kienu ffinalizzati bosta xogħlijiet ta' rijabilitazzjoni f’diversi villaġġi fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru (Louroukina/Akıncilar, Tremetousia/Erdemli, Galinoporni/Kaleburnu u Kormakitis/Kormacit). Ir-rinovazzjoni tas-suq fil-parti tat-Tramuntana tal-belt iffortifikata ta’ Nikosija kompliet u se tkun lesta fl-2012.

L-attivitajiet tal-assistenza teknika għar-Riforma Kontinwa tas-Settur tal-Edukazzjoni Primarja u Sekondarja komplew jiffokaw fuq il-bini tal-kapaċitajiet tal-partijiet interessati ewlenin inkluż taħriġ intensiv għal tim ewlieni ta’ spetturi, żjarat ta' studju, taħriġ u appoġġ dwar edukazzjoni ffukata fuq it-tfal, l-iżvilupp ta’ standards ta' kwalità u l-input għall-iżvilupp tas-Sistema Ewropea ta' Ġestjoni tal-Informazzjoni. Il-proġett intemm f’Diċembru 2011. L-eżitu ewlieni kien abbozz ta’ dokument ta’ viżjoni u missjoni għas-settur tal-edukazzjoni fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru. Ħafna mit-72 kuntratt ta' għotja li ġew iffirmati ma' skejjel lokali spiċċaw fl-2011. Sebgħa biss se jkomplu fl-2012.

L-Assistenza Teknika kienet provduta għall-iżvilupp ta’ Sistemi ta’ Taħriġ u Edukazzjoni Vokazzjonali, Tagħlim Tul il-Ħajja u Miżuri Attivi għas-Suq tax-Xogħol, inkluż il-ftuħ taċ-ċentru għall-impjiegi f’Nikosija, żjarat ta’studju u konferenzi barra l-pajjiż. L-isforzi kienu kkonċentrati fuq taħriġ għall-partijiet interessati f’oqsma bħall-intraprenditorija u konsulenza dwar il-karriera u l-kollaborazzjoni mal-kontropartijiet lokali kienet produttiva ferm. Il-proġett intemm fi Frar 2012. Taħt il-proġett għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, Inklużjoni Soċjali u Miżuri Attivi għas-Suq tax-Xogħol, mill-2008 ingħataw 31 għotja lill-SMEs, Kmamar tal-Kummerċ u organizzazzjonijiet oħra ta’ taħriġ. Il-biċċa l-kbira tlestew fl-2011 u tnejn biss se jkomplu fl-2012.

B'appoġġ għall-Kompetittività tal-SMEs, 23 kuntratt għall-għotjiet kienu għaddejjin matul l-2011. Kien hemm dewmien minħabba nuqqas ta’ esperjenza relatata mal-għotjiet tal-UE minn SMEs benefiċjarji, iżda l-kuntratti kollha se jintemmu fl-2012. Is-settur privat irċieva wkoll appoġġ għal Assistenza Teknika li jippromwovi l-prattiċi tajba tan-negozju. Riżultat sinifikanti kien l-adozzjoni ta’ Strateġija għall-Iżvilupp tas-Settur Privat mill-komunità Turko-Ċiprijotta. Saru wkoll inizjattivi tas-suq speċifiċi għas-settur biex jippromwovu l-prodotti lokali f'Nikosija u Famagusta. It-taħriġ fl-intraprenditorija u fil-ġestjoni taċ-ċiklu tal-proġett beda fl-2011 u se jkompli fl-2012. Fis-settur tal-ICT, ingħatat għajnuna biex tkun żviluppata l-istrateġija għall-governanza elettronika.

4.2.3.     Objettiv 3: Trawwim tar-rikonċiljazzjoni, miżuri ta’ tisħiħ tal-kunfidenza, u appoġġ lis-soċjetà ċivili

Appoġġ lill-Kumitat dwar Persuni Nieqsa għall-eżumazzjoni, l-identifikazzjoni u r-ritorn tal-fdalijiet, amministrat b’mod konġunt mal-UNDP, jinsab għaddej. Ix-xogħol issa jiffoka aktar fuq l-eżumazzjonijiet individwali minflok l-eżumazzjonijiet tal-massa u dan influwenza l-ħeffa tal-proċess. Ftehim ġdid ta' Kontribuzzjoni mal-UNDP, li jkompli x-xogħol, aktarx li jkun iffirmat fl-2012.

It-tneħħija tal-mini fiż-żona ta' lqugħ kważi tlestiet. Il-kontinwazzjoni tal-attivitajiet iffinanzjati mill-UE għat-tneħħijja tal-mini qed tkun imfixkla minn nuqqas ta' qbil li hemm dwar aċċess għaż-żoni mminati li fadal fiż-żona ta' lqugħ jew l-estensjoni tat-tneħħijja tal-mini għal żoni 'l barra miż-żona ta' lqugħ. Evalwazzjoni finali tal-proġett kienet pożittiva, u tefgħet enfasi fuq l-apprezzament tal-proġett mill-partijiet interessati kollha.

Sa issa mill-44 proġett taħt tliet skemi ta’ għotjiet għas-Soċjetà Ċivili fl-Azzjoni, 27 ġew konklużi jew huma qrib it-tlestija tagħhom. Għaxar proġetti se jtemmu l-attivitajiet tagħhom fl-2012. Tim tal-assistenza teknika pprovda gwida lill-applikanti dwar il-ġestjoni tal-għotjiet. Aktar taħriġ se jkun meħtieġ biex jakkumpanja s-sejħa li jmiss għall-għotjiet fl-2012, minħabba li l-kapaċità tal-benefiċjarji sabiex jipproduċu applikazzjonijiet ta' kwalità tajba għall-għotjiet tal-UE u għall-amministrazzjoni tal-għotjiet u r-rappurtar tal-attivitajiet qed tirriżulta insuffiċjenti f'bosta każijiet.

4.2.4.     Objettiv 4: It-Tqarrib tal-komunità Turko-Ċiprijotta lejn l-Unjoni Ewropea

Għall-ħames sena tal-Programm tal-Boroż ta' Studju, ingħataw 89 borża ta' studju (9 għalliema, borża universitarja 1, 79 gradwat), bl-għażla ħielsa bejn programm ta' studju jew ta' taħriġ, għalkemm ingħatat prijorità għas-suġġetti tekniċi u amministrattivi fejn hemm skarsezza ta’ ħiliet fil-komunità Turko-Ċiprijotta. Evalwazzjoni tal-iskema ta’ boroż ta’ studju se ssir fl-2012.

Il-viżibilità kienet prinċipalment żgurata permezz tal-proġett Infopoint u l-2011 kienet sena li ħalliet il-frott b'37 avveniment. L-akbar avveniment iffinanzjat mill-UE ġie organizzata bil-kollaborazzjoni tal-Assoċċjazzjoni Turko-Ċiprijotta għall-Benesseri tat-Tfal u attira madwar 1000 parteċipant. Minbarra dan, l-arkivji tar-ritratti u filmati tħejjew u kien hemm żewġ konferenzi akkademiċi organizzati bil-parteċipazzjoni ta’ skulari magħrufa internazzjonalment u lokalment u akkademiċi Ċiprijotti Torok u Ċiprijotti Griegi. Kien hemm ukoll tmien ħarġiet ta' Infopoint Newsbulletin ppubblikati bit-Tork u waħda bl-Ingliż li jkopru l-Programm ta’ Għajnuna u kwistjonijiet attwali tal-UE.

4.2.5.     Objettiv 5: Tħejjija tal-komunità Turko-Ċiprijotta fl-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis communautaire

L-istrument tal-Kummissjoni għall-Assistenza Teknika u Skambju ta' Informazzjoni (ATIEX) jgħin biex jipprepara lill-komunità Turko-Ċiprijotta għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE wara s-soluzzjoni tal-problema ta' Ċipru. ATIEX jappoġġa t-tħejjija ta' abbozzi legali konformi mal-acquis, li mbagħad ikunu suġġetti għal reviżjoni u l-approvazzjoni permezz ta' proċessi lokali. Permezz tat-ATIEX, iktar minn 80 espert tal-UE wettqu 528 azzjoni fl-2011, inkluż korsijiet ta' taħriġ, workshops, u żjarat ta’ studju. L-attivitajiet segwew il-Programm għall-Applikazzjoni Futura tal-Acquis (PFAA), li jipprovdi qafas tat-terminu medju għall-intervent. Barra mit-13-il settur tal-PFAA, l-assistenza kienet ipprovduta fl-2011 fil-Moviment Liberu tal-Merkanzija, id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali u r-Rikonoxximent Reċiproku ta' Kwalifiki Professjonali. Marbut mal-ġestjoni ġejjiena tal-Fondi tal-UE wara li jintlaħaq ftehim, ingħata wkoll taħriġ fuq il-Ġestjoni tan-Nefqa Pubblika. Fl-aħħar nett, il-kummerċ min-naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra (ir-Regolament 866/2004) ġie appoġġat ukoll minn esperti tat-ATIEX mill-Istati Membri tal-UE li ġew mobilizzati biex iwettqu spezzjonijiet fitosanitarji/veterinarji regolari tal-patata u l-ħut. Preparazzjonijiet għal ċiklu ġdid ta’ assistenza mit-ATIEX kienu mnedija fl-aħħar tal-2011 b'kooperazzjoni mal-benefiċjarji.

Qed jintuża t-tagħmir ipprovdut fis-snin preċedenti taħt kuntratti għall-monitoraġġ tal-kwalità tal-arja. Iż-żewġ kuntratti ta' Assistenza Teknika għal dan is-settur intemmu. It-tagħmir jappoġġa l-konformità mal-abbozz il-ġdid tal-"liġi" ambjentali. Is-sostenibbiltà tirrikjedi impenn għall-persunal u għall-manutenzjoni tat-tagħmir fuq il-medda twila ta' żmien.

Il-progress tal-abbozz tal-“leġiżlazzjoni" mmirata lejn l-allinjament mal-acquis permezz tal-proċess ta’ approvazzjoni kienet, madanakollu, aktar bil-mod milli kien ittamat. Ir-riforma tal-"liġi" tat-telekomunikazzjoni kienet finalment adottata fi tmiem l-2011, iżda l-"liġi" ambjentali ġiet imdewma.

4.2.6.     Proġetti oħra

Fond Fiduċjarju ta' EUR 1 miljun mal-Bank Dinji biex jitwettaq Programm ta' Analiżi Ekonomika għat-Tkabbir u għall-Iżvilupp Sostenibbli nbeda mill-ġdid fl-2011 u Rapport ta' Inventarju ngħata f'Diċembru.

4.3.        Eżekuzzjoni finanzjarja (kuntratti u ħlasijiet)

4.3.1.     Għoti ta' kuntratti

Impenji fl-2011 kienu EUR 7,45 miljun (66 % tal-previżjoni għal Jannar ta’ EUR 11,2 miljun). Impenji għal għotjiet tal-iskejjel u għall-Ftehim ta' Kontribuzzjoni mal-UNDP fil-qasam tal-Wirt Kulturali ddewmu sal-2012.

4.3.2.     Ħlasijiet

Il-ħlasijiet fl-2011 ammontaw għal EUR 49,98 miljun (67 % tal-previżjoni għal Jannar). Matul is-sena, madankollu, il-mira ġiet ivvalutata mill-ġdid u imnaqqsa b'EUR 24,5 miljun. Dan kien minħabba t-terminazzjoni ta' żewġ proġetti ta' xogħlijiet, dewmien fi proġetti ta' skala kbira fil-qasam tal-ilma u t-telekomunikazzjoni u t-tlestija tard ta' proġetti ta' għotja, partikolarment dawk li jittrattaw l-aġġornament tal-irħula. Mill-projezzjoni riveduta, 100 % kienu żburżati.

B'kollox, EUR 179 miljun (69 % tal-ammont globali ikkuntrattat mill-bidu tal-programm fl-2006) kienu żbursati sa tmiem l-2011. L-għadd ta' kuntratti miftuħa fl-aħħar tal-2011 kien 533.

4.4.        Monitoraġġ

Il-Mekkaniżmu ta’ Reviżjoni Iterim (IRM) biannwali jservi bħala forum għal diskussjoni dettaljata tal-programm mal-benefiċjarji. Il-persunal tal-KE wkoll iwettaq monitoraġġ kontinwu permezz ta' żjarat fuq il-post, laqgħat fuq is-sit u l-laqgħat tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-Proġett. L-attivitajiet tat-ATIEX huma monitorjati permezz ta' aktar minn 20 Grupp tat-Tmexxija tal-Proġett, li kull wieħed iltaqa' darbtejn fl-2011, kif ukoll il-laqgħat biannwali tal-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ. Il-loġistika tat-ATIEX hija monitorjata permezz tas-Sistema onlajn għall-Ġestjoni tat-ATIEX. Fil-parti l-kbira tal-oqsma ta' intervent, nuqqas ta' esperjenza jew kapaċità min-naħa tal-benefiċjarju tikkawża diffikultajiet fl-implimentazzjoni jew dewmien. Benefiċjarji tal-għotjiet, pereżempju, esperjenzaw problemi bil-proċeduri tal-UE, partikolarment għal akkwist bl-użu tal-fondi tal-għotja. Dan ġie indirizzat permezz ta' Unitajiet ta' Ġestjoni tal-Proġetti, stabbiliti sabiex jassistu lid-detenturi ta’ għotja fl-amministrazzjoni tal-għotja. Fil-każ ta' proġetti infrastrutturali jew ta' provvista, l-amministrazzjoni ċentrali jew lokali Turko-Ċiprijotta, li se tkun responsabbli għall-operazzjoni u l-manutenzjoni, qiegħda ssibha diffiċli biex tipprovdi riżorsi xierqa u twaqqaf strutturi xierqa f’għadd ta’ każijiet. Assistenza Teknika xierqa hija provduta biex issostni lill-benefiċjarji permezz tal-perjodu ta' trasferiment.

4.5.        Awditi u kontrolli

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri wettqet awditjar ta' prestazzjoni fl-2011. Ir-rapport se jkun ippubblikat fl-2012.

Ir-Rapport tal-Awditjar tal-2008 dwar il-Kapaċità tal-Awditjar Intern ta' ELARG kien supplimentat b'segwitu tal-2011 li kkonkluda li r-rakkomandazzjonijiet kollha issa ġew implimentati, għalkemm xi riskju residwali ġie identifikat fit-trasferiment ta' xogħlijiet u provvisti.

Kontroll ex-post twettaq fl-aħħar tal-2010 mill-Unità tal-Awditjar Operazzjonali u l-Evalwazzjoni tad-DĠ ELARG biex tivverifika l-legalità u r-regolarità ta' sett ta' 23 tranżazzjoni. Ir-rapport finali f’Mejju 2011 għamel xi osservazzjonijiet dwar il-proċeduri, li qed jitqiesu.

Awditjar estern twettaq fuq 12-il kuntratt ta' għotja magħżula u r-rapport finali se jiġi ppubblikat fl-ewwel nofs tal-2012.

4.6.        Evalwazzjoni

Reviżjoni fis-settur tal-ilma nbdiet fl-2011 u se tikkontribwixxi għall-ipprogrammar futur. Studju tal-Bank Dinji dwar l-aspetti ekonomiċi tal-ekonomija Turko-Ċiprijotta kien ukoll għaddej fl-2011. Sforz maġġuri ta' evalwazzjoni kien previst għall-2012, meta l-parti l-kbira tal-programm tal-2006 se tispiċċa.

4.7.        Informazzjoni, Pubbliċità u Viżibilità

Il-viżibilità kienet żgurata permezz ta' Infopoint (ara Objettiv 4). Barra minn hekk, timijiet ta' Assistenza Teknika mill-proġetti separati ngħataw il-kompitu li jtejbu l-viżibilità. Għadd ta’ avvenimenti relatati mat-tlestija tal-proġetti saru wkoll mill-benefiċjarji tal-għotja. Sitt stqarrijiet għall-istampa relatati mal-Programm ta' Għajnuna għall-komunità Turko-Ċiprijotta ġew mxerrda mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Ċipru.

4.8.        Konsultazzjonijiet mal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru

Saru laqgħat regolari mar-rappreżentanti tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru, b’mod partikolari meta uffiċjali għolja tal-Kummissjoni żaru l-gżira. Il-Kummissjoni tiltaqa’ wkoll regolarment mar-Rappreżentanza Permanenti fi Brussell. Il-Kummissjoni tkompli toqgħod fuq il-kooperazzjoni tal-Gvern tar-Repubblika ta’Ċipru għall-verifika tas-sjieda tal-proprjetà.

5.           Konklużjonijiet

Il-programm ikompli jiltaqa' ma' sfidi fl-implimentazzjoni tiegħu, fin-nuqqas ta' benefiċjarju rikonoxxut jew programm għar-ristrutturar istituzzjonali dirett. Il-progress lejn l-ilħuq tal-objettiv tar-Regolament li jiffaċilita r-riunifikazzjoni ta' Ċipru billi jinkoraġġixxi l-iżvilupp ekonomiku tal-Komunità Turko-Ċiprijotta jibqa' diffiċli biex jintlaħaq, minħabba l-ambjent operattiv u s-sitwazzjoni politika u ekonomika sui generis prevalenti fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru. Il-proċess ta’ tħejjija għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni futura tal-acquis hi kajmana u l-komunità Turko-Ċiprijotta x'aktarx li teħtieġ appoġġ kunsiderevoli sabiex tlaħħaq mar-rekwiżiti tal-acquis f’ħafna oqsma wara li tinsab soluzzjoni u jkun hemm riunifikazzjoni

Matul il-perjodu tar-rappurtaġġ, l-attivitajiet iffukaw fuq it-tlestija tal-programm tal-2006. Għadd sostanzjali ta' proġetti ta' infrastruttura u ta' forniment tat-tagħmir kienu qed iqarrbu lejn tlestija. L-impjant ta' Morphou għat-trattament tad-drenaġġ beda jirċievi d-drenaġġ u l-impjant pilota għall-enerġija solari, li tlesta u kien trasferit f'Lulju, qed jopera f’kapaċità sħiħa. Saru sforzi biex jippreparaw il-benefiċjarji għat-trasferiment u l-operazzjoni futura, imma nuqqas ta’ riżorsi u esperjenza jfissru li sostanzjalment aktar impenn u input huma meħtieġa mill-amministrazzjoni Turko-Ċiprijotta biex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-investimenti. Strutturi ineffiċjenti u responsabbiltajiet mhux ċari huma l-kawżi sottostanti f'bosta każijiet. Dan għandu jkun indirizzat fl-2012.

Il-bosta skemi ta’ għotjiet imnedija mill-2009 intlaqgħu tajjeb, iżda kienu impenjattivi f'termini ta' riżorsi umani, parzjalment minħabba n-nuqqas ta' esperjenza tal-benefiċjarji għal ġestjoni tal-proġett u dik finanzjarja.

Hekk kif il-parti l-kbira tal-programm tal-2006 hija kompluta, evalwazzjoni analitika globali tal-Programm ta' Għajnuna, kif ukoll studji tal-impatt speċifiċi għas-settur huma meħtieġa u se jsiru fl-2012.

Riżorsi umani għat-tim tal-Programm jibqgħu sfida, parzjalment minħabba l-kompożizzjoni tal-programm intensiv fl-għotjiet, iżda wkoll minħabba tnaqqis globali tar-riżorsi umani previsti fis-servizzi kollha tal-Kummissjoni.

Il-programm jibbenefika minn iktar ippjanar fuq terminu medju u fit-tul li għalih huma neċessarji arranġamenti iktar stabbli għall-iffinanzjar tal-kostijiet operazzjonali u tal-persunal.

[1]               ĠU L65, 7.3.2006, p.5.

[2]               Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2011)337 u C(2011)4443.

Top