EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XA1114(02)

Id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni mill-Qorti dwar it-tmien, id-disa' u l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEI) lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — ir-Rapport tal-Awditur Indipendenti

ĠU C 333, 14.11.2011, p. 232–234 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 333/232


ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI MILL-QORTI DWAR IT-TMIEN, ID-DISA' U L-GĦAXAR FOND EWROPEW GĦALL-IŻVILUPP (FEI) LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL — IR-RAPPORT TAL-AWDITUR INDIPENDENTI

2011/C 333/02

I.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 141 tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-għaxar FEI, li japplika wkoll għall-FEI ta’ qabel, il-Qorti vverifikat:

(a)

il-kontijiet annwali tat-tmien, id-disa' u l-għaxar Fondi Ewropej għall-Iżvilupp li jinkludu r-rendikonti finanzjarji konsolidati (1) u r-rapport konsolidat dwar l-implimentazzjoni finanzjarja tat-tmien, id-disa' u l-għaxar FEI għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010; u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet fi ħdan il-qafas legali tal-FEI fir-rigward tal-parti tar-riżorsi tal-FEI li għall-ġestjoni finanzjarja tagħha hi responsabbli l-Kummissjoni (2).

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

II.

Skont l-Artikoli 310 sa 325 tat-TFUE u r-Regolamenti Finanzjarji applikabbli għat-tmien, id-disa' u l-għaxar FEI, il-maniġment hu responsabbli għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-FEI u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati:

(a)

Ir-responsabbiltà tal-maniġment dwar il-kontijiet annwali finali tal-FEI tinkludi: it-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ kontroll intern rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rendikonti finanzjarji li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki ta’ kontabilità xierqa, abbażi tar-regoli ta’ kontabilità adottati mill-uffiċjal ta’ kontabilità tal-FEI (3), u li jsiru stimi ta’ kontabilità li huma raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Il-Kummissjoni tapprova l-kontijiet annwali tal-FEI.

(b)

Il-mod li bih il-maniġment jeżerċita r-responsabbiltà tiegħu għal-legalità u r-regolarità ta’ tranżazzjonijiet ta’ bażi jiddependi fuq il-metodu ta’ implimentazzjoni tal-FEI previst fir-Regolamenti Finanzjarji tal-FEI. Il-kompiti ta’ implimentazzjoni jridu jikkonformaw mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja soda, li jeħtieġ tfassil, implimentazzjoni u żamma ta’ kontroll intern effettiv u effiċjenti li jinkludi sorveljanza adegwata u miżuri xierqa biex jiġu impediti irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġa, proċedimenti legali biex jiġu rkuprati fondi mħallsa jew użati b'mod ħażin. Ikun xi jkun il-metodu ta’ implimentazzjoni applikat, il-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà aħħarija għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma l-bażi tal-kontijiet tal-FEI (l-Artikolu 317 tat-TFUE).

Ir-responsabbiltà tal-awditur

III.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hi li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika tal-INTOSAI, safejn dawn huma applikabbli fil-kuntest tal-FEI. Dawn l-istandards jeħtieġu li l-Qorti tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb assigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-FEI humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi humiex legali u regolari.

IV.

Verifika tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri sabiex tinkiseb evidenza tal-verifika dwar l-ammonti u l-iżvelar mogħtija fil-kontijiet konsolidati u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq l-evalwazzjoni tal-awditur, li tinkludi valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni żbaljata materjali fil-kontijet konsolidati u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-FEI, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball. Meta jivvaluta dawk ir-riskji, l-awditur jikkunsidra l-kontroll intern rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet finali konsolidati, u s-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll implimentati biex jassiguraw il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Verifika f'dan il-kuntest tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata u tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità, kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni ġenerali tal-kontijiet konsolidati u r-rapporti annwali tal-attività.

V.

Il-Qorti tqis li l-evidenza tal-verifika miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

L-affidabbiltà tal-kontijiet

L-opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

VI.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali finali tat-tmien, id-disa' u l-għaxar FEI jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-FEI fil-31 ta’ Diċembru 2010, u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħhom u l-likwidità għas-sena finanzjarja li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tal-FEI u r-regoli tal-kontabilità adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità.

Il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijet

Id-dħul

L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

VII.

Fl-opinjoni tal-Qorti, id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari.

L-impenji

L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-impenji li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

VIII.

Fl-opinjoni tal-Qorti, l-impenji li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari.

Il-pagamenti

Il-bażi għal opinjoni avversa dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

IX.

Il-verifika tal-Qorti wriet li s-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll huma parzjalment effettivi biex jiżguraw ir-regolarità tal-pagamenti. L-istima tal-Qorti għar-rata ta’ żball l-aktar probabbli għall-pagamenti mit-tmien, id-disa' u l-għaxar FEI hija ta’ 3,4 %.

Opinjoni avversa dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

X.

Fl-opinjoni tal-Qorti, minħabba s-sinifikanza tal-kwistjonijiet deskritti fil-bażi għal opinjoni avversa dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti fil-bażi tal-paragrafu tal-kontijiet, il-pagamenti fil-bażi tal-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010 huma materjalment milquta minn żbalji.

L-1 ta’ Settembru 2011

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

12, rue Alcide De Gasperi, 1615 Luxembourg, LUXEMBOURG


(1)  Ir-rendikonti finanzjarji konsolidati jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rendikont tar-riżultat ekonomiku, ir-rendikont ta’ likwidità u t-tabella ta’ oġġetti pagabbli lill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp.

(2)  Skont l-Artikoli 2, 3, 4, 125(4) u 134 tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-għaxar FEI din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni ma testendix għall-parti tar-riżorsi tal-FEI li huma ġestiti mill-BEI u li għalihom hu responsabbli.

(3)  Ir-regoli ta’ kontabilità adottati mill-uffiċjal ta’ kontabilità tal-FEI huma ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali ta’ Kontabilisti jew, fin-nuqqas tagħhom, Standards Internazzjonali ta’ Kontabilità (IAS)/ Standards Internazzjonali għall-Irrappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità. Skont ir-Regolament Finanzjarju, ir-rendikonti finanzjarji konsolidati għas-sena finanzjarja 2010 kienu ppreparati abbażi ta’ dawn ir-regoli ta’ kontabilità adottati mill-uffiċjal ta’ kontabilità tal-FEI, li jadattaw il-prinċipji tal-kontabilità bbażata fuq id-dovuti għall-ambjent speċifiku tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li r-rapporti konsolidati dwar l-implimentazzjoni tal-FEI jkomplu jkunu bbażati primarjament fuq ċaqliq tal-likwidità.


Top