EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011SC0815

Recommendation for a COUNCIL RECOMMENDATION on the National Reform Programme 2011 of Slovakiaand delivering a Council opinionon the updated Stability Programme of Slovakia, 2011-2014

52011SC0815

Recommendation for a COUNCIL RECOMMENDATION on the National Reform Programme 2011 of Slovakiaand delivering a Council opinionon the updated Stability Programme of Slovakia, 2011-2014


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 tas-Slovakkja u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabilità aġġornat tas-Slovakkja, 2011-2014

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[2],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1) Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2) Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010 il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar il-Linji Gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri[3], li flimkien jagħmlu l-"Linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali ekonomiċi u okkupazzjonali tagħhom.

(3) Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejsa fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(4) Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Dan saħaq fuq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibilità fiskali, it-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

(5) Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri jipparteċipaw fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin għall-inklużjoni fil-Programmi ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

(6) Fis-28 ta’ April 2011, is-Slovakkja ressqet il-Programm ta’ Stabilità 2011 tagħha aġġornat li jkopri l-perjodu 2011-2014 u fit-2 ta’ Mejju 2011 il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma. Sabiex jitqiesu l-konnotazzjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(7) Minħabba l-kummerċ kbir miftuħ tagħha, u l-ispeċjalizzazzjoni f'oġġetti durabbli tal-manufattura, l-ekonomija Slovakka sofriet ħafna bil-kollass fil-kummerċ dinji u d-domanda aggregata ta' wara l-kriżi finanzjarja. B'riżultat ta' dan, il-PDG fl-2009 naqas b'4,7 % u l-qgħad żdied għal 12 %. Fl-2010, l-aktar minħabba l-irkupru tad-domanda esterna, is-sitwazzjoni ekonomika tjiebet sinifikament f'termini ta' żieda fil-prodott (żieda ta' 4,1 % fil-PDG), iżda kompliet sejra lura f'termini ta' impjiegi, bil-qgħad jitla' għal 14,5 %, wieħed mill-ogħla livelli u l-ogħla żidiet fl-UE. Il-qgħad ser jibqa' sew taħt il-livelli ta' qabel il-kriżi fl-2011-12. Il-kriżi ġabet deterjorazzjoni sinifikanti fil-finanzi pubbliċi u l-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika żdied minn 2 % tal-PDG fl-2008 għal 8 % tal-PDG fl-2009-10. Il-proporzjoni dejn-PDG, waqt li baqa' relattivament f'livell baxx, żdied ukoll bi 15-il punt perċentwali, u laħaq 41 % tal-PDG fl-2010.

(8) Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta' Stabilità aġġornat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill iqis illi x-xenarju makroekonomiku li fuqu jissejjes il-programm huwa plawsibbli għall-ewwel sentejn, iżda huwa favorevoli wisq lejn tmiem il-perjodu tal-programm. Il-programm jippjana li jnaqqas d-defiċit taħt it-3 % tal-PDG fl-2013, skont l-iskadenza stipulata mill-Kunsill u ulterjorament għal 2,8 % tal-PDG fl-2014. Lil hinn mill-2011, l-aġġustament huwa ġeneralment ibbażat fuq in-nefqa. Hemm riskji kontra l-miri baġitarji, l-iktar minħabba l-implimentazzjoni ta' miżuri proposti. Il-programm ma jipprevedix l-ilħiq tal-Objettiv ta’ Terminu Medju. L-ilħiq tal-miri baġitarji għandu jimplika sforz fiskali annwali b'medja ta' 1,4 % tal-PDG għall-2011-2013.

(9) Id-defiċit huwa mistenni li jonqos sostanzjalment fl-2011 minħabba miżuri ta' konsolidazzjoni fil-Programm Slovakk ta' Stabilità stmati għal madwar 2,5 % tal-PDG. L-aġġustament huwa mistenni jkompli matul l-2011 u l-2013 permezz ta' tnaqqis fid-defiċit ta' madwar 1 punt perċentwali tal-PDG fis-sena. L-isforz ta' konsolidazzjoni jiffoka primarjament fuq in-naħa tan-nefqa, permezz ta' ffrankar fin-nefqa fuq oġġetti u servizzi u fin-nefqa tal-pagi, li madankollu jista' jkun diffiċli biex jiġi sigwit ulterjurament fuq bażi sostenibbli. Ġeneralment, l-isfida tas-Slovakkja hija li tiżgura li l-konsolidazzjoni tissalvagwardja u anke żżid in-nefqa fuq punti li jgħinu t-tkabbir, bħall-edukazzjoni u l-infrastruttura tat-trasport. B'mod partikolari, il-livell baxx tal-formazzjoni grossa tal-kapital fiss tal-gvern, li huwa mistenni li jkompli jonqos, huwa ta' tħassib. Hemm lok li jiżdied id-dħul mit-taxxi li jagħmlu l-inqas ħsara lit-tkabbir, bħal taxxi fuq proprjetà u taxxi ambjentali, u li titjieb l-effiċjenza fil-ġbir tat-taxxi, speċjalment minħabba li hemm ħafna VAT li ma tinġabarx.

(10) Bis-saħħa tar-riforma tal-2005, li introduċiet ippjannar multiannwali, baġitjar abbażi ta’ programmi u bosta regoli fiskali, is-Slovakkja tejbet il-qafas fiskali tagħha b'mod sinifikanti. Madankollu, il-qafas attwali ma waqqafx il-gvern milli jiffaċċja defiċits anke fi snin ta' tkabbir ekonomiku għoli. Fost id-dgħufijiet ewlenin hemm il-fatt li l-miri fiskali għal snin imbiegħda jistgħu jiġu emendati faċilment u għalhekk ma jservux l-għan li l-proċess baġitarju jibqa' l-istess fis-snin li ġejjin. Limiti massimi tan-nefqa kif proposti fil-Programm ta' Stabilità aġġornat u fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma jistgħu jgħelbu dan id-difett, sakemm jinkludu l-ikbar sehem possibbli tan-nefqa tal-amministrazzjoni pubblika. In-nuqqas attwali ta' informazzjoni ppubblikata fil-ħin b'mod partikolari għal gvern lokali u l-fondi tas-sigurtà soċjali huwa ostkalu ieħor għall-monitoraġġ minn sena għall-oħra tal-iżviluppi fiskali u l-infurzar tar-regoli fiskali. Fl-aħħarnett, is-Slovakkja ma għandhiex istituzzjoni indipendenti, li tista' tiġi involuta direttament fil-ħidmiet preparatorji, u fil-monitoraġġ u fil-mekkaniżmi ta' valutazzjoni relatati mal-baġit.

(11) Is-Slovakkja hija fost dawk l-Istati Membri li qed jiffaċċjaw sfidi sinifikanti fir-rigward tas-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi. In-nefqa relatata mat-tixjiħ hija prevista li tikber b'rata akbar mill-medja tal-UE matul id-deċenji li ġejjin. Sors ewlieni ta' din iż-żieda ser ikunu l-pensjonijiet, minkejja riforma ewlenija implimentata fl-2004-06. Ir-riforma ma indirizzatx sistematikament iż-żidiet previsti għall-ġejjieni fl-istennija tal-għomor. Pressjonijiet oħrajn għall-ġejjieni fuq il-pilastru ta' pagament progressiv (pay-as-you-go) jistgħu jinħolqu minn komponent qawwi ta' mertu għall-kalkolu ta' pensjonijiet u l-mekkaniżmu ta' indiċizzar. Tibdiliet fl-2008-09 fil-pilastru totalment finanzjat, inkluż ir-rekwiżit għal fondi tal-pensjonijiet li jkopru telf imġarrab u t-tneħħija ta' parteċipazzjoni obbligatorja għal dawk li jidħlu l-ewwel darba fis-suq tax-xogħol, ippreġudikaw l-vijabilità tiegħu. Il-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabilità jipprevedu bosta aġġustamenti għas-sistema tal-pensjoni li għandhom jindirizzaw id-defiċenzi attwali tagħha.

(12) Sfida oħra ewlenija hija l-indirizzar ta’ żidiet mdaqqsa fil-qgħad, qabel ma jsir qgħad strutturali. Ir-rata attwali tal-qgħad hija aktar minn 14 %. Ir-rata tal-qgħad fuq medda twila ta' 9,2 % tibqa' l-ogħla fl-UE u din teżisti flimkien ma' differenzi reġjonali kbar u spariġġ fil-ħiliet. Għalkemm is-suq tal-impjiegi fis-Slovakkja jopera taħt kundizzjonijiet relattivament flessibbli, il-Gvern jippjana li jkompli jżid din il-flessibilità permezz ta' emendi fil-kodiċi tax-Xogħol. Ir-rata tal-qgħad hija partikolarment għolja fost ħaddiema b'kompetenzi baxxi, u r-rata tal-impjiegi tagħhom hija waħda mill-aktar baxxi fl-UE. Dan jista' jkun dovut għal porzjon ta' taxxa relattivament għoli ta' 34 % għal dawk b'paga baxxa (67 % tal-paga medja), b'inqas inċentivi biex jiġu impjegati ħaddiema b'kompetenzi baxxi. Barra minn hekk, politiki attivi tas-suq tax-xogħol imfassla tajjeb u immirati jista' jkollhom rwol ewlieni biex dawk bla impjieg jerġgħu jingħataw xogħol. Bħalissa, in-nefqa u l-parteċipazzjoni f'politiki bħal dawn huma fost l-aktar baxxi fl-UE u għad hemm wisq ftit monitoraġġ u evalwazzjoni tal-effikaċja tagħhom. Il-Gvern ippjana riforma tas-servizzi tas-suq tax-xogħol u tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol sa tmiem din is-sena.

(13) Minħabba l-importanza ta' ħaddiema b'kompetenzi adegwati għal titjib tal-kompetizzjonji mingħajr prezz, is-Slovakkja stabilixxiet mira ambizzjuża li żżid il-livell ta' edukazzjoni mis-17,6 % attwali għal 40 % sal-2020. Bl-iskop li jitnaqqas l-ispariġġ tal-ħiliet, is-Slovakkja qed tagħmel riforma tal-edukazzjoni fl-iskejjel u tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, kif iddettaljat fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma. Madankollu, il-livell terzjarju tal-edukazzjoni għadu sewwa taħt il-medja tal-UE, bi kwistjoni fuq il-kwalità, kif issuġerit minn bosta mill-indikaturi eżistenti. Il-livell baxx ta' edukazzjoni tal-komunitajiet marġinalizzati ta' Rom huwa fattur ewlieni li jikkontribwixxi għal qgħad fit-tul tas-Slovakkja. Il-parteċipazzjoni tan-nies tal-età ta' impjieg f'tagħlim matul il-ħajja kollha tibqa' baxxa ħafna (2,8 %) mqabbla mal-medja tal-UE, li donnha għandha effett negattiv fuq l-impjieg u tkompli tnaqqas l-isforzi għal tnaqqis fir-rata għolja attwali tal-qgħad.

(14) Fis-Slovakkja, kif juri il-Programm Nazzjonali ta' Riforma, hemm il-ħtieġa li jiġi promoss ambjent ta’ negozju li jattira aktar tkabbir, kif ukoll il-ħtieġa li tittejjeb il-prestazzjoni tal-qrati, l-akkwist pubbliku jsir aktar trasparenti u l-korruzzjoni tiġi miġġielda, għalkemm hemm riskji relatati mal-implimentazzjoni. Madankollu, il-problema ta' istituzzjonijiet pubbliċi dgħajfin mhijiex indirizzata biżżejjed, u baqa' wisq xi jsir biex jissaħħaħ it-tfassil ta' politika bbażat fuq evidenza. Fl-amministrazzjoni pubblika, kapaċità insuffiċjenti u ħafna tibdil ta' persunal inaqqsu pjuttost l-effikaċja u t-trasparenza tagħha, idgħajfu l-kapaċitajiet analitiċi, u b'mod ġenerali jfixklu li l-fondi tal-UE jiġu assorbiti b'mod effikaċi u li r-riżorsi pubbliċi jintużaw b'mod effiċjenti. Dawn il-fatturi jtelfu l-potenzjal għat-tkabbir tal-ekonomija u l-kompetittività tagħha.

(15) Is-Slovakkja daħlet f'għadd ta' impenji taħt il-Patt Euro Plus[4]. L-impenji jirreferu għal tliet oqsma tal-Patt li huma rilevanti għas-Slovakkja: sostenibilità tal-finanzi pubbliċi, impjiegi, u kompetittività. Fuq il-lat fiskali, is-Slovakkja hija impenjata li ttejjeb is-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi u li ssaħħaħ il-qafas fiskali nazzjonali billi tadotta att legali ġdid dwar ir-responsabilità fiskali. Miżuri għall-impjiegi jikkonċernaw ir-reviżjoni ppjanta tal-kodiċi tax-xogħol bil-għan li s-suq tax-xogħol isir aktar flessibbli. Il-miżuri tal-kompetittività jiffokaw fuq tnaqqis tal-piż amministrattiv, l-indirizzar tal-korruzjoni, żieda fit-trasparenza tal-akkwist pubbliku u s-sistema tal-qrati, u żieda fl-effikaċja tas-sistema tat-taxxa. Dawn l-impenji msemmija jirriflettu l-aġenda tar-riforma spjegata fil-Programm ta' Stabilità u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma. Jagħtu spinta lil proġetti ta' riforma li għaddejjin bħalissa relatati mal-ambjent tan-negozju u l-infurzar tad-drittijiet, kif ukoll jindirizzaw kwistjonijiet importanti bħall-pensjonijiet u s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi fit-tul. Dawn l-impenji ġew ivvalutati u tqiesu fir-rakkomandazzjonijiet.

(16) Il-Kummissjoni vvalutat il-Programm ta' Stabilità u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma, inkluż l-impenji tal-Patt Euro Plus[5]. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika fis-Slovakkja, iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa ġenerali tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għal deċiżjonijiet nazzjonali futuri F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm riskji kontra l-ilħiq tal-miri baġitarji lil hinn mill-2011. L-isforz fil-konsolidazzjoni għandu jissalvagwardja n-nefqa fuq affarijiet li jtejbu t-tkabbir u jiġi appoġġat b'miżuri li jsaħħu l-governanza fiskali u s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi fit-tul. Fl-2011-12, għandhom jittieħdu aktar passi lejn il-miri tat-tisħiħ tas-sorsi domestiċi għat-tkabbir, l-indirizzar taż-żieda għolja riċenti fil-qgħad, partikolarment permezz tat-tnaqqis fil-porzjon tat-taxxa għal ħaddiema b'pagi baxxi, u r-riforma tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, l-indirizzar tal-ispariġġ tal-ħiliet, it-titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ u tal-ambjent tan-negozju, u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet pubbliċi u l-governanza tagħhom.

(17) Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, li tqies ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta' Stabilità tas-Slovakkja u l-opinjoni tiegħu[6] hija riflessa partikolarment fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-paragrafi (1), (2) u (3) hawn taħt. B'kunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tas-Slovakkja,

JIRRAKKOMANDA li s-Slovakkja għandha tieħu azzjoni fil-perjodu 2011-2012 sabiex:

(1) Timplimenta l-baġit 2011 kif previst u tintroduċi l-miżuri pjanati speċifiċi ta' natura permanenti fl-2012 u l-2013 biex tnaqqas d-defiċit għal inqas minn 3 % tal-PDG sal-2013. Tissalvagwarda n-nefqa li ttejjeb it-tkabbir u tisfrutta l-lok biex iżżid id-dħul billi tkabbar l-effiċjenza fil-ġbir tal-VAT.

(2) Issaħħaħ il-governanza fiskali billi fl-2011 tadotta limiti massimi multiannwali u vinkolanti għan-nefqa, li tkopri l-gvern ċentrali u s-sistema tas-sigurtà soċjali, u timplimetahom mill-2012. Barra minn hekk, tintroduċi Kunsill Fiskali indipendenti u tiżgura pubblikazzjoni fil-ħin ta' dejta baġitarja f'kull livell tal-gvern.

(3) Ittejjeb s-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi billi tkompli taġġusta l-pilastru pagament progressiv tas-sistema tal-pensjonijiet, partikolarment billi tgħaqqad l-età pensjonabbli mal-istennija tal-għomor, u billi toħloq inċentivi li jiżguraw il-vijabilità tal-pilastru tal-pensjonijiet iffinanzjat kompletament, sabiex timxi 'l quddiem lejn sostenibilità fiskali filwaqt li tiżgura pensjonijiet adegwati.

(4) Tieħu passi biex tappoġġa d-domanda għall-ħaddiema għad-diżokkupati b'kompetenti baxxi, billi tnaqqas il-porzjon ta' taxxa għal ħaddiema b'pagi baxxi. Barra minn hekk, tintroduċi miżuri biex ittejjeb il-kapaċità amministrattiva tas-servizzi tal-impjiegi pubbliċi bil-għan li żżid il-miri, it-tfassil u l-evalwazzjoni ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol, speċjalment għad-diżokkupati żgħażagħ u dawk li ilhom diżokkupati.

(5) Tagħti spinta lill-implimentazzjoni tar-riformi ppjanati fl-edukazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u tieħu passi biex ittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni għolja u r-rilevanza tagħha għal ħtiġijiet tas-suq. Tiżviluppa qafas għal inċentivi kemm għal individwi kif ukoll għall-impjegaturi biex tħeġġeġ il-parteċipazzjoni f'tagħlim matul il-ħajja kollha minn dawk b'kompetenzi baxxi.

(6) Tiżgura l-implimentazzjoni ta' miżuri ppjanati li huma mmirati lejn applikazzjoni aktar effikaċi tar-regoli għall-akkwist pubbliku, prestazzjoni u trasparenza ogħla tas-sistema ġudiżjali.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p.1.

[2]               ĠU C , p. .

[3]               Miżmuma għall-2011, premezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta' Mejju 2011.

[4]               Aktar dettalji dwar l-impenji li saru fil-Patt Euro Plus jinsabu f'(SEC)(2011) 733.

[5]               Ara SEC(2011) 733.

[6]               Prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.

Top