EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0730

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL Kooperazzjoni Amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa

/* KUMM/2011/0730 finali - 2011/0330 (CNS) */

52011PC0730

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL Kooperazzjoni Amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa /* KUMM/2011/0730 finali - 2011/0330 (CNS) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru. 2073/2004 jistabbilixxu qafas legali għall-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa. Dawn id-dispożizzjonijiet jeħtieġ li jiġu riveduti sabiex jikkunsidraw l-introduzzjoni tas-Sistema kompjuterizzata tal-Movimenti u tal-Kontrolli intrakomunitarji ta’ prodotti soġġetti għas-sisa (li minn hawn ’il quddiem tissejjaħ EMCS). L-EMCS iddaħħlet fis-seħħ abbażi tad-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2003 dwar il-kompjuterizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ prodotti soġġetti għas-sisa. L-EMCS tappoġġja approċċ aktar rapidu u aktar integrat għall-Awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex jikkontrollaw il-moviment tal-oġġetti tas-sisa, fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju awtomatizzata (cf. it-tielet premessa tad-Deċiżjoni 1152/2003/KE).

Ir-Regolament tal-Kunsill eżistenti pprovda bażi legali għal Fażi aktar kmieni tal-proġett EMCS, sabiex jiġu appoġġjati l-proċeduri manwali assistiti mill-kompjuter (il-Fażi 0 tal-EMCS), sakemm issir l-awtomazzjoni tal-appoġġ għall-kooperazzjoni amministrattiva li tinsab fil-Fażi 2 u fil-Fażi 3 tal-EMCS. L-Artikoli li jikkonċernaw l-użu tas-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-operaturi ekonomiċi SEED (Sistema ta’ Skambju tad-Dejta dwar is-Sisa), l-EWSE (Sistema ta’ Twissija Bikrija għas-Sisa) u l-MVS (is-Sistema ta’ Verifika tal-Moviment) ipprovdew bażi legali għall-użu ta’ dawn l-għodod, flimkien ma’ Artikoli aktar ġenerali fuq it-Talbiet għall-Informazzjoni, l-Iskambju Awtomatiku u l-Iskambju Spontanju. Dawn kienu derivati minn leġiżlazzjoni preċedenti fil-qasam tal-Kooperazzjoni Amministrattiva, id-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE u ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE.

L-EWSE u l-MVS issa qegħdin jitneħħew gradwalment; il-Fażi 2 tal-EMCS hija operazzjonali u l-Fażi 3 tal-EMCS mistennija tibda topera fl-2012. Il-Fażi 3 tal-EMCS ser tkun tista’ tiġġenera messaġġi elettroniċi għas-sostituzzjoni tal-EWSE u fl-ewwel istanza għas-sostituzzjoni parzjali tal-MVS, b’sostituzzjoni kompleta sussegwentement.

Id-deskrizzjoni eżistenti tas-SEED fir-Regolament (KE) Nru. 2073/2004 hija skaduta, minħabba li hija bbażata fuq il-verżjoni tal-Fażi 0 tas-sistema u għalhekk hemm bżonn li tiġi aġġornata. Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ bażi legali ċara għas-servizz ipprovdut fuq il-portal tal-Europa sabiex tiġi ċċekkjata l-validità tal-awtorizzazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi (SEED-on-Europa).

Il-Fażi 3 ser tinkludi l-iskambju awtomatiku ta’ messaġġi bejn l-operaturi ekonomiċi u l-Amministrazzjonijiet tal-Istati Membri għar-rappurtar ta’ sitwazzjonijiet eċċezzjonali, bħar-riżultati tal-kontrolli fit-toroq, ir-rapporti tal-eċċezzjonijiet magħmula mill-operaturi ekonomiċi u l-interruzzjonijiet definittivi tal-movimenti. Bħalissa dawn l-iskambji qegħdin jiġu ttrattati manwalment fuq bażi tal-aħjar sforz. L-awtomazzjoni ta’ dawn il-flussi ta’ messaġġi ser ikollha rwol fit-titjib tal-kontroll u tal-kooperazzjoni amministrattiva.

Għandu jiġi pprovdut servizz ta’ statistika u rappurtar bħala parti mill-proġett tal-EMCS (CS/MISE – Servizzi Ċentrali / Informazzjoni dwar il-Ġestjoni tas-Sistema tas-Sisa). Dan huwa intiż biex itejjeb il-kwalità u l-frekwenza tar-rappurtar dwar l-operat tal-EMCS. Dan is-servizz għandu jneħħi parzjalment il-ħtieġa għal ġbir manwali tal-istatistika operazzjonali mill-Istati Membri u l-Kummissjoni. Ser tkun meħtieġa bażi legali li tippermetti l-ġbir tad-dejta minn reġistri individwali tal-moviment.

Id-Deċiżjoni 1152/2003/KE talbet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffinanzjaw l-iżvilupp, l-ittestjar u l-implimentazzjoni tal-EMCS. Ir-Regolament il-ġdid jipproponi wkoll obbligu kontinwu simili fuq l-Istati Membri u l-Kummissjoni għall-manutenzjoni tal-EMCS u s-servizzi assoċjati issa li l-EMCS bdiet tiffunzjona.

Minbarra dawn il-bidliet speċifiċi, hemm bidliet oħrajn fil-kontenut tar-Regolament (KE) Nru. 2073/2004 li huma meqjusa bħala meħtieġa:

- Li tiġi aġġornata l-lingwa fir-Regolament, sabiex jitqiesu l-istandards leġiżlattivi ġodda;

- Li t-test jiġi rivedut b’mod ġenerali, billi jitneħħew dawk id-dispożizzjonijiet li ma għadhomx rilevanti u li l-istruttura tat-test issir aktar loġika;

- Li jitqiesu l-proċeduri ġodda ta’ kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tas-sisa u fi bnadi oħra, sabiex jiġi pprovdut qafas regolatorju, li huwa aktar effiċjenti u inqas ta’ piż kemm għall-awtoritajiet tas-sisa kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi.

Sabiex tiġi pprovduta bażi legali għall-funzjonijiet tal-kooperazzjoni amministrattiva tal-EMCS, sabiex isir irfinar ġenerali u jinħoloq dokument aktar konsistenti u aktar faċli biex jinqara, u minħabba l-kamp ta' applikazzjoni tal-bidliet, huwa propost li t-test tar-Regolament eżistenti jinbidel kompletament.

2. IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-użu tal-kompetenza

Il-proposta ġiet żviluppata b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ grupp ta’ ħidma ta’ speċjalisti taħt l-awspiċji tal-Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa (stabbilit skont id-Direttiva 2008/118/KE). Is-servizzi tal-Kummissjoni għamlu għadd ta’ diskussjonijiet bilaterali u multilaterali ma’ Stati Membri interessati li jiddiskutu l-proposta ulterjorment.

Valutazzjoni tal-impatt fuq servizzi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri

Fost l-elementi l-ġodda li jinsabu f’din il-proposta, l-element prinċipali huwa kostitwit mir-regoli legali li jiżguraw l-applikazzjoni tas-sistema EMCS. L-impatt li jirriżulta jrid jiġi attribwit fl-essenza tiegħu mhux lit-test propost hawnhekk, iżda lid-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE, li permezz tagħha kien deċiż il-ħolqien tal-EMCS. Kif ġie spjegat hawn fuq, is-sistema l-ġdida, b’mod partikolari, tissimplifika l-movimenti taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa u tiffaċilita l-kontrolli xierqa mill-Istati Membri. Din il-proposta ma timponi ebda piż addizzjonali ġdid fuq l-operaturi ekonomiċi tas-sisa meta mqabbla mas-sitwazzjoni eżistenti, minħabba li hija fil-biċċa l-kbira limitata għall-immodernizzar tal-għodod u l-prattiċi eżistenti. Iż-żieda ta’ faċilitajiet ġodda ta’ statistika u rappurtaġġ għandha tnaqqas il-piż amministrattiv attwali fuq l-Amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, filwaqt li ttejjeb il-kwalità tar-rappurtar.

Valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet fundamentali

Il-proposta tassumi li l-Istati Membri jagħmlu użu neċessarju u proporzjonat mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE, li jippermetti lill-Istati Membri jeżentaw lill-korpi amministrattivi mill-ħtieġa li jaġixxu skont id-drittijiet kollha ta’ suġġett tad-dejta skont l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-eżenzjonijiet fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE għall-ħażna jew l-iskambju ta’ informazzjoni, meta restrizzjoni bħal din tkun meħtieġa sabiex ikunu salvagwardjati l-interessi ekonomiċi jew finanzjarji importanti ta’ xi Stat Membru jew tal-Unjoni Ewropea, inklużi kwistjonijiet monetarji, baġitarji u tat-tassazzjoni. L-użu eżatt tal-eżenzjoni huwa kopert mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u minn prattika amministrattiva, soġġett għat-traspożizzjoni nazzjonali tad-Direttiva 95/46/KE u soġġett għall-prinċipji legali ġenerali tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-miżuri meħuda u r-neċessita tal-informazzjoni miġbura, maħżuna jew skambjata. F’dan, ma hemm ebda bidla fid-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri mid-drittijiet u l-obbligi definiti fir-Regolament eżistenti dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-qasam tas-sisa.

L-ipproċessar tad-dejta mill-Kummissjoni huwa limitat għal dawn l-oqsma:

1. Il-provvediment ta’ mezz ta’ komunikazzjoni sikur (CCN/CSI) bejn l-Amministrazzjonijiet tal-Istati Membri. Dan il-mezz jintuża għat-twassil ta’ messaġġi strutturati li jinvolvu l-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba, l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni u t-twassil spontanju ta’ informazzjoni, li jista’ jgħin fl-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni fiskali.

2. Il-provvediment ta’ mekkaniżmu għall-ikkopjar tad-dejta ta’ reġistrazzjoni tal-operaturi ekonomiċi tas-sisa bejn l-Istati Membri.

3. L-estrazzjoni tad-dejta għal skopijiet ta’ statistika.

Il-Qasam Nru 1 (Il-mezz ta’ komunikazzjoni sikur) jista’ jwassal informazzjoni miksuba mill-Istati Membri li jkunu għamlu użu mill-eżenzjonijiet permessi fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE, fejn Stat Membru jkun jeħtieġ li jiskambja dejta ma’ Stat Membru ieħor sabiex jistabbilixxi stampa sħiħa u preċiża tal-konformità mal-leġiżlazzjoni tas-sisa. Il-Kummissjoni tassumi li l-użu tal-Artikolu 13 huwa ristrett għal dawk il-każijiet fejn in-notifika tas-suġġett tad-dejta tista’ raġonevolment twassal għal interferenza mal-valutazzjoni tal-konformità mal-leġiżlazzjoni tas-sisa mill-Istati Membri inkwistjoni. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-informazzjoni pproċessata skont dan l-abbozz tar-regolament huwa suppost neċessarju għall-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tas-sisa (l-abbozz tal-Artikolu 1 kif ukoll l-ispjegazzjonijiet mogħtija dwaqr din id-dispożizzjoni hawn taħt). L-Istati Membri huma marbuta b’obbligi tat-Trattat tagħhom u mil-leġiżlazzjoni nazzjonali derivata mid-Direttiva 95/46/KE li jirrispettaw id-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta skont l-Artikolu 8, kif ukoll mill-prinċipji legali ġenerali tan-neċessità u l-proporzjonalità. L-arranġamenti nazzjonali mhumiex speċifikati minn dan ir-Regolament minħabba li tali speċifikazzjoni mhux meħtieġa. Il-Kummissjoni tassumi wkoll li fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi l-oħrajn kollha tagħhom tat-trattat.

Il-Kummissjoni tipprovdi biss mekkaniżmu ta’ komunikazzjoni għall-iskambju tad-dejta miġbura u maħżuna mill-Istati Membri, u l-Kummissjoni ma għandha ebda aċċess operazzjonali għad-dejta nnifisha, minbarra għall-manutenzjoni tas-sistema. Ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni taħt din il-proposta hija li tiżgura l-kunfidenzjalità u t-trasmissjoni korretta tad-dejta li biha aħna fdati.

Il-Qasam Nru 2 (Kopja eżatta tar-reġistrazzjonijiet ta’ operaturi ekonomiċi nazzjonali) ma jirrikjedix l-użu tal-Artikolu 13 mill-Istati Membri, minħabba li l-informazzjoni hija pprovduta mis-suġġetti tad-dejta nfushom. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lis-suġġetti tad-dejta dwar din id-dejta, u s-suġġett tad-dejta għandu jkun jista’ jikkoreġi l-ineżattezzi f’dik id-dejta. Sabiex jiġi indirizzat dan id-dritt, il-proposta fiha tfakkira tan-neċessità li s-suġġetti tad-dejta jingħataw aċċess għad-dejta tagħhom stess f’dan il-qasam u l-possibbiltà li jikkoreġu l-iżbalji. Madankollu, il-Kummissjoni ma għandha ebda aċċess operazzjonali u għalhekk ma għandha ebda possibbiltà li timmodifika din id-dejta hi stess, minħabba li dan jirrikjedi li l-Kummissjoni teżerċita kontroll fuq ir-reġistri nazzjonali tal-operaturi ekonomiċi, billi r-responsabbiltà ewlenija ta’ TAXUD hija li jiżgura l-kunfidenzjalità kontinwa tal-informazzjoni pproċessata. Is-servizz pubbliku li jippermetti l-kontroll tal-validità tal-awtorizzazzjonijiet juża estratt tad-dejta tar-reġistrazzjoni tal-operaturi ekonomiċi tas-sisa, li jinkludi biss in-numru ta’ awtorizzazzjoni tas-sisa u ma jinkludi ebda informazzjoni li tippermetti li l-individwi jiġu identifikati, bħal isem jew indirizz. Il-Kummissjoni tipprovdi indirizz tal-e-mail ta’ kuntatt assoċjat ma’ dan is-servizz. Meta operatur ekonomiku jħoss li l-informazzjoni pprovduta mhijiex preċiża, il-Kummissjoni tipprovdi lill-operatur ekonomiku bid-dettalji tal-Amministrazzjoni tal-Istat Membru li hija l-Kontrollur tad-Dejta għad-dejta ta’ dan l-operatur ekonomiku.

Il-Qasam Nru 3 jinvolvi biss l-estrazzjoni ta’ dejta operazzjonali anonimizzata, li tintuża bħala l-input għal rapporti ta’ statistika. Dan l-estratt ma fih ebda identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi involuti f’moviment tas-sisa.

3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill biex jadotta regolament ġdid dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazju tas-sisa, li għandu jissostitwixxi r-regolament tal-Kunsill eżistenti f’dan il-qasam.

L-għan huwa li l-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam tiġi allinjata mal-possibbiltajiet maħluqa mill-iżvilupp tal-EMCS u li tiġi pprovduta bażi legali definita b’mod aktar ċar u komprensiva għal dawn il-possibbiltajiet, biex b’hekk ikunu jistgħu jiġu sostitwiti l-proċeduri manwali u semi-awtomatizzati eżistenti.

Għan sekondarju huwa li d-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri u l-Kummissjoni f’dan il-qasam jiġu definiti b’mod aktar ċar, kemm fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EMCS kif ukoll b’mod aktar ġenerali.

Approċċ bħal dan għandu jippermetti u jinkoraġġixxi kooperazzjoni mtejba bejn l-Istati Membri u jagħmel il-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam aktar konformi mad-dispożizzjonijiet li ġew adottati dan l-aħħar għall-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT u tat-tassazzjoni diretta.

Il-bażi legali

L-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma tkunx taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea.

L-objettivi tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri għar-raġuni li ġejja.

L-għan tal-proposta huwa li tissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill 2073/2004/KE minn dispożizzjonijiet li jissodisfaw l-istess funzjoni, jiġifieri li jipprovdu qafas legali komuni għall-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam partikolari tal-oġġetti li huma soġġetti għas-sisa u li jagħmlu użu sħiħ mill-faċilitajiet tas-sistema EMCS.

Dan l-objettiv ma jistax jintlaħaq biżżejjed minn azzjonijiet individwali tal-Istati Membri u jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Fin-nuqqas ta’ din il-proposta u tar-Regolament eżistenti, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri jista’ jitwettaq biss permezz tan-negozjati ta’ trattati bilaterali. Mhuwiex probabbli li arranġamenti bilaterali bħal dawn ikunu jistgħu jiġu appoġġjati b’mod elettroniku mill-Istati Membri kkonċernati, minħabba li l-kost ikun insopportabbli għal arranġament bilaterali. Il-varjazzjoni bejn l-arranġamenti bilaterali tista’ wkoll timpedixxi l-funzjonament effiċjenti tas-Suq Uniku.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin.

L-azzjoni proposta tistabbilixxi biss ir-regoli komuni ta’ proċeduri u strumenti sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni amministrattiva ta’ kuljum bejn l-Istati Membri, li għalhekk jibqgħu kompletament responsabbli għall-organizzazzjoni interna tagħhom u għall-allokazzjoni tar-riżorsi, li għalihom il-każijiet huma koperti minn kooperazzjoni amministrattiva internazzjonali u x’użu jsir mir-riżultati.

L-azzjoni proposta ma tfisser l-ebda piż finanzjarju u amministrattiv addizzjonali kbir għall-Unjoni, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini, iżda għall-kuntrarju għandha tirrazzjonalizza l-ispejjeż umani u finanzjarji billi toħloq approċċ komuni għall-kooperazzjoni amministrattiva internazzjonali.

L-għażla tal-istrumenti

Strument propost: regolament.

L-għażla tal-istrument hija konformi għal kollox mal-att legali attwali fis-seħħ. Regolament jipprovdi qafas komuni għal attività li jista’ jiġi applikat immedjatament mas-sostituzzjoni tar-regolament eżistenti.

Il-proposta għandha l-għan li tipprovdi l-bażi għal modernizzazzjoni tal-qafas komuni eżistenti għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri. Ir-regolament jikkonċerna biss il-kooperazzjoni amministrattiva u ma jaffettwax l-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali dwar il-ġestjoni tal-movimenti tas-sisa jew it-tassazzjoni ta’ oġġetti li huma soġġetti għas-sisa, li t-tnejn huma koperti minn atti legali oħrajn.

4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Kwalunkwe impatt finanzjarju relatat mal-introduzzjoni mal-Fażi 3 tal-EMCS jirriżulta mid-Deċiżjoni 1152/2003/KE. L-impatt baġitarju tal-iżvilupp u t-tħaddim ta’ servizz ġdid għall-ġbir tal-istatistika u l-impenn li tkompli tiġi żviluppata, miżmuma u mħaddma s-sistema b’mod ġenerali huwa kopert min-nefqa taħt il-Programm Fiscalis 2013[1] u għalhekk mhux ser ikompli jiġi diskuss hawnhekk.

5. INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

Revoka tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-adozzjoni tal-proposta ser tirrevoka l-leġiżlazzjoni eżistenti, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru. 2073/2004.

Simplifikazzjoni

Il-proposta tipprovdi għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi (tal-UE jew nazzjonali) u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għall-partijiet privati.

Il-leġiżlazzjoni twassal għal simplifikazzjoni amministrattiva, minħabba li hija tinkludi miżuri komuni li huma faċli biex jiġu interpretati u applikati u li jkomplu mexjin aktar f’din id-direzzjoni mill-miżuri inklużi fir-Regolament (KE) Nru. 2073/2004.

L-awtoritajiet pubbliċi ser ikunu jistgħu jużaw għodod u strumenti pubbliċi f’qafas organizzattiv definit minn qabel. Dan is-sett ta’ miżuri għandu jissimplifika r-rikors għall-kooperazzjoni amministrattiva internazzjonali Ewropea. L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE ser tkun tfisser li l-awtoritajiet amministrattivi ma jkollhomx bżonn jirrikorru għal settijiet differenti ta’ leġiżlazzjoni, kollha bir-regoli u l-kondizzjonijiet tagħhom, skont it-tip ta’ pretensjoni li għaliha jkunu qegħdin jitolbu l-aasistenza.

Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

L-ispjegazzjoni dettaljata li ssegwi li tagħti spjegazzjoni ta' kull Artikolu tiffoka fuq dispożizzjonijiet li huma ġodda jew li nbidlu fis-sustanza tagħhom meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament (KE) Nru. 2073/2004. It-tabella ta’ korrelazzjoni mehmuża mar-regolament ġdid propost għandhom jintużaw sabiex jikkorrelataw id-dispożizzjonijiet ġodda mad-dispożizzjonijiet eżistenti tar-Regolament (KE) Nru. 2073/2004.

Kapitolu I – Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1 – Is-Soġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni

Dan l-Artikolu jirrifletti l-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ser jitwessa’ sabiex ikun ikopri l-kooperazzjoni amministrattiva li tiżgura l-infurzar tal-leġiżlazzjoni kollha tas-sisa, mhux biss il-valutazzjoni korretta tad-dazji tas-sisa. Huwa jistabbilixxi wkoll il-prinċipju li r-Regolament mhux ser jaffettwa l-applikazzjoni fl-Istati Membri tar-regoli dwar l-għajnuna ġudizzjarja reċiproka fi kwistjonijiet kriminali.

L-istandard ta’ “neċessita” huwa intiż biex jipprovdi għal skambju ta’ informazzjoni fi kwistjonijiet tas-sisa sa fejn hu meħtieġ mill-bżonnijiet ġenwini tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa, waqt i jibqa’ konformi mal-kriterji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, sa fejn jirrigwarda d-dejta personali (l-Artikoli 8 u 52(1). B’mod konkret talba għall-informazzjoni tista’ tkun ikkunsidrata “neċessarja”, pereżempju, meta issservi għall-verifika ta’ suspetti tal-investigaturi li operaturi ekonomiċi jistgħu jkunu involuti jew kienu involuti f’attivitajiet li huma irregolari mill-perspettiva tas-sisa. Minn naħa l-oħram it-terminu “neċessarja” jikkjarifika li l-Istati Membri mhumiex liberi li jinvolvu ruħhom fi “spedizzjonijiet ta’ ksib ta’ informazzjoni” jew li jitolbu informazzjoni li mhux probabbli li tkun rilevanti għall-affarijiet relatati mas-sitwazzjoni tas-sisa ta’ persuna partikolari jew ta’ grupp aċċertabbli jew inkella ta’ kategorija ta’ persuni.

Artikolu 2 – Definizzjonijiet

Iddaħħlu għadd ta’ definizzjonijiet ġodda sabiex jirriflettu d-dħul fis-seħħ tal-Fażi 2 u tal-Fażi 3 tal-EMCS, li mhumiex inklużi fir-Regolament (KE) Nru. 2073/2004, u sabiex jallinjaw ruħhom mad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE. Dawn huma l-"iskambju mmexxi minn avvenimenti", "operatur ekonomiku", "numru tas-sisa", "dokument amministrattiv elettroniku", "dokument ta’ assistenza amministrattiva reċiproka" u “dokument ta’ assistenza amministrattiva ta’ sostenn”. Definizzjonijiet oħrajn ġew kemmxejn mibdula.

Artikoli 3 sa 6 – L-Awtoritajiet Kompetenti, l-Uffiċċju Ċentrali ta’ Kollegament tas-Sisa (CELO), id-dipartimenti ta’ kollegament

Il-proposta tkompli l-arranġamenti eżistenti fir-Regolament (KE) Nru. 2073/2004, fejn hemm distinzjoni bejn l-awtorità kompetenti, li hija legalment responsabbli għall-iskambji ta’ informazzjoni u li f’isimha jsiru dawn l-iskambji, u kuntatti diretti bejn dipartimenti u uffiċjali taħt l-awtorità legali ddelegata ta’ awtorità kompetenti. Dawn l-arranġamenti huma ssorveljati minn uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tas-sisa, li jaġixxi wkoll bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt. Dan huwa minħabba l-fatt li, meta wieħed iqis il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament u d-differenzi bejn l-Istati Membri fil-kwistjoni tal-organizzazzjoni u l-operat tad-dipartimenti tal-gvern u l-Istati Membru b’mod ġenerali, mhuwiex possibbli li jiġu stabbiliti regoli uniformi f’din il-konnessjoni; f’xi Stati, pereżempju, l-awtoritajiet kompetenti normalment ikunu l-awtoritajiet jew is-servizzi fiskali, filwaqt li fi Stati oħrajn ikunu korpi oħrajn li jwettqu ċerti kompiti b’rabta mal-assistenza amministrattiva f’dan il-qasam. Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi liberament li jbiddel l-awtorità kompetenti tiegħu. Jekk jagħmel dan, huwa jkun obbligat li jinforma lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħrajn.

Konsegwentement, dawn l-Artikoli ma jimponu l-ebda restrizzjoni fuq il-mod kif l-Istati Membri jagħżlu li jorganizzaw ruħhom internament lil hinn mill-ħtieġa li jkollhom l-ewwel punt ta’ kuntatt. Għalhekk, il-proposta tkompli tipprovdi qafas legali ċar għall-kooperazzjoni deċentralizzata, tagħti rwol ċentrali lill-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament tas-sisa, iżda wkoll tikkjarifika l-funzjonijiet li għalihom huma għandhom responsabbiltà primarja.

Artikolu 7 – Informazzjoni jew dokumenti miksuba bl-awtorizzazzjoni jew fuq it-talba tal-awtorità ġudizzjarja

Meta l-informazzjoni mitluba tinvolvi t-twettiq ta’ inkjesti f’isem l-awtoritajiet ġudizzjarji jew għalihom, l-iskambju tal-informazzjoni xi drabi jiġi rrifjutat jew imdewwem serjament. Dan jista’ jipprevjeni lill-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru rikjedenti milli tibda proċedimenti amministrattivi jew legali effettivi u f’waqthom kontra l-kriminali. Konsegwentement, l-Artikolu 7 jiddefinixxi d-dover tal-Istati Membri li jikkooperaw fejn ikunu involuti proċedimenti kriminali, b’attenzjoni xierqa għar-regoli dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali.

Il-Kapitolu II – Kooperazzjoni fuq talba

Il-proposta tiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri u tagħmel distinzjoni bejn it-talbiet għall-informazzjoni u l-inkjesti amministrattivi, il-preżenza tal-uffiċjali f’uffiċċji amministrattivi u l-parteċipazzjoni tagħhom f’inkjesti amministrattivi, l-użu ta’ kontrolli simultanji u talbiet għal notifika. L-Artikolu 11 jistabbilixxi limitu ta’ żmien ta’ tliet xhur għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni mid-data tal-wasla ta’ talba (xahar wieħed meta l-informazzjoni tkun diġà disponibbli) iżda jippermetti wkoll limiti ta’ żmien oħrajn f’każijiet individwali.

Artikolu 8 – Doveri ġenerali tal-awtorità rikjesta

L-Artikolu 8 huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu mhux mibdul mill-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru. 2073/2004. L-Artikolu 8(1) huwa l-bażi legali għat-talbiet kollha għall-informazzjoni magħmula bl-użu tal-EMCS jew b’mod ieħor. Il-paragrafu 2 jobbliga lill-awtorità rikjesta biex twettaq inkjesti amministrattivi jekk dawn ikunu meħtieġa sabiex tikseb l-informazzjoni mitluba. Għal dan il-għan, il-paragrafu 3 jistabbilixxi li t-talbiet għall-informazzjoni jistgħu jinkludu talba motivata għal inkjesta amministrattiva. Madankollu, l-Istat Membru rikjest jista’ jiddeċiedi li ma jkun hemm bżonn ta’ ebda inkjesta, iżda jekk ikun hekk huwa għandu jinforma minnufih lill-Istat Membru rikjedenti għaliex iddeċieda li ma jwettaqx tali inkjesta. Sabiex jiġu evitati rifjuti arbitrarji, il-lista tar-raġunijiet legali għal rifjut bħal dan hija elenkata fl-Artikolu 25. Kif inhuwa l-każ illum, l-awtorità rikjesta għandha tipproċedi daqslikieku kienet qiegħda taġixxi f’isimha stess jew fuq it-talba ta’ awtorità oħra fl-Istat Membru tagħha stess.

Artikoli 9 u 10 – Il-formola tat-talba u t-tweġiba u l-provvediment tad-dokumenti

L-Artikolu 9 jaġġorna l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru. 2073/2004 sabiex ikun żgurat li t-talbiet u t-tweġibiet skont l-Artikolu 8 normalment isiru bl-użu tal-EMCS. Id-dettalji tal-proċessi tan-negozju, l-iskambji ta’ informazzjoni u l-proċeduri ta’ sostenn ser ikunu inklużi f’Att ta’ Implimentazzjoni għal dan ir-Regolament, ippromulgat skont l-Artikolu 35(2), li għandu jipprovdi bażi legali għall-proċessi tan-negozju u l-ispeċifikazzjonijiet tal-messaġġi fit-Taqsima IV tal-Ispeċifikazzjoni Funzjonali tas-Sistema tas-Sisa (FESS).

Madankollu, mhuwiex possibbli li wieħed ibassar minn qabel il-forom kollha ta’ talbiet għall-informazzjoni u ta’ talbiet għal inkjesti amministrattivi. Hemm ukoll il-ħtieġa għall-iskambju ta’ evidenza ta’ sostenn u dokumentazzjoni. Għalhekk, huwa importanti li wieħed jagħraf li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8 jinkludi wkoll l-iskambju ta’ informazzjoni li bħalissa mhijiex koperta mill-EMCS. Jeħtieġ li dawn it-talbiet ikomplu jkollhom bażi legali u għandhom jiġu trasmessi b’mod elettroniku, safejn ikun possibbli, sabiex jiġi evitat piż bla bżonn fuq l-Amministrazzjonijiet tal-Istati Membri. Eżempju ta’ dan huwa l-użu tas-sistema sikura tal-e-mail CCN għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Uffiċċji Ċentrali ta’ Kollegament tas-Sisa.

L-Artikolu 10 jipprivileġġa l-użu ta’ kopji u estratti ċċertifikati sabiex tiġi evitata l-ħtieġa li jiġu ttrasferiti dokumenti oriġinali, li l-ipproċessar tagħhom iżid il-piżijiet amministrattivi.

Artikolu 11 – Limiti ta’ żmien

Fl-Artikolu 11, il-Kummissjoni tipproponi limitu ta’ żmien massimu normali ta’ tliet xhur għall-għoti tal-informazzjoni, kif inhuwa l-każ skont ir-Regolament (KE) Nru. 2073/2004. Meta l-Istat Membru rikjest diġà jkollu l-informazzjoni li hija meħtieġa, dan il-limitu ta’ żmien normali jitnaqqas għal xahar. F'każijiet speċjali, bħal każijiet ta’ frodi partikolarment kumplessi li jinvolvu bosta Stati Membri, jista’ jiġi ffissat limitu ta’ żmien ieħor b’kunsens komuni. Meta l-awtorità rikjesta ma tkunx tista’ twieġeb għat-talba fi ħdan il-limitu ta’ żmien stabbilit, hija għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti minnufih bir-raġunijiet għan-nuqqas tagħha milli tagħmel dan u tindika meta x’aktarx li tkun tista’ twieġeb.

Artikolu 12 – Il-parteċipazzjoni ta’ uffiċjali minn Stati Membri oħrajn f’inkjesti amministrattivi

Bħal fir-Regolament (KE) Nru. 2073/2004, dan il-Kapitolu tal-proposta jipprovdi wkoll bażi legali għall-uffiċjali tas-sisa biex ikunu preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor bil-għan li jiskambjaw l-informazzjoni u jipparteċipaw bħala osservaturi fl-inkjesti amministrattivi. Il-Kummissjoni tipproponi bidla żgħira fil-formulazzjoni tar-Regolament eżistenti sabiex tiċċara li, soġġetti għal ftehim reċiproku, l-uffiċjali minn Stat Membru ieħor ikunu intitolati li jkunu preżenti kull fejn huma intitolati li jkunu preżenti l-uffiċjali tal-Istat Membru.

Artikolu 13 – Kontrolli simultanji

Il-Kummissjoni tkompli temmen li l-kontrolli simultanji jagħmlu kontribut pożittiv għall-kooperazzjoni amministrattiva u li għandhom jifformaw parti integrali mill-pjanijiet ta’ kontroll standard tal-Istati Membri. F’każijiet fejn ikun hemm suspetti ta’ irregolaritajiet jew ksur transkonfinali tal-kwistjonijiet relatati mas-sisa, il-kontrolli simultanji jistgħu jkunu għodod ta’ kontroll u konformità effikaċji ħafna għall-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri.

Ċerti kontrolli multilaterali qegħdin jiġu ffinanzjati mill-programm Fiscalis 2013 sabiex l-Istati Membri jiġu mħeġġa jinkludu kontrolli simultanji fil-pjanijiet ta’ kontroll tagħhom. Il-Kummissjoni tipproponi biss modifika testwali żgħira fit-test eżistenti tar-Regolament (is-sostituzzjoni ta’ ‘uffiċċju ċentrali ta’ kollegament’ b’‘uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tas-sisa’).

Artikolu 14 – Talbiet għal notifika tad-deċiżjonijiet u l-miżuri amministrattivi

Dan l-Artikolu jippermetti lid-destinatarji jkunu informati bid-deċiżjonijiet li jaffettwawhom magħmula mill-awtorità rikjedenti, minbarra n-notifiki tat-talbiet. Il-proposta tillimita lilha nnifisha li taġġorna r-referenza għad-Direttiva dwar l-Irkupri, hekk kif id-Direttiva 76/308/KEE ġiet sostitwita mid-Direttiva 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra[2].

Kapitolu III – L-iskambju ta’ informazzjoni mingħajr talba minn qabel

Artikoli 15 sa 18 – Skambju mandatorju, skambju fakultattiv u segwitu

Il-Kummissjoni tipproponi għadd ta’ bidliet f’dan il-kapitolu sabiex jinħoloq qafas loġiku u faċli biex jinftiehem għall-iskambju awtomatiku u l-iskambju spontanju, flimkien ma’ qafas flessibbli ta’ drittijiet legali għal dawk l-Istati Membri, li jista’ jkun li jkunu jridu jmorru ’lil hinn mill-iskambji awtomatiċi speċifikati fit-Taqsima 4 tal-FESS. Il-proposta tintroduċi wkoll il-kunċett ta’ "segwitu", simili għall-kunċett ta’ "feedback" fil-VAT u t-taxxa diretta. Dan huwa rappurtar volontarju minn Stat Membru rikjedenti jew li jirċievi tal-utilità tal-informazzjoni rċevuta. Dan jista’ jagħmel kontribut pożittiv għall-kwalità tal-informazzjoni skambjata. Bħalissa din il-funzjonalità mhijiex parti mill-EMCS.

Ir-Regolament eżistenti diġà fih Artikoli li jkopru l-iskambju awtomatiku jew mandatorju, u xi Stati Membri għamlu użu mill-possibbiltajiet legali li jiskambjaw rapporti kull xahar u li jibagħtu l-informazzjoni. Madankollu, hemm nuqqas ta’ ċarezza fir-Regolament attwali dwar id-drittijiet u l-obbligi maħluqa minn dawn l-Artikoli, aggravat mill-eżistenza ta’ Artikolu separat li jkopri s-Sistema ta’ Twissija Bikrija għas-Sisa (Early Warning System for Excise - EWSE), li fil-fatt huwa forma partikolari ta’ skambju spontanju jew fakultattiv, flimkien ma’ mekkaniżmu ta’ feedback obbligatorju fil-każ ta’ messaġġi ta’ twissija.

Il-messaġġi ta’ informazzjoni tal-EWSE ma baqgħux jintużaw mal-wasla tal-Fażi 2 tal-EMCS, bir-rwol tagħhom jiġi sostitwit mit-trasmissjoni ta’ dokumenti amministrattivi elettroniċi (e-AD) mill-Istat Membru tad-Dispaċċ. Il-messaġġi ta’ twissija tal-EWSE li jifdal mhux ser jibqgħu jintużaw mal-wasla tal-Fażi 3 tal-EMCS, li tinkorpora l-appoġġ għall-iskambju spontanju li għandu jieħu post din il-funzjoni.

L-Artikolu 15 tal-proposta jkompli jobbliga lill-Istati Membri jibagħtu informazzjoni lil kwalunkwe Stat Membru ieħor fejn setà kien hemm ksur jew irregolarità, jew fejn ksur jew irregolarità jista’ jkollhom effett fi Stat Membru ieħor, jew inkella fejn ikun hemm riskju ta’ frodi jew ta’ telf ta’ dazju tas-sisa. Barra minn hekk, l-Artikolu jordna l-użu ta’ messaġġi tal-EMCS sabiex jitwettaq dan l-iskambju ta’ informazzjoni, meta dawn il-messaġġi jkunu disponibbli sabiex iwasslu l-informazzjoni inkwistjoni. L-Artikolu 15 jordna wkoll l-iskambju ta’ messaġġi li jirrapportaw dwar sitwazzjonijiet eċċezzjonali li jistgħu jseħħu matul moviment tas-sisa, kif dispost fit-Taqsima 4 tal-FESS. Huwa maħsub li l-iskambju ta’ rapporti ta’ dawn is-sitwazzjonijiet eċċezzjonali li jistgħu jseħħu matul moviment tal-oġġetti li huma soġġetti għas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju għandu jkun obbligatorju. Att ta’ implimentazzjoni għandu jistabbilixxi l-kategoriji differenti ta’ informazzjoni li tista’ tiġi skambjata b’mod awtomatiku, kemm fuq bażi mandatorja kif ukoll fuq bażi fakultattiva. L-Istati Membri ser ikollhom l-għażla li jidħlu jew joħorġu minn skambju awtomatiku bbażat fuq dawn il-kategoriji. Il-lista ta’ kategoriji ser tiġi riveduta fuq bażi annwali. L-Artikolu 16 tal-proposta jagħmilha ċara wkoll li ma hemm l-ebda intenzjoni li jiġu llimitati l-arranġamenti eżistenti li jistgħu jkunu għamlu l-Istati Membri fir-rigward tal-iskambji tal-informazzjoni bilaterali jew multilaterali.

Hawn taħt qegħdin jingħataw xi eżempji tal-użu possibbli ta’ skambji awtomatiċi:

(a) sitwazzjonijiet fejn ikun hemm suspetti ta’ frodi fi Stat Membru ieħor; Pereżempju: fejn ma jkunx ġie rritornat rapport ta’ rċevuta tal-EMCS, u lanqas ma tkun ingħatat xi spjegazzjoni, u jkun suspettat li l-oġġetti soġġetti għas-sisa mibgħuta jkunu ġew żvijati fl-Istat Membru tad-destinazzjoni;

(b) sitwazzjonijiet fejn ikun hemm riskju serju ta’ frodi fi Stat Membru ieħor; Pereżempju: id-dazji tas-sisa jitħallsu fi Stat Membru fejn ir-rata hija baxxa u l-oġġetti jiġu mċaqalqa skont l-arranġament għall-oġġetti soġġetti għas-sisa rilaxxati għall-konsum, iżda l-oġġetti qatt ma jaslu għand id-destinatarju, filwaqt li l-oġġetti jiġu żvijati lejn is-suq ta’ Stat Membru fejn ir-rata hija għolja;

(ċ) sitwazzjonijiet fejn jinstabu frodi fit-territorju ta’ Stat Membru, li jista’ jkollhom ramifikazzjonijiet fi Stat Membru ieħor; Pereżempju: l-Istat Membru li jiskopri l-preżenza fiżika irregolari ta’ prodotti soġġetti għas-sisa jissuspetta li seta’ kien hemm frodi fl-Istat Membru tat-tluq li jinvolvi nuqqas ta’ rappurtar jew rappurtar ħażin ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa fuq e-AD.

L-Artikolu 16 jippermetti lill-Istati Membri li jmexxu informazzjoni fejn l-informazzjoni taqa’ barra mill-kategoriji li abbażi tagħhom l-Istat Membru jiskambja l-informazzjoni b’mod awtomatiku, forsi minħabba li tkun instabet irregolarità mhux tas-soltu iżda ekonomikament importanti. L-Artikolu 16 jipproponi wkoll l-għażla li titwaqqaf proċedura ta’ segwitu li tista’ tintuża mill-awtorità rikjedenti sabiex tgħid lill-awtorità rikjesta jekk l-informazzjoni mogħtija kinitx utli. L-esperjenza fl-oqsma tal-VAT u t-tassazzjoni diretta wriet li tali feedback huwa motivatur tajjeb għall-użu usa’ ta’ skambji spontanji u jista’ jaġixxi biex jgħin lill-awtorità rikjedenti tikkompleta l-informazzjoni tagħha dwar każ.

Fil-qosor, il-proposta hija intiża biex tiddefinixxi qafas, li huwa kemm flessibbli kif ukoll effettiv għal dawn it-tipi ta’ skambji ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri.

Kapitolu IV – Il-ħażna u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-operaturi ekonomiċi u statistika speċifika għat-tranżazzjonijiet fi ħdan l-Unjoni

L-erba’ artikoli ta’ dan il-Kapitolu jikkombinaw il-kopertura tal-Kapitolu IV u l-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru. 2073/2004. Bis-sostituzzjoni tal-EWSE u l-MVS bl-għodod ipprovduti mill-Fażi 3 tal-EMCS, l-artikoli relatati magħhom tneħħew. Il-kamp ta’ applikazzjoni ġdid ta’ dan il-kapitolu ġdid huwa definit b’mod aktar ċar sabiex ikun jikkonsisti minn dawk l-aspetti ta’ kooperazzjoni amministrattiva fejn is-Servizzi tal-Kummissjoni jipprovdu appoġġ operattiv għall-attivitajiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva tal-Istati Membri, kif ukoll irwol ta’ koordinazzjoni u faċilitazzjoni.

Artikolu 19 – Il-ħażna u l-iskambju ta’ informazzjoni li tinsab fil-bażijiet tad-dejta elettroniċi

Dan l-Artikolu jiddeskrivi l-arranġamenti għall-bażi tad-dejta elettronika distribwita magħrufa bħala SEEDv.1, li f’xi aspetti tvarja mill-predeċessur tagħha, li hija deskritta fir-Regolament (KE) Nru. 2073/2004. Dan l-Artikolu jiddeskrivi wkoll l-obbligu għall-Istati Membri u s-Servizzi Ċentrali tal-Kummissjoni li jiżguraw li d-dettalji tar-reġistru jkunu aġġornati u akkurati sabiex il-movimenti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju jkunu jistgħu jipproċedu minnufih, filwaqt li l-movimenti lejn destinazzjonijiet mhux awtorizzati ma jistgħux isiru. Fl-aħħarnett, l-Artikolu 19 jipprovdi bażi legali ċara għas-servizz SEED-on-Europa, li jippermetti lill-operaturi ekonomiċi tas-sisa jiċċekkjaw il-validità tal-awtorizzazzjonijiet tal-imsieħba kummerċjali tagħhom.

Artikolu 20 – L-aċċess għal u l-korrezzjoni tal-informazzjoni

L-Artikolu 20 jispjega li l-operaturi ekonomiċi għandhom id-dritt li jivverifikaw l-informazzjoni pubblikament disponibbli fuq SEED-on-Europa dwar id-dettalji tal-awtorizzazzjoni tagħhom, billi jdaħħlu n-numru tal-awtorizzazzjoni tas-sisa tagħhom. Huma għandhom ukoll id-dritt li jkollhom l-iżbalji fl-informazzjoni pubblika kkoreġuta mill-Istat Membru li joħroġ l-awtorizzazzjoni. Il-Kummissjoni timpenja ruħha li tibgħat dawn it-talbiet għal korrezzjoni lill-awtorità kompetenti xierqa. Għall-aċċess u l-korrezzjonijiet tal-informazzjoni mhux pubblika dwar l-operaturi ekonomiċi, li għaliha l-Kummissjoni ma għandha ebda aċċess, operatur ekonomiku għandu jkompli jirreferi għall-awtorità kompetenti rilevanti.

Artikolu 21 – Iż-żamma tad-dejta

Dan l-Artikolu jistabbilixxi li l-informazzjoni kollha maħżuna fl-EMCS għandha tibqa’ disponibbli għal mill-inqas 3 snin, skont il-politika tal-awtorità kompetenti dwar iż-żamma tad-dejta u, barra minn hekk, din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli online għal Stati Membri oħrajn. Dan sabiex jiġi evitat dewmien eċċessiv meta l-Istati Membri jkunu qegħdin jagħmlu analiżi tar-riskji ta’ dejta storika.

Skont il-leġiżlazzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, wara l-iskadenza tal-perjodu taż-żamma, tali dejta għandha titħassar jew tiġi mmodifikata sabiex titneħħa dik l-informazzjoni li tista’ tintuża biex jiġu identifikati individwi.

Artikolu 22 – Dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għall-informazzjoni maħżuna

L-Artikolu 22 jistabbilixxi dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għall-ħażna u l-korrezzjonijiet tad-dejta.

Kapitolu V – Kondizzjonijiet komuni li jirregolaw l-assistenza

Dan il-Kapitolu jiġbor flimkien għadd ta’ rekwiżiti u limitazzjonijiet reċiproċi fuq l-għoti tal-għajnuna.

Artikolu 23 – Ir-Reġim tal-Lingwa

Dan l-Artikolu ġie fformulat mill-ġdid fil-proposta sabiex jesprimi t-tifsira tiegħu b’mod aktar ċar. Inqas użu ta’ traduzzjonijiet għandu jkun neċessarju minħabba appoġġ aħjar għal interfaċji multilingwi fl-EMCS.

Artikolu 24 – Il-Kwalità tas-Servizz

Huwa propost obbligu ġdid fuq il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex iżommu s-sistema kompjuterizzata, bil-għan li l-korrezzjonijiet u l-aġġornamenti jiġu żviluppati u applikati skont il-miri tal-ippjanar miftiehma. Id-dettalji ta’ dawn l-arranġamenti ser ikunu inklużi fi ftehim fil-livell tas-servizzi, li jispeċifika l-obbligi reċiproċi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri ser iħaddnu wkoll politika ta’ sikurezza għas-sistema kompjuterizzata.

Artikolu 25 – Limiti ġenerali għad-doveri tal-awtoritajiet rikjesti

Skont dan l-Artikolu, l-awtorità rikjesta għandha d-dritt li tirrifjuta li twettaq inkjesti jew li tipprovdi informazzjoni meta l-awtorità rikjedenti tkun naqset li teżawrixxi s-sorsi ta’ informazzjoni tas-soltu tagħha, meta l-prattiċi leġiżlattivi jew amministrattivi tal-Istat Membru mitlub biex jipprovdi l-informazzjoni ma jawtorizzawx lill-awtoritajiet fiskali tiegħu biex iwettqu tali inkjesti jew biex jiġbru jew jużaw din l-informazzjoni għall-iskopijiet tagħhom stess, jew meta t-trasmissjoni ta’ din l-informazzjoni tmur kontra l-politika pubblika jew inkella twassal għall-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali jew ta’ proċess kummerċjali. L-Artikolu ġie aġġornat sabiex jagħmilha ċara li din l-esklużjoni ma tkunx tinkludi informazzjoni sempliċiment minħabba li hija miżmuma minn istituzzjoni finanzjarja.

L-Artikolu 25(5) ta’ din il-proposta jistabbilixxi li l-awtorità rikjesta għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet għar-rifjut ta’ talba għal għajnuna reċiproka.

Artikolu 26 – Spejjeż

Dan l-Artikolu ġie fformulat mill-ġdid meta mqabbel mal-ekwivalenti tiegħu fir-Regolament (KE) Nru. 2073/2004. Li l-awtorità rikjesta titħalla titlob il-kostijiet ’lil hinn minn dawk tal-esperti esterni jikkontradixxi l-obbligu ġenerali fuq l-awtoritajiet rikjesti biex jittrattaw it-talbiet għal kooperazzjoni amministrattiva daqslikieku l-inkjesta mitluba kienet qiegħda issir f’isimhom stess.

Artikolu 27 – Ammont Minimu

Dan l-Artikolu jagħti lill-Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa s-setgħa li jistabbilixxi limitu minimu għad-dazji tas-sisa dovuti, sabiex jiġi evitat l-użu sproporzjonat tar-Regolament.

Artikolu 28 – Is-segretezza uffiċjali, il-Protezzjoni tad-Dejta u l-Użu tal-informazzjoni kkomunikata skont dan ir-Regolament

Dan l-Artikolu jikkjarifika l-użu li għalihom tista’ tintuża l-informazzjoni miġbura. Il-protezzjoni tad-dejta ġiet estiża għall-protezzjoni tal-informazzjoni li tista’ ma tkunx relatata mal-azzjonijiet li jkunu qegħdin jitwettqu, li uffiċjal kellu aċċess għaliha matul il-qadi ta’ dmirijietu. F’aspetti oħrajn, ma hemm ebda bidla sostanzjali mid-dispożizzjoni eżistenti, minbarra l-aġġornament tar-referenzi għal leġiżlazzjoni oħra.

L-informazzjoni skambjata hija koperta minn dispożizzjonijiet ta’ segretezza uffiċjali u tista’ tiġi żvelata biss għal skopijiet definiti. Dawn l-iskopijiet jinkludu proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi li jinvolvu sanzjonijiet mibdija minħabba ksur tal-liġi fiskali. L-informazzjoni tista’ tintuża wkoll bl-iskop li tiġi stabbilita l-bażi tal-valutazzjoni, għall-ġbir u l-kontroll tad-dazji tas-sisa u għall-monitoraġġ tal-movimenti ta’ oġġetti li huma soġġetti għas-sisa. Tali informazzjoni tista’ tintuża wkoll sabiex tiddetermina dazji jew taxxi oħrajn koperti mid-Direttiva 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010. Dan l-Artikolu jistabbilixxi wkoll bażi legali għal skambji bejn l-awtoritajiet tas-sisa u awtoritajiet fiskali oħrajn fl-istess Stat Membru.

Bħal fir-Regolament eżistenti, l-Istati Membri għandhom jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-doveri definiti fl-Artikolu 10, fl-Artikolu 11(1) u fl-Artikoli 12 u 21 tad-Direttiva 95/46/KE sabiex fejn neċessarju jissalvagwardjaw l-interessi finanzjarji tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE. Dawn l-eżenzjonijiet jippermettu li l-investigazzjoni ma tkunx żvelata u l-użu mill-ġdid tad-dejta dwar is-sisa miġbura oriġinarjament mill-operatur ekonomiku jew minn partijiet oħra għal skopijiet oħra.

Artikolu 29 – Aċċess għall-informazzjoni taħt l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni

Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-bażi għall-aċċess għad-dejta minn persuni awtorizzati mill-Kummissjoni, sabiex dan l-aċċess ikun limitat għall-minimu neċessarju għall-manutenzjoni u t-tħaddim tas-sistema.

Artikolu 30– Il-Valur Evidenzjali tal-Informazzjoni Miksuba

It-test ta’ dan l-Artikolu huwa l-istess bħal dak tal-Artikolu 32 fir-Regolament eżistenti, li jistabbilixxi l-ekwivalenza tal-valur evidenzjali bejn l-informazzjoni miksuba permezz tal-iskambju tal-informazzjoni u l-evidenza miksuba minn awtoritajiet oħrajn fl-istess Stat Membru.

Artikolu 31 – Obbligu ta' kooperazzjoni

It-test ta’ dan l-Artikolu huwa l-istess bħall-Artikolu 33 fir-Regolament eżistenti. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiżgura koordinazzjoni effettiva fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea billi titlob lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha neċessarji għal dan il-għan.

Artikolu 32 – Ir-Relazzjonijiet ma’ Pajjiżi Terzi

Dan l-Artikolu jippermetti lil Stat Membru jibgħat informazzjoni minn pajjiż terz lil Stati Membri oħrajn jekk din l-informazzjoni tkun utli, u jippermetti wkoll li tintbagħat informazzjoni lil pajjiżi terzi, jekk il-pajjiż terz ikollu ftehim li jittratta l-informazzjoni skont il-prinċipju tad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 33 – Għajnuna lill-operaturi ekonomiċi

Dan l-Artikolu jkopri s-servizz ipprovdut fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament eżistenti fejn Stat Membru jista’ jitlob lil Stat Membru ieħor biex iwettaq inkjesta amministrattiva sabiex jittraċċa d-dokumentazzjoni nieqsa.

Kapitolu VI – Evalwazzjoni u dispożizzjonijiet Tranżitorji u finali

Artikolu 34 - Evalwazzjoni tal-Arranġamenti, il-Ġbir ta’ Statistika Operazzjonali u r-Rappurtar

Bħal fil-każ tar-Regolament eżistenti, l-għan tal-proposta huwa li ddaħħal fis-seħħ arranġamenti effettivi għall-għajnuna reċiproka u l-iskambju ta’ informazzjoni, li għandhom jipprevjenu l-frodi fil-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa fi ħdan l-Unjoni. Hija tagħti responsabbiltà lill-Kummissjoni li tissorvelja l-kooperazzjoni amministrattiva, iżda b’ebda mod ma tagħti lill-Kummissjoni rwol operazzjonali fis-sejba u l-ġlieda kontra l-frodi fiskali. Madankollu, minħabba d-dimensjoni interna tal-frodi fi ħdan l-Unjoni li jinvolvu dazji tas-sisa, huwa essenzjali li dawn jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni Ewropea permezz tal-isforzi kkombinati tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni. Ir-responsabbiltà għall-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu l-frodi fil-movimenti ta’ oġġetti li huma soġġetti għas-sisa fi ħdan l-Unjoni hija tal-Istati Membri, iżda l-Kummissjoni għandha rwol ta’ koordinazzjoni u faċilitazzjoni. Konsegwentement, l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni ta’ statistika kollha meħtieġa għall-evalwazzjoni reċiproka tal-effettività tal-kooperazzjoni amministrattiva. Id-dejta li trid tinġabar u l-metodu tal-evalwazzjoni permezz tar-rappurtar issa li l-EMCS qiegħda topera ser jiġu definiti mill-ġdid permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni wara l-konklużjoni tad-diskussjonijiet kontinwi mal-Istati Membri. Dan l-Artikolu ser jipprovdi wkoll il-bażi legali għall-ġbir dirett tad-dejta dwar il-moviment għall-produzzjoni ta’ rapporti ta’ statistika bl-użu tal-applikazzjoni CS/MISE, sabiex b’mod ġenerali titneħħa l-ħtieġa għall-Istati Membri li jiġbru din l-istatistika manwalment, biex b’hekk jitjiebu l-preċiżjoni u l-puntwalità tar-rappurtar.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll kwalunkwe informazzjoni oħra dwar il-metodi u l-prattiċi użati jew preżunti li qed jintużaw biex jikkontravjenu l-leġiżlazzjoni dwar id-dazju tas-sisa. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar din l-informazzjoni kollha lill-Istati Membri l-oħrajn sabiex l-arranġamenti tal-kooperazzjoni amministrattiva skont dan ir-Regolament jew skont il-leġiżlazzjoni tas-sisa jkunu jistgħu jkomplu jittejbu kontinwament u sabiex l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jadattaw il-kooperazzjoni amministrattiva biex jittrattaw theddidiet ġodda li jistgħu jitfaċċaw.

Artikolu 35 – Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa

L-Artikolu 35 tal-proposta l-ġdida jaġġorna l-Artikolu 34 tar-Regolament eżistenti sabiex ikkunsidra d-dispożizzjonijiet ġodda li jikkonċernaw l-atti ta’ implimentazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Artikolu 36 – Revoka tar-regolament (KE) Nru 2073/2004

Ir-revoka espliċita tar-Regolament eżistenti u li jiġi stabbilit li r-referenzi eżistenti kollha għalih għandhom jitqiesu bħala li jirreferu għar-Regolament il-ġdid.

Artikolu 37 – Rappurtar lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

L-Artikolu 37 dwar ir-rappurtaġġ irriproduċa t-test tal-Artikolu 35 tar-Regolament eżistenti 2073/2004.

Artikolu 38 – Arranġamenti Bilaterali

faddizzjonali li jista’ jeżisti. Il-Kummissjoni għandha mbagħad tinforma b’dan lill-Istati Membri l-oħrajn.

Artikolu 39 – Dħul fis-seħħ

Dan jispeċifika d-data tad-dħul fis-seħħ u d-data li minnha jibda japplika – l-1 ta’ Jannar 2012.

2011/0330 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

Kooperazzjoni Amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta[3],

Wara l-preżentazzjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[4],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[5],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[6],

Wara li aġixxa skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

4. Ir-Regolament (KE) Nru 2073/2004 tas-16 ta’ Novembru 2004 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa[7] jipprovdi sistema komuni li permezz tagħha, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni fiskali u, min-naħa l-oħra, jiġu miġġielda l-evażjoni tad-dazji tas-sisa u d-distorsjonijiet li jirriżultaw fis-suq intern, l-Istati Membri jassistu lil xulxin u jikkooperaw mal-Kummissjoni. Jeħtieġ li jsiru għadd ta’ bidliet f’dak ir-Regolament fid-dawl tal-esperjenza miksuba u fid-dawl tal-iżviluppi riċenti. Għalhekk, minħabba l-għadd ta’ bidliet meħtieġa, ir-Regolament għandu jiġi sostitwit għal raġunijiet ta’ ċarezza.

5. L-ikkompletar tas-suq intern ikompli jeħtieġ sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa.

6. Fl-interessi tal-effettività u l-veloċità u minħabba l-kost, huwa essenzjali li jissaħħaħ ir-rwol tal-mezzi elettroniċi fl-iskambju tal-informazzjoni. Fid-dawl tan-natura repetittiva ta’ ċerti talbiet u d-diversità lingwistika fi ħdan l-Unjoni, huwa importanti li jiġi żgurat li l-formati standard jintużaw b’mod aktar wiesa’ fl-iskambju ta’ informazzjoni, biex b’hekk it-talbiet għall-informazzjoni jkunu jistgħu jiġu pproċessati aktar malajr. Dawn ir-rekwiżiti jistgħu jiġu ssodisfati l-aħjar permezz ta’ użu aktar sistematiku tas-sistema kompjuterizzata skont id-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2003 dwar il-kompjuterizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ prodotti soġġetti għas-sisa[8]. Dik is-sistema issa toffri possibbiltajiet usa’ milli kienu meta daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 2073/2004 u ser tkompli tiġi żviluppata. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jintalbu jirrikorru għaliha kull meta jkun possibbli.

7. L-iskambju tal-informazzjoni fi kwistjonijiet tas-sisa huwa neċessarju b’mod wiesa’ ħafna sabiex tiġi stabbilita stampa vera tal-affarijiet tas-sisa ta’ xi persuni, iżda fl-istess ħin l-Istati Membri mhumiex liberi li jinvolvu ruħhom fi “spedizzjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni” jew li jitolbu informazzjoni li mhux probabbli li tkun rilevanti għall-affarijiet relatati mas-sisa ta’ persuna partikolari jew ta’ grupp aċċertabbli jew inkella ta’ kategorija ta’ persuni.

8. Għall-finijiet ta’ koordinazzjoni xierqa tal-flussi ta’ informazzjoni, huwa neċessarju li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2073/2004 jinżammu f’punt wieħed ta’ kuntatt f’kull Stat Membru. Minħabba li jistgħu jkunu meħtieġa kuntatti aktar diretti bejn l-awtoritajiet u l-uffiċjali għal raġunijiet ta’ effiċjenza, id-dispożizzjonijiet dwar id-delega u l-ħatra tal-uffiċjali kompetenti għandhom jinżammu b’mod ugwali.

9. Sabiex l-informazzjoni meħtieġa tkun disponibbli fil-ħin, għandhom jinżammu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2073/2004 li jitolbu lill-awtorità rikjesta biex taġixxi mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn limitu ta’ żmien mogħti. Madankollu, il-limitu ta’ żmien għall-għoti tal-informazzjoni diġà disponibbli lill-Istat Membru rikjest għandu jkun iqsar mil-limitu ta’ żmien standard.

10. Għall-monitoraġġ effettiv tal-proċeduri tas-sisa fil-moviment transkonfinali, jeħtieġ li tkompli tiġi pprovduta l-possibbiltà ta’ kontrolli simultanji mill-Istati Membri u għall-preżenza ta’ uffiċjali ta’ Stat Membru wieħed fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, fi ħdan il-qafas tal-kooperazzjoni amministrattiva.

11. Id-diffikultajiet marbuta man-notifika tad-deċiżjonijiet u l-miżuri amministrattivi tul il-fruntieri għandhom ikomplu jiġu indirizzati billi jinżammu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2073/2004 fil-kwistjoni.

12. Sabiex il-frodi jiġu miġġielda b’mod effettiv, għandhom jinżammu d-dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta’ informazzjoni mingħajr talba preċedenti. Sabiex jiġi ffaċilitat dan l-iskambju, għandhom jiġu speċifikati l-kategoriji ta’ informazzjoni li trid tiġi skambjata fuq bażi mandatorja.

13. L-Istati Membri għandhom ikomplu jkunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni li hija meħtieġa għall-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tas-sisa b’mod fakultattiv, f’każ li din l-informazzjoni tkun taqa’ barra mill-kategoriji ta’ informazzjoni li hija skambjata b’mod awtomatiku.

14. Il-feedback huwa mezz xieraq sabiex jiġi żgurat titjib kontinwu fil-kwalità tal-informazzjoni skambjata. Għalhekk, għandu jiddaħħal fis-seħħ qafas għall-għoti ta’ feedback.

15. Il-ħażna elettronika mill-Istati Membri ta’ ċerta dejta speċifikata fuq l-awtorizzazzjonijiet ta’ operaturi ekonomiċi u mħażen hija indispensabbli għall-funzjonament xieraq tas-sistema tad-dazji tas-sisa u l-ġlieda kontra l-frodi. Huma jippermettu skambju rapidu ta’ din id-dejta bejn l-Istati Membri u aċċess awtomatizzat għall-informazzjoni. Dan jista’ jinkiseb billi jsir użu mill-informazzjoni li diġà hija inkluża fis-sistemi kompjuterizzati nazzjonali għas-sisa, permezz tal-iżvilupp ta’ analiżi tar-riskju li ttejjeb l-informazzjoni miżmuma fuq livell nazzjonali dwar l-operaturi ekonomiċi tas-sisa u l-movimenti tagħhom fl-Unjoni, kif ukoll permezz tal-inklużjoni ta’ firxa ta’ informazzjoni dwar il-persuni taxxabbli u t-tranżazzjonijiet tagħhom.

16. Sabiex l-informazzjoni maħżuna fid-bażjiet elettroniċi tad-dejta tkun affidabbli, għandha ssir dispożizzjoni għall-aġġornament regolari tagħhom.

17. L-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu jistgħu joperaw malajr il-verifiki meħtieġa għall-movimenti ta’ oġġetti li huma soġġetti għas-sisa. Huma għandhom jiġu pprovduti bil-possibbiltà li jkollhom il-validità tan-numri tas-sisa kkonfermata b’mod elettroniku permezz ta’ reġistru ċentrali operat mill-Kummissjoni u fornut bl-informazzjoni inkluża fil-bażijiet nazzjonali tad-dejta.

18. Ir-regoli nazzjonali dwar is-segretezza bankarja jistgħu jfixklu l-effiċjenza tal-mekkaniżmi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Għalhekk, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu intitolati li jirrifjutaw l-għoti ta’ informazzjoni sempliċiment abbażi ta’ dawn ir-regoli.

19. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa miżuri oħrajn adottati fil-livell tal-Unjoni, li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra irregolaritajiet u frodi tas-sisa, iżda għandu jikkumplimentahom.

20. Id-dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi terzi, taħt ċerti kondizzjonijiet, partikolarment, tal-protezzjoni tad-dejta, urew bil-provi li huma ta’ benefiċċju għall-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tas-sisa u għalhekk għandhom jinżammu.

21. Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta[9] tirregola l-ipproċessar ta’ dejta personali mwettaq mill-Istati Membri fil-qafas ta’ dan ir-Regolament. Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta[10] jirregola l-ipproċessar ta’ dejta personali mwettaq mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament.

22. Għall-finijiet tal-applikazzjoni effetiva ta’ dan ir-Regolament, jista’ jkun neċessarju li jkun illimitat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti drittijiet u obbligi stabbiliti mid-Direttiva 95/46/KE. speċifikatament id-drittijiet definiti fl-Artikoli 10, 11(1), 12 u 21 tagħha bil-għan li jiġu salvagwardjati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(1) (e) ta’ dik id-Direttiva, fid-dawl tat-telf potenzjali ta’ dħul għall-Istati Membri u l-importanza kruċjali tal-informazzjoni koperta minn dan ir-regolament għall-effettività tal-ġlieda kontra l-frodi. L-Istati Membri għandhom ikollhom l-obligu li japplikaw tali limitazzjonijiet,sa fejn huma neċessarji u proporzjonati.

23. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 8, 16, 19, 20, 21 u 34 ta’ dan ir-Regolament, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[11].

24. Il-proċedura ta’ eżaminazzjoni għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni meta wieħed iqis li dawk l-atti huma miżuri għandhom kamp ta' applikazzjoni ġenerali skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2) (a) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

25. Huwa neċessarju li jiġi mmonitorjat u evalwat il-funzjonament ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, għandha ssir dispożizzjoni għall-ġbir ta’ statistika u informazzjoni oħra mill-Istati Membri u għat-tħejjija ta’ rapporti regolari mill-Kummissjoni.

26. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2073/2004 tas-16 ta’ Novembru 2004 għandu jitħassar.

27. Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri s-simplifikazzjoni u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri, li jirrikjedi approċċ armonizzat, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri weħidhom, u jista’, minħabba l-uniformità u l-effettività meħtieġa, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx ’lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

28. Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji li huma rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni ta’ dejta personali (l-Artikolu 8). fid-dawl tal-limiti stabbiliti bir-Regolament attwali, l-ipproċessar ta’ tali dejta mwettaq fil-qafas ta’ dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju u proporzjonat għall-iskop tal-protezzjoni tal-interssi fiskali leġttimi tal-Istati Membri.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1 Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni

29. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti responsabbli fl-Istati Membri għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-sisa għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, u mal-Kummissjoni, sabiex jiżguraw il-konformità ma’ dik il-leġiżlazzjoni. Għal dak il-għan, huwa jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li għandhom jagħtu ċ-ċans lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jikkooperaw u biex jiskambjaw l-informazzjoni, kemm jekk b’mezzi elettroniċi jew b’mod ieħor, li hija neċessarja għall-assigurazzjoni tal-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tas-sisa.

30. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni fl-Istati Membri tar-regoli dwar l-għajnuna reċiproka fi kwistjonijiet kriminali. Huwa ma għandux jaffettwa l-issodisfar ta’ xi obbligu fir-rigward tal-għajnuna reċiproka li tirriżulta minn strumenti legali oħrajn, inklużi ftehimiet bilaterali jew multilaterali.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1) "awtorità kompetenti" tfisser l-awtorità maħtura skont l-Artikolu 3(1);

(2) "awtorità rikjedenti" tfisser l-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tas-sisa ta’ Stat Membru jew kwalunkwe dipartiment ta’ kollegament jew uffiċjal kompetenti ta’ dak l-Istat Membru li jagħmel talba għall-għajnuna f’isem l-awtorità kompetenti;

(3) "awtorità rikjesta" tfisser l-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tas-sisa ta’ Stat Membru jew kwalunkwe dipartiment ta’ kollegament jew uffiċjal kompetenti ta’ dak l-Istat Membru li jirċievi t-talba għall-għajnuna f’isem l-awtorità kompetenti;

(4) "uffiċċju tas-sisa" tfisser kwalunkwe uffiċċju fejn jistgħu jitwettqu wħud mill-formalitajiet stabbiliti mir-regoli tas-sisa;

(5) "skambju awtomatiku mmexxi minn avvenimenti" tfisser il-komunikazzjoni sistematika ta’ informazzjoni bi struttura definita minn qabel dwar avveniment ta’ interess, mingħajr talba preċedenti, lil xi Stat Membru ieħor kif u meta dik l-informazzjoni ssir disponibbli, minbarra l-iskambju ta’ informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2008/118/KE;

(6) "skambju awtomatiku regolari" tfisser il-komunikazzjoni sistematika ta’ informazzjoni bi struttura definita minn qabel, mingħajr talba preċedenti, lil xi Stat Membru ieħor f’perjodi regolari stabbiliti minn qabel;

(7) "skambju spontanju" tfisser il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni, mingħajr talba preċedenti, lil xi Stat Membru, mhux kopert mill-punti (5) u (6);

(8) "sistema kompjuterizzata" tfisser is-sistema kompjuterizzata għall-moviment u s-sorveljanza tal-oġġetti li huma soġġetti għas-sisa stabbilita mid-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE;

(9) "persuna" tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika, u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali bħala li għandha l-kapaċità li twettaq atti legali;

(10) "operatur ekonomiku" tfisser persuna li, matul l-attività tan-negozju tagħha, hija involuta f’attivitajiet koperti mil-leġiżlazzjoni tas-sisa, kemm jekk tkun awtorizzata biex tagħmel dan jew le;

(11) "mezzi elettroniċi" tfisser tagħmir elettroniku ta’ kwalunkwe tip li kapaċi jipproċessa (inklużi t-trasmissjoni u l-kompressjoni) u jaħżen id-dejta u jinkludu s-sistema kompjuterizzata definita fil-punt(8);

(12) "numru tas-sisa" tfisser in-numru ta’ identifikazzjoni assenjat mill-Istati Membri għal skopijiet ta' sisa lir-reġistri tal-operaturi ekonomiċi u l-bini msemmija fl-Artikolu 19(1) (a) u (b);

(13) "moviment ta’ oġġetti li huma soġġetti għas-sisa fi ħdan l-Unjoni" tfisser il-moviment bejn żewġ Stati Membri jew aktar ta’ oġġetti li huma soġġetti għas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa skont it-tifsira tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2008/118/KE jew ta’ oġġetti li huma soġġetti għas-sisa wara r-rilaxx għall-konsum skont it-tifsira tal-Kapitolu V, it-Taqsima 2, tad-Direttiva 2008/118/KE;

(14) "inkjesta amministrattiva" tfisser il-kontrolli, il-verifiki u l-azzjonijiet l-oħrajn kollha meħuda minn uffiċjali jew mill-awtoritajiet kompetenti fil-qadi ta’ dmirijiethom bil-għan li jiżguraw l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tas-sisa;

(15) "Netwerk tas-CCN/CSI" tfisser il-pjattaforma komuni bbażata fuq in-netwerk komuni tal-komunikazzjoni (CCN) u l-interface komuni tas-sistema (CSI), żviluppata mill-Unjoni sabiex tiżgura t-trasmissjonijiet kollha b’mezzi elettroniċi bejn l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam doganali u fil-qasam tat-tassazzjoni;

(16) "dazji tas-sisa" tfisser id-dazji msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/118/KE;

(17) "dokument ta’ assistenza amministrattiva reċiproka" tfisser dokument stabbilit fi ħdan is-sistema kompjuterizzata u li jintuża għall-iskambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 8, l-Artikolu 15 jew l-Artikolu 16 u li jintuża wkoll għal segwitu skont l-Artikolu 8 jew l-Artikolu 16;

(18) "dokument ta’ assistenza amministrattiva reċiproka ta’ sostenn" tfisser dokument f’forma stampata li jintuża għall-iskambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 8 jew l-Artikolu 15, f’każ li s-sistema kompjuterizzata ma tkunx disponibbli;

(19) "kontroll simultanju" tfisser kontrolli kkoordinati fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tas-sisa fuq is-sitwazzjoni ta’ operatur ekonomiku jew persuni relatati, organizzati minn żewġ Stati Membri parteċipanti jew aktar b’interessi komuni jew komplimentari.

Artikolu 3 L-awtoritajiet kompetenti

1. Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità kompetenti li f’isimha għandu japplika dan ir-Regolament. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dik il-ħatra u dwar kwalunkwe bidla sussegwenti fiha mingħajr dewmien.

2. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli lista tal-awtoritajiet kompetenti kollha u tippubblika din l-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4 L-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament tas-sisa u d-dipartimenti ta’ kollegament

1. Kull Stat Membru għandu jaħtar uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tas-sisa li lilu għandha tiġi ddelegata responsabbiltà prinċipali għal kuntratti ma’ Stati Membri oħrajn fil-qasam tal-kooperazzjoni amministrattiva. Huwa għandu jinforma b’dan lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn.

L-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tas-sisa jista’ jinħatar ukoll sabiex ikun responsabbli għal kuntratti mal-Kummissjoni.

2. L-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru għandha taħtar dipartimenti ta’ kollegament b’kompetenza territorjali speċifika jew b’responsabbiltà operazzjonali speċjalizzata, minbarra l-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tas-sisa, sabiex jiskambjaw direttament l-informazzjoni skont dan ir-Regolament.

L-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tas-sisa għandu jiżgura li l-lista ta’ dawn id-dipartimenti tinżamm aġġornata u tkun disponibbli għall-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament tas-sisa tal-Istati Membri l-oħrajn ikkonċernati.

Artikolu 5 L-uffiċjali kompetenti

1. L-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru tista’ taħtar, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru, uffiċjali kompetenti li jistgħu jiskambjaw direttament informazzjoni skont dan ir-Regolament.

L-awtorità kompetenti tista’ tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-delegazzjoni.

L-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tas-sisa għandu jkun responsabbli biex iżomm il-lista ta’ dawk l-uffiċjali aġġornata u li jagħmilha disponibbli għall-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament tas-sisa tal-Istati Membri l-oħrajn ikkonċernati.

2. L-uffiċjali li jiskambjaw informazzjoni skont l-Artikoli 12 u 13 għandhom jitqiesu bħala li huma uffiċjali kompetenti għall-iskop ta’ dawk l-Artikoli, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 6 L-obbligi tal-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tas-sisa, tad-dipartimenti ta’ kollegament u tal-uffiċjali kompetenti

1. L-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tas-sisa għandu jkollu r-responsabbiltà prinċipali għall-iskambji ta’ informazzjoni dwar il-movimenti ta’ oġġetti li huma soġġetti għas-sisa u, b’mod partikolari, għandu jkollu r-responsabbiltà prinċipali li jiżgura:

a) l-iskambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 8;

b) it-trasmissjoni tan-notifiki ta’ deċiżjonijiet amministrattivi u miżuri mitluba mill-Istati Membri skont l-Artikolu 14;

ċ) l-iskambji mandatorji ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 15;

d) l-iskambji spontanji fakultattivi ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 16;

e) il-provvediment ta’ rapporti dwar l-azzjonijiet ta’ segwitu skont l-Artikolu 8(5) u l-Artikolu 16(2);

f) l-iskambju ta’ informazzjoni maħżuna fil-bażi elettronika tad-dejta stabbilita fl-Artikolu 19;

g) il-provvediment ta’ informazzjoni statistika u informazzjoni oħra skont l-Artikolu 34.

2. Meta d-dipartimenti ta’ kollegament jew l-uffiċjali kompetenti jibagħtu jew jirċievu talbiet għall-għajnuna jew reazzjonijiet għal dawn it-talbiet għall-għajnuna, huma għandhom jinformaw lill-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tas-sisa tal-Istat Membru tagħhom skont il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dan tal-aħħar.

3. Meta dipartiment ta’ kollegament jew uffiċjal kompetenti jirċievi talbiet għall-assistenza li jirrikjedu azzjoni barra ż-żona territorjali jew operazzjonali tiegħu, huwa għandu minnufih jibgħathom lill-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tas-sisa tal-Istat Membru tiegħu u lill-uffiċjal kompetenti tad-dipartiment ta’ kollegament inkarigat u jinforma lill-awtorità rikjedenti dwarhom. F’każ bħal dan, il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 11 għandhom jibdew mill-għada li tintbagħat it-talba għall-assistenza lill-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tas-sisa u lill-uffiċjal kompetenti tad-dipartiment ta’ kollegament inkarigat, iżda mhux aktar tard minn ġimgħa waħda wara l-wasla tat-talba kif imsemmi fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu.

Artikolu 7 Informazzjoni jew dokumenti miksuba bl-awtorizzazzjoni jew fuq it-talba tal-awtorità ġudizzjarja

1. L-obbligu li tingħata l-għajnuna ma għandux jeskludi l-għoti ta’ informazzjoni jew dokumenti miksuba mill-awtorità rikjesta, fejn din tkun aġixxiet bl-awtorizzazzjoni jew fuq it-talba ta’ awtorità ġudizzjarja.

2. Il-komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-awtorità rikjedenti għandha tirrekjedi l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità ġudizzjarja jekk tali awtorizzazzjoni tkun meħtieġa skont il-liġi nazzjonali.

Kapitolu II Kooperazzjoni fuq talba

Artikolu 8 Doveri ġenerali tal-awtorità rikjesta

1. Fuq it-talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika l-informazzjoni meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tas-sisa, inkluż kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ każ speċifiku jew każijiet speċifiċi, speċjalment fir-rigward tal-movimenti ta’ oġġetti li huma soġġetti għas-sisa fi ħdan l-Unjoni.

2. Għall-finijiet tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità rikjesta għandha tagħmel l-arranġamenti għat-twettiq ta’ kwalunkwe inkjesta amministrattiva meħtieġa sabiex tinkiseb din l-informazzjoni.

3. It-talba msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tinkludi talba motivata għal inkjesta amministrattiva speċifika. Jekk l-awtorità rikjesta tiddeċiedi li ma hemmx bżonn ta’ inkjesta amministrattiva, hija għandha minnufih tinforma lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

4. Sabiex tinkiseb l-informazzjoni mitluba jew titwettaq l-inkjesta amministrattiva mitluba, l-awtorità rikjesta jew kwalunkwe awtorità amministrattiva li għaliha tkun tista’ tirrikorri l-awtorità rikjesta għandha tipproċedi bħallikieku qiegħda taġixxi f’isimha stess jew fuq it-talba ta’ awtorità oħra fl-Istat Membru tagħha stess.

5. L-awtorità rikjesta tista’ titlob lill-awtorità rikjedenti biex tipprovdi rapport dwar l-azzjoni ta’ segwitu meħuda mill-Istat Membru rikjedenti fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta. Jekk issir talba bħal din, l-awtorità rikjedenti għandha, mingħajr ħsara għar-regoli dwar is-segretezza u l-protezzjoni tad-dejta applikabbli fl-Istat Membru tagħha, tibgħat tali rapport mill-aktar fis possibbli, sakemm dan ma jkun jimponi ebda piż sproporzjonat fuqha.

Artikolu 9 Il-formola tat-talba u t-tweġiba

1. It-talbiet għall-informazzjoni u għall-inkjesti amministrattivi skont l-Artikolu 8 u t-tweġibiet għal dawn it-talbiet għandhom jiġu skambjati bl-użu ta’ dokument ta’ assistenza amministrattiva reċiproka, soġġett għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

Meta s-sistema kompjuterizzata ma tkunx disponibbli, għandu jintuża d-dokument ta’ assistenza amministrattiva reċiproka ta’ sostenn minflok id-dokument ta’ assistenza amministrattiva reċiproka.

2. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina:

(a) l-istruttura u l-kontenut tad-dokumenti ta’ assistenza amministrattiva reċiproka;

(b) ir-regoli u l-proċeduri relatati mal-iskambji ta’ dokumenti ta’ assistenza amministrattiva reċiproka;

(ċ) il-mudell tal-formola u l-kontenut tad-dokument ta’ assistenza amministrattiva reċiproka ta’ sostenn;

(d) ir-regoli u l-proċeduri relatati mal-użu tad-dokument ta’ assistenza amministrattiva reċiproka ta’ sostenn.

Il-Kummissjoni tista’ wkoll tadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina l-istruttura u l-kontenut tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 8(5).

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(2).

3. Kull Stat Membru għandu jiddetermina s-sitwazzjonijiet fejn is-sistema kompjuterizzata tista’ titqies bħala li mhijiex disponibbli.

4. Meta l-użu tad-dokument ta’ assistenza amministrattiva reċiproka ma jkunx prattiku, l-iskambju tal-messaġġi jista’ jitwettaq kompletament jew parzjalment b’mezzi oħrajn. F’każijiet eċċezzjonali bħal dawn, il-messaġġ għandu jkun akkumpanjat minn spjegazzjoni tar-raġuni għala l-użu tad-dokument ta’ assistenza amministrattiva reċiproka ma kienx prattiku.

Artikolu 10 L-għoti tad-dokumenti

1. Id-dokumenti ta’ kwalunkwe kontenut li għandhom ikunu pprovduti skont l-Artikolu 8 għandhom jiġu mehmuża mad-dokument ta’ assistenza amministrattiva msemmi fl-Artikolu 9(1).

Madankollu, f’każ li dan ma jkunx possibbli jew prattiku, id-dokumenti għandhom jiġu pprovduti permezz ta’ mezzi elettroniċi jew b’xi mod ieħor.

2. L-awtorità rikjesta għandu jkollha obbligu li tipprovdi d-dokumenti oriġinali biss meta dawn id-dokumenti jkunu meħtieġa għall-iskop imfittex mill-awtorità rikjedenti u meta dan ma jmurx kontra d-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità.

Artikolu 11 Limiti ta’ żmien

1. L-awtorità rikjesta għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8 mill-aktar fis possibbli, u mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-data tal-wasla tat-talba.

Madankollu, meta l-awtorità rikjesta tkun diġà fil-pussess ta’ dik l-informazzjoni, il-limitu ta’ żmien għandu jkun ta’ xahar.

2. F’ċerti kategoriji speċjali ta’ każijiet, jistgħu jiġu miftiehma limiti ta’ żmien differenti minn dawk stabbiliti fil-paragrafu 1 bejn l-awtoritajiet rikjesti u dawk rikjedenti.

31. Meta l-awtorità rikjesta ma tkunx tista’ twieġeb għat-talba sal-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 1, hija għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti bl-użu ta’ dokument ta’ assistenza amministrattiva reċiproka fi żmien xahar bir-raġunijiet għan-nuqqas tagħha milli tagħmel dan u tindika meta tassumi li ser tkun tista’ twieġeb.

Artikolu 12 Il-parteċipazzjoni ta’ uffiċjali minn Stati Membri oħrajn f’inkjesti amministrattivi

1. Permezz ta’ ftehim bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta u skont l-arranġamenti stabbiliti minn din tal-aħħar, l-uffiċjali awtorizzati mill-awtorità rikjedenti jistgħu jkunu preżenti fl-uffiċċji fejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Membru fejn hija stabbilita l-awtorità rikjesta jwettqu d-doveri tagħhom, jew kwalunkwe post ieħor fejn dawk l-awtoritajiet iwettqu d-doveri tagħhom, bil-għan li jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tas-sisa.

Meta l-informazzjoni mitluba tkun tinsab fid-dokumentazzjoni li għaliha jkollhom aċċess l-uffiċjali tal-awtorità rikjesta, l-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti għandhom jingħataw kopji tagħha.

2. Permezz ta’ ftehim bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta u skont l-arranġamenti stabbiliti minn din tal-aħħar, l-uffiċjali maħtura mill-awtorità rikjedenti jistgħu jkunu preżenti matul l-inkjesti amministrattivi mwettqa fit-territorju tal-Istat Membru rikjest bil-għan li jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tas-sisa.

Meta dan il-ftehim jintlaħaq, l-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti jista’ jkollhom aċċess għall-istess bini bħall-uffiċjali tal-awtorità rikjesta, permezz tal-intermedjarju ta’ dawk l-uffiċjali u għall-iskop waħdieni li titwettaq l-inkjesta amministrattiva. Fi kwalunkwe każ, l-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti ma għandhomx jeżerċitaw is-setgħat ta’ spezzjoni konferiti fuq l-uffiċjali tal-awtorità rikjesta.

3. L-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti preżenti fi Stat Membru ieħor skont il-paragrafi 1 u 2 għandhom f’kull ħin ikunu jistgħu jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tindika l-identità tagħhom u l-kapaċità uffiċjali tagħhom.

Artikolu 13 Kontrolli simultanji

1. Bil-għan li jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tas-sisa, żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jaqblu, fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju, li jwettqu kontrolli simultanji, fit-territorju tagħhom stess, tas-sitwazzjoni tad-dazju tas-sisa ta’ operatur ekonomiku wieħed jew aktar jew ta’ persuni oħrajn, li huma ta’ interess komuni u komplimentari, kull meta dawn il-kontrolli jidhru li huma aktar effettivi mill-kontrolli mwettqa minn Stat Membru wieħed biss.

2. Sabiex jinbeda ftehim imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha tissottometti proposta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn ikkonċernati.

Il-proposta għandha:

(a) tispeċifika l-każijiet proposti għal kontrolli simultanji;

(b) tidentifika individwalment kull persuna li fir-rigward tagħha huwa maħsub li jitwettaq tali kontroll;

(ċ) tiddikjara r-raġunijiet li jiġġustifikaw in-neċessità ta’ kontroll komuni;

(d) tispeċifika l-perjodu ta’ żmien li matulu huwa maħsub li jitwettqu tali kontrolli.

3. Malli jirċievu l-proposta msemmija fil-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jiddeċiedu dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-kontroll simultanju u għandhom jinnotifikaw b’dan lill-awtorità kompetenti li tipproponi mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn xahar mill-wasla ta’ dik il-proposta. Kwalunkwe rifjut ta’ parteċipazzjoni f’kontroll simultanju għandu jkun debitament motivat.

4. Jekk jiġi konkluż il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1, kull awtorità kompetenti li tipparteċipa f’dak il-ftehim għandha taħtar rappreżentant responsabbli għas-superviżjoni u l-koordinazzjoni tal-operazzjoni ta’ kontroll simultanju.

5. Wara li jwettqu kontroll simultanju, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw lill-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament tas-sisa tal-Istati Membri l-oħrajn mingħajr dewmien dwar kwalunkwe metodi jew prattiċi skoperti waqt il-kontrol simultanju li kienu użati jew li huma suspettati li ntużaw sabiex tinkiser il-leġiżlazzjoni tad-dazju tas-sisa, fejn ikun meqjus li tali informazzjoni hija ta’ interess partikolari għal Stati Membri oħrajn.

Artikolu 14 Talba għal notifika ta’ deċiżjonijiet u miżuri amministrattivi

1. Fuq it-talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha, skont ir-regoli li jirregolaw notifiki simili li huma fis-seħħ fl-Istat Membru tagħha, tinnotifika lid-destinatarju tad-deċiżjonijiet u l-miżuri kollha meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Membru rikjedenti dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali.

L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u l-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2010/24/UE.

2. It-talbiet għan-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isemmu s-soġġett tad-deċiżjoni jew tal-miżura li trid tiġi nnotifikata u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-identifikazzjoni tad-destinatarju.

3. L-awtorità rikjesta għandha, mingħajr dewmien, tinforma lill-awtorità rikjedenti dwar l-azzjoni tagħha fuq it-talba għan-notifika msemmija fil-paragrafu 1 u tinnotifikaha dwar id-data tat-trasmissjoni tad-deċiżjoni jew tal-miżura lid-destinatarju.

4. Meta l-awtorità rikjesta ma tkunx tista’ taġixxi fuq it-talba għan-notifika msemmija fil-paragrafu 1, hija għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti b’dan bil-miktub fi żmien xahar mill-wasla tat-talba.

L-awtorità rikjesta ma tistax tirrifjuta li taġixxi fuq talba bħal din minħabba l-kontenut tad-deċiżjoni jew tal-miżura li trid tiġi nnotifikata.

Kapitolu III Skambju ta’ informazzjoni mingħajr talba minn qabel

Artikolu 15 Skambju mandatorju ta’ informazzjoni

1. L-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru għandha tibgħat, mingħajr talba minn qabel, permezz ta’ skambju awtomatiku regolari jew immexxi minn avvenimenti, l-informazzjoni meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tas-sisa lill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn kollha kkonċernati, fil-każijiet li ġejjin:

(a) fejn ikun hemm irregolarità jew ksur tal-leġiżlazzjoni tas-sisa, jew suspett tagħhom, fi Stat Membru ieħor;

(b) fejn irregolarità jew ksur tal-leġiżlazzjoni tas-sisa li seħħew, jew li huma suspettati li seħħew, fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, jista’ jkollhom riperkussjonijiet fi Stat Membru ieħor;

(ċ) fejn ikun hemm riskju ta’ frodi jew telf ta’ dazju tas-sisa fi Stat Membru ieħor;

(d) fejn iseħħ avveniment eċċezzjonali matul il-moviment ta’ oġġetti li huma soġġetti għas-sisa fi ħdan l-Unjoni, li mhuwiex definit fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/118/KE u li jista’ jaffettwa l-kalkolu tar-responsabbiltà tad-dazju tas-sisa ta’ operatur ekonomiku.

2. Meta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun relatata ma’ moviment ta’ oġġetti li huma soġġetti għas-sisa fi ħdan l-Unjoni, din l-informazzjoni għandha tintbagħat bl-użu ta’ dokument ta’ assistenza amministrattiva reċiproka, soġġett għall-paragrafu 3.

Madankollu, meta l-użu ta’ dak id-dokument ma jkunx prattiku, l-iskambji tal-messaġġi jistgħu, eċċezzjonalment, jitwettqu kompletament jew parzjalment b’mezzi oħrajn. F’każijiet bħal dawn, il-messaġġ għandu jkun akkumpanjat minn spjegazzjoni tar-raġuni għala l-użu tad-dokument ta’ assistenza amministrattiva reċiproka ma kienx prattiku.

3. Meta s-sistema kompjuterizzata ma tkunx disponibbli, għandu jintuża d-dokument ta’ assistenza amministrattiva reċiproka ta’ sostenn minflok id-dokument imsemmi fil-paragrafu 2.

4. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina:

(a) il-kategoriji eżatti ta’ informazzjoni li għandha tiġi skambjata skont l-Artikolu 15(1);

(b) il-frekwenza tal-iskambju regolari għal kull kategorija ta’ informazzjoni;

(ċ) l-istruttura u l-kontenut tad-dokumenti ta’ assistenza amministrattiva reċiproka;

(d) il-forma u l-kontenut tad-dokument ta’ assistenza amministrattiva reċiproka ta’ sostenn;

(e) ir-regoli u l-proċeduri relatati mal-iskambji tad-dokumenti msemmija fil-punti (ċ) u (d).

Il-Kummissjoni tista’ wkoll tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina s-sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkunsidraw is-sistema kompjuterizzata bħala li mhijiex disponibbli għall-finijiet tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(2).

Artikolu 16 L-iskambju fakultattiv ta’ informazzjoni

1. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu, fi kwalunkwe każ, jibagħtu lil xulxin, mingħajr talba preċedenti, permezz ta’ skambju spontanju, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tas-sisa li tagħha jkunu konxji u li mhijiex koperta mill-Artikolu 15.

Għal dak il-għan, huma jistgħu jużaw is-sistema kompjuterizzata fejn is-sistema tkun kapaċi tipproċessa dik l-informazzjoni.

2. L-awtorità li tkun bagħtet l-informazzjoni lil xi awtorità oħra skont il-paragrafu 1 tista’ titlob lil dik l-awtorità l-oħra biex tipprovdi rapport dwar l-azzjoni ta’ segwitu meħuda mill-Istat Membru rikjedenti fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta. Jekk issir talba bħal din, l-awtorità l-oħra għandha, mingħajr ħsara għar-regoli dwar is-segretezza u l-protezzjoni tad-dejta applikabbli fl-Istat Membru tagħha, tibgħat dak ir-rapport mill-aktar fis possibbli, sakemm dan ma jimponi ebda piż amministrattiv sproporzjonat fuqha.

3. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina:

a) l-istruttura u l-kontenut tad-dokumenti ta’ assistenza amministrattiva reċiproka sabiex ikunu koperti l-aktar tipi komuni ta’ informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1;

b) ir-regoli u l-proċeduri relatati mal-iskambji tad-dokument ta’ assistenza amministrattiva reċiproka.

Il-Kummissjoni tista’ wkoll tadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina l-istruttura u l-kontenut tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 2.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(2).

Artikolu 17 Id-dover tal-Istati Membri li jiffaċilitaw l-iskambji ta’ informazzjoni mingħajr talba minn qabel

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri amministrattivi u organizzattivi meħtieġa sabiex jiffaċilitaw l-iskambji msemmija f’dan il-Kapitolu.

Artikolu 18 Limitazzjoni tal-obbligi

L-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati li jimponu, għall-iskopijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu, kwalunkwe obbligi ġodda fuq l-operaturi ekonomiċi relatati mal-ġbir tal-informazzjoni, u lanqas li jġorru xi piż amministrattiv sproporzjonat.

Kapitolu IV Il-ħażna u l-iskambju ta’ informazzjoni elettronika dwar l-operaturi ekonomiċi

Artikolu 19 Il-ħażna u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi u l-imħażen

1. L-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru għandha żżomm bażi elettronika tad-dejta li jkun fiha dawn ir-reġistri:

(a) reġistru tal-operaturi ekonomiċi li jappartjenu għal waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(i) magazzinieri awtorizzati skont it-tifsira tal-punt (1) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/118/KE;

(ii) destinatarji rreġistrati skont it-tifsira tal-punt (9) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/118/KE;

(iii) spedituri rreġistrati skont it-tifsira tal-punt (10) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/118/KE.

(b) reġistru ta’ bini awtorizzat bħal imħażen tat-taxxa skont it-tifsira tal-punt (11) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/118/KE.

2. Ir-reġistri msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fihom din l-informazzjoni:

(a) in-numru tas-sisa uniku maħruġ mill-awtorità kompetenti fir-rigward ta’ operatur ekonomiku jew bini;

(b) l-isem u l-indirizz tal-operatur ekonomiku jew tal-bini;

(ċ) il-kategorija tal-prodotti soġġetti għas-sisa (CAT) u/jew il-kodiċi tal-prodotti soġġetti għas-sisa (EPC) imsemmija fl-Anness II, il-lista tal-kodiċi 11 tar-Regolament (KE) 684/2009 tal-prodotti koperti mill-awtorizzazzjoni;

(d) l-identifikazzjoni tal-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tas-sisa jew tal-uffiċċju tas-sisa minn fejn tista’ tinkiseb aktar informazzjoni;

(e) id-data minn meta l-awtorizzazzjoni tkun valida, tiġi emendata u, fejn applikabbli, tieqaf milli tkun valida;

(f) għall-magazzinieri awtorizzati, il-maħżen tat-taxxa jew il-lista ta’ mħażen tat-taxxa li għalihom tapplika l-awtorizzazzjoni tagħhom u, jekk applikabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, indikazzjoni li huma awtorizzati biex jaqsmu moviment skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/118/KE jew li huma awtorizzati li jkollhom l-oġġetti soġġetti għas-sisa mċaqilqa lejn post ta’ kunsinna diretta skont l-Artikolu 17(2) ta’ dik id-Direttiva;

(g) għad-destinatarji rreġistrati, jekk applikabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, indikazzjoni li huma awtorizzati biex ikollhom l-oġġetti soġġetti għas-sisa mċaqilqa lejn post ta’ kunsinna diretta skont l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2008/118/KE;

(h) għad-destinatarji rreġistrati msemmija fl-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2008/118/KE, il-kontenut tal-awtorizzazzjoni rigward il-kwantità ta’ oġġetti li huma soġġetti għas-sisa, l-identità tal-ispeditur fl-Istat Membru tad-dispaċċ u l-perjodu ta’ żmien li għalih hija valida l-awtorizzazzjoni;

(i) minkejja l-punt (h), għad-destinatarji rreġistrati msemmija fl-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2008/118/KE li għandhom awtorizzazzjoni biex jirċievu inbid minn spedituri li jibbenifikaw mid-deroga stabbilita fl-Artikolu 40 tad-Direttiva 2008/118/KE, l-identità tal-ispeditur fl-Istat Membru tad-dispaċċ għandha titħalla barra. Fir-reġistru għandha tkun inkluża indikazzjoni tad-deroga skont l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2008/118/KE;

(j) għall-imħażen tat-taxxa, il-magazzinier awtorizzat jew il-lista ta’ magazzinieri awtorizzati li għalihom huwa awtorizzat biex jintuża dan il-maħżen tat-taxxa.

3. L-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tas-sisa jew dipartiment ta’ kollegament ta’ kull Stat Membru għandu jiżgura li l-informazzjoni inkluża fir-reġistri nazzjonali tkun kompleta, akkurata u aġġornata.

4. L-informazzjoni li tinsab fir-reġistri nazzjonali rispettivi kif imsemmi fil-paragrafu 2 għandha tiġi skambjata b’mod awtomatiku permezz ta’ reġistru ċentrali.

Il-Kummissjoni għandha topera r-reġistru bħala parti mis-sistema kompjuterizzata b’mod li jiżgura f’kull ħin, dehra korretta u aġġornata tad-dejta tar-reġistri nazzjonali kollha pprovduti mill-Istati Membri kollha.

L-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament tas-sisa jew id-dipartimenti ta’ kollegament tal-Istati Membri għandhom jikkomunikaw f'waqtu l-kontenut tar-reġistru nazzjonali, kif ukoll kwalunkwe modifika fih, lill-Kummissjoni.

Artikolu 20 L-aċċess għal u l-korrezzjoni tal-informazzjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-persuni involuti fil-moviment ta’ oġġetti li huma soġġetti għas-sisa fi ħdan l-Unjoni jkunu awtorizzati biex jiksbu konferma, b’mezzi elettroniċi, tal-validità tan-numri tas-sisa miżmuma fir-reġistru ċentrali msemmi fl-Artikolu 19(4). Il-Kummissjoni għandha tibgħat kwalunkwe talba għal korrezzjoni ta’ din l-informazzjoni minn operatur ekonomiku lill-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tas-sisa jew lid-dipartiment ta’ kollegament li huwa responsabbli għall-awtorizzazzjoni ta’ dak l-operatur ekonomiku.

2. L-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament tas-sisa jew id-dipartimenti ta’ kollegament tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jkunu awtorizzati biex jiksbu konferma tal-informazzjoni miżmuma skont dan l-Artikolu 19(2) dwarhom u biex jikkoreġu kwalunkwe inakkuratezza.

Artikolu 21 Iż-żamma tad-dejta

1. L-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru għandha żżomm l-informazzjoni dwar il-movimenti ta’ oġġetti li huma soġġetti għas-sisa fi ħdan l-Unjoni u r-rekords li jinsabu fir-reġistri nazzjonali definiti fl-Artikolu 19 għal mill-inqas tliet snin mill-aħħar tas-sena kalendarja li fiha beda l-moviment, sabiex dik l-informazzjoni tkun tista’ tintuża għall-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament. L-informazzjoni miġbura permezz tas-sistema kompjuterizzata għandha tinżamm f’dik is-sistema b’tali mod li jkun possibbli li tiġi rkuprata u tkompli tiġi pproċessata dik l-informazzjoni fi ħdan is-sistema b’reazzjoni għal talba għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8.

2 L-Istati Membri għandhom, fl-iskadenza tal-perjodu applikabbli għaż-żamma tad-dejta, jew iħassru l-kontenut tar-rekords miżmuma, jew inkella jarkivjawhom f’forma li ma tippermettix l-identifikazzjoni tal-operatur(i) ekonomiku/ċi kkonċernati.

Artikolu 22 Implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni:

(a) sabiex tispeċifika d-dettalji tekniċi dwar l-aġġornament awtomatizzat tal-bażijiet tad-dejta msemmija fl-Artikolu 19(1) u tar-reġistru ċentrali msemmi fl-Artikolu 19(4);

(b) sabiex tispeċifika r-regoli u l-proċeduri dwar l-aċċess għal u l-korrezzjoni tal-informazzjoni skont l-Artikolu 20(1);

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(2).

Kapitolu V Kondizzjonijiet komuni li jirregolaw l-għajnuna

Artikolu 23 Ir-reġim tal-lingwa

It-talbiet għall-assistenza, inklużi t-talbiet għal notifiki, u d-dokumenti mehmuża jistgħu jsiru bi kwalunkwe lingwa miftiehma bejn l-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti. It-talbiet ikunu jirrikjedu traduzzjoni li takkumpanjahom biss, fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità rikjesta, jekk l-awtorità rikjesta tipprovdi ġustifikazzjoni li tispjega l-ħtieġa għal traduzzjoni.

Artikolu 24 Il-kwalità tas-servizz

1. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet tas-sistema kompjuterizzata meħtieġa għall-iskambju tal-informazzjoni deskritti f’dan ir-Regolament ikunu operazzjonali, miżmuma kif suppost u żviluppati aktar.

2. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkonkludu ftehim fil-livell tas-servizz u jaqblu fuq politika ta’ sigurtà għas-sistema kompjuterizzata. Il-ftehim fil-livell tas-servizz għandu jiddefinixxi l-kwalità teknika u l-kwantità tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri sabiex jiġi żgurat tħaddim sikur tal-partijiet kollha tas-sistema kompjuterizzata u tal-komunikazzjoni elettronika u t-tqassim tar-responsabbiltajiet għall-iżvilupp ulterjuri ta’ dik is-sistema.

Artikolu 25 Limiti ġenerali għad-doveri tal-awtorità rikjesta

1. L-awtorità rikjesta fi Stat Membru wieħed għandha tipprovdi lill-awtorità rikjedenti fi Stat Membru ieħor bl-informazzjoni mitluba skont dan ir-Regolament sakemm l-awtorità rikjedenti tkun eżawriet is-sorsi ta’ informazzjoni tas-soltu li setgħet użat fiċ-ċirkostanzi biex tikseb l-informazzjoni mitluba, mingħajr ir-riskju li tikkomprometti l-kisba tar-riżultat mixtieq.

2. Dan ir-Regolament ma għandu jimponi l-ebda obbligu fuq l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru biex iwettqu inkjesti jew biex jipprovdu informazzjoni jekk il-liġijiet jew il-prattiċi amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru ma jawtorizzawx lill-awtoritajiet biex iwettqu tali inkjesti jew biex jiġbru jew jużaw dik l-informazzjoni għall-iskopijiet proprji ta’ dak l-Istat Membru.

3. L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tirrifjuta li tibgħat l-informazzjoni jekk l-Istat Membru rikjedenti ma jkunx jista’, għal raġunijiet legali, jipprovdi informazzjoni simili.

4. L-għoti tal-informazzjoni jista’ jiġi rrifjutat jekk dan ikun ser iwassal għall-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali jew ta’ proċess kummerċjali, jew meta l-iżvelar tagħha jmur kontra l-politika pubblika. L-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw li jipprovdu informazzjoni dwar operatur ekonomiku għas-sempliċi raġuni li din l-informazzjoni tinżamm minn bank jew istituzzjoni finanzjarja oħra, minn persuna nominata jew persuna li taġixxi bħala aġent jew fiduċjarju jew minħabba li tkun relatata mal-interessi ta' sjieda f’persuna legali.

5. L-awtorità rikjesta għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għar-rifjut ta’ talba għall-għajnuna. Huma għandhom jinformaw ukoll lill-Kummissjoni bil-kategoriji tar-raġunijiet għal rifjuti bħal dawn fuq bażi annwali għal skopijiet ta’ statistika.

Artikolu 26 Spejjeż

L-Istati Membri għandhom jirrinunzjaw b’mod reċiproku il-pretesjonijiet kollha għal rimborż tal-ispejjeż fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-pretensjonijiet relatati mal-ħlasijiet lill-esperti.

Artikolu 27 Ammont minimu

1. Il-possibbiltà li tintalab assistenza skont dan ir-Regolament tista’ tkun soġġetta għal limitu ta’ ammont minimu dovut fir-rigward tad-dazji tas-sisa.

2. Il-Kummissjoni tista’ tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni sabiex tispeċifika l-limitu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(2).

Artikolu 28 Is-segretezza uffiċjali, il-protezzjoni tad-dejta u l-użu tal-informazzjoni kkomunikata skont dan ir-Regolament

1. L-informazzjoni kkomunikata jew miġbura mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament jew kwalunkwe informazzjoni li kellu aċċess għaliha uffiċjal jew impjegat ieħor, jew kuntrattur, waqt il-qadi ta’ dmirijietu, għandha tkun koperta mill-obbligu ta’ segretezza uffiċjali u għandha tgawdi l-protezzjoni mogħtija lil informazzjoni simili skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jirċievi dik l-informazzjoni.

2. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tintuża għall-iskopijiet li ġejjin:

(a) l-istabbiliment tal-bażi tal-valutazzjoni għad-dazji tas-sisa;

(b) il-ġbir jew il-kontroll amministrattiv tad-dazji tas-sisa;

(ċ) il-monitoraġġ tal-movimenti tal-oġġetti li huma soġġetti għas-sisa;

(d) l-analiżi tar-riskju fil-qasam tad-dazji tas-sisa;

(e) l-inkjesti fil-qasam tad-dazji tas-sisa;

(f) l-istabbiliment ta’ taxxi, dazji u ħlasijiet oħrajn koperti mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/24/UE.

Madankollu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jipprovdi l-informazzjoni għandha tippermetti l-użu tagħha għal skopijiet oħrajn fl-Istat Membru tal-awtorità rikjedenti, jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-awtorità rikjesta tippermetti li l-informazzjoni tintuża għal skopijiet simili f’dak l-Istat Membru.

Sakemm ikun permess mil-liġi nazzjonali, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tintuża b’konnessjoni mal-proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi li jistgħu jinvolvu pieni bħala riżultat ta’ ksur tal-liġi fiskali, mingħajr ħsara għar-regoli li jirregolaw id-dritt tal-konvenuti u x-xhieda fi proċedimenti bħal dawn.

3. Meta l-awtorità rikjedenti tqis li l-informazzjoni li tkun irċeviet mill-awtorità rikjesta tista’ tkun utli għall-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, hija tista’ tibgħatha lil dik l-awtorità. Hija għandha tinforma b’dan lill-awtorità rikjesta.

L-awtorità rikjesta tista’ tagħmel il-komunikazzjoni tal-informazzjoni lil Stat Membru ieħor soġġetta għall-kunsens minn qabel tagħha.

4. Il-ħażniet jew l-iskambji kollha ta’ informazzjoni mill-Istati Membri msemmija f’dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom, għall-iskop tal-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament, jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 10, l-Artikolu 11(1) u l-Artikoli 12 u 21 tad-Direttiva 95/46/KE safejn ikun meħtieġ sabiex ikunu salvagwardjati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(1) (e) ta’ dik id-Direttiva. Dawn ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati għall-interess inkwistjoni.

Artikolu 29 Aċċess għall-informazzjoni taħt l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni

Persuni debitament awtorizzati mill-Kummissjoni jistgħu jiġu pprovduti b’aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 28(4) biss safejn ikun meħtieġ għall-kura, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tan-netwerk CCN/CSI u l-operat tar-reġistru ċentrali.

Dawn il-persuni għandhom ikunu soġġetti għall-obbligu ta’ segretezza uffiċjali. L-informazzjoni aċċessata għandha tkun protetta bħala dejta personali skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 30 Valur evidenzjali tal-informazzjoni miksuba

Ir-rapporti, id-dikjarazzjonijiet u kwalunkwe dokumenti oħrajn jew kopji veri ċċertifikati jew estratti tagħhom miksuba mill-uffiċjali tal-awtorità rikjesta u kkomunikati lill-awtorità rikjedenti skont dan ir-Regolament jistgħu jiġu invokati bħala evidenza mill-korpi kompetenti tal-Istat Membru tal-awtorità rikjedenti fuq l-istess bażi bħad-dokumenti simili pprovduti minn awtorità oħra ta’ dak l-Istat Membru.

Artikolu 31 Obbligu ta' kooperazzjoni

1. Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex:

(a) jiżgura l-koordinazzjoni interna effettiva bejn l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 3;

(b) jistabbilixxi kooperazzjoni diretta bejn l-awtoritajiet awtorizzati għall-finijiet tal-koordinazzjoni msemmija fil-punt (a);

(ċ) jiżgura t-tħaddim bla xkiel tas-sistema ta’ skambju tal-informazzjoni stabbilita f’dan ir-Regolament.

2. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru kwalunkwe informazzjoni meħtieġa sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tas-sisa, li hija tirċievi u li tista’ tipprovdi.

Artikolu 32 Ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi

1. Meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tirċievi informazzjoni minn pajjiż terz, dik l-awtorità tista’ tgħaddi l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kwalunkwe Stat Membru li jistgħu jkunu interessati fiha u, fi kwalunkwe każ, lil dawk kollha li jitolbuha, sakemm dan ikun permess mill-arranġamenti ta’ assistenza ma’ dak il-pajjiż terz partikolari. Din l-informazzjoni tista’ tintbagħat ukoll lill-Kummissjoni kull meta tkun fl-interess tal-Unjoni u għall-istess skopijiet li għandu dan ir-Regolament.

2. Sakemm il-pajjiż terz ikkonċernat ikun impenja ruħu legalment li jipprovdi l-għajnuna meħtieġa sabiex tinġabar l-evidenza tan-natura irregolari tat-tranżazzjonijiet li jidhru li jmorru kontra l-leġiżlazzjoni tas-sisa, l-informazzjoni miksuba skont dan ir-Regolament tista’ tiġi kkomunikata lil dak il-pajjiż terz, bil-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti li pprovdew l-informazzjoni, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, għall-istess skopijiet li għalihom ġiet ipprovduta din l-informazzjoni u skont id-Direttiva 95/46/KE, b’mod partikolari dispożizzjonijiet dwar it-trasferimenti ta’ dejta personali lil pajjiżi terzi, u l-miżuri legali nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva.

Artikolu 33 Assistenza lill-operaturi ekonomiċi

1. L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru fejn huwa stabbilit speditur ta’ oġġetti tas-sisa jistgħu jagħtu għajnuna lil dak l-ispeditur meta dan tal-aħħar jonqos li jirċievi rapport tal-wasla msemmi fl-Artikolu 24(4) tad-Direttiva 2008/118/KE jew, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 33(1) ta’ dik id-Direttiva, kopja tad-dokument li jakkumpanja msemmi fl-Artikolu 34 ta’ dik id-Direttiva.

L-għoti ta’ din l-assistenza għandu jkun mingħajr ħsara għall-obbligi fiskali tal-ispeditur assistit.

2. Meta Stat Membru jagħti għajnuna skont il-paragrafu 1 u jqis li huwa meħtieġ li tinkiseb informazzjoni minn xi Stat Membru ieħor, huwa għandu jitlob din l-informazzjoni skont l-Artikolu 8. L-Istat Membru l-ieħor jista’ jirrifjuta li jikseb l-informazzjoni mitluba f’każ li l-ispeditur ma jkunx eżawrixxa l-mezzi kollha disponibbli għalih sabiex jikseb prova li l-moviment tal-oġġetti tas-sisa wasal fi tmiemu.

Kapitolu VI Evalwazzjoni u dispożizzjonijiet Tranżitorji u finali

Artikolu 34 Evalwazzjoni tal-arranġamenti, il-ġbir ta’ statistika operazzjonali u r-rappurtar

1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw u jevalwaw l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha regolarment tiġbor fil-qosor l-esperjenza tal-Istati Membri bil-għan li ttejjeb it-tħaddim tas-sistema stabbilita minn dan ir-Regolament.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja:

(a) kwalunkwe informazzjoni disponibbli li hija rilevanti għall-esperjenza tagħhom bl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż kwalunkwe dejta statistika meħtieġa għall-evalwazzjoni tiegħu;

(b) kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar il-metodi jew il-prattiċi attwali jew suspettati li jintużaw biex jikkontravjenu l-leġiżlazzjoni tas-sisa meta dawn il-metodi jew prattiċi jikxfu nuqqasijiet jew lakuni fl-operat tal-proċeduri definiti f’dan ir-Regolament.

Bil-għan li jevalwaw l-effettività ta’ din is-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva fl-infurzar tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-sisa u jiġġieldu l-evażjoni u l-frodi fir-rigward tad-dazji tas-sisa, l-Istati Membri jistgħu jikkomunikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni disponibbli barra dik l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri lill-Istati Membri l-oħrajn ikkonċernati.

L-obbligu tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni u d-dejta statistika ma għandu jinvolvi l-ebda żieda mhux ġustifikata tal-piż amministrattiv.

3. Il-Kummissjoni tista’ tislet l-informazzjoni direttament mill-messaġġi ġġenerati mis-sistema kompjuterizzata għal skopijiet operazzjonali u ta’ statistika, soġġetta għall-Artikolu 28.

4. L-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri għall-iskopijiet tal-paragrafu 1 u 2 ma għandu jkollha ebda dejta individwali jew personali.

5. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina, bl-iskop li timplimenta dan l-Artikolu, id-dejta statistika rilevanti kkomunikata mill-Istati Membri, l-informazzjoni li trid tiġi estratta mill-Kummissjoni u r-rapporti statistiċi li għandhom jitħejjew mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(2).

Artikolu 35 Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa stabbilit mill-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2008/118/KE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 36 Revoka tar-Regolament (KE) Nru 2073/2004

Ir-Regolament (KE) Nru 2073/2004 huwa rrevokat.

Ir-referenzi għar-Regolament irrevokat għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 37 Ir-rappurtar lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

Kull ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u b’mod partikolari fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 38 Arranġamenti Bilaterali

1. Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr ħsara għall-issodisfar ta’ kwalunkwe obbligu usa’ fir-rigward tal-għajnuna reċiproka li tirriżulta minn atti legali oħrajn, inklużi ftehimiet bilaterali jew multilaterali.

2. Meta l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 3(1) jikkonkludu arranġamenti fuq kwistjonijiet bilaterali koperti minn dan ir-Regolament għajr milli biex jindirizzaw każijiet individwali, huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn.

Artikolu 39 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNE SS

Tabella Nru 1 ta’ Korrelazzjoni: ir-Regolament (KE) Nru. 2073/2004 > ir-Regolament il-Ġdid |

Artikolu 2073/2004 | Artikolu Ġdid | Artikolu 2073/2004 | Artikolu Ġdid |

1 | 1 | 20 | 17 |

2 | 2 | 21 | 18 |

3 | 3, 4, 5, 6 | 22 | 19, 20 |

4 | 7 | 23 | - |

5 | 8 | 24 | 33 |

6 | 9 | 25 | 21 |

7 | 7, 10 | 26 | 34 |

8 | 11 | 27 | 32 |

9 | 11 | 28 | 9, 15,16, 22 |

10 | 11 | 29 | 23 |

11 | 12 | 30 | 25,27,28, |

12 | 13 | 31 | 28, 29, 32 |

13 | 13 | 32 | 30 |

14 | 14 | 33 | 31 |

15 | 14 | 34 | 35 |

16 | 14 | 35 | 37 |

17 | 15 | 36 | 38 |

18 | 15 | 37 | 39 |

19 | 16 |

[pic][pic][pic]

[1] OJ L 330, 15.12.2007, p 1

[2] ĠU L 4, 31.3.2010, p 1.

[3]

[4] ĠU Ċ , , p. .

[5] ĠU Ċ , , p. .

[6] ĠU Ċ , , p. .

[7] ĠU L 359, 4.12.2004, p. 1.

[8] ĠU L 162, 1.7.2003, p. 5

[9] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[10] ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

[11] ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

Top