EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0607R(01)

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006

/* COM/2011/0607 final /2 - 2011/0268 (COD) */

52011PC0607R(01)

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 /* COM/2011/0607 final /2 - 2011/0268 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-qgħad u r-rati għolja b'mod persistenti ta’ faqar jeħtieġu azzjoni fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali. Illum, kważi 23 miljun ruħ huma qiegħda u 'l fuq minn 113-il miljun huma stmati li jgħixu fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni. Il-kwistjonijiet soċjali u tal-impjiegi huma tħassib primarju għaċ-ċittadini Ewropej u huwa qasam fejn huwa mistenni aktar mill-Unjoni. Sfidi addizzjonali li tiffaċċja l-Unjoni huma relatati ma': nuqqasijiet fil-livelli tal-ħiliet, rendiment baxx fil-politika tas-suq tax-xogħol attiv u fis-sistemi edukattivi, l-esklużjoni soċjali tal-gruppi marġinalizzati, u mobbiltà baxxa tal-ħaddiema. Hemm ħtieġa għal inizjattivi ta' politika kif ukoll għal azzjonijiet ta' appoġġ konkreti.

Ħafna minn dawn il-problemi marru għall-agħar bil-kriżi finanzjarja u ekonomika, ix-xejriet demografiċi u migratorji u l-pass mgħaġġel tal-bidla teknoloġika. Jekk dawn ma jiġux indirizzati b’mod effettiv, jikkostitwixxu sfida sinifikanti għall-koeżjoni soċjali u l-kompetittività. Għalhekk huwa essenzjali li l-investiment li jtejjeb it-tkabbir fl-infrastruttura, fil-kompetittività reġjonali u fl-iżvilupp tan-negozju jiġi akkumpanjat b’miżuri li jsostnu l-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli fl-oqsma tal-politika tas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-inklużjoni soċjali, l-adattabbiltà tal-ħaddiema, l-intrapriżi u l-intraprendituri, u l-kapaċità amministrattiva.

Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jappoġġa l-politiki u l-prijoritajiet li jimmiraw għall-kisba ta' progress lejn livell massimu ta' impjiegi, it-tisħiħ tal-kwalità u l-produttività fix-xogħol, iż-żieda tal-mobbiltà ġeografika u okkupazzjonali tal-ħaddiema fl-Unjoni, it-titjib tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, u b'hekk ikunu qed jikkontribwixxu għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

Billi l-FSE għandu jkun allinjat bis-sħiħ mal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-miri ewlenin tagħha, dan għandu jappoġġa l-politiki segwiti mill-Istati Membri skont il-Linji Gwida Integrati adottati skont l-Artikoli 121 u 148(4) tat-Trattat u r-Rakkomandazzjonijiet dwar il-Programmi tar-Riforma Nazzjonali. L-istabbiliment ta' ishma u ammonti minimi għall-FSE bħala wieħed mill-Fondi Strutturali se jiżgura li l-prijoritajiet tal-Unjoni jiġu riflessi b'mod xieraq fil-volum tal-investiment dirett lejn iċ-ċittadini Ewropej.

L-FSE se jagħmel ukoll kontribuzzjoni prezzjuża lil prijoritajiet importanti oħra tal-Istrateġija Ewropa 2020, bħat-tisħiħ tal-investiment tagħna fir-riċerka u l-innovazzjoni, it-tisħiħ tal-aċċessibbiltà u l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, iż-żieda tal-kompetittività tal-impriżi żgħar u medji, l-appoġġ tal-bidla lejn ekonomija baxxa fil-karbonju, il-protezzjoni tal-ambjent, u l-promozzjoni tal-użu sostenibbli tar-riżorsi. L-FSE se jaħdem f'sinerġija mal-Programm integrat il-ġdid għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni. Flimkien, dawn se jikkostitwixxu l-Inizjattiva Ewropea komprensiva għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet pubbliċi għall-ħames Rapport ta' Progress dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali[1], ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE[2] u l-proposti għall-qafas finanzjarju multiannwali[3], kollha tqiesu għal din il-proposta.

Il-konsultazzjoni pubblika dwar il-konklużjonijiet tal-ħames Rapport dwar il-Koeżjoni saret bejn it-12 ta' Novembru 2010 u l-31 ta' Jannar 2011 u kkonludiet bil-Forum ta' Koeżjoni. Waslu total ta’ 444 kontribuzzjoni. Il-konvenuti kienu jinkludu l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-imsieħba soċjali, organizzazzjonijiet ta' interess Ewoprew, organizzazzjonijiet non-governattivi, ċittadini u partijiet interessati oħra. Il-konsultazzjoni ppreżentat serje ta' mistoqsijiet dwar il-futur tal-politika ta' koeżjoni. Ġiet ippubblikata taqsira tar-riżultati fit-13 ta' Mejju 2011[4].

Barra minn hekk, ġew organizzati konferenzi speċifiċi u seminars li jiffokaw fuq il-futur tal-FSE. F'Ġunju 2010 il-konferenza "L-FSE u l-Ewropa 2020" ġabret flimkien aktar minn 450 rappreżentant ta' livell għoli mill-awtoritajiet pubbliċi, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili f'livell tal-UE u nazzjonali kif ukoll mill-pajjiżi terzi. Barra minn hekk, f'Diċembru 2010 sar seminar mal-NGOs u l-imsieħba soċjali dwar il-futur tal-FSE.

Apparti minn hekk, fis-7 ta' Ottubru 2010, il-Parlament Ewropew adotta reżoluzzjoni dwar il-futur tal-politika ta' koeżjoni u l-FSE[5]. Il-Kummissjoni Ewropea talbet ukoll għal opinjonijiet esploratorji mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali[6] u mill-Kumitat tar-Reġjuni[7] u rċeviethom.

Ġie provdut parir espert permezz tal-grupp ad hoc tal-Kumitat tal-FSE dwar il-futur tal-Fond Soċjali Ewropew, grupp informali ta' esperti mill-Istati Membri u l-imsieħba soċjali. Il-grupp ad hoc iltaqa’ seba' darbiet bejn Diċembru 2009 u Marzu 2011. Barra minn hekk, ġie stabbilit grupp ta' ħidma bir-rappreżentanti tal-Istati Membri biex jiġu diskussi l-indikaturi komuni. Dan iltaqa' erba' darbiet u stabbilixxa l-bażi għall-indikaturi proposti. Il-Kumitat tal-FSE innifsu ħareġ opinjonijiet dwar il-futur tal-FSE fil-laqgħat tiegħu tat-3 ta' Ġunju 2010 u l-10 ta' Marzu 2011. Kemm il-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) kif ukoll il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (SPC) ħarġu opinjonijiet speċifiċi wkoll, f'Jannar u Marzu 2011, rispettivament.

Ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet ex-post li twettqu fil-programmi ta' bejn l-2000 u l-2006, u medda kbira ta' studji, intużaw bħala input. Twettqet valutazzjoni tal-impatt b'mod speċifiku għar-Regolament tal-FSE, bħala parti minn pakkett ta' tliet valutazzjonijiet tal-impatt li jkopru wkoll r-Regolamenti tal-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni u l-valutazzjonijiet tal-impatt għar-Regolament Ġenerali li jirregola l-FSE, l-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni.

Il-valutazzjoni tal-impatt għar-Regolament tal-FSE indirizzat prinċipalment il-kamp ta' applikazzjoni tal-istrument u aspett speċifiku wieħed tas-simplifikazzjoni. Din iddiskutiet ukoll l-artikulazzjoni bejn u l-komplimentarjetà mal-istrumenti finanzjarji disponibbli għad-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, jiġifieri l-FSE, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, il-programm PROGRESS, il-EURES u l-Faċilità Mikrofinanzjarja PROGRESS.

Dan huwa appoġġ wiesa' ħafna għar-rwol tal-FSE. L-FSE jitqies li qed jipprovdi valur miżjud Ewropew konsiderevoli minħabba li jippermetti lill-Istati Membri u r-reġjuni jindirizzaw il-prijoritajiet ewlenin Ewropej permezz tal-finanzjament Ewropew. Jitqies bħala element importanti fl-indirizzar tal-isfidi ewlenin li jiffaċċjaw iċ-ċittadini Ewropej u fil-progress lejn il-miri stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020. L-iffokar fuq l-isfidi ewlenin u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill jitqies bħala prekundizzjoni importanti għall-effettività tal-appoġġ. It-tnaqqis tal-komplessità tal-appoġġ u tal-piż tal-awditjar relatat, l-aktar għall-benefiċjarji iżgħar, jitqies ukoll bħala qasam importanti li għandu jiġi indirizzat.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) huwa stabbilit permezz tal-Artikolu 162 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). It-termini ta' żmien għar-reviżjoni tal-finanzjament tal-UE għall-promozzjoni tal-koeżjoni huma marbuta mal-proposta għal Qafas Finanzjarju Multiannwali ġdid, kif imsemmi fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni.

Din il-proposta għal Regolament hija bbażata fuq l-Artikolu 164 TFUE. Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru […] jistabbilixxi l-qafas għall-azzjoni mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta' Koeżjoni u jistabbilixxi, b'mod partikolari, l-għanijiet tematiċi, il-prinċipji u r-regoli dwar l-ipprogrammar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, il-ġestjoni u l-kontroll.

Fi ħdan dan il-qafas ġenerali, din il-proposta tiddefinixxi l-missjoni u l-kamp ta' applikazzjoni tal-FSE, flimkien mal-prijoritajiet ta' investiment assoċjati li jindirizzaw l-għanijiet tematiċi, u tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-programmi operattivi kofinanzjati mill-FSE u dwar in-nefqa eliġibbli.

L-FSE se jopera fi ħdan il-kuntest tal-Artikolu 174 TFUE, li jsejjaħ għal azzjoni mill-Unjoni Ewropea sabiex issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha u tippromwovi żvilupp armonjuż globali permezz tat-tnaqqis tad-diverġenzi bejn il-livelli tal-iżvilupp tar-reġjuni u l-promozzjoni tar-reġjuni l-inqas vantaġġati.

Kif enfasizzat ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE, "il-baġit tal-UE għandu jintuża sabiex jiffinanzja ġid pubbliku tal-UE, azzjonijiet li l-Istati Membri u r-reġjuni ma jistgħux jiffinanzjawhom huma stess, jew fejn jista' jikseb riżultati aħjar"[8]. Din il-proposta tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà hekk kif inhuma stabbiliti l-kompiti tal-FSE fit-Trattat u l-politika hija implimentata skont il-prinċipju tal-ġestjoni konġunta u bir-rispett tal-kompetenzi istituzzjonali tal-Istati Membri u tar-reġjuni.

4.           IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Qafas Finanzjarju Multiannwali tinkludi EUR 376 biljun għall-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta' bejn l-2014 u l-2020.

Baġit propost 2014-2020 || EUR biljun || Sehem minimu tal-FSE || Ammont tal-FSE minimu li jirriżulta EUR biljun

Reġjuni l-inqas żviluppati Reġjuni ta' tranżizzjoni Reġjuni aktar żviluppati Kooperazzjoni territorjali Fond ta' Koeżjoni Allokazzjoni addizzjonali għal reġjuni l-aktar imbiegħda b'poplazzjoni baxxa || 162.6 38.9 53.1 11.7 68.7 0.926 || 25 % 40 % 52 % - - - || 40.7 15.6 27.6 - - -

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, għat-trasport, l-enerġija u l-ICT || EUR 40 biljun (b'EUR 10 biljuni addizzjonali separati għal użu preċiż fil-Fond ta' Koeżjoni) || - ||

*Iċ-ċifri kollha bil-prezzijiet kostanti tal-2011

Bl-għan li tissaħħaħ l-abbiltà tal-Fondi li jwettqu l-miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020, din il-proposta tistabbilixxi ishma minimi għall-FSE għal kull kategorija ta' reġjuni definita fil-proposta għal Regolament Ġenerali. Dan jirriżulta f'sehem minimu globali għall-FSE ta' 25 % tal-baġit allokat lill-politika ta' koeżjoni (eskluża l-allokazzjoni lill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa), jiġifieri EUR 84 biljun. L-allokazzjoni minima tal-FSE indikata tinkludi l-baġit (EUR 2,5 biljun) għal proposta tal-Kummissjoni li ser issir dwar l-appoġġ ta' ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn.

5.           TAQSIRA TAL-KONTENUT TAR-REGOLAMENT

F'termini tal-kamp ta' applikazzjoni, l-abbozz tar-Regolament tal-FSE għall-2014-2020 jipproponi li l-FSE jimmira erba' "għanijiet tematiċi" madwar l-Unjoni Ewropea kollha. (i) il-promozzjoni tal-impjiegi u l-mobbiltà tax-xogħol; (ii) l-investiment fl-edukazzjoni, il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja; (iii) il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar; (iv) it-titjib tal-kapaċità istituzzjonali u amministrazzjoni pubblika effiċjenti. Kull għan tematiku jissarraf f'kategoriji ta' intervent jew "prijoritajiet ta' investiment". Barra minn hekk, l-FSE għandu jikkontribwixxi wkoll għal għanijiet tematiċi oħrajn bħal pereżempju l-appoġġ għall-bidla lejn ekonomija baxxa fil-karbonju, reżistenti għat-tibdil fil-klima u li tagħmel użu effiċjenti tar-riżorsi, it-tisħiħ tal-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, it-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp tekonoliġiku u l-innovazzjoni u t-tisħiħ tal-kompetittività tal-impriżi żgħar u medji.

Hija meħtieġa l-konċentrazzjoni tal-finanzjament sabiex jinkiseb impatt suffiċjenti u li jista' jintwera. Sabiex tiġi żgurata din il-konċentrazzjoni, huwa propost li

– l-appoġġ għall-kapaċità amministrattiva għandha tiġi llimitata għall-Istati Membri b'reġjuni inqas żviluppati jew eliġibbli għall-Fond ta' Koeżjoni;

– mill-inqas 20 % tal-allokazzjoni tal-FSE għandu jkun ddedikat għall-"promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar";

– il-programmi operattivi għandhom jiffokaw il-finanzjament fuq għadd limitat ta' "prijoritajiet ta' investiment".

Barra minn hekk, l-abbozz tar-Regolament jiċċara u jsaħħaħ il-kontribuzzjoni tal-FSE għall-impenn tal-Unjoni biex telimina l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel u biex tipprevjeni d-diskriminazzjoni. L-Istati Membri għandhom jgħaqqdu approċċ b'saħħtu ta' mainstreaming u azzjonijiet speċifiċi biex jippromwovu l-ugwaljanza tas-sessi u n-nondiskriminazzjoni.

B'mod simili, l-abbozz tar-Regolament għandu l-għan li jsaħħaħ l-innovazzjoni soċjali u l-kooperazzjoni transnazzjonali bl-FSE, permezz ta' inċentiv fil-forma ta' rata ta' kofinanzjament ogħla għall-assi prijoritarji ddedikati lilhom, programmar speċifiku u arranġamenti ta' monitoraġġ, u rwol akbar għall-Kummissjoni fl-iskambju u t-tixrid tal-prassi tajba, l-azzjonijiet konġunta u r-riżultati madwar l-Unjoni kollha.

Fir-rigward tas-sistemi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, l-abbozz tar-Regolament jipproponi standards ta' kwalità minimi u grupp ta' indikaturi komuni obbligatorji. Dan għandu jiżgura li l-monitoraġġ jipproduċi dejta b'saħħitha u affidabbli li tista' faċilment tiġi aggregata fil-livell tal-UE u li l-evalwazzjoni tiffoka fuq il-valutazzjoni tal-effettività u l-impatt tal-appoġġ mill-FSE.

L-abbozz tar-Regolament jagħti importanza kbira lill-involviment tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet u l-operazzjonijiet tal-FSE. Għal dan l-għan, għar-reġjuni u l-pajjiżi inqas żviluppati, l-abbozz tar-Regolament jitlob li ammont xieraq tar-riżorsi tal-FSE jiġi allokat għall-azzjonijiet għall-bini tal-kapaċitajiet għall-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi. L-attivitajiet konġunti mwettqa mill-imsieħba soċjali se jiġu appoġġati wkoll, minħabba r-rwol essenzjali tagħhom fil-qasam tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali.

Bl-istess mod, l-abbozz tar-Regolament jipproponi għadd limitat ta' regoli speċifiċi ta' eliġibbiltà biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament tal-FSE għal benefiċjarji u operazzjonijiet iżgħar u biex titqies in-natura differenti tal-operazzjonijiet tal-FSE u t-tip differenti ta' benefiċjarji tal-FSE meta mqabbla ma' Fondi oħrajn. Sabiex jiġi żgurat li s-simplifikazzjoni tasal sal-benefiċjarji, l-abbozz tar-Regolament jipproponni li jiġi estiż l-użu tal-għażliet tal-kosti ssimplifikati, inkluż il-fatt li l-użu tagħhom isir obbligatorju għal operazzjonijiet iżgħar. Dawn id-dispożizzjonijiet se jnaqqsu l-piż amministrattiv fuq il-benefiċjarji u l-awtoritajiet ta' ġestjoni, isaħħu l-orjentazzjoni tar-riżultati tal-FSE u jikkontribwixxu għat-tnaqqis tar-rata ta' żbalji.

Fl-aħħar nett, huma introdotti dispożizzjonijiet speċifiċi għal strumenti finanzjarji sabiex iħeġġu lill-Istati Membri u lir-reġjuni jgħinu lill-FSE u b'hekk iżidu l-kapaċità tiegħu biex jiffinanzja l-azzjonijiet li jappoġġaw l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali. 

2011/0268 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 164 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[9],

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[10],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[11],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Ir-Regolament (UE) Nru […] jistabbilixxi l-qafas ta' azzjoni mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u jistipula, b'mod partikolari, l-għanijiet tematiċi, il-prinċipji u r-regoli dwar l-ipprogrammar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, il-ġestjoni u l-kontroll. Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi speċifikata l-missjoni u l-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew, flimkien mal-prijoritajiet ta' investiment relatati li jindirizzaw l-għanijiet tematiċi, u li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-tip ta' attivitajiet li jistgħu jiġu finanzjati mill-FSE.

(2)       L-FSE għandu jtejjeb l-opportunitajiet tal-impjiegi, jippromwovi l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja u jiżviluppa politiki ta' inklużjoni attiva skont il-kompiti mogħtija lill-FSE permezz tal-Artikolu 162 tat-Trattat, u b'hekk jikkontribwixxi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali skont l-Artikolu 174 tat-Trattat. Skont l-Artikolu 9 tat-Trattat, l-FSE għandu jieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi, mal-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma’ livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

(3)       Il-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010 talab li l-politiki komuni kollha, inkluża l-politika ta' koeżjoni, jappoġġaw l-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv"[12]. Sabiex jiġi żgurat l-allinjament sħiħ tal-FSE mal-għanijiet ta' din l-istrateġija, b'mod partikolari fir-rigward tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, l-FSE għandu jappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill fuq il-linji gwida wiesgħa għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri li ġew adottati skont l-Artikoli 121 u 148(4) tat-Trattat. Dan għandu wkoll jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-inizjattivi ewlenin, b'mod speċjali fir-rigward tal-"Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi"[13], "Żgħażagħ Attivi"[14], u l-"Pjattaforma Ewropea Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali"[15]. Se jappoġġa wkoll l-attivitajiet fl-inizjattivi "Aġenda Diġitali"[16] u l-"Unjoni tal-Innovazzjoni"[17].

(4)       L-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja sfidi strutturali li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni ekonomika, il-bidla teknoloġika u forza tax-xogħol li dejjem qed tiżdied fl-età u nuqqas dejjem jikber ta' ħiliet u xogħol f'xi setturi u reġjuni. Is-sitwazzjoni kkumplikat ruħha aktar minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja reċenti, li rriżultat f'livelli ogħla ta' qgħad, li affettwat b'mod partikolari ż-żgħażagħ u gruppi vulnerabbli oħra, bħall-migranti. L-FSE għandu jimmira li jippromwovi l-impjiegi u jappoġġa l-mobbiltà tax-xogħol, jinvesti fl-edukazzjoni, il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja, jippromwovi l-inklużjoni soċjali u jiġġieled kontra l-faqar. Fil-promozzjoni tal-funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol permezz tat-tisħiħ tal-mobbiltà ġeografika transnazzjonali tal-ħaddiema, l-FSE għandu b'mod partikolari, jappoġġa s-Servizzi Ewropej tal-Impjiegi (l-attivitajiet tal-EURES) f'dak li għandu x'jaqsam mar-reklutaġġ u l-informazzjoni relatata, il-pariri u s-servizzi ta' gwida f'livell nazzjonali u transkonfinali.

(5)       Minbarra dawn il-prijoritajiet, fir-reġjuni inqas żviluppati u l-Istati Membri, u bl-għan li jiżdiedu t-tkabbir ekonomiku u l-opportunitajiet tal-impjiegi, l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika għandha tittejjeb u l-kapaċità istituzzjonali tal-partijiet interessati fil-qasam tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-politiki soċjali għandha tissaħħaħ.

(6)       Fl-istess ħin, huwa essenzjali li wieħed jappoġġa l-iżvilupp u l-kompetittività tal-impriżi żgħar u medji Ewropej u jiżgura li n-nies jistgħu jadattaw, permezz tal-kisba tal-ħiliet xierqa u permezz ta' opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja, għal sfidi ġodda bħall-bidla għal ekonomija bbażata fuq l-għarfien, l-aġenda diġitali, u t-tranżizzjoni lejn ekonomija baxxa fil-karbonju u aktar effiċjenti fl-enerġija. L-FSE għandu jikkontribwixxi għall-indirizzar ta' dawn l-isfidi billi jkompli jaħdem għall-kisba tal-għanijiet tematiċi ewlenin tiegħu. F'dan il-kuntest, l-FSE għandu jappoġġa t-tranżizzjoni tal-forza tax-xogħol lejn ħiliet u impjiegi aktar ekoloġiċi, b'mod partikolari fl-effiċjenza tal-enerġija, l-enerġija rinovabbli u s-setturi tat-trasport sostenibbli, filwaqt li titqies l-intenzjoni tal-Unjoni biex iżżid il-proporzjon tal-baġit tal-UE li huwa relatat mal-mainstreaming tal-klima għal mill-inqas 20 % b'kontribuzzjonijiet minn oqsma tal-politika differenti.

(7)       L-FSE għandu jikkontribwixxi għall-Istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jiżgura konċentrazzjoni akbar ta' appoġġ fuq il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea. L-FSE għandu b'mod partikolari jżid l-appoġġ tiegħu għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar, permezz ta' allokazzjoni minima separata għal użu preċiż. Skont il-livell tal-iżvilupp tar-reġjuni appoġġati, l-għażla u l-għadd ta' prijoritajiet ta' investiment għall-appoġġ tal-FSE għandhom ukoll ikunu limitati.

(8)       Sabiex jiġi żgurat monitoraġġ aktar mill-qrib u valutazzjoni mtejba tar-riżultati miksuba fuq livell Ewropew permezz ta' azzjonijiet appoġġati mill-FSE, għandu jiġi stabbilit grupp komuni ta' indikaturi ta' produzzjoni u riżultati.

(9)       L-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva tal-azzjonijiet appoġġati mill-FSE tiddipendi fuq it-tmexxija tajba u s-sħubija bejn l-atturi territorjali u soċjoekonomiċi relevanti kollha, l-aktar l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi. Għalhekk huwa neċessarju li l-Istati Membri jħeġġu l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-implimentazzjoni tal-FSE.

(10)     L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet iffinanzjati mill-FSE jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel skont l-Artikolu 8 tat-Trattat. L-evalwazzjonijiet urew l-importanza li jitqies l-aspett tas-sessi fid-dimensjonijiet kollha tal-programmi, filwaqt li jiġi żgurat li jittieħdu azzjonijiet speċifiċi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi.

(11)     Skont l-Artikolu 10 tat-Trattat, l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet iffinanzjati mill-FSE għandhom jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. L-FSE għandu jappoġġa t-twettiq tal-obbligu skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltajiet fir-rigward inter alia tal-edukazzjoni, ix-xogħol u l-impjiegi u l-aċċessibbiltà. L-FSE għandu wkoll jippromwovi t-tranżizzjoni mill-kura istituzzjonali għall-kura bbażata fil-komunità.

(12)     L-appoġġ għall-innovazzjoni soċjali huwa essenzjali għat-tfassil ta' politiki li huma aktar adatti għall-bidla soċjali u biex jitħeġġu u jiġu appoġġati l-impriżi soċjali innovattivi. B'mod partikolari, l-ittestjar u l-evalwazzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi qabel l-applikazzjoni tagħhom fuq skala akbar huma essenzjali fit-titjib tal-effiċjenza tal-politiki u għalhekk dan jiġġustifika l-appoġġ speċifiku mill-FSE.

(13)     Il-kooperazzjoni transnazzjonali għandha valur miżjud sinifikanti u hija meħtieġa għat-tisħiħ tar-rwol tal-Kummissjoni biex tiffaċilita l-iskambji tal-esperjenza u l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-inizjattivi rilevanti.

(14)     Il-mobilizzazzjoni tal-partijiet interessati reġjonali u lokali hija meħtieġa għat-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-miri ewlenin tagħha. Il-patti territorjali, l-inizjattivi lokali għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, l-istrateġiji għall-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunità u l-istrateġiji għall-iżvilupp urban sostenibbli jistgħu jintużaw u jiġu appoġġati biex jinvolvu b'mod aktar attiv l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-ibliet, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-implimentazzjoni tal-programmi.

(15)     Ir-Regolament (KE) Nru […] jistipula li r-regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għandhom jiġu stabbiliti fuq livell nazzjonali, b’xi eċċezzjonijiet li għalihom ikun meħtieġ li jiġu stabbiliti disposizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-FSE.

(16)     Bl-għan li jiġi ssimplifikat l-użu tal-FSE u biex jitnaqqas ir-riskju ta' żbalji, u fir-rigward tal-ispeċifitajiet tal-operazzjonijiet appoġġati mill-FSE, huwa xieraq li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jikkumplimentaw l-Artikoli 57 u 58 tar-Regolament (UE) Nru […].

(17)     L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jitħeġġu sabiex jgħinu lill-FSE permezz ta' strumenti finanzjarji sabiex jappoġġaw pereżempju l-istudenti, il-ħolqien tal-impjiegi, il-mobbiltà tal-ħaddiema, l-inklużjoni soċjali u l-intraprenditorija soċjali.

(18)     Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni għall-istabbiliment tad-definizzjoni ta' skali standard tal-kosti unitarji u somom f'daqqa u l-ammonti massimi tagħhom skont tipi differenti ta' operazzjonijiet u għad-definizzjoni tar-regoli u l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-garanziji bbażati fuq il-politiki. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(19)     Dan ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999[18]. Dak ir-Regolament għandu għalhekk jitħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1 Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-missjoni tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-kamp ta' applikazzjoni tal-għajnuna tiegħu, id-dispożizzjonijiet speċifiċi u t-tipi ta' nefqa eliġibbli għall-għajnuna.

Artikolu 2 Missjoni

1.           L-FSE għandu jippromwovi livelli għoljin ta' kwalità ta' impjiegi u xogħol, jappoġġa l-mobbiltà ġeografika u okkupazzjonali tal-ħaddiema, jiffaċilita l-adattament tagħhom għall-bidla, iħeġġeġ livell għoli ta' edukazzjoni u taħriġ, jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni, isaħħaħ l-inklużjoni soċjali u jiġġieled kontra l-faqar, u b'hekk ikun qed jikkontribwixxi għall-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

2.           Għandu jagħmel dan billi jappoġġa l-Istati Membri fil-ħidma għall-kisba tal-prijoritajiet u l-miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. L-FSE għandu jappoġġa t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-azzjonijiet, filwaqt li jqis il-linji gwida integrati għall-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tal-Istati Membri[19] u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-Programmi tar-Riforma Nazzjonali.

3.           L-FSE għandu jkun ta' benefiċċju għan-nies, inklużi l-gruppi żvantaġġjati bħal pereżempju n-nies li jkunu qiegħda fit-tul, in-nies b'diżabbiltajiet, il-migranti, il-minoritajiet etniċi, il-komunitajiet marġinalizzati u n-nies li qed jiffaċċjaw l-esklużjoni soċjali. L-FSE għandu wkoll jipprovdi appoġġ lill-impriżi, is-sistemi u l-istrutturi bl-għan li jiffaċilita l-adattament tagħhom għal sfidi ġodda u biex jippromwovi tmexxija tajba u l-implimentazzjoni tar-riformi, b'mod partikolari fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-politiki soċjali.

Artikolu 3 Kamp ta' applikazzjoni tal-għajnuna

1.           Skont l-għanijiet tematiċi elenkati hawn taħt, u skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru […], l-FSE għandu jappoġġa l-prijoritajiet ta' investiment li ġejjin:

(a) Il-promozzjoni tal-impjiegi u l-appoġġ għall-mobbiltà fix-xogħol permezz ta':

(i)      L-aċċess għall-impjiegi għal dawk li qed ifittxu xogħol u għan-nies li mhumiex attivi, inkluzi inizjattivi għall-impjiegi lokali u appoġġ għall-mobbiltà fix-xogħol;

(ii)      L-integrazzjoni sostenibbli taż-żgħażagħ li mhumiex qegħdin f'impjieg, fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ għas-suq tax-xogħol;

(iii)     L-impjiegi indipendenti, l-intraprenditorija u l-ħolqien ta' negozji;

(iv)     L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u r-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

(v)     L-adattament tal-ħaddiema, l-impriżi u l-intraprendituri għall-bidla;

(vi)     It-tixjiħ attiv u fi stat tajjeb ta' saħħa;

(vii)    Il-modernizzazzjoni u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, inklużi l-azzjonijiet għat-tisħiħ tal-mobbiltà transnazzjonali tax-xogħol;

(b) L-investiment fl-edukazzjoni, il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja permezz ta':

(i)      It-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola u l-promozzjoni ta' aċċess ugwali għall-edukazzjoni ta' kwalità tajba fil-bidu tat-tfulija, l-edukazzjoni primarja u dik sekondarja;

(ii)      It-titjib tal-kwalità, l-effiċjenza u l-ftuħ tal-edukazzjoni terzjarja u ekwivalenti bl-għan li jiżdiedu l-livelli ta' parteċipazzjoni u ta' kisba;

(iii)     It-tisħiħ tal-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, it-titjib tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-forza tax-xogħol u ż-żieda tar-rilevanza tas-suq tax-xogħol tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

(c) Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar permezz ta':

(i)      L-inklużjoni attiva;

(ii)      L-integrazzjoni tal-komunitajiet marġinalizzati bħar-Roma;

(iii)     Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni minħabba s-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali;

(iv)     It-tisħiħ tal-aċċess għal servizzi bi prezz li jista' jintlaħaq, sostenibbli u ta' kwalità għolja, inkluża l-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali ta' interess ġenerali;

(v)     Il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali u l-impriżi soċjali;

(vi)     Strateġiji lokali għall-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunità;

(d) It-titjib tal-kapaċità istituzzjonali u l-amministrazzjoni pubblika effiċjenti permezz ta':

(i)      L-investiment fil-kapaċità istituzzjonali u fl-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u s-servizzi pubbliċi bl-għan li jkun hemm riformi, regolamentazzjoni aħjar u tmexxija tajba;        Din il-prijorità ta' investiment tapplika biss madwar it-territorju tal-Istati Membri li għandhom mill-inqas reġjun wieħed NUTS tal-livell 2 kif definit fl-Artikolu 82(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru […] jew fl-Istati Membri li huma eliġibbli għal appoġġ mill-Fond ta' Koeżjoni.

(ii)      Il-bini tal-kapaċitajiet għall-partijiet interessati li joħorġu politiki dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni u soċjali u patti settorjali u territorjali għall-mobilizzazzjoni tar-riforma f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

2.           Permezz tal-prijoritajiet ta' investiment elenkati fil-paragrafu 1, l-FSE għandu wkoll jikkontribwixxi għall-għanijiet tematiċi l-oħra elenkati fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru […], l-aktar billi:

(e) Jappoġġa l-bidla lejn ekonomija baxxa fil-karbonju, reżistenti għat-tibdil fil-klima, li tagħmel użu effiċjenti tar-riżorsi u ambjentalment sostenibbli, permezz tar-riforma tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, l-adattament tal-ħiliet u l-kwalifiki, it-titjieb tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda f'setturi relatati mal-ambjent u l-enerġija;

(f) It-titjib tal-aċċessibbiltà, l-użu u l-kwalità tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, permezz tal-iżvilupp tal-kompetenza diġitali, l-investiment fl-inklużjoni diġitali, il-ħiliet diġitali u l-ħiliet intraprenditorjali relatati;

(g) It-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni teknoliġiċi, permezz tal-iżvilupp tal-istudji post universitarji, it-taħriġ tar-riċerkaturi, l-attivitajiet ta' netwerking u l-isħubiji bejn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla, iċ-ċentri tar-riċerka u teknoloġiċi u l-intrapriżi;

(h) It-tisħiħ tal-kompetittività tal-impriżi żgħar u medji, permezz tal-promozzjoni tal-adattabbiltà tal-impriżi u l-ħaddiema u aktar investiment fil-kapital uman.

Artikolu 4 Konsistenza u konċentrazzjoni tematika

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istrateġija u l-azzjonijiet stabbiliti fl-Programmi Operattivi huma konsistenti u jiffokaw fuq l-indirizzar tal-isfidi identifikati fil-Programmi tar-Riforma Nazzonali u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill rilevanti li saru skont l-Artikolu 148(4) tat-Trattat, sabiex jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni u t-tnaqqis tal-faqar.

2.           Mill-inqas 20 % tar-riżorsi totali tal-FSE f'kull Stat Membru għandu jiġi allokat lill-għan tematiku "il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar" stabbilit fl-Artikolu 9(9) tar-Regolament (UE) Nru […].

3.           L-Istati Membri għandhom ikomplu jwettqu l-konċentrazzjoni tematika skont il-modalitajiet li ġejjin:

(a) Għar-reġjuni aktar żviluppati, l-Istati Membri għandhom jikkonċentraw 80 % tal-FSE tal-allokazzjoni lil kull programm operativ fuq sa erbgħa mill-prijoritajiet ta' investiment stabbiliti fl-Artikolu 3(1).

(b) Għar-reġjuni tranżitorji, l-Istati Membri għandhom jikkonċentraw 70 % tal-allokazzjoni tal-FSE lil kull programm operativ fuq sa erbgħa mill-prijoritajiet ta' investiment stabbiliti fl-Artikolu 3(1).

(c) Għar-reġjuni inqas żviluppati, l-Istati Membri għandhom jikkonċentraw 60 % tal-allokazzjoni tal-FSE lil kull programm operativ fuq sa erbgħa mill-prijoritajiet ta' investiment stabbiliti fl-Artikolu 3(1).

Artikolu 5 Indikaturi

1.           Għandhom jintużaw indikaturi komuni kif stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament u indikaturi speċfiċi għal kull programm skont l-Artikolu 24(3) u 87(2)(b)(ii) tar-Regolament (UE) Nru […]. L-indikaturi kollha għandhom jiġu espressi f'numri assoluti.          L-indikaturi tal-produzzjoni komuni u dawk speċifiċi għal kull programm jirrigwardaw l-operazzjonijiet implimentati parzjalment jew bis-sħiħ. Fejn ikunu rilevanti għan-natura tal-operazzjonijiet appoġġati, il-valuri ta' mira kwantifikati kumulattivi għandhom jiġu stabbiliti għall-2022. L-indikaturi ta' referenza għandhom jiġu ffissati għal żero.         L-indikaturi tar-riżultati komuni u dawk speċifiċi għal kull programm jirrigwardaw l-assi prijoritarju. L-indikaturi ta' referenza għandhom jużaw id-dejta l-aktar reċenti disponibbli. Il-valuri ta' mira kwantifikati kumulattivi għandhom jiġu stabbiliti għall-2022.

2.           Fl-istess żmien tar-rapporti tal-implimentazzjoni annwali, l-awtorità ta' ġestjoni għandha titrażmetti dejta strutturata b'mod elettroniku għal kull prijorità ta' investiment. Id-dejta għandha tkopri l-kategorizzazzjoni u l-indikaturi tal-produzzjoni u tar-riżultati.

Kapitolu II Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ipprogrammar u l-implimentazzjoni

Artikolu 6 Involviment tal-imsieħba

1.           L-involviment tal-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, fl-implimentazzjoni ta' programmi operattivi, kif imsemmi fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru […], jista' jieħu l-forma ta' għotjiet globali kif definit fl-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) Nru […]. F'tali każ, il-progamm operativ għandu jidentifika l-parti tal-programm ikkonċernat mill-għotja globali, inkluża allokazzjoni finanzjarja indikattiva minn kull assi prijoritarju lilu.

2.           Sabiex titħeġġeġ parteċipazzjoni xierqa tal-imsieħba soċjali f'azzjonijiet appoġġati mill-FSE, l-awtoritajiet ta' ġestjoni ta' programm operattiv f'reġjun kif definit fl-Artikolu 82(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru […] jew fi Stati Membri li huma eliġibbli għall-appoġġ mill-Fond ta' Koeżjoni għandhom jiżguraw li ammont xieraq tar-riżorsi tal-FSE jiġi allokat għall-attivitajiet tal-bini tal-kapaċitajiet, fil-forma ta' taħriġ, miżuri ta' netwerking, u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali, u lil attivitajiet li jitwettqu b'mod konġunt mill-imsieħba soċjali.

3.           Sabiex titħeġġeġ parteċipazzjoni xierqa u l-aċċess mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi għal azzjonijiet appoġġati mill-FSE, l-aktar fl-oqsma tal-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs, l-awtoritajiet ta' ġestjoni ta' programm operattiv f'reġjun kif definit fl-Artikolu 82(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru […] jew fi Stati Membri li huma eliġibbli għall-appoġġ mill-Fond ta' Koeżjoni għandhom jiżguraw li ammont xieraq tar-riżorsi tal-FSE jiġi allokat għall-bini tal-kapaċitajiet għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi.

Artikolu 7 Promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa permezz tal-mainstreaming kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru […] u azzjonijiet b'mira speċifika kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a)(iv), b'mod partikolari bl-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni sostenibbli u l-progress tan-nisa fl-impjiegi, titnaqqas is-segregazzjoni bbażata fuq is-sessi fis-suq tax-xogħol, jiġġieldu kontra l-isterjotipi skont is-sessi fl-edukazzjoni u t-taħriġ u jippromwovu r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja personali għall-irġiel u n-nisa.

Artikolu 8 Promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jippromwovu l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inkluża l-aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabbiltà permezz tal-mainstreaming tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru […], u permezz ta' azzjonijiet speċifiċi fi ħdan il-prijoritajiet ta' investiment kif definit fl-Artikolu 3, u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1)(c)(iii). Tali azzjonijiet għandhom jimmiraw in-nies li għandhom riskju ta' diskriminazzjoni u nies b'diżabbiltà, bl-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali tagħhom, jitnaqqsu l-inugwaljanzi f'termini ta' kisba edukattiva u l-istat tas-saħħa u tiġi faċilitata t-tranżizzjoni mill-kura istituzzjonali għal dik ibbażata fuq il-komunità.

Artikolu 9 Innovazzjoni soċjali

1.           L-FSE għandu jippromwovi l-innovazzjoni soċjali fi ħdan l-oqsma kollha li jaqaw fil-kamp ta' applikazzjoni tal-FSE, kif definit fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari bl-għan li jiġu ttestjati u mtejba s-soluzzjonijiet innovattivi sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet soċjali.

2.           L-Istati Membri għandhom jidentifikaw temi għall-innovazzjoni soċjali, li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom fil-programmi operattivi tagħhom.

3.           Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-bini tal-kapaċitajiet għall-innovazzjoni soċjali, b'mod partikolari permezz tal-appoġġ tat-tagħlim reċiproku, l-istabbiliment ta' netwerks, u t-tixrid tal-prassi tajba u tal-metodoloġiji.

Artikolu 10 Koperazzjoni transnazzjonali

1.           L-Istati Membri għandhom jappoġġaw il-kooperazzjoni transnazzjonali bl-għan li jippromwovu t-tagħlim reċiproku u b'hekk iżidu l-effettività tal-politiki appoġġati mill-FSE. Il-kooperazzjoni transnazzjonali għandha tinvolvi l-imsieħba minn mill-inqas żewġ Stati Membri.

2.           L-Istati Membri jistgħu jagħżlu temi għall-kooperazzjoni transnazzjonali minn lista proposta mill-Kummissjoni u approvata mill-Kumitat tal-FSE.

3.           Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni transnazzjonali fit-temi msemmija fil-paragrafu 2 permezz tat-tagħlim reċiproku u l-azzjoni koordinata jew konġunta. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tħaddem pjattaforma fuq livell tal-UE biex tiffaċilita l-iskambju tal-esperjenza, il-bini tal-kapaċitajiet u n-netwerking kif ukoll it-tixrid tar-riżultati rilevanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa qafas ta' implimentazzjoni koordinat, inklużi kriterji ta' eliġibbiltà komuni, tipi u għażla ta' żmien tal-azzjonijiet, u approċċi metodoloġiċi komuni għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, bl-għan li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transnazzjonali.

Artikolu 11 Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-fondi għall-programmi operattivi

1.           B'deroga mill-Artikolu 87(1) tar-Regolament (UE) Nru […], il-programmi operattivi jistgħu jistabbilixxu assi prijoritarju għall-implimentazzjoni tal-innovazzjoni soċjali u l-kooperazzjoni transnazzjonali kif imsemmi fl-Artikoli 9 u 10.

2.           B'deroga mill-Artikolu 110(3) tar-Regolament (UE) Nru […], ir-rata ta' kofinanzjament massima għal assi prijoritarju għandha tiżdied b'għaxar punti perċentwali, iżda ma taqbiżx 100 %, fejn l-assi prijoritarju sħiħ ikun dedikat għall-innovazzjoni soċjali jew għall-kooperazzjoni transnazzjonali, jew taħlita tat-tnejn.

3.           Minbarra d-dispożizzjoni magħmula fl-Artikolu 87(3) tar-Regolament (UE) Nru […], il-programmi operattivi għandhom ukoll jistabbilixxu l-kontribut tal-azzjonijiet ippjanati appoġġati mill-FSE:

(i) lill-għanijiet tematiċi elenkati fl-Artikolu 9(1) sa (7) tar-Regolament (UE) Nru […] għal kull assi prijoritarju, kif xieraq;

(j) lill-innovazzjoni soċjali u l-kooperazzjoni transnazzjonali, kif imsemmi fl-Artikoli 9 u 10, fejn dawn ma jkunux koperti minn assi prijoritarju dedikat.

Artikolu 12 Disposizzjonijiet speċifiċi fuq it-trattament ta’ karatterisitiċi territorjali speċjali

1.           L-FSE jista' jappoġġa strateġiji tal-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunità, kif imsemmi fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru […], patti territorajli u inizjattivi lokali għall-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, kif ukoll Investimenti Territorjali Integrati (ITI) kif imsemmi fl-Artikolu 99 tar-Regolamen (UE) Nru […].

2.           Bħala għajnuna għall-interventi tal-FEŻR kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru [FEŻR], l-FSE jista' jappoġġa l-iżvilupp urban sostenibbli permezz ta' strateġiji li jistabbilixxu azzjonijiet integrati sabiex jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi, ambjentali u soċjali li jaffettwaw iż-żoni urbani tal-ibliet li huma elenkati fil-kuntratt ta' sħubija.

Kapitolu III Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ġestjoni finanzjarja

Artikolu 13 Eliġibbiltà tan-nefqa

1.           L-FSE għandu jipprovdi appoġġ għan-nefqa eliġibbli li, minkejja l-Artikolu 110(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru […], jista' jinkludi kwalunkwe riżorsi finanzjarji kollettivament kostitwiti minn min iħaddem u minn ħaddiema.

2.           L-FSE jista' jipprovdi appoġġ għan-nefqa li ġġarrbet għall-operazzjonijiet li jsiru 'l barra miż-żona tal-programm, iżda ġewwa l-Unjoni, sakemm jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(k) l-operazzjoni hija għall-benefiċċju taż-żona tal-programm;

(l) l-obbligi tal-awtoritajiet għall-programm relatati mal-ġestjoni, il-kontroll u l-awditjar fir-rigward tal-operazzjoni jkunu ssodisfati mill-awtoritajiet responsabbli għall-programm li taħtu tiġi appoġġata l-operazzjoni jew jidħlu fi ftehim mal-awtoritajiet fl-Istati Membri li fihom qed tiġi implimentata l-operazzjoni sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2(a) u l-obbligi relatati mal-ġestjoni, il-kontroll u l-awditjar fir-rigward tal-operazzjoni jkunu ssodisfati.

3.           Minbarra n-nefqa msemmija fl-Artikolu 59(3) tar-Regolament (UE) Nru […], ix-xiri tal-infrastruttura, l-art u l-proprjetà ma għandux ikun eliġibbli għal kontribut mill-FSE.

4.           Il-kontributi materjali fil-forma ta' għotjiet jew salarji maħruġa minn parti terza għall-benefiċċju tal-parteċipanti f'operazzjoni jistgħu jkunu eliġibbli għal kontribut mill-FSE sakemm il-valur tagħhom ma jaqbiżx il-kost mġarrab mill-parti terza u li jkun mġarrab skont ir-regoli nazzjonali, inklużi r-regoli tal-kontabbiltà.

Artikolu 14 Għażliet tal-kosti simplifikati

1.           Minbarra l-metodi msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru […], il-Kummissjoni tista' tħallas lura n-nefqa mħallsa mill-Istati Membri fuq il-bażi tal-iskali standard tal-kosti unitarji u s-somom f'daqqa definiti mill-Kummissjoni. L-ammonti kkalkulati fuq din il-bażi għandhom jitqiesu bħala appoġġ pubbliku mħallas lill-benefiċjarji u bħala nefqa eliġibbli għall-iskop li jiġi applikat ir-Regolament (UE) Nru […].

Għal dan l-iskop il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 16 dwar it-tip ta' operazzjonijiet koperati, id-definizzjonijiet tal-iskali standard tal-kosti unitarji u s-somom f'daqqa u l-ammonti massimi tagħhom, li jistgħu jiġu aġġustati skont il-metodi normalment miftiehma applikabbli.

L-awditjar finanzjarju għandu jimmira esklussivament li jivverifika li l-kundizzjonijiet għall-ħlas lura mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-iskali standard tal-kosti unitarji u s-somom f'daqqa jkunu ġew ssodisfati.

Meta jintużaw dawn il-forom ta' finanzjament, l-Istat Membru jista' japplika l-prattiki tal-kontabbiltà tiegħu għall-appoġġ tal-operazzjonijiet. Għall-iskop ta' dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) Nru […] dawn il-prattiki tal-kontabbiltà u l-ammonti li jirriżultaw ma għandhomx ikunu soġġetti għall-awditjar mill-awtorità tal-awditjar jew mill-Kummissjoni.

2.           Skont l-Artikolu 57(1)(d) u (4)(d) tar-Regolament (UE) Nru […], tista' tintuża rata fissa sa 40 % tal-kosti tal-persunal diretti eliġibbli sabiex tkopri l-kosti eliġibbli ta' operazzjoni li jifdal.

3.           L-għotjiet li jitħallsu lura fuq il-bażi tal-kost eliġibbli tal-operazzjonijiet, determinati permezz ta' finanzjament b'rata fissa, skali standard ta' kosti unitarji u somom f'daqqa kif imsemmi fl-Artikolu 57(1) tar-Regolament (UE) Nru […] jistgħu jiġu kkalkulati fuq bażi ta' kull każ b'referenza għal abbozz ta' baġit miftiehem ex ante mill-Awtorità ta' Tmexxija, fejn l-appoġġ pubbliku ma jaqbiżx l-EUR 100 000.

4.           L-għotjiet li għalihom l-appoġġ pubbliku ma jaqbiżx l-EUR 50 000 għandhom jieħdu l-forma ta' somom f'daqqa jew skali standard ta' kosti unitarji skont il-paragrafu 1 jew l-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru […], għajr għall-operazzjonijiet li jirċievu appoġġ fi ħdan il-qafas ta' skema ta' għajnuna mill-istat.

Artikolu 15 Strumenti finanzjarji

1.           Skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru […], l-FSE jista' jappoġġa azzjonijiet u politiki li jaqaw fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu permezz ta' strumenti finanzjarji, bħall-iskemi tal-qsim tar-riskju, l-ekwità u d-dejn, fondi ta' garanzija, fondi ta' investiment u fondi ta' self.

2.           L-FSE jista' jintuża għat-tisħiħ tal-aċċess għas-swieq tal-kapital għal korpi pubbliċi u privati fuq livelli nazzjonali u reġjonali li jimplimentaw azzjonijiet u politiki li jaqaw fil-kamp ta' applikazzjoni tal-FSE u l-programm operattiv permezz ta' "garanziji tal-FSE bbażati fuq il-politiki" sakemm il-Kummissjoni tagħti l-approvazzjoni tagħha.

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 16 sabiex tiddefinixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-applikazzjonijiet tal-Istati Membri, inklużi l-limiti, għall-garanziji bbażati fuq il-politiki, filwaqt li tiżgura b'mod partikolari li l-użu tagħhom ma jwassalx għal livelli eċċessivi ta' dejn tal-korpi pubbliċi.

Kull applikazzjoni għandha tiġi vvalutata mill-Kummissjoni, u l-Kummissjoni għandha tapprova kull "garanzija tal-FSE bbażata fuq il-politiki" sakemm din taqa' fil-qasam ta' attività tal-Programm Operattiv imsemmi fl-Artikolu 87 tar-Regolament (UE) Nru […] u sakemm tkun konformi mar-regoli u l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti.         

Kapitolu IV Delega tas-setgħa u dispożizzjonijiet finali

Artikolu 16 Eżerċizzju tad-delega

1.           Is-setgħa sabiex jiġu adottati atti ddelegati tingħata lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.           Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 14(1) u 15(2) għandha tingħata għal perjodu ta' żmien indeterminat mill-1 ta' Jannar 2014.

3.           Id-delega tas-setgħa msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe waqt mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva mill-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-ebda att delegat diġà fis-seħħ.

4.           Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.           Att delegat adottat skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f'perjodu ta’ xahrejn ta’ notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew il-Kunsill.

Artikolu 17 Revoka

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 huwa b’dan irrevokat b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 18 Klawżola ta’ reviżjoni

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrivedu dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2020 skont l-Artikolu 164 tat-Trattat.

Artikolu 19 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

ANNESS Indikaturi tal-produzzjoni u tar-riżultati komuni għall-investimenti tal-FSE

(1) Indikaturi tal-produzzjoni komuni dwar il-parteċipanti

Il-parteċipanti[20] jirreferu għal persuni li jibbenefikaw direttament minn investiment tal-FSE u li jistgħu jiġu identifikati u jintalbu l-karatteristiċi tagħhom, u li għalihom tiġi mwarrba nefqa speċifika. Benefiċjarji oħra ma għandhomx jitqiesu bħala parteċipanti.

· persuni qiegħda, inklużi dawk qiegħda għal perjodu ta' żmien twil*

· il-persuni qiegћda gћal żmien twil*

· inattivi*

· inattivi, mhux li qed jedukaw irwieħhom jew qed jitħarrġu*

· impjegati, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom*

· ta' taħt il-25 sena*

· 'il fuq minn 54 sena*

· b'edukazzjoni primarja (ISCED 1) jew sekondarja baxxa (ISCED 2)*

· b'edukazzjoni sekondarja għolja (ISCED 3) jew edukazzjoni post sekondarja (ISCED 4)*

· b'edukazzjoni terzjarja (ISCED 5 to 8)*

· migranti, persuni bi sfond barrani, minoritajiet (inklużi l-komunitajiet marġinalizzati bħar-Roma)**

· il-persuni b’diżabbiltà**

· persuni żvantaġġjati oћra**

L-għadd totali tal-parteċipanti huwa kkalkulat awtomatikament fuq il-bażi tal-indikaturi tal-produzzjoni.

Din id-dejta dwar il-parteċipanti li jidħlu f'operazzjoni appoġġata mill-FSE għandha tiġi pprovduta fir-rapporti tal-implimentazzjoni annwali kif speċifikat fl-Artikolu 44(1) u (2) u l-Artikolu 101(1) tar-Regolament (UE) Nru […]. Id-dejta kollha għandha titqassam skont is-sess.

(2) L-indikaturi tal-produzzjoni komuni għall-entitajiet

· għadd ta' proġetti implimentati bis-sħiħ jew parzjalment mill-imsieħba soċjali jew l-organizzazzjonijiet mhux governattivi

· għadd ta' proġetti li jimmiraw l-amministrazzjonijiet pubbliċi jew is-servizzi pubbliċi

· għadd ta' mikroimpriżi u impriżi żgħar u medji appoġġati

Din id-dejta għandha tiġi pprovduta fir-rapporti tal-implimentazzjoni annwali kif speċifikat fl-Artikolu 44(1) u (2) u l-Artikolu 101(1) tar-Regolament (UE) Nru […].           

(3) Indikaturi tar-riżultati immedjati komuni dwar il-parteċipanti

· parteċipanti inattivi li meta telqu kienu bdew ifittxu impjieg

· parteċipanti li meta telqu kienu fl-edukazzjoni/taħriġ

· parteċipanti li meta telqu kisbu kwalifika

· parteċipanti li meta telqu sabu impjieg

Din id-dejta għandha tiġi pprovduta fir-rapporti tal-implimentazzjoni annwali kif speċifikat fl-Artikolu 44(1) u (2) u l-Artikolu 101(1) tar-Regolament (UE) Nru […]. Id-dejta kollha għandha titqassam skont is-sess.          

(4) Indikaturi tar-riżultati fuq żmien itwal komuni dwar il-parteċipanti

· parteċipanti li sabu impjieg sitt xhur wara li telqu

· parteċipanti li sabu impjieg għal rashom sitt xhur wara li telqu

· parteċipanti b'sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol imtejba sitt xhur wara li telqu

Din id-dejta għandha tiġi pprovduta fir-rapporti tal-implimentazzjoni annwali kif speċifikat fl-Artikolu 44(4) tar-Regolament (UE) Nru […]. Għandha tinġabar fuq il-bażi ta' kampjun rappreżentattiv ta' parteċipanti f'kull assi prijoritarju. Il-validità interna tal-kampjun għandu jiġi żgurat b'tali mod li d-dejta tista' tiġi ġeneralizzata fil-livell tal-assi prijoritarju. Id-dejta kollha għandha titqassam skont is-sess.

[1]               Il-ħames Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali, Novembru 2010.

[2]               il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-parlamenti nazzjonali: Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE, COM(2010) 700, 19.10.2010.

[3]               il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Baġit għall-Ewropa 2020, COM(2011) 500, 29.6.2011.

[4]               Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, SEC(2011) 590 finali, 13.5.2011

[5]               Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-futur tal-Fond Soċjali Ewropew, P7_TA(2010)0357     Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-politika ta’ koeżjoni u l-politika reġjonali tal-UE wara l-2013, P7_TA(2010)0356.

[6]               ĠU C 132/8, 3/05/2011.

[7]               ĠU C 166/08, 7/06/2011.

[8]               COM(2010) 700, 19.10.2010.

[9]               ĠU C , , p. .

[10]             ĠU C , , p. .

[11]             ĠU C , , p. .

[12]             COM(2010) 2020 finali, 3.3.2010

[13]             COM (2010) 682 finali, 23.11.2010

[14]             COM(2010) 477 finali, 15.09.2010

[15]             COM(2010) 758 finali, tat-16.12.2010

[16]             COM(2010) 245 finali/2, 26.8.2010.

[17]             COM(2010) 546 finali, 6.10.2010

[18]             ĠU L 210, 31.7.2006, p. 12.

[19]             Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2010 dwar linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni (ĠU L 191, 23.7.2010, p. 28–34) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46–51).

[20]             L-arranġamenti tal-ipproċessar tad-dejta stabbiliti mill-Istati Membri għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Direttiva 95/46 tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta, b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha.  Id-dejta rrapurtata skont l-indikaturi mmarkati b'* hija dejta personali skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva msemmija hawn fuq. L-ipproċessar tagħha ikun meħtieġ għall-konformità mal-obbligazzjoni legali li għaliha l-kontrollur huwa soġġett (l-Artikolu 7(c)). Għad-definizzjoni ta' kontrollu, ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva msemmija hawn fuq.   Id-dejta rrapurtata skont l-indikaturi mmarkati b'** hija dejta ta' kategorija speċjali skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva msemmija hawn fuq. Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni xierqa, l-Istati Membri jistgħu, għall-finijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, jistabbilixxu eżenzjonijiet b’żjieda ma dawk stabbiliti fl-Artikolu 8(2), permezz tal-liġi nazzjonali jew b’deċiżjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni (l-Artikolu 8(4)).

Top