Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0443

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni 2002/546/KE fir-rigward tal-perjodu tal-applikazzjoni tagħha

    /* KUMM/2011/0443 finali - 2011/0192 (CNS) */

    52011PC0443

    /* KUMM/2011/0443 finali - 2011/0192 (CNS) */ Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni 2002/546/KE fir-rigward tal-perjodu tal-applikazzjoni tagħha


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li japplika għar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-UE, li jinkludu l-Gżejjer Kanari, fil-prinċipju ma jawtorizza l-ebda differenza bejn it-tassazzjoni ta' prodotti lokali u t-tassazzjoni ta' prodotti minn Spanja jew minn Stati Membri oħra. Madanakollu, l-Artikolu 349 tat-TFEU (li qabel kien l-Artikolu 299(2) tat-Trattat tal-KE) jistipula l-possibbiltà ta’ introduzzjoni ta’ miżuri speċifiċi għal dawn ir-reġjuni minħabba l-eżistenza ta’ diffikultajiet permanenti li jħallu impatt fuq il-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tar-reġjuni l-iktar imbiegħda.

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/546/KE tal-20 ta' Ġunju 2002[1], adottata abbażi tal-Artikolu 299(2) tat-Trattat tal-KE, tawtorizza lil Spanja biex, sal-31 ta’ Diċembru 2011, tapplika eżenzjonijiet jew tnaqqis tat-taxxa magħrufa bħala AIEM għal ċerti oġġetti li huma prodotti lokalment fil-Gżejjer Kanari. L-anness tad-Deċiżjoni msemmija hawn fuq jipprovdi lista ta' prodotti li għalihom jistgħu japplikaw l-eżenzjonijiet jew it-tnaqqis fit-taxxi. Skont il-prodott partikolari, id-differenza bejn it-tassazzjoni ta' prodotti manifatturati lokalment u t-tassazzjoni ta' prodotti oħra ma tistax taqbeż il-5, il-15 jew il-25 punt perċentwali.

    Id-Deċiżjoni 2002/546/KE tispjega r-raġunijiet tal-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi, li jinkludu l-iżolament, il-materja prima u d-dipendenza enerġetika, l-obbligu li jinżammu ħażniet, id-daqs żgħir tas-suq lokali u l-livell baxx ta' attività ta' esportazzjoni. Flimkien, dawn l-iżvantaġġi jfissru żieda fil-kosti tal-produzzjoni, li twassal għal żieda fil-prezzijiet ta' prodotti lokali li, mingħajr miżuri speċifiċi, ikunu anqas kompetittivi meta mqabbla ma’ prodotti minn postijiet oħrajn, anke jekk jitqiesu l-ispejjeż biex dawn l-oġġetti jiġu ttrasportati lejn il-Gżejjer Kanari. Dan ifisser li huwa ferm aktar diffiċli li tinżamm produzzjoni lokali. Il-miżuri speċifiċi li hemm fid-Deċiżjoni 2002/546/KE ġew maħsuba bil-għan li tissaħħaħ l-industrija lokali billi tittejjeb il-kompetittività tagħha.

    Il-kriżi ekonomika globali tal-2009, li wasslet għal tnaqqis fl-ivvjaġġar, ħalliet konsegwenzi serji fuq l-ekonomija tal-Gżejjer Kanari, li huma dipendenti ħafna fuq dħul mit-turiżmu.

    It-tnaqqis ta' ħaddiema fis-settur tat-turiżmu wassal għal żieda sostanzjali fir-rata tal-qgħad fil-Gżejjer Kanari. Ir-rata tal-qgħad, li fil-perjodu bejn l-2001 u l-2007 varjat bejn l-10,4% u t-12%, telgħet għal 17,3% fl-2008 u għal 26,2% fl-2009. Din l-evoluzzjoni tikkonferma l-periklu ta' ekonomija li hija dipendenti ħafna fuq it-turiżmu u l-ħtieġa li tiġi promossa diversifikazzjoni fl-attivitajiet ekonimiċi.

    Fis-16 ta' Novembru tal-2010, Spanja ressqet talba quddiem il-Kummissjoni Ewropea biex testendi l-perjodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2002/546/KE b'sentejn, u b'hekk id-data tal-iskadenza tkun tikkoinċidi ma' dik tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali Nazzjonali għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013[2].

    Spanja introduċiet ukoll talba għall-estensjoni tal-perjodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat NN 22/2008 b'sentejn. Skont din id-Deċiżjoni, l-għajnuna mogħtija mill-"Consejería de Economia y Hacienda del Gobierno de Canarias", fir-rigward tal-AIEM, tkun kompatibbli mas-suq uniku. Il-Kummissjoni abbozzat id-Deċiżjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat N 544/2010 li testendi l-perjodu tad-Deċiżjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat NN 22/2008, li tinsab lesta biex tiġi adottata, filwaqt li tiżgura l-koerenza ma' din il-proposta.

    Fir-rigward tat-talba għall-estensjoni tal-perjodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2002/546/KE, il-Kummissjoni vvalutatha fid-dawl tad-daqs tal-iżvantaġġi li jaffettwaw lill-Gżejjer Kanari. Hija waslet għal konklużjoni li, abbażi tal-elementi disponibbli, teżisti ġustifikazzjoni valida biex din it-talba tintlaqa'.

    L-ewwel nett, ir-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-arranġamenti speċjali dwar it-taxxa AIEM applikabbli għall-Gżejjer Kanari, li ġie addottat fit-28 ta' Awwissu tal-2008, ikkonferma li l-AIEX kienet qiegħda taħdem b'mod sodisfaċenti u ma kien hemm l-ebda ħtieġa li jsiru emendi għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2002/546/KE. Ir-rapport mibgħut mat-talba kurrenti għal estensjoni tal-perjodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2002/546/KE jikkonferma wkoll il-fatt li għad hemm żvantaġġi għall-Gżejjer Kanari.

    It-tieni nett, it-talba titlob estensjoni ta' sentejn biss.

    IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    It-talba tal-awtoritajiet Spanjoli għall-estensjoni tal-applikazzjoni tal-AIEM saret bħala tweġiba għal talbiet mis-setturi ekonomiċi kkonċernati.

    Il-Kummissjoni ma għamlitx valutazzjoni tal-impatt.

    L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    Is-Sommarju tal-miżuri proposti

    Li jiġi estiż il-perjodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2002/546/KE li tawtorizza lil Spanja li tapplika eżenzjonijiet jew tnaqqis tat-taxxa magħrufa bħala AIEM fuq ċerti oġġetti li huma prodotti lokalment fil-Gżejjer Kanari.

    Il-Bażi legali

    L-Artikolu 349 TFUE.

    Il-Prinċipju tas-sussidjaretà

    Huwa biss il-Kunsill li għandu s-setgħa li jadotta, abbażi tal-Artikolu 349 TFUE, miżuri speċifiċi favur ir-reġjunijiet l-aktar imbiegħda għall-aġġustament tal-applikazzjoni tat-Trattati għal dawn ir-reġjuni, inkluża l-politika komuni, minħabba l-iżvantaġġi permanenti li jħallu impatt fuq il-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tar-reġjuni l-aktar imbiegħda.

    Għaldaqstant, il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    Il-Prinċipju tal-proporzjonalità

    Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

    L-għan tagħha huwa li testendi l-perjodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2004/162/KE għal perjodu ta' sentejn, sabiex tikkoinċidi mal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali Nazzjonali, li huma applikabbli għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013.

    Fir-rapport lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-arranġament speċjali dwar it-taxxa AIEM applikabbli għall-Gżejjer Kanari, il-Kummissjoni kkonfermat li l-AIEX kienet qiegħda taħdem b'mod sodisfaċenti u ma kien hemm l-ebda ħtieġa li jsiru emendi għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2002/546/KE.

    Kwalunkwe estensjoni oħra tiġi awtorizzata biss wara li ssir analiżi ġdida prodott bi prodott.

    L-għażla tal-istrument

    L-istrument propost: Deċiżjoni tal-Kunsill.

    Strumenti oħrajn ma jkunux adegwati minħabba r-raġuni li ġejja:

    It-test li huwa s-suġġett tal-emenda huwa Deċiżjoni tal-Kunsill, adottata fuq l-istess bażi legali (l-Artikolu 299(2) tat-Trattat tal-KE ta' dak iż-żmien).

    L-IMPATT BAĠITARJU

    Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.

    2011/0192 (CNS)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni 2002/546/KE fir-rigward tal-perjodu tal-applikazzjoni tagħha

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,[3]

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,[4]

    F'azzjoni konformi mal-proċedura leġiżlattiva speċjali,

    Billi:

    1. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/546/KE tal-20 ta' Ġunju 2002, adottata abbażi tal-Artikolu 299(2) tat-Trattat tal-KE, tawtorizza lil Spanja biex, sal-31 ta’ Diċembru 2011, tapplika eżenzjonijiet jew tnaqqis tat-taxxa magħrufa bħala AIEM għal ċerti oġġetti li huma prodotti lokalment fil-Gżejjer Kanari. L-Anness tad-Deċiżjoni msemmija hawn fuq jipprovdi lista ta' prodotti li għalihom jistgħu japplikaw l-eżenzjonijiet jew it-tnaqqis tat-taxxi. Skont il-prodott partikolari, id-differenza bejn it-tassazzjoni ta' prodotti manifatturati lokalment u t-tassazzjoni ta' prodotti oħra ma tistax taqbeż il-5, il-15 jew il-25 punt perċentwali.

    2. Jidher li huwa ġġustifikat li l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2002/546/KE tiġi estiża għal sentejn, ladarba l-elementi bażiċi li jiġġustifikaw l-awtorizzazzjoni mogħtija minn din id-deċiżjoni baqgħu ma nbidlux. Fir-rigward ta' dan, ir-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-arranġament speċjali dwar it-taxxa AIEM applikabbli għall-Gżejjer Kanari[5] kkonferma li l-AIEX kienet qiegħda taħdem b'mod sodisfaċenti u ma kien hemm l-ebda ħtieġa li jsiru emendi għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/546/KE.

    3. Barra minn hekk, ir-rapport li wasal mill-awtoritajiet Spanjoli jikkonferma li l-iżvantaġġi li kienu jiġġustifikaw l-approvazzjoni tal-eżenzjoni sħiħa u tat-tnaqqis parzjali tat-taxxa AIEM għal lista ta' oġġetti prodotti lokalment fil-Gżejjer Kanari għadhom validi,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/546/KE, id-data 31 ta' Diċembru 2011 tinbidel bid-data 31 ta' Diċembru 2013.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    [1] ĠU L 179, 9.7.2002, p.22-27

    [2] ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13

    [3] ĠU C […], […], p. […].

    [4] ĠU C […], […], p. […].

    [5] COM(2008) 528

    Top