EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0375

Ir-rwol tad-dħul minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta’ soċjetà inklużiva fl-Ewropa Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 20 ta’ Ottubru 2010 dwar ir-rwol tad-dħul minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta’ soċjetà inklużiva fl-Ewropa (2010/2039(INI))

ĠU C 70E, 8.3.2012, p. 8–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 70/8


L-Erbgħa 20 ta’ Ottubru 2010
Ir-rwol tad-dħul minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta’ soċjetà inklużiva fl-Ewropa

P7_TA(2010)0375

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar ir-rwol tad-dħul minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta’ soċjetà inklużiva fl-Ewropa (2010/2039(INI))

2012/C 70 E/02

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 9, 14, 19, 151 u 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) adottata fl-1979,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, li ġiet ikkonfermata mill-ġdid waqt il-konferenza dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1993, u b'mod partikolari l-Artikoli 3, 16, 18, 23, 25, 26, 27 u 29 tagħha,

wara li kkunsidra l-patt internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1966 dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

wara li kkunsidra l-Għanijiet tal-Iżvilupp għall-Millennju stabbiliti min-Nazzjonijiet Uniti fl-2000, b'mod partikolari t-tnaqqis tal-faqar estrem u tal-ġuħ (l-ewwel għan), il-possibilità ta’ edukazzjoni primarja għal kulħadd (it-tieni għan) u l-ugwaljanza tal-opportunitajiet għall-irġiel u n-nisa (it-tielet għan),

wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Nri 26 u 131 dwar l-iffissar tal-pagi minimi u n-Nri 29 u 105 dwar l-abolizzjoni tax-xogħol sfurzat,

wara li kkunsidra l-Patt Globali dwar l-Impjiegi tal-ILO,

wara li kkunsidra l-aġendi għax-xogħol deċenti tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-ILO,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-drittijiet soċjali,

wara li kkunsidra l-artikoli 34, 35 u 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jiddefinixxu b'mod speċifiku d-dritt għall-għajnuna soċjali u għall-akkomodazzjoni, livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u l-aċċess għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO intitolat “Alleanza globali kontra x-xogħol sfurzat. Rapport globali skont is-segwitu tad-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol. Rapport tad-Direttur Ġenerali, 2005”,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 92/441/KEE tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 1992, dwar il-kriterji komuni relatati mar-riżorsi u l-assistenza soċjali fis-sistemi tal-protezzjoni soċjali (Rakkomandazzjoni dwar id-dħul minimu) (1),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 92/442/KEE tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 1992, dwar il-konverġenza tal-objettivi u tal-politiki tal-protezzjoni soċjali (2),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill EPSCO waqt l-2916-il sessjoni tas-16 u s-17 ta’ Diċembru 2008 (3),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1098/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) (4),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar Mudell Soċjali Ewropew għall-ġejjieni (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal fl-UE (6), u r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi li jirreferi għaliha (A6-0364/2008),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-aġenda soċjali mġedda (7),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2008 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva tan-nies li huma esklużi mis-suq tax-xogħol, u r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (8),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub tiegħu Nru 0111/2007 tat-22 ta’ April 2008 fuq li jinġieb fi tmiemu l-istat ta’ dawk li jgħixu fit-toroq għax bla dar (9),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu 'Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv' (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2010 għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (COM(2010)0193),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0233/2010),

A.

billi l-aġenda soċjali tal-Kummissjoni Ewropea għall-2005-2010 avvanzat bl-għażla tal-2010 bħala s-“Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali” bl-għan li jiġi affermat mill-ġdid u li jiġi rinfurzat l-impenn politiku inizjali meħud mill-UE fit-tnedija tal-istrateġija ta’ Lisbona bl-għan li jkun hemm “impatt deċiżiv fuq il-qerda tal-faqar”,

B.

billi l-faqar u l-esklużjoni soċjali huma vjolazzjonijiet tad-dinjità umana u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u l-objettiv ċentrali tal-iskemi ta’ appoġġ tad-dħul għandu jkun li jerfa' lin-nies mill-faqar u jħallihom jgħixu fid-dinjità,

Ċ.

billi, minkejja l-prosperità ekonomika u d-dikjarazzjonijiet kollha dwar it-tnaqqis fil-faqar, l-inugwaljanzi soċjali marru għall-agħar u billi 17 % tal-popolazzjoni (jiġifieri kważi 85 miljun persuna), fi tmiem is-sena 2008, kienu jgħixu taħt il-linja tal-faqar, anki wara l-għotjiet soċjali (10), filwaqt li fl-2005, dan il-perċentwali kien ta’ 16 % u fl-2000 ta’ 15 % fl-UE15,

D.

billi r-rata tar-riskju tal-faqar hija ogħla għat-tfal u ż-żgħażagħ li għandhom sa 17-il sena milli għall-popolazzjoni kollha; billi din kienet tilħaq l-20 % fl-2008 fl-UE-27, filwaqt li l-ogħla r-rata kienet ta’ 33 %,

E.

billi-anzjani wkoll huma esposti għal riskju ogħla ta’ faqar milli l-popolazzjoni ġenerali; billi l-livell ta’ riskju ta’ faqar tal-anzjani ta’ 65 jew ixjeħ kien ta’ 19 % fl-UE-27 fl-2008, filwaqt li din iċ-ċifra kienet ta’ 19 % fl-2005 u ta’ 17 % fl-2000,

F.

billi l-livell dejjem ogħla ta’ impjiegi prekarji u ta’ pagi baxxi f'ċerti setturi jimplika li l-persentaġġ ta’ ħaddiema mhedda bil-faqar jinsab staġnat f'livell għoli; billi l-livell tar-riskju ta’ faqar tal-popolazzjoni okkupata kien ta’ 8 % bħala medja fl-UE-27 fl-2008, filwaqt li fl-2005 din iċ-ċifra kienet ta’ 8 % u fl-2000 kienet ta’ 7 % fl-UE–15,

G.

billi fir-Rakkomandazzjoni 92/441/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1992 il-Kunsill jirrakkomanda lill-Istati Membri sabiex jirrikonoxxu d-dritt bażiku li persuna għandha għal riżorsi u assistenza soċjali adegwati biex tgħix b'mod li jkun kompatibbli mad-dinjità tal-bniedem; billi fir-Rakkomandazzjoni 92/442/KEE tas-27 ta’ Lulju 1992 il-Kunsill jirrakkomanda li l-Istati Membri jiggarantixxu standard diċenti ta’ għajxien; billi fil-konklużjonijiet tas-17 ta’ Diċembru 1999 il-Kunsill approva l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali bħala wieħed mill-objettivi tal-modernizzazzjoni u t-titjib tal-ħarsien soċjali,

H.

billi n-nisa jirrappreżentaw parti importanti tal-popolazzjoni mhedda bil-faqar minħabba l-qgħad, ir-responsabilitajiet li jaqgħu kollha fuq spallejhom fil-kura tal-oħrajn, ix-xogħol prekarju u mħallas ħażin, id-diskriminazzjoni fil-pagi u l-pensjonijiet iktar baxxi tagħhom,

I.

billi r-riskju li wieħed jaqa' f'faqar estrem huwa akbar għan-nisa milli għall-irġiel; billi x-xejra persistenti lejn il-femminizzazzjoni tal-faqar fis-soċjetajiet Ewropej turi li l-qafas attwali tas-sistemi tal-ħarsien soċjali u l-firxa wiesgħa ta’ politiki soċjali, ekonomiċi u tal-qgħad fl-Unjoni mhumiex maħsuba biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tan-nisa jew biex jindirizzaw id-differenzi speċifiċi li hemm fix-xogħol tan-nisa; billi l-faqar fost in-nisa u l-esklużjoni soċjali tagħhom fl-Ewropa jirrikjedu tweġibiet ta’ politiki li jkunu speċifiċi, multipli u speċifiċi għall-ġeneru,

J.

billi r-riskju li dak li jkun jaqa' f'faqar estrem huwa akbar għan-nisa milli għall-irġiel, partikolarment fix-xjuħija, minħabba li s-sistemi tas-sigurtà soċjali spiss huma bbażati fuq il-prinċipju tal-impjieg kontinwu b'rimunerazzjoni; billi dritt individwalizzat għal dħul minimu li jservi ta’ prevenzjoni tal-faqar m'għandux jiddependi minn kontribuzzjonijiet marbuta mal-impjieg,

K.

billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ tela' għal livelli li qatt ma kien hawn bħalhom, fejn laħqu l-21,4 % fl-Unjoni Ewropea, b'livelli li jvarjaw minn 7,6 % fil-Pajjiżi l-Baxxi għal-44,5 % fi Spanja u 43,8 % fil-Latvja, u l-apprendistati u l-perjodi ta’ taħriġ ta’ dawk ikkwalifikati (internships) offruti liż-żgħażagħ spiss mhumiex imħallsa jew għandhom rimunerazzjoni fqira,

L.

billi persuna minn kull ħamsa taħt l-età ta’ 25 sena fl-UE tinsab qiegħda, filwaqt li l-ħaddiema li għandhom aktar minn 55 sena huma ċ-ċittadini Ewropej li l-aktar huma affettwati mill-qgħad u li jridu jiffaċċjaw ukoll il-problema speċifika u gravi tal-probabilità li qed dejjem tonqos li jsibu impjieg aktar ma jikbru fl-età,

M.

billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika wasslet biex l-offerta tal-impjiegi qiegħda dejjem jonqos, b'estimi li juru li ntilef aktar minn 5 miljun impjieg minn Settembru 2008 'l hawn, u li l-prekarjetà żdiedet,

N.

billi ma teżisti ebda dejta uffiċjali Ewropea dwar is-sitwazzjonijiet ta’ faqar estrem, bħal rigward persuni bla dar, u li minħabba f'hekk huwa diffiċli li jkunu segwiti x-xejriet attwali,

O.

billi s-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali għandu jkollha impatt kruċjali fuq it-tqajjim tal-għarfien dwar l-esklużjoni soċjali u, kollorarjament, l-esklużjoni soċjali, kif ukoll li ttejjeb is-soluzzjonijiet politiċi għal din l-esklużjoni, li għandha tippromwovi l-inklużjoni attiva, l-iżgurar ta’ dħul adegwat, aċċess għal servizzi ta’ kwalità u approċċi ta’ appoġġ lejn xogħol diċenti, li jeħtieġu tqassim mill-ġdid ġust tad-dħul u tar-riżorsi u jinvolvu miżuri li jiżguraw koeżjoni ekonomika u soċjali effikaċi fil-livell Ewropew u bejn ir-reġjuni Ewropej, u li l-paga minima tista' tipprovdi sistema xierqa ta’ protezzjoni għan-nies li huma emarġinati u vulnerabbli,

P.

billi l-għanijiet u l-prinċipji gwida tas-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali huma r-rikonoxximent tad-drittijiet, ir-responsabbiltajiet maqsuma u l-parteċipazzjoni, il-koeżjoni, l-impenn u l-azzjonijiet konkreti,

Q.

billi l-klima ekonomika u finanzjarja fi ħdan l-UE-27 trid tkun evalwata tajjeb sabiex tinkuraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu rata ta’ dħul minimu li tippermetti titjib fil-livell ta’ għajxien filwaqt li tiffavorixxi l-kompetittività,

R.

billi l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li twettaq l-Għanijiet tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti u r-riżoluzzjoni li tiddikjara t-tieni deċennju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-qerda tal-faqar (2008-2017),

S.

billi l-faqar u l-esklużjoni soċjali għandhom natura b'ħafna dimensjonijiet, l-eżistenza ta’ gruppi tal-popolazzjoni partikolarment fil-bżonn (tfal, nisa u anzjani, persuni bi bżonnijiet speċjali u oħrajn), inklużi l-immigranti, il-minoranzi etniċi, il-familji numerużi jew b'ġenitur wieħed, il-persuni b'mard kroniku u l-persuni bla dar, kif ukoll il-ħtieġa jkunu integrati f'politiki Ewropej oħrajn miżuri u strumenti li jkollhom l-iskop li jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali; billi jeħtieġ jiġu definiti linji gwida għall-Istati Membri sabiex jiġu inklużi fil-politiki nazzjonali biex jiggarantixxu sistemi ta’ sigurtà u ħarsien soċjali ta’ kwalità, l-aċċess universali għal infrastrutturi aċċessibbli u għas-servizzi pubbliċi ta’ interess ġenerali, għall-impjiegi ta’ kwalità u bid-drittijiet u l-garanzija ta’ dħul minimu li jipprevjeni l-faqar u jippermetti lil kulħadd parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali, kulturali u politika u ħajja dinjituża,

T.

billi l-livell enormi tal-faqar jaffettwa mhux biss il-koeżjoni soċjali fi ħdan l-Ewropa, imma wkoll l-ekonomija tagħna peress li l-esklużjoni ta’ partijiet kbar mis-soċjetà tagħna fuq bażi permanenti ddgħajjef il-kompetittività tal-ekonomija tagħna u żżid il-pressjoni fuq il-baġits pubbliċi tagħna,

U.

billi l-ħtieġa li jiġi stabbilit għan globali, partikolarment fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropea 2020, filwaqt li tingħata prijorità lill-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u lid-difiża tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, ħaġa li tinvolvi bilanċ bejn il-politiki ekonomiċi, dawk tal-impjiegi, il-politiki soċjali, reġjunali u ambjentali u t-tqassim mill-ġdid ġust tar-riżorsi u tad-dħul, filwaqt li jitqiesu l-bidliet drammatiċi fir-rati ta’ dipendenza, li minn dan joħroġ il-bżonn li jsiru studji tal-impatt soċjali għad-deċiżjonijiet kollha, u li tiġi applikata l-klawżola soċjali orizzontali li tinsab fit-Trattat dwar il-Funzjomanet tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 9),

V.

billi r-rispett għad-dinjità umana huwa wieħed mill-prinċipji li fuqhom hija ffondata l-Unjoni Ewropea, li l-azzjoni tagħha hija maħsuba biex tippromwovi l-impjieg sħiħ u l-progress soċjali, biex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u biex jiġu promossi l-ġustizzja u l-ħarsien soċjali,

W.

billi wieħed jikkunsidra l-ħtieġa li jiġu żgurati l-applikazzjoni, iż-żieda u użu aħjar tal-fondi strutturali rigward il-prevenzjoni tal-faqar, l-inklużjoni soċjali u l-ħolqien ta’ impjiegi aċċessibbli, ta’ kwalità u bid-drittijiet,

X.

billi wieħed jikkunsidra r-rwol tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali biex jiġi żgurat il-livell meħtieġ ta’ koeżjoni soċjali għall-iżvilupp biex tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali u sabiex jittaffew il-konsegwenzi soċjali tal-kriżi ekonomika, ħaġa li timplika dħul minimu ggarantit individwalment fil-livell nazzjonali li jipprevjeni l-faqar, titjib fil-livell ta’ kompetenzi, taħriġ u edukazzjoni tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol minħabba l -pressjoni tal-kompetizzjoni, kif ukoll garanzija tal-ugwaljanza u tal-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol u fl-eżerċitar tad-drittijiet fundamentali,

Y.

billi d-dħul u t-tisħiħ tal-iskemi tad-dħul minimu huwa mod importanti u effettiv kif jingħeleb il-faqar billi jiġu appoġġjati l-integrazzjoni soċjali u l-aċċess għas-suq tax-xogħol u billi n-nies jitħallew li jkollhom għajxien xieraq,

Z.

billi l-iskemi tad-dħul minimu huma għodda importanti biex tiggarantixxi s-sigurtà lin-nies li jeħtieġu li jegħlbu l-konsegwenzi tal-esklużjoni soċjali u l-qgħad u biex tappoġġja l-aċċess għas-suq tax-xogħol; billi dawn l-iskemi tad-dħul minimu jwettqu rwol relevanti fir-ridistribuzzjoni tal-ġid u fl-iżgurar tas-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali u, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi, jwettqu rwol kontroċikliku billi jipprovdu riżorsi addizzjonali li jsaħħu d-domanda u l-konsum fis-suq intern,

AA.

billi, skont stħarriġ reċenti tal-Ewrobarometru dwar l-attitudnijiet taċ-ċittadini tal-UE għall-faqar, il-maġġoranza l-kbira (73 %) tqis li l-faqar huwa problema li tinsab fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, 89 % jitolbu li l-gvernijiet tagħhom jieħdu azzjoni b'urġenza biex jiġġieldu kontra dan il-fenomenu u 74 % jistennew li l-UE jkollha wkoll rwol importanti f'dan il-kuntest,

AB.

billi kkunsidra l-effetti soċjali gravi tal-kriżi ekonomika li tellfet l-impjiegi ta’ aktar minn 6 miljun ċittadin Ewropew fl-aħħar sentejn,

AC.

billi kkunsidra l-gravità tal-kriżi ekonomika u soċjali u l-impatt tagħha f'dak li jirrigwarda ż-żieda tal-faqar u tal-esklużjoni u l-qgħad li qed jikber (minn 6,7 % fil-bidu tal-2008 għal 9,5 % fi tmiem l-2009), b'terz ta’ dawk qiegħda milquta mill-qgħad fit-tul, hekk li s-sitwazzjoni hija agħar fl-Istati Membrli l-aktar ekonomikament vulnerabbli,

AD.

billi ċerti Stati Membri huma mġiegħla mill-Kunsill u l-Kummissjoni u minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-FMI biex inaqqsu f'termini qosra ta’ żmien id-defiċits baġitarji tagħhom li marru għall-agħar minħabba l-kriżi, u sabiex iwettqu qtugħ fl-infiq, inkluż infiq soċjali, li qed idgħajjef il-qagħda soċjali u jaggrava l-faqra,

AE.

wara li kkunsidra l-inugwaljanza dejjem akbar f'ċerti Stati Membri, ir-riżultat fuq b'mod partikolari tal-inugwaljanza ekonomika f'dawk li huma dħul u tqassim tal-ġid, inugwaljanzi fis-suq tax-xogħol, nuqqas ta’ sigurtà soċjali, aċċess inugwali għall-funzjonijiet soċjali tal-istat bħalma huma l-benefiċċji soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni, is-sistema legali, eċċ.,

AF.

wara li kkunsidra l-applikazzjoni tal-politika tal-UE għall-inklużjoni soċjali, u b'mod partikolari l-objettivi u l-programm Ewropew relatati adottati skont l-Istrateġija ta’ Lisbona fil-bidu tas-snin 2000, bl-implimentazzjoni tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinament u l-objettivi komuni li jridu jintlaħqu skont il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali,

AG.

billi l-parti l-kbira tal-Istati Membri issa għandhom għadd kbir ta’ nies bla dar, grazzi għad-diversi fatturi, li jitlob li jittieħdu miżuri speċifiċi għall-integrazzjoni soċjali tagħhom,

1.

Jenfasizza l-ħtieġa ta’ miżuri konkreti li jeliminaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali billi jiġu esplorati t-toroq li jippermettu li n-nies jerġgħu jsibu impjieg billi jitħeġġeġ it-tqassim mill-ġdid ġust tad-dħul u tar-riżorsi, hekk li jingħata sens u sostanza reali lis-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u tingħata wkoll assigurazzjoni wirt politiku qawwi għat-twettiq tal-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju, inkluża l-garanzija ta’ dħul minimu xieraq biex jipprevenji l-faqar u favur l-inklużjoni soċjali abbażi ta’ prattiki nazzjonali differenti, ftehimiet kollettivi jew leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea kollha, u b'ħidma attiva għall-promozzjoni ta’ sistemi adegwati ta’ dħul u ta’ protezzjoni soċjali; jistieden lill-Istati Membri biex jirrevedu l-politiki maħsuba biex jiggarantixxu dħul adegwat, meta huwa magħruf li l-ġlieda kontra l-faqar teħtieġ il-ħolqien ta’ impjiegi deċenti u sostenibbli għall-kategoriji soċjali żvantaġġjati fis-suq tax-xogħol; jikkunsidra li kull ħaddiem għandu jkun jista' jgħix b'mod dinjituż; jikkunsidra li l-politika tal-welfare timplika politika attiva rigward is-suq tax-xogħol;

2.

Ifakkar li t-tnaqqis reċenti fir-rata ekonomika, iż-żieda fil-livell tal-qgħad u t-tnaqqis ta’ opportunitajiet ta’ xogħol, idaħħlu lil ħafna nies fir-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali u li dan huwa l-każ b'mod partikolari f'xi Stati Membri li jbatu minn livell ta’ qgħad jew inattività fit-tul;

3.

Jitlob li jsir progress reali dwar l-adegwatezza tal-Iskemi tad-Dħul Minimu sabiex dawn ikunu jistgħu jeħilsu kull tifel u tifla, adult u persuna anzjana mill-faqar u jagħtuhom id-dritt li jgħixu ħajja dinjituża;

4.

Jenfasizza d-differenzi f'oqsma varji (saħħa, djar, edukazzjoni, dħul u impjieġi) fost il-gruppi soċjali li jgħixu fil-faqar u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw dawn id-differenzi fil-miżuri mmirati tagħhom; jenfasizza li wieħed mill-modi l-aktar effettivi biex jitnaqqas il-faqar huwa li s-suq tax-xogħol isir aċċessibbli għal kulħadd;

5.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-programmi tat-tagħlim tul il-ħajja jingħataw importanza partikolari bħala għodda bażika fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, billi dawn isaħħu l-impjegabbiltà u l-aċċess għall-għarfien u għas-suq tax-xogħol; iqis li jeħtieġ li jingħataw inċentivi għal aktar parteċipazzjoni tal-ħaddiema, tan-nies qiegħda u tal-gruppi soċjali vulnerabbli kollha fit-tagħlim għal tul il-ħajja, u li jiġu ffaċċjati b'mod effikaċi l-fatturi li jwasslu biex in-nies jitilqu mit-tagħlim qabel il-waqt, għaliex it-titjib fil-livell tal-kwalifiki professjonali u l-ksib ta’ ħiliet ġodda, jistgħu jwasslu għal reintegrazzjoni aktar rapida fis-suq tax-xogħol jew ikattru l-produttività u jgħinu lin-nies biex isibu impjiegi aħjar;

6.

Jenfasizza l-ħtieġa ta’ azzjoni konkreta fil-livell tal-Istati Membri biex jistabbilixxu livell għad-dħul minimu abbażi ta’ indikaturi rilevanti li jiggarantixxu l-koeżjoni soċjoekonomika, inaqqsu r-riskju ta’ diverġenzi fil-livelli ta’ rimunerazzjoni għall-istess xogħol, inaqqsu r-riskju li jkollna popolazzjoni fqira fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, u jitlob li jkun hemm rakkomandazzjoni aqwa mill-Unjoni Ewropea dwar dawn it-tipi ta’ azzjoni;

7.

Jenfasizza li l-impjiegi jridu jitqiesu bħal waħda mis-salvagwardji l-aktar effettivi kontra l-faqar u li għalhekk għandhom jiġu adottati miżuri sabiex jinkuraġġixxu l-impjegar tan-nisa u t-twaqqif ta’ objettivi kwalitattivi għall-impjiegi li jiġu offruti;

8.

Jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali biex tħares liċ-ċittadini u l-konsumaturi minn kundizzjonijiet inġusti rigward il-ħlas lura ta’ self u tal-karti ta’ kreditu, u biex tistabbilixxi kundizzjonijiet rigward l-aċċess għas-self bil-għan li l-familji u l-individwi ma jitħallewx jaqgħu f'dejn eċċessiv u b'hekk jaqgħu fil-faqar u l-esklużjoni soċjali;

9.

Jenfasizza n-natura multidimensjonali tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali u jinsisti dwar il-ħtieġa tal-integrazzjoni tal-objettivi soċjali u dwar l-importanza tad-dimensjoni u s-sostenibilità soċjali tal-politiki makroekonomiċi; iqis li l-objettivi soċjali għandhom jagħmlu parti integrali tal-istrateġija għall-ħruġ mill-kriżi kif ukoll tal-istrateġija Ewropa 2020 u tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li jimplika orjentazzjoni soċjali konverġenti u evalwazzjoni effettiva tal-impatt soċjali li jiggarantixxu d-definizzjoni mill-ġdid tal-prijoritajiet u tal-politiki, partikolarment tal-politiki monetarji, politiki tax-xogħol, politiki soċjali u makroekonomiċi, inkluż il-patt ta’ stabbilità u t-tkabbir, tal-politiki tal-kompettitività, tas-suq intern u tal-politiki baġitarji u fiskali; huwa tal-fehma li dawn il-politiki m'għandhomx jostakolaw il-koeżjoni soċjali u jeħtieġ jiggarantixxu l-implimentazzjoni tal-miżuri konċernati u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet ugwali sabiex ikun żgurat il-ħruġ mill-kriżi sostentibbli, ir-ritorn għall-konsolidazzjoni baġitarja u l-bidu ta’ riformi li l-ekonomija għandha bżonn biex terġa' tinstab it-triq tat-tkabbir u tal-ħolqien ta’ impjiegi; jappella sabiex jitwaqqfu politiki ta’ appoġġ konkret għall-Istati Membri li l-aktar għandhom bżonnhom permezz ta’ mekkaniżmi adegwati;

10.

Iqis li l-ħolqien tal-impjiegi jeħtieġ li jkun prijorità għall-Kummissjoni u għall-gvernijiet tal-Istati Membri bħala l-ewwel pass biex jitnaqqas il-faqar;

11.

Iqis li skemi nazzjonali ta’ dħul minimu għandhom ikunu ingastati f'approċċ strateġiku dwar l-integrazzjoni soċjali, li jinvolvi sew politiki ġenerali kif ukoll miżuri mmirati - f'dak li jirrigwarda l-akkmodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-servizzi soċjali - u b'hekk jgħin lin-nies biex joħorġu mill-faqar u jaħdmu huma stess lejn l-inklużjoni soċjali u l-aċċess għas-suq tax-xogħol; jemmen li l-objettiv reali tal-iskemi ta’ dħul minimu mhuwiex biss li jgħinu lill-benefiċjarji, imma primarjament biex jakkumpanjahom ħalli minn sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni soċjali jgħaddu lejn ħajja attiva;

12.

Jenfasizza l-ħtieġa li meta l-livelli tad-dħul minimu jkunu qed jiġu determinati, jittieħed kont xieraq tal-fatt li ħaddiema għandhom dipendenti, b'mod partikolari t-tfal, bil-għan li jinkiser iċ-ċirku vizzjuż tal-faqar tat-tfal; barra minn hekk, huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tfassal rapport annwali tal-progress li jkun sar fil-ġlieda kontra l-faqar tat-tfal;

13.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu riveduti l-politiki ta’ awsterità li se jiġu imposti f'xi Stati Membri għal kontra l-kriżi, u jisħaq fuq l-importanza ta’ miżuri effettivi ta’ solidarjetà - inklużi rigward tisħiħ, mobilità, antiċipazzjoni tat-trasferiment u t-tnaqqis tal-kofinanzjament tal-finanzjament baġitarju - sabiex jinħolqu impjiegi diċenti, biex jingħata appoġġ lis-setturi produttivi u biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u biex jiġu evitati forom ġodda ta’ dipendenza u ż-żieda tad-djun;

14.

Jemmen li l-introduzzjoni ta’ skemi tad-dħul minimu fl-Istati Membri kollha tal-UE – li jikkonsistu f'miżuri speċifiċi li jappoġġjaw persuni li d-dħul tagħhom mhuwiex biżżejjed permezz ta’ appoġġ finanzjarju u faċilità għall-aċċess għas-servizzi – huwa wieħed mill-modi l-aktar effikaċi biex jiġi miġġieled il-faqar, ikun garantit standard ta’ għajxien adegwat u tiġi inkoraġġita l-integrazzjoni soċjali;

15.

Huwa tal-fehma li l-iskemi ta’ dħul minimu jridu jiffissaw id-dħul minimu f'livell li jkun ekwivalenti għal tal-anqas 60 % tad-dħul medjan fl-Istat Membru kkonċernat;

16.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir evalwazzjoni tal-politika tal-inklużjoni soċjali, tal-applikazzjoni tal-Metodu ta’ Koordinazzjoni Miftuħ, l-issodisfar tal-objettivi komuni u tal-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Azzjoni fil-kuntest tal-iżvilupp tal-faqar, bil-għan li ssir azzjoni b'aktar impenn fil-livell nazzjonali u Ewropew u jiġi miġġieled il-faqar permezz ta’ politiki li huma aktar inklużivi u koerenti u konnessi aħjar bejniethom, immirati sabiex sal-2015 jeradikaw il-faqar assolut u l-faqar tat-tfal, kif ukoll inaqqsu sostanzjalment il-faqar relattiv;

17.

Itenni li huma kemm huma importanti l-iskemi ta’ dħul minimu, jeħtieġ li dawn jiġu akkumpanjati minn strateġija kkoordinata fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE li tiffoka fuq azzjonijiet wiesgħa u miżuri speċifiċi bħalma huma politiki attivi tas-suq tax-xogħol għal dawk il-gruppi li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ għal dawk li huma l-anqas tas-sengħa, għas-salarji minimi, il-politiki għall-akkomodazzjoni soċjali u d-dispożizzjoni ta’ servizzi pubbliċi li jkunu għall-but ta’ kulħadd, aċċessibbli u ta’ kwalità;

18.

Jinsisti fuq il-promozzjoni tal-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali biex jiġi żgurat ir-rispett effettiv tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u fuq impenji ċari fir-rigward tal-formulazzjoni tal-politiki tal-Unjoni Ewropea u l-politiki nazzjonali għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jemmen li jeħtieġ li jiġi żgurat aċċess aħjar, ta’ natura universali, mingħajr ostakoli fiżiċi jew ostakoli ta’ komunikazzjoni, għas-suq tax-xogħol, għas-servizzi pubbliċi tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tat-taħriġ (mill-edukazzjoni taż-żgħar nett sal-ewwel snin tal-Università), tat-taħriġ professjonali, tal-akkomodazzjoni pubblika, tal-provvista tal-enerġija u l-protezzjoni soċjali; iqis li l-impjiegi għandhom ikunu aċċessibbli u ta’ kwalità u jġibu magħhom id-drittijiet; huwa tal-fehma li l-pagi għandhom ikunu dinjitużi u l-pensjonijiet ikollhom pensjoni bażika minima li tippermetti lill-pensjonanti li ħadmu tul ħajjithom kollha li jkollhom irtirar deċenti; iżid ukoll li l-iskemi ta’ dħul minimu adegwat għal kulħadd għandhom isaħħu l-prevenzjoni kontra r-riskju tal-faqar u jiżguraw l-inklużjoni soċjali, kulturali u politika b'rispett għall-prattiki nazzjonali, ftehimiet kolletivi u l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri; jinnota wkoll li f'termini ta’ perjodu twil ta’ żmien, aktar ma l-Istati Membri jinvestu f'dawn id-diversi politiki, inqas ikun hemm bżonn ta’ sistema bbażata fuq id-dħul minimu tal-familji; jenfasizza li miżuri bħal dawn għandhom jiġu adottati f'konformità stretta mal-prinċipju tas-sussidjarjetà tal-Istati Membri u tal-prattiki differenti, ftehimiet kollettivi u leġiżlazzjonijiet nazzjonali; huwa biss b'dan il-mod li jista' jkun garantit id-dritt ta’ kull individwu jieħu sehem fil-ħajja soċjali, politika u kulturali;

19.

Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonnijiet ta’ żgħażagħ li qed jiltaqgħu ma’ problemi speċifiċi biex isibu posthom fil-ħajja ekonomika u soċjali u li qegħdin f'riskju li jitilqu mill-iskola f'età bikrija; jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ issir objettiv speċifiku bil-prijoritajiet tiegħu, billi jiġu adottati miżuri speċifiċi ta’ taħriġ professjonali, b'appoġġ għall-programmi tal-Komunità (Taħriġ tul il-Ħajja, Erasmus, Mundus) u b'inċentivi għall-intraprenditorija;

20.

Jirrimarka li r-rata ta’ studenti li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien u l-aċċess ristrett għall-edukazzjoni superjuri u universitarja huma fatturi bażiċi fl-iżvilupp ta’ rata għolja ta’ qgħad fit-tul u jirrappreżentaw piż fuq il-koeżjoni soċjali; qisi li peress dawn iż-żewġ punti jinsabu fost l-objettivi prijoritarji tal-Kummissjoni fl-Istrateġija 2020, għandha tingħata attenzjoni partikolari għat-tfassil ta’ azzjonijiet u politiki speċifiċi dwar l-aċċess taż-żgħażagħ għall-edukazzjoni permezz ta’ boroż ta’ studju, għotjiet għall-istudenti, self għall-istudenti u inizjattivi li jkollhom l-iskop li jagħmlu l-edukazzjoni skolastika aktar dinamika;

21.

Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tistudja l-impatt li jista' jkollha f'kull Stat Membru kull proposta leġiżlattiva li tista' tressaq fil-ġejjieni dwar l-introduzzjoni ta’ dħul minimu adegwat fil-livell Ewropew; jissuġġerixxi, b'mod partikulari, li d-differenza bejn id-dħul minimu adegwat u l-paga minima fl-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll l-implikazzjonijiet li l-introduzzjoni ta’ dħul minimu adegwat jista' jkollha għal dawk li jkunu qed ifittxu impjieg; ikunu aspetti li jkopri dan l-istudju;

22.

Jenfasizza l-importanza li jiġu adottati regoli dwar il-benefiċċji tal-qgħad li jservu biex iżommu lil dawk li jirċevuhom 'il bogħod mill-faqar, u l-importanza li l-Istati Membri jiġu inkuraġġiti jieħdu miżuri ħalli jinkuraġġixxu lill-persuni li jirritornaw fis-suq tax-xogħol biex jaċċettaw impjiegi mhux popolari, kif ukoll billi jiffaċilitaw il-mobilità fl-Unjoni Ewropea;

23.

Jenfasizza li l-investimenti fl-iskemi tad-dħul minimu jikkostitwixxu element ewlieni fil-prevenzjoni u fit-tnaqqis tal-faqar u li anki fi żminijiet ta’ kriżi, l-iskemi tad-dħul minimu ma għandhomx jitqiesu bħala fattur ta’ spiża iżda bħala element ċentrali tal-ġlieda kontra l-kriżi, u li l-investimenti bikrija fil-ġlieda kontra l-faqar iġibu benefiċċju ewlieni fit-tnaqqis tal-ispejjeż fit-tul għas-soċjetà;

24.

Jenfasizza r-rwol tal-protezzjoni soċjali, b'mod partikulari fil-forma ta’ assigurazzjoni għall-mard, benefiċċji tal-familja, pensjonijiet u benefiċċji tad-diżabilità, u jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċjali lill-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà billi jiggarantulhom pakkett minimu ta’ drittijiet, anke jekk huma jkunu qiegħda;

25.

Jenfasizza d-dritt fundamentali tal-bniedem għal riżorsi u benefiċċji suffiċjenti li jippermettu għajxien deċenti li jixraq lid-dinjità tal-bniedem fil-kuntest ta’ strument globali u koerenti fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali; jistieden lill-Istati Membri, fil-kuntest ta’ strateġija għall-inklużjoni soċjali, sabiex jadottaw politiki fil-livell nazzjonali meħtieġa għall-integrazzjoni ekonomika u soċjali tal-persuni kkonċernati;

26.

Jiġbed l-attenzjoni għall-għadd dejjem jikber ta’ ħaddiema foqra u l-ħtieġa li din l-isfida l-ġdida tiġi ttrattata billi jitgħaqqdu strumenti differenti; jitlob li l-paga għall-għajxien għandha dejjem tkun ogħla mil-limitu tal-faqar, li l-ħaddiema li minħabba diversi raġunijiet jibqgħu taħt il-linja tal-faqar jirċievu żidiet li jkunu bla kundizzjonijiet u faċli biex jittieħdu; jiġbed l-attenzjoni dwar l-esperjenza pożittiva fl-Istati Uniti li japplikaw taxxa fuq id-dħul negattiv li tgħolli lill-ħaddiema b'pagi baxxi 'l fuq mil-linja tal-faqar;

27.

Jinnota li fil-Komunikazzjoni tagħha bl-isem “Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”, il-Kummissjoni tipproponi li jkun hemm ħames objettivi kbar għall-UE u fosthom it-tnaqqis b'20 miljun persuna minn fost dawk mhedda mill-faqar; ifakkar li dan l-għan djindika pass lura mill-ambizzjonijiet inizjali tal-Istrateġija ta’ Lisbona li sfortunatament ma setgħux jintlaħqu (il-qerda tal-faqar); iqis li l-faqar u l-esklużjoni soċjali għandhom jinqerdu b'miżuri kredibbli, konkreti u vinkolanti; jemmen li din iċ-ċifra mhix ambizzjuża biżżejjed u li l-objettiv ta’ Ewropa ħielsa mill-faqar ma għandux jiġi abbandunat; iqis li għandhom jittieħdu miżuri adegwati u li jeħtieġ li ma’ dan l-objettiv assolut jiżdied l-objettiv tat-tnaqqis tal-faqar f'kull Stat Membru sabiex kull wieħed jitħeġġeġ jipparteċipa fit-twettiq ta’ dan l-objetiiv u li jagħmluh kredibbli permezz ta’ miżuri xierqa, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-politiki ta’ appoġġ għall-persuni dipendenti; huwa tal-fehma li dan l-objettiv jeħtieġ jinkiseb permezz ta’ miżuri konkreti u xierqa, b'mod partikulari bl-introduzzjoni ta’ skemi ta’ dħul minimu fl-Istati Membri kollha tal-UE;

28.

Jemmen li għandha tingħata prijorità lill-ġlieda kontra l-inugwaljanza soċjali, speċjalment l-inugwaljanza ekonomika f'termini ta’ dħul u d-distribuzzjoni tal-ġid, l-inugwaljanzi fis-suq tax-xogħol, li jġibu l-insigurtà soċjali, u l-aċċess inugwali għall-funzjonijiet soċjali tal-Istat, bħall-assigurazzjoni soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-ġustizzja, eċċ.;

29.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri sabiex jibbażaw l-għan prinċipali tal-istrateġija “Ewropa 2020” għalll-ġlieda kontra l-faqar fuq l-indikatur tal-faqar relattiv (60 % tal-limitu tad-dħul medju), kif approvat mill-Kunsill Ewropew ta’ Laeken f'Diċembru 2001, minħabba li dan l-indikatur jistabbilixxi r-realtà tal-faqar fil-kuntest ta’ kull Stat Membru, billi jirrifletti fehim tal-faqar bħala kundizzjoni relattiva;

30.

Jistieden lill-Istati Membri jittraduċu l-għan prinċipali tal-UE fir-rigward tal-faqar f'miri nazzjonali konkreti u li jistgħu jinkisbu dwar kwistjonijiet ta’ prijorità tal-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni soċjali, bħal kif sal-2015 ma jibqax aktar nies bla djar li jgħixu fit-triq, bi qbil mad-Dikjarazzjoni bil-Miktub Nru 0111/2007;

31.

Jemmen li teħtieġ attenzjoni partikulari u miżuri addizzjonali għall-persuni bla dar, kemm mill-Istati Membri u kemm mill-Kummissjoni, bil-ħsieb li dawn jiġu integrati fis-soċjetà bis-sħiħ sal-2015 u dan jimplika l-ġbir ta’ dejta kumparabbli u ta’ statistika affidabbli fil-livell Komunitarju, kif ukoll il-pubblikazzjoni annwali tagħhom, flimkien ma’ rendikont tal-progress miksub u tal-objettivi definiti fl-istrateġiji Komunitarji u nazzjonali għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

32.

Iqis li huwa d-dmir ta’ kull Stat Membru li jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jipproteġi liċ-ċittadini tiegħu mill-vulnerabilità finanzjarja estrema billi jiżgura li dawn ma jidħlux f'livelli eċċessivi ta’ dejn, partikularment fil-forma ta’ self bankarju, pereżempju billi jintaxxa lill-banek u lill-istituzzjonijiet finanzjarji li jaqblu li jsellfu lil persuni li ma jkollhom l-ebda valur ta’ kreditu;

33.

Iqis li għandu jsir impenn espliċitu mill-Istati Membri biex jimplimentaw Inklużjoni Attiva: it-tnaqqis tal-kundizzjonalità, l-investiment fl-attivazzjoni ta’ appoġġ, id-difiża ta’ dħul minimu adegwat u ż-żamma tal-istandards soċjali billi l-qtugħ fis-servizzi pubbliċi ewlenin isir illegali ħalli ma jkunux il-foqra li jħallsu għall-kriżi;

34.

Iqis li l-esperjenza diversifikata tad-dħul minimu u tad-dħul bażiku ggarantit għal kulħadd mingħar kundizzjonijiet, akkumpanjat minn miżuri addizzjonali ta’ inklużjoni u ħarsien soċjali, turi li dawn huma mezzi effettivi għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u sabiex jigggarantixxu ħajja dinjituża għal kulħadd; Jitlob għaldaqstant mingħand il-Kummissjoni inizjattiva biex tappoġġja esperjenzi oħrajn fl-Istati Membri li jikkunsidraw u jinkoraġġixxu l-prattiki ppruvati u li jistgħu jiggarantixxi individwalment mudelli varji ta’ dħul minimu u dħul bażiku bħala miżura biex tevita u biex tiġġieled biex jinqered il-faqar l-faqar u jiġu żgurati l-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza tal-opportunitajiet għaċ-ċitadini kollha li fosthom irid jitnaqqas il-faqar fil-livell reġjunali rispettiv, b'rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u bla ma jiddgħajfu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull Stat Membru; iqis li din l-inizjattiva tal-Kummissjoni għandha twassal għat-tfassil ta’ pjan ta’ azzjoni maħsub biex jingħaqad mal-implimentazzjoni ta’ inizjattiva Ewropea dwar id-dħul minimu fl-Istati Membri, b'rispett tal-prattiki differenti nazzjonali, ftehimiet kollettivi u leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri sabiex jinkisbu l-objettivi li ġejjin:

it-twaqqif ta’ standards komuni u indikaturi dwar l-eliġibbiltà u l-kundizzjonijiet tal-aċċessibbiltà għall-iskemi ta’ dħul minimu,

l-iffissar ta’ kriterji biex jevalwaw liema livelli istituzzjonali u territorjali - inkluż l-involviment ta’ msieħba soċjali u partijiet interessati konċernati - jistgħu jkunu l-aktar adegwati biex jimplimentaw il-miżuri tal-skemi ta’ dħul minimu,

it-twaqqif ta’ indikaturi komuni u punt ta’ referenza għall-valutazzjoni tar-riżultati, tal-eżiti u tal-effettività tal-politika kontra l-faqar,

l-iżgurar ta’ segwitu u skambju effettiv tal-aħjar prattiki;

35.

Jenfasizza li dħul minimu adegwat huwa element indispensabbli għal ħajja dinjituża u huwa, flimkien mal-parteċipazzjoni soċjali, prirekwiżit għall-milja tal-potenzjal ta’ kull persuna u għall-koperazzjoni ta’ kulħadd fl-organizzazzjoni demokratika tas-soċjetà; jenfasizza li dħul li jiżgura kundizzjonijiet tajbin ta’ għajxien barra minn hekk jikkontribwixxi, fil-livell politiku nazzjonali, għal dinamika pożittiva u fl-aħħar mill-aħħar, għall-prosperità;

36.

Jemmen li l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar id-dħul minimu garantit għandha tqis ir-Rakkomandazzjoni 92/441/KEE, li tirrikonoxxi “id-dritt bażiku ta’ persuna li jkollha biżejjed riżorsi u assistenza soċjali biex tgħix b'mod kompatibbli mad-dinjità tal-bniedem”, u jinsisti li l-objettiv ċentrali tal-iskemi tal-appoġġ tad-dħul għandu jkun li jerfa' lin-nies mill-faqar u li jippermettilhom jgħixu ħajja deċenti, li jinkludu d-dritt għal pensjonijiet ta’ invalidità deċenti u irtirar mix-xogħol dinjituż; fid-dawl ta’ dan, jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra li tistabbilixxi metodu komuni għall-kalkolu ta’ dħul minimu għas-sopravivenza u ta’ tal-għoli tal-ħajja ('basket tax-xiri' ta’ oġġetti u servizzi), bil-ħsieb li tiżgura d-disponibbiltà ta’ għodod ta’ kejl komparattivi għal-livelli tal-faqar u li tistabbilixxi mezzi ta’ intervent soċjali;

37.

Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni urġenti biex itejbu r-rikors għall-benefiċċji soċjali u biex jimmonitorjaw il-livelli ta’ nuqqas rikors u l-kawżi ta’ dan - ġaladarba skont l-OECD in-nuqqas rikors jirrappreżenta bejn 20 u 40 % tal-benefiċċji - permezz ta’ żieda fit-trasparenza, billi tingħata informazzjoni b'mod aktar effettiv, jitwaqqfu servizzi ta’ konsulenza aktar effikaċi, jitħaffu l-proċeduri u billi jdaħħlu fis-seħħ miżuri u politiki effettivi għall-ġlieda kontra l-istigma u d-diskriminazzjoni marbuta mal-benefiċjarji tad-dħul minimu;

38.

Jenfasizza l-importanza li jkun hemm benefiċċju tal-qgħad li jiggarantixxi livell deċenti ta’ għajxien għall-benefiċjarji, kif ukoll il-bżonn li jitnaqqas it-tul tal-assenzi mis-suq tax-xogħol, inter alia billi s-servizzi ta’ impjieg tal-aġenziji pubbliċi għax-xogħol tal-istat isiru aktar effiċjenti;

39.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu adottati regoli dwar l-assigurazzjoni sabiex tiġi stabbilita rabta bejn il-pensjoni minima mħallsa f'kull Stat Membru u l-linja tal-faqar korrispondenti;

40.

Jikkritika l-Istati Membri fejn l-iskemi ta’ dħul minimu ma jilħqux il-linja tal-faqar relattiva; jafferma mill-ġdid t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jirrimedjaw din is-sitwazzjoni malajr kemm jista' jkun; jitlob li l-prattiki tajba u ħżiena jiġu ttrattati mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali;

41.

Jiġbed l-attenzjoni dwar id-diskriminazzjoni maġġuri bbażata fuq l-età fir-rigward tal-Iskemi tad-Dħul Minimu, bħall-iffissar ta’ dħul minimu għat-tfal taħt il-linja tal-faqar jew l-esklużjoni taż-żgħażagħ mill-iskemi tad-dħul minimu minħabba n-nuqqas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali; jenfasizza li dawn id-diskriminazzjonijiet idgħajfu l-prinċipju tan-nonkundizzjonalità u d-deċenza tal-iskemi ta’ dħul minimu;

42.

Jenfasizza l-urġenza li jitfasslu u jintużaw indikaturi soċjoekonomiċi adegwati f'diversi oqsma bħas-saħħa, l-akkomodazzjoni, il-provvista tal-enerġija, l-inklużjoni soċjali u kulturali, il-mobilità, l-edukazzjoni, id-dħul (pereżempju l-koeffiċjent Gini li jista' jintuża biex jitkejlu x-xejriet tad-distakki fid-dħul), il-privazzjoni materjali, l-impjiegi u s-servizzi ta’ għajnuna soċjali li jippermettu l-monitoraġġ u l-kejl tal-progress li jkun sar fil-ġlieda kontra l-faqar u dwar l-inklużjoni soċjali, li għandhom jiġu ppreżentati kull sena fil-Jum Dinji tal-Ġlieda kontra l-Faqar (is-17 ta’ Ottubru), b'enfasi fuq l-iżvilupp ta’ din l-inklużjoni skont is-sess, il-firxiet tal-età, is-sitwazzjoni tal-familja, id-diżabilità, l-immigrazzjoni, il-mard kroniku u l-livelli differenti ta’ dħul (60 % tad-dħul medju, 50 % tad-dħul medju, 40 % tad-dħul medju) b'mod li jiġi kkunsidrat il-faqar relattiv, il-faqar estrem u tal-gruppi l-iktar vulnerabbli; jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta’ dejta statistika tal-UE li tmur lil hinn minn indikaturi monetarji dwar sitwazzjonijiet ta’ faqar estrem bħal dawk tan-nuqqas ta’ akkomodazzjoni, li bħalissa mhumiex koperti mill-UE-SIL; jitlob li dawn iċ-ċifri soċjoekonomiċi ewlenin għandhom ikunu mxandra taħt forma ta’ rapport annwali li jitressaq lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew għad-diskussjoni kif ukoll biex ikunu jistgħu jiġu determinati passi konkreti oħrajn;

43.

Jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ għotjiet addizzjonali speċifiċi għal gruppi l-aktar żvantaġġjati (dawk b'diżabilità jew b'mard kroniku, familji b'ġenitur wieħed u familji b'numru kbir ta’ tfal) sabiex ikopru l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mis-sitwazzjoni tagħhom, b'mod partikulari permazz ta’ assistenza personali, l-użu ta’ faċilitajiet speċifiċi, il-kura medika u l-appoġġ soċjali;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE sabiex jeżaminaw kif mudelli differenti ta’ dħul bażiku għal kulħadd mhux kundizzjonat sabiex jevitaw il-faqar, ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-inklużjoni soċjali, kulturali u politika, billi b'mod speċjali jitqies il-karattru mhux stigmatizzanti tagħhom u l-ħila tagħhom li jipprevjenu każi ta’ faqar moħbi;

45.

Huwa tal-fehma li, fir-rigward tal-politiki tat-tnaqqis tal-faqar li jakkumpanjaw l-istabbiliment ta’ dħul minimu adegwat fl-Istati Membri, il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni għandu jiġi rivedut sabiex ikun jista' jsir skambju reali tal-aħjar prattiki fosthom;

46.

Jinnota li d-dħul minimu jista' biss jilħaq l-għan tiegħu li jiġġieled kontra l-faqar jekk ikun ħieles mit-taxxi u jirrakkomanda li tiġi kkunsidrata l-idea li l-livell tad-dħul minimu jintrabat mal-varjazzjonijiet fit-tariffi tas-servizzi kollha;

47.

Ifakkar li r-riskju tal-faqar estrem huwa akbar għan-nisa milli għall-irġiel minħabba n-nuqqasijiet li hemm fis-sistemi soċjali u d-diskriminazzjoni kontinwa, speċjalment fis-suq tax-xogħol u dawn jeħtieġu soluzzjonijiet politiki speċifiċi u multipli skont it-differenza bejn is-sessi u s-sitwazzjonijiet konkreti;

48.

Jemmen li l-faqar li jolqot lil persuni li għandhom impjieg jimplika kundizzjonijiet tax-xogħol inġusti, u jitlob li jsiru sforzi sabiex tinbidel din is-sitwazzjoni permezz tal-pagi b'mod ġenerali, u l-livelli tal-pagi minimi b'mod partikulari, kemm jekk ikunu regolati mil-liġi kemm jekk permezz ta’ negozjar kollettiv, u li jkunu jistgħu jiżguraw livell ta’ għajxien deċenti;

49.

Jitlob li jkun hemm integrazzjoni ta’ persuni li jgħixu fil-faqar (li għalihom l-inizjattivi għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol trid tkun imħeġġa bil-qawwi) u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jibdew djalogu mal-persuni u l-organizzazzjonijiet rappreżentanti tal-persuni f'sitwazzjoni ta’ faqar, in-netwerks tagħhom, kif ukoll l-imsieħba soċjali; iqis li jeħtieġ tingħata attenzjoni sabiex il-persuni li jgħixu fil-faqar u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom isiru partijiet involuti u jirċievu l-appoġġ u r-riżorsi finanzjarji u riżorsi oħrajn biex ikunu jistgħu jipparteċipaw fit-tfassil tal-politiki, tal-miżuri, tal-indikaturi u tal-applikazzjoni tagħhom fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, b'mod partikulari rigward il-programmi nazzjonali ta’ riforma tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni dwar il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali; jenfasizza barra minn hekk il-ħtieġa li tissaħħaħ l-azzjoni kontra dawk li jħaddmu b'mod illegali gruppi marġinalizzati bi ħlas inqas mid-dħul minimu;

50.

Iqis li għandhom isiru sforzi sostnuti u estensivi biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali sabiex titjieb il-qagħda tal-persuni li huma l-aktar esposti għar-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni, bħall-persuni li għandhom xogħol prekarju, il-persuni qiegħda, il-familji b'ġenitur wieħed, l-anzjani li jgħixu waħedhom, in-nisa, it-tfal żvantaġġati, il-minoritajiet etniċi u l-morda jew dawk b'diżabilità;

51.

Jiddispjaċih ħafna li xi Stati Membri jidhru li m'humiex jirrispettaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE li tirrikonoxxi “id-dritt bażiku ta’ persuna li jkollha riżorsi adegwati u assistenza soċjali biex tgħix b'mod li jkun kompatibbli mad-dinjità tal-bniedem”;

52.

Jinsisti li l-imsieħba soċjali għandhom ikunu involuti bis-sħiħ fit-tfassil ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali biex jiġġieldu l-faqar u d-determinazzjoni ta’ miri ta’ referenza f'kull livell tal-governanza;

53.

Jenfasizza l-bżonn li jiġu ppjanati u implimentati azzjonijiet immirati permezz ta’ politiki attivi dwar l-impjiegi f' livell ġeografiku, settorjali u kummerċjali, u bl-involviment attiv tas-sħab soċjali, sabiex tingħata spinta lill-aċċess għas-suq tax-xogħol għal persuni minn setturi jew reġjuni ġeografiċi li għandhom rati ta’ qgħad partikularment għoljin;

54.

Jenfasizza l-bżonn li tingħata attenzjoni lil sezzjonijiet magħżula tal-popolazzjoni (il-migranti, in-nisa, il-persuni qiegħda qrib l-età tal-irtirar mix-xogħol, eċċ), bil-għan li jittejbu l-ħiliet, jiġi evitat il-qgħad u jissaħħaħ it-tessut tal-integrazzjoni soċjali;

55.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jieħdu miżuri favur l-integrazzjoni ta’ żgħażagħ u anzjani fis-suq tax-xogħol peress li dawn huma gruppi vulnerabbli li jinsabu milquta b'mod gravi min-nuqqas ta’ impjiegi kaġun tar-reċessjoni attwali;

56.

Jenfasizza li l-iskemi ta’ dħul minimu għandhom ikopru l-ispejjeż tal-fjuwil sabiex jippermettu li d-djar fqar affettwati mill-faqar enerġetiku jkunu jistgħu jħallsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom; l-iskemi ta’ dħul minimu għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta’ valutazzjonijiet realistiċi ta’ kemm jiswa t-tisħin ta’ dar u jkunu relatati mal-bżonnijiet domestiċi speċifiċi - eż. familja bi tfal, anzjani u persuni b'diżabilità.

57.

jenfasizza li minkejja li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fl-UE27 għandhom skemi nazzjonali ta’ dħul minimu, għad hemm diversi oħrajn li ma għandhomx; jitlob lill-Istati Membri biex jipprovdu skemi ta’ dħul minimu garantit li jipprevjenu l-faqar u li jippromwovu l-inklużjoni soċjali, u jħeġġiġhom sabiex jiskambjaw l-aħjar prattiki; jirrikonoxxi li fejn hemm dispożizzjoni għall-assistenza soċjali l-Istati Membri għandhom id-dmir li jiżguraw li ċ-ċittadini jifhmu u jkunu jistgħu jiksbu d-drittijiet tagħhom;

58.

Jinkariga lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati.


(1)  ĠU L 245, 26.8.1992, p. 46.

(2)  ĠU L 245, 26.8.1992, p. 49.

(3)  Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Komunikat għall-istampa, 16825/08 (Stampa 358), p.18.

(4)  ĠU L 298, 7.11.2008, p. 20.

(5)  ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 141.

(6)  ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 11.

(7)  ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 11.

(8)  ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 23.

(9)  ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 19.

(10)  Il-limitu minimu nazzjonali tar-riskju tal-faqar ġie stabbilit għal 60 % tad-dħul medjan nazzjonali, limitu li huwa inferjuri mid-dħul medju.


Top