EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0763

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-Ewwel Evalwazzjoni Interim tal-Programm Konġunt tal-Għixien Megħjun Kuntestwalment (AAL JP)

/* KUMM/2010/0763 finali */

52010DC0763

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-Ewwel Evalwazzjoni Interim tal-Programm Konġunt tal-Għixien Megħjun Kuntestwalment (AAL JP) /* KUMM/2010/0763 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 16.12.2010

KUMM(2010) 763 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-Ewwel Evalwazzjoni Interim tal-Programm Konġunt tal-Għixien Megħjun Kuntestwalment (AAL JP)

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-Ewwel Evalwazzjoni Interim tal-Programm Konġunt tal-Għixien Megħjun Kuntestwalment (AAL JP)

Introdu ZZJONI

L-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet li l-ICT hija fattur prinċipali sabiex ikunu indirizzati l-isfidi tat-tixjiħ demografiku, kif ġew inizjalment deskritti fil-qosor fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Xjuħija tajba fis-Soċjetà tal-Informazzjoni” (2007)[1]. B’mod partikolari, hija qiegħdet appoġġ finanzjarju għad-dispożizzjoni tar-riċerka, tal-iżvilupp u tal-innovazzjoni f’dan il-qasam. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (2010)[2] issaħħaħ l-impenn tal-Unjoni sabiex tagħmel użu mill-ICT għal tixjiħ attiv, indipendenti u b’saħħtu.

Il-parteċipazzjoni tal-UE fil-Programm Konġunt tal-Għixien Megħjun Kuntestwalment (AAL JP) hija sies ta’ dak l-impenn. L-AAL JP inħoloq minn 20 Stat Membru tal-UE u minn tliet pajjiżi assoċjati fl-2008. L-Unjoni Ewropea ddeċidiet li, l-istess bħall-pajjiżi parteċipanti hija wkoll tagħti l-appoġġ tagħha permezz ta’ finanzjament mis-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (FP7) ibbażat fuq l-Artikolu 185 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li qabel kien l-Artikolu 169 tat-Trattat KE[3].

L-AAL JP jiffoka fuq riċerka applikata, bi żmien biex jitqiegħdu fis-suq ta’ bejn sentejn u tliet snin, ta’ prodotti u servizzi bbażati fuq l-ICT għall-popolazzjoni anzjana. Il-pajjiżi parteċipanti fl-AAL JP huma s-sidien prinċipali tal-AAL JP. Huma jeżegwixxu l-programm permezz ta’ Assoċjazzjoni AAL mingħajr skop ta’ profitt, iggvernata minn Assemblea Ġenerali u appoġġata mil-lat operattiv minn Unità Ċentrali ta’ Ġestjoni. Il-Kummissjoni Ewropea għandha status ta’ osservatriċi fl-Assemblea Ġenerali u dritt għal veto fil-programm annwali ta’ ħidma, u hija parti b’mod ġenerali għall-ftehimiet annwali mal-Assoċjazzjoni AAL li jikkonċernaw il-kontribut finanzjarju tal-UE.

Id-Deċiżjoni tal-2008 dwar il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Komunità fl-AAL JP kienet titlob evalwazzjoni interim sal-2010, li twettqet minn Bord ta’ Esperti indipendenti ta’ Livell Għoli ppresedut minn Meglena Kuneva, li fl-imgħoddi kienet Kummissarja Ewropea. Is-sejbiet tal-Bord kienu bbażati fuq dokumentazzjoni ta’ sfond estensiva, studji ta’ każijiet, informazzjoni statistika dwar l-AAL JP, madwar 40 intervista ma’ partijiet interessati, u konsultazzjoni onlajn.

Il-Bord elabora parir dwar l-innovazzjoni u t-tixjiħ demografiku b’mod ġenerali u pprovda rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar l-AAL JP. Il-parti l-kbira ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma indirizzati lill-Istati parteċipanti fl-AAL JP, filwaqt li wħud jindirizzaw ukoll lill-Istituzzjonijiet tal-UE u lill-partijiet interessati inġenerali (l-organizzazzjonijiet tal-anzjani, l-industrija u l-fornituri tas-servizzi, l-awtoritajiet reġjonali).

Din il-Komunikazzjoni tanalizza r-rakkomandazzjonijiet prinċipali tal-Bord u tipproponi, fejn ikun rilevanti, azzjonijiet li l-Kummissjoni Ewropea għandha twettaq f’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u mal-partijiet interessati, u permezz tar-rwol tal-Kummissjoni fl-AAL JP.

IL-KUNTEST LI L-ICT TINDIRIZZA L-ISFIDA TAT-TIXJIħ DEMOGRAFIKU FIH

Id-dejta bażika dwar it-tixjiħ tal-popolazzjoni tal-Ewropa hija magħrufa sew. Din turi bidla imminenti u sinifikanti fis-soċjetà u fl-ekonomija li l-Unjoni Ewropa għadha mhijiex ippreparata sew għaliha: huwa mistenni li sal-2020 jiġi reġistrat nuqqas fil-kura u fis-saħħa li jlaħħaq sa żewġ miljun impjieg, jekk ma tittieħed l-ebda miżura sabiex dan ikun indirizzat, li jirriżulta biex 15% mix-xogħol meħtieġ fis-settur tal-kura tas-saħħa ġenerali ma jkunx kopert[4]; il-proporzjon tal-persuni li għandhom iktar minn 65 sena mal-persuni li jaħdmu (li għandhom bejn 15 u 64 sena) se jinżel minn madwar 1:4 fl-2008 għal 1:3 fl-2020 u għal 1:2 fl-2050, li se jitfa’ piż kbir fuq is-solidarjetà interġenerazzjonali[5]; l-ispiża dejjem ikbar tat-tixjiħ se jkollha impatt sinifikanti fuq il-finanzi pubbliċi[6]; u filwaqt li dawk li għandhom iktar minn 50 sena għandhom dħul u ġid disponibbli stmat ta’ xi EUR 3 triljuni u d-dħul tal-pensjonanti qed jiżdied[7], id-differenzi huma kbar ħafna b'19% tal-anzjani jinsabu f’riskju ta’ faqar, figura li qed tiżdied b’rata mgħaġġla speċjalment fl-UE-10[8].

L-isfida demografika tista’ tiġi megħluba biss minn kombinazzjoni koerenti ta’ politiki soċjali, ekonomiċi, tas-saħħa, ta’ innovazzjoni u diġitali[9]. Azzjoni llum tista’ tissarraf f’rebħa tripla konsiderevoli f’termini ta’ kwalità tal-ħajja aħjar, ta’ spiża tal-kura li tkun sostenibbli għas-soċjetà kollha, kif ukoll ta’ impjiegi u ta’ negozji ġodda minħabba “ekonomija tal-fidda” li qed tikber. It-tixjiħ demografiku ġie identifikat fl-Istrateġija Ewropa 2020[10] kemm bħala sfida kif ukoll bħala opportunità għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. L-inizjattivi prinċipali tagħha, “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” u “Unjoni ta’ Innovazzjoni”[11], it-tnejn jindirizzaw it-tixjiħ demografiku bħala prijorità.

L-Aġenda Diġitali tiffoka fuq servizzi, prodotti u proċessi innovattivi li jaħdmu bl-ICT. L-inizjattiva prinċipali Unjoni ta’ Innovazzjoni tħabbar Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u f’Saħħtu, fejn is-soluzzjonijiet diġitali għandu jkollhom rwol importanti. In-natura trasformattiva tal-ICT tagħti lok għal innovazzjoni fl-organizzazzjoni tal-kura, pereżempju, billi tagħti l-possibbiltà li l-persuni li jipprovdu l-kura jkollhom iktar ħin xi jqattgħu mal-klijenti anzjani tagħhom billi titkabbar l-effikaċja u titnaqqas il-burokrazija fil-kura, ikun hemm soluzzjonijiet biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-benesseri tal-persuni li jipprovdu l-kura b’mod informali kif ukoll l-istil ta’ ħajja personali u l-ġestjoni tas-saħħa flimkien mal-adattament tal-post tax-xogħol għat-tixjiħ, u jkun hemm parteċipazzjoni attiva kontinwata min-naħa tal-anzjani fl-ekonomija u fis-soċjetà. Bażi dejjem ikbar ta’ studji ta’ każijiet turi tnaqqis fi u bidu iktar tard tal-kura istituzzjonali b'10-30%, livelli għoljin ta’ sodisfazzjon tal-utenti, u tkabbir fin-negozju ta’ iktar minn 10% p.a.[12]

Is-soluzzjonijiet AAL ivarjaw minn prodotti magħrufin sew, bħal pendenti b'buttuna biex jagħtu allarm jew li jfakkru lill-anzjan biex jieħu l-pilloli, għal soluzzjonijiet iktar avvanzati, eż. spazji għal għixien intelliġenti li jiskopru u jikkumpensaw għall-problemi li jistgħu jitfaċċaw bl-età, bħal telf tal-memorja, ġiri ’l hawn u ’l hinn mingħajr direzzjoni, kundizzjonijiet tas-saħħa; prodotti intelliġenti bħal art mogħnija b’sensuri u żraben b’azzjonaturi sabiex jiskopru jew jipprevjenu l-waqgħat; servizzi ta’ informazzjoni diġitali bħall-monitoraġġ tas-sigurtà u tas-saħħa u t- telecare , jew televixins konnessi mal-internet għall-ħin liberu, divertiment, tagħlim, taħriġ fil-bilanċ jew għall-memorja, pariri dwar l-istil ta’ ħajja u konnessjonijiet vidjo mal-familja. Ir-riċerka avvanzata tesplora, pereżempju, ir-robotika għal assistenza fil-faċendi diffiċli ta’ kuljum jew il-kodisinn ta’ tagħmir ta’ komunikazzjoni soċjali minn anzjani.

L-OSSERVAZZJONIJIET U R-RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-BORD FIR-RIGWARD TAL-INNOVAZZJONI U TAT-TIXJIħ DEMOGRAFIKU

Il-Bord intalab jivvaluta l-prestazzjoni tal-AAL JP u, filwaqt li għamel dan qies anki l-AAL JP fil-kuntest iktar ġenerali tal-innovazzjoni u tat-tixjiħ demografiku. Fir-rigward ta' dan tal-aħħar, il-Bord jirrakkomanda l-promozzjoni attiva ta’ viżjoni mtejba u mġedda tat-tixjiħ , li tagħti importanza għall-involviment kontinwu taċ-ċittadini anzjani fis-soċjetà u fl-ekonomija bħala opportunità għall-Unjoni Ewropea[13]. Din il-viżjoni tagħti prijorità lill-fatt li l-anzjani jingħataw is-setgħa li jkomplu jgħixu b’mod attiv u b’mod indipendenti fl-ambjent li jippreferu sakemm ikun possibbli, u li jieħdu ħsieb il-benessri u s-saħħa tagħhom.

Il-Kummissjoni tappoġġa din ir-rakkomandazzjoni, li teħtieġ koordinazzjoni aħjar bejn l-innovazzjoni teknoloġika, soċjali u tan-negozju, pereżempju, permezz ta' taħlita tal-kura professjonali u informali tal-familja u tal-komunità; bl-implimentazzjoni ta’ postijiet tax-xogħol flessibbli abbażi tal-ICT u ta’ arranġamenti ta’ xogħol adattati għal dawk li jipprovdu kura u li jkunu wkoll attivi fid-dinja tax-xogħol; bl-implimentazzjoni ta’ kuntratti bejn is-settur pubbliku u dak privat għal negozju vijabbli tal-kura tas-saħħa u dik soċjali, bi kwalità vverifikata u b’kopertura universali.

Il-Bord jagħmel ukoll sejħa għall-ħolqien malajr ta’ suq dinamiku għall-ICT u għat-tixjiħ, li jkun jista’ jipprovdi prodotti u servizzi innovattivi u għal impatt kbir billi jiġu kkombinati l-attivitajiet tar-riċerka, tas-suq u tal-użu .

Il-Kummissjoni tappoġġa din ir-rakkomandazzjoni filwaqt li tenfasizza, mal-Bord, li dan jeħtieġ b’mod urġenti li jiġu megħluba ostakoli importanti li jinkludu:

- Il-frammentazzjoni tas-suq u n-nuqqas ta’ ekonomiji ta’ skala : parti sostanzjali mill-kura tal-anzjani hija lokali u teħtieġ innovazzjoni adattata għal-lokal. L-isfida hija li tkun evitata l-frammentazzjoni bi kwalità ta’ servizzi inqas minn ottimali.

- In-nuqqas ta’ finanzjament għall-innovazzjoni u għall-investiment sabiex tiġi ssuperata l-fażi tal-proġetti pilota : kwistjonijiet jinkludu li l-investituri kummerċjali jiġu konvinti jżidu l-impenn tagħhom fuq bażi ta’ għanijiet soċjali u tas-soċjetà tul medda itwal ta’ żmien, kif ukoll finanzjament għall-SMEs sabiex jespandu fi swieq ikbar.

- L-inċertezza dwar il-ħlas: l-Ewropa għandha firxa sħiħa ta’ modi kif tiffinanzja l-kura tas-saħħa u dik soċjali, li jikkombinaw interventi mis-settur pubbliku, mis-settur privat u miċ-ċittadini, u li ta’ spiss ma jkunux idonei sabiex jagħtu appoġġ lil soluzzjonijiet innovattivi bbażati fuq l-ICT għal tixjiħ attiv jew għal għixien indipendenti.

Il-Bord jirrakkomanda l-ħolqien ta’ sħubijiet li jsaħħu r-rabtiet u l-interazzjoni bejn ir-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni, l-atturi tas-swieq, ir-regolaturi u l-utenti finali, sabiex ikunu indirizzati ostakoli ta’ din ix-xorta. Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u f’Saħħtu hija pass importanti f’dik id-direzzjoni. Il-ħolqien tal-Forum ta’ Investiment AAL din is-sena huwa pass inkoraġġanti ieħor sabiex ikunu indirizzati wħud mill-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-investiment.

Il-Bord jenfasizza wkoll illi l-fatt li tiġi żgurata l-eċċellenza operattiva b’kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn il-partijiet interessati huwa tal-ikbar importanza sabiex jiġu ġestiti l-livell għoli ta’ frammentazzjoni, id-deċentralizzazzjoni u l-firxa wiesgħa ta’ atturi kif ukoll sabiex ikunu jistgħu jittieħdu azzjonijiet malajr u b'mod effiċjenti, li huma meħtieġa fid-dawl tal-urġenza tat-tixjiħ demografiku. Għalhekk, il-ġestjoni operattiva b’saħħitha tal-attivitajiet konġunti hija essenzjali. Il-Kummissjoni tappoġġa dawn ir-rakkomandazzjonijiet li għandhom jiggwidaw l-iżvilupp ulterjuri tal-AAL JP u attivitajiet oħrajn fl-innovazzjoni u fit-tixjiħ demografiku.

IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-BORD SPEċIFIċI GħALL-AAL JP

Il-Bord evalwa l-AAL JP f’ħames oqsma:

- Il-progress biex jintlaħqu l-għanijiet;

- Il-livell ta’ kontributi finanzjarji mill-Istati parteċipanti;

- Il-prestazzjoni tal-AAL JP bħala xprun għall-integrazzjoni tal-programmi nazzjonali;

- Il-prestazzjoni operattiva;

- Il-valur miżjud Ewropew.

Il-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord jikkonċernaw direttament lill-Istati parteċipanti. Uħud mir-rakkomandazzjonijiet jikkonċernaw l-involviment tal-Kummissjoni fil-programm. Dawn huma indirizzati skont kull qasam tal-evalwazzjoni iktar ’l isfel.

Jidher b’mod ċar li l-valutazzjoni globali tal-Bord hija pożittiva fejn għandhom x’jaqsmu r-rilevanza u r-riżultati tal-AAL JP, anki jekk il-programm ilu operattiv għal sentejn biss u l-proġetti għadhom ma ġewx ikkompletati. Il-Bord jikkunsidra li l-AAL JP jista’ jipprovdi soluzzjonijiet ferm rilevanti għall-isfida tat-tixjiħ demografiku u fl-istess ħin ikun eżempju pożittiv tal-użu tal-Artikolu 185 tat-TFUE għal kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka innovattiva bejn l-Istati Membri bl-appoġġ tal-UE. Il-Bord irrikonoxxa wkoll il-kontribut finanzjarju pożittiv tal-pajjiżi parteċipanti, li qabeż sew il-minimu mitlub legalment (għall-ewwel żewġ Sejħiet, l-Istati parteċipanti żiedu l-kontribut finanzjarju tagħhom rispettivament bi 30% u b’50% aktar mill-minimu mitlub), u l-parteċipazzjoni b’saħħitha tal-SMEs, ta’ ferm iktar minn 40%. Il-Kummissjoni tosserva li l-AAL JP jindirizza sfida għas-soċjetà li hija ta’ tħassib ġenerali, b’vantaġġi reċiproċi u bbilanċjati sabiex jiġu kkombinati l-isforzi, u bid-Deċiżjoni dwar l-AAL JP tipprovdi regoli u inċentivi ċari għal kooperazzjoni ta’ din ix-xorta.

Madankollu, il-Bord jirrakkomanda wkoll li l-AAL JP isaħħaħ b’mod urġenti l-operazzjonijiet tiegħu. Il-Kummissjoni tappoġġa b’mod qawwi din ir-rakkomandazzjoni u tħeġġeġ lill-Istati parteċipanti sabiex jagħtu attenzjoni kbira u immedjata lil din ir-rakkomandazzjoni.

Il-progress biex jintlaħqu l-għanijiet tal-AAL JP

L-għanijiet prinċipali tal-AAL JP huma li (i) ikunu jistgħu jitfaċċaw prodotti, servizzi u sistemi bbażati fuq l-ICT għal tixjiħ tajjeb, (ii) jinħoloq korp suffiċjenti ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni, u (iii) jittejbu l-kundizzjonijiet għall-isfruttament industrijali.

Il-Bord ikkonkluda li l-AAL JP qed jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-ewwel u għat-tieni għanijiet, b’mod partikolari rigward il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-industrija (kif turi l-parteċipazzjoni għolja tal-SMEs, jiġifieri 40%). Il-Bord jirrakkomanda, madankollu, li jsiru iktar sforzi sabiex jittejjeb l-isfruttament effettiv tar-riżultati. Huwa rrakkomanda wkoll li l-Istati parteċipanti jsaħħu l-ħidma eqreb tal-punt tal-bejgħ milli tal-punt tal-produzzjoni jew tal-manifattura ( downstream ) f’oqsma bħall-innovazzjoni tas-servizzi, u li jitqiesu b’mod iktar ġenerali l-kunsiderazzjonijiet prattiċi ta’ użu.

Il-Kummissjoni taqbel mal-Bord dwar il-progress sostanzjali u viżibbli tal-AAL JP biex jintlaħqu l-għanijiet. Hija taqbel ukoll mar-rakkomandazzjoni tal-Bord li l-isfruttament tar-riżultati għandu jingħata iktar attenzjoni. L-azzjonijiet li l-Kummissjoni biħsiebha tieħu (mal-partijiet interessati) se jippromwovu r-rabta bejn l-AAL JP u l-istrumenti ta’ użu, b’mod partikolari l-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni, fejn jiġu pprovduti evidenza u analiżi tas-swieq u tal-impatti, u jiġu esplorati strumenti ġodda ta’ finanzjament għall-użu u għall-adozzjoni[14]. Il-Kummissjoni biħsiebha wkoll tiżgura li dawn l-azzjonijiet jagħtu kontribut għal kwalunkwe ħidma relatata ma’ influwenza fis-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u f’Saħħtu mħabbra.

Il-Kummissjoni għandha taħdem mal-AAL JP sabiex tiżviluppa u tikkondividi l-indikaturi tal-impatti bejn il-programm u l-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2011).

Il-Kummissjoni għandha tniedi osservatorju tas-swieq u studju dwar mudelli ta’ negozju fl-ICT għal tixjiħ tajjeb, li għandhom jindirizzaw ukoll il-ħidma fuq il-mudelli ta’ negozju tal-proġetti tal-AAL JP (2011).

Il-Kummissjoni, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment u mal-AAL JP, se jimmobilizzaw jew iwaqqfu modalitajiet ta’ finanzjament adattati sabiex inaqqsu d-distakk fl-investiment għal użu u adozzjoni fuq skala kbira, fejn jieħdu bħala punti ta’ referenza (2010-2011) l-iskema ta’ investiment JESSICA u l-faċilità ta’ assistenza teknika ELENA[15].

Il-Kummissjoni għandha tipproponi lill-AAL JP biex ikompli jappoġġa l- Forum ta’ Investiment AAL , u li jiftħu għall-innovaturi u għall-innovazzjonijiet tal-FP7 u tas-CIP ICT PSP (l-2011 u s-snin ta' wara).

Il-livell tal-kontributi finanzjarji mill-pajjiżi parteċipanti

Il-Bord ikkonkluda li l-livell tal-kontributi finanzjarji nazzjonali huwa suċċess kbir tal-AAL JP. Kollox ma’ kollox, il-finanzjament konġunt tal-proġetti minn flussi ta’ finanzjament nazzjonali separati jidher li qed jaħdem sew. Il-Bord kellu xi tħassib, madankollu, rigward il-kumplessità biex il-parteċipanti jittrattaw il-varjetà fost ir-regoli nazzjonali, kif ukoll l-iskedi differenti ta’ ħlas, li xi drabi jaffettwaw ħidmet il-proġetti. Barra minnhekk, il-Bord irrakkomanda li jkun żgurat li l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jkollhom riżorsi suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jwettqu b’mod adegwat il-kompiti mitluba minnhom.

Il-Kummissjoni tappoġġa dawn is-sejbiet u dawn ir-rakkomandazzjonijiet u tinkoraġġixxi lill-Istati parteċipanti sabiex jindirizzaw il-kwistjoni tal-ħlasijiet f’waqthom lis-sħab tagħhom fil-proġetti mill-baġit tal-pajjiżi tagħhom stess, bħala fattur vitali għas-suċċess.

Il-Kummissjoni għandha tkompli timmonitorja l-indikaturi prinċipali tal-prestazzjoni finanzjarja (żmien għall-ħlas, żmien għall-ikkuntrattjar) fir-reviżjonijiet annwali tagħha tal-AAL JP u għandha tieħu azzjoni ta’ segwitu, fejn dan ikun meħtieġ, b’mod partikolari sabiex tiżgura ruħha minn ħlasijiet fil-ħin (mill-2010 ’il quddiem).

Il-prestazzjoni tal-AAL JP fl-integrazzjoni tal-programmi nazzjonali

Il-Bord sab li l-AAL JP huwa strument importanti għall-integrazzjoni tal-isforzi nazzjonali u għall-ħolqien tas-sinerġiji, speċjalment rigward l-integrazzjoni xjentifika u tal-ġestjoni. Regoli differenti dwar l-eliġibbiltà finanzjarja u tal-finanzjament minn pajjiż parteċipant għall-ieħor, madankollu, jikkumplikaw il-formazzjoni ta’ konsorzja internazzjonali u l-parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet interessati kollha rilevanti u l-Bord jirrakkomanda li din il-kwistjoni importanti tiġi indirizzata.

Il-Kummissjoni taqbel ma’ din ir-rakkomandazzjoni u tistieden lill-Istati parteċipanti sabiex jieħdu fl-ikbar kunsiderazzjoni l-għan ta’ integrazzjoni tal-AAL JP, permezz ta’ armonizzazzjoni u simplifikazzjoni aħjar tar-regoli dwar l-eliġibbiltà tal-finanzjament u allinjament tal-prattiki ta’ finanzjament u ta’ ħruġ tal-flus.

Il-Kummissjoni għandha taħdem mal-Istati Parteċipanti fl-AAL JP sabiex tanalizza l-approċċi għall-finanzjament ħalli jiġu skambjati l-prattiki u bħala kontribut għall-futur tul medda itwal ta’ żmien tal-AAL JP (2011).

Il-prestazzjoni operattiva tal-AAL JP

Il-Bord sab li l-ewwel żewġ sejħiet għal proposti taħt l-AAL JP twettqu b’suċċess. Huwa jirrakkomanda, madankollu, li t-tisħiħ u t-titjib tal-operazzjonijiet tal-Unità ta’ Ġestjoni Ċentrali jiġu ttrattati bħala prijorità. Huwa jħeġġeġ ukoll lill-AAL JP biex jespandi l-opportunitajiet għall-kontribut tal-utenti finali fil-programm u fil-proġetti, billi dawn jiġu involuti fi stadji iktar bikrija, billi tittejjeb l-eliġibbiltà tagħhom għal finanzjament nazzjonali u billi tkun żgurata r-rappreżentazzjoni tagħhom fil-Bord Konsultattiv tal-AAL JP.

Il-Kummissjoni tappoġġa dawn ir-rakkomandazzjonijiet u tħeġġeġ lill-Istati parteċipanti sabiex jappoġġaw l-operazzjonijiet tal-programm b’iktar qawwa, billi jallokaw riżorsi umani u finanzjarji, inkluż, fejn ikun xieraq, żieda fil-finanzjament konġunt tal-operazzjonijiet tal-programm.

Il-Kummissjoni taqbel ukoll mal-Bord li l-iskambju tal-esperjenza u l-ħolqien tas-sinerġiji mal-programmi relatati tal-Artikolu 185, bħall-Eurostars, l-EMPR u l-Bonus-169 jistgħu jkunu strumentali fit-titjib tal-ġestjoni u tal-operazzjonijiet tal-AAL JP.

Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l- iskambju tal-prattiki tal-Artikolu 185 fl-implimentazzjoni tal-programmi relatati permezz tal-iskambju tal-esperjenza operattiva u tal-possibbiltà ta’ iktar kooperazzjoni.

Il-valur miżjud Ewropew tal-AAL JP

Il-Bord sab li l-AAL JP diġà qed tagħti valur miżjud Ewropew ċar fil-bilanċ miksub bejn l-isforzi Ewropej u l-ħtiġijiet u l-kontributi nazzjonali, u fl-iżvilupp ta’ prattiki tajba. L-isforzi Ewropej attwali biex jiġu indirizzati u jitneħħew l-ostakoli għall-użu tas-soluzzjonijiet AAL, madankollu, għandhom jissaħħu bħala parti minn sforz konġunt mal-partijiet interessati kollha. Il-Bord jirrakkomanda bil-qawwa kontinwazzjoni tal-AAL JP lil hinn mill-FP7, bħala investiment għal medda twila ta’ żmien. Il-Bord jirrakkomanda wkoll li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jtejbu u jsaħħu r-rabtiet bejn l-AAL JP u programmi u inizjattivi oħrajn fuq il-livell tal-UE, bħall-programm ta’ kooperazzjoni tal-FP7 u l-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni.

Il-Kummissjoni taqbel ma’ dawn is-sejbiet u ma’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Id-dimensjoni Ewropea tal-programm hija essenzjali u hija meħtieġa perspettiva għal medda twila ta’ żmien sabiex jitwettqu l-benefiċċji kollha tal-AAL JP. Għalhekk, il-Kummissjoni biħsiebha tesplora l-kontinwazzjoni tal-AAL JP lil hinn mill-FP7, fejn tieħu inkunsiderazzjoni r-reazzjoni tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew għar-riżultati u għar-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni tal-AAL JP.

Għal medda itwal ta’ żmien (wara l-2013), għandhom jiġu vvalutati diversi għażliet, f’konsultazzjoni mill-qrib mas-sidien tal-AAL JP. B’relazzjoni għall-evoluzzjoni tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u f’Saħħtu, valutazzjoni ta’ din ix-xorta għandha tindirizza l-allinjament bejn l-Istati parteċipanti fl-AAL JP u l-partijiet interessati tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u f’Saħħtu fejn għandhom x’jaqsmu l-għanijiet, l-oqsma ta’ ħidma kif ukoll l-impenji finanzjarji u ta’ xorta oħra. Il-valutazzjoni għandha tindirizza wkoll il-finanzjament komuni msaħħaħ tal-proġetti u l-appoġġ konġunt għall-operazzjonijiet tal-programm għal medda itwal ta’ żmien.

Għal medda iqsar ta’ żmien (2011-2012), l-azzjonijiet tal-AAL JP jistgħu jipprovdu kontributi importanti għas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u f’Saħħtu. Dawn jinkludu l-involviment attiv tal-partijiet interessati tal-AAL JP fl-iżvilupp tas-Sħubija nfisha (billi tintuża l-esperjenza bil-mudell ta’ sjieda tal-AAL JP), it-tixrid tar-riżultati tal-proġetti tal-AAL JP, mekkaniżmi ta’ konnessjoni mas-suq tar-riċerka bħall-Forum ta’ Investiment imsemmi iktar ’il fuq, u l-allinjament tal-azzjonijiet sabiex tiġi żviluppata iktar il-kooperazzjoni mar-reġjuni.

Il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l- kontributi għas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u f’Saħħtu li jistgħu jsiru mill-AAL JP (2010-2012).

Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tal-impatt fuq l-għażliet għall-kontinwazzjoni tal-AAL JP lil hinn mill-FP7, mingħajr preġudizzju għall-preparazzjoni tal-FP8 u għall-Perspettivi Finanzjarji tal-UE, u billi tieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u f’Saħħtu (2012).

Jeżistu diversi inizjattivi ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni li s-sinerġiji magħhom għandhom jiġu msaħħa jew imwettqa iktar. Il-programm ta’ riċerka avvanzata fl-ICT tas-Seba’ Programm Kwadru u l-Programm ta’ Appoġġ għall-Politika dwar l-ICT tal-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP ICT PSP) relatati mal-validazzjoni tal-innovazzjoni huma programmi sħab eqreb tal-punt tal-produzzjoni jew tal-manifattura milli tal-bejgħ ( upstream ) u eqreb tal-punt tal-bejgħ milli tal-punt tal-produzzjoni jew tal-manifattura ( downstream ) għall-AAL JP. L-Ewropa għandha vantaġġ uniku fuq livell mondjali fir-rigward tal-ICT għal tixjiħ tajjeb b’dawn il-programmi interrelatati li jkopru b’mod konġunt parti sinfikanti mill-“katina” tar-riċerka u tal-innovazzjoni.

Għadd ta’ Stati Membri qed jippreparaw Inizjattiva ta’ Programmazzjoni Konġunta (JPI)[16] “Iktar Snin, Ħajjiet Aħjar”, li tindirizza l-allinjament ta’ firxa wiesgħa ta’ dixxiplini ta’ riċerka (ferm lil hinn mill-ICT u mit-teknoloġija). L-AAL JP jista’ jipprovdi kuntest ta’ applikazzjoni għar-riċerka multidixxiplinari tal-JPI dwar it-tixjiħ u jkabbar l-aġenda tar-riċerka tal-JPI bl-esperjenza tal-utenti bl-ICT, filwaqt li jikkondividi metodoloġiji ta’ riċerka bħall-approċċ fejn jiġu kkunsidrati l-istadji kollha tal-ħajja.

Fl-aħħar nett, il-Bord irrakkomanda li l-AAL JP jingħata appoġġ politiku sostnut u jkompli jittejjeb bħala parti minn approċċ koerenti globali għat-tixjiħ demografiku kif ukoll għar-riċerka u għall-innovazzjoni u għall-azzjonijiet tal-Aġenda Diġitali f’dan il-qasam.

Il-Kummissjoni għandha tappoġġa ppjanar direzzjonali u konsultazzjoni dwar it-teknoloġija u se tipprovdi gwida biex ikun hemm rabta iktar mill-qrib bejn l-FP7, l-AAL JP u s-CIP fl-ICT għal tixjiħ tajjeb (2011).

Il-Kummissjoni għandha tindirizza l-potenzjal għal sinerġiji bejn l-AAL JP u l- Inizjattiva ta’ Programmazzjoni Konġunta dwar “Iktar Snin, Ħajjiet Aħjar” f’Rakkomandazzjoni ta’ JPI (2011).

Il-Kummissjoni għandha tipproponi lill-AAL JP biex iressaq il- Konferenza AAL bħala kontribut għas-Sena 2012 tat-Tixjiħ Attiv u tas-Solidarjetà Interreġjonali , għal iktar viżibbiltà u għal iktar tisħiħ tal-impenn minn firxa sħiħa ta’ atturi (2012).

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l- adegwatezza tal-“Pjan ta' Azzjoni dwar it-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (TIK) u x-Xjuħija”, bħala parti mill-Aġenda Diġitali (2012).

5. KONKLUżJONIJIET

Il-Kummissjoni Ewropea tilqa’ b’sodisfazzjon din l-Evalwazzjoni Interim tal-AAL JP. Min-naħa l-waħda, dan jipprovdi opportunità sabiex jissaħħu l-azzjonijiet konġunti mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati l-oħra fl-Ewropea sabiex il-bidla demografika imminenti, permezz tal-innovazzjoni u tal-ICT, tiġi ttrattata bħala element importanti fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa u tal-inizjattivi prinċipali tal-Unjoni ta’ Innovazzjoni. F’dan il-kuntest, l-evalwazzjoni interim tal-AAL JP tipprovdi wkoll kontribut f’waqtu għal iktar żvilupp tas-Sħubija Ewropea pilota għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u f’Saħħtu. Min-naħa l-oħra, dan jippermetti t-teħid ta' lezzjonijiet mill-funzjonament ta’ dan l-istrument ibbażat fuq l-Artikolu 185 tat-TFUE, bħala mezz importanti sabiex tinbena ż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qed jiġu mistiedna jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar ir-rapport kif ukoll dwar l-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu u sabiex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet proposti.

[1] COM(2007) 332 finali, l-14 ta’ Ġunju 2007

[2] COM(2010)245 finali/2, id-19 ta’ Mejju 2010

[3] Deċiżjoni Nru 742/2008/KE, id-9 ta’ Lulju 2008

[4] L-istimi preliminari tal-Kummissjoni Ewropea bbażati fuq dejta tal-EUROSTAT u tal-OECD

[5] SEC (2008) 2911

[6] COM(2009) 545, is-17 ta’ Settembru 2009.

[7] Netwerk tal-Ekonomija tal-Fidda tar-Reġjuni Ewropej.

[8] Rapport Interim Konġunt tal-Kumitat għall-Politika Ekonomika (EPC) u tal-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali (SPC) dwar il-Pensjonijiet, it-28 ta’ Mejju 2010

[9] COM(2006) 571, COM(2009) 180, Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2009 – Serje European Economy [Ekonomija Ewropea].

[10] COM(2010)2020, it-3 ta’ Marzu 2010

[11] COM(2010)1161, is-6 ta’ Ottubru 2010.

[12] Pjan ta' Azzjoni dwar it-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (TIK) u x-Xjuħija (2007), Inizjattiva Prinċipali tas-Suq tas-Saħħa Elettronika (2007), il-programm tal-ICT tal-FP7, is-CIP ICT PSP, il-programm ta’ ħidma tal-AAL JP (www.aal-europe.eu)

[13] Dan l-approċċ għat-tixjiħ huwa rifless anki fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Tixjiħ Attiv, tas-7 ta’ Ġunju 2010

[14] Fil-limiti tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

[15] Dawn jindirizzaw żvilupp urban sostenibbli responsabbli u enerġija sostenibbli fuq il-livell lokali, www.eib.org

[16] COM(2008) 468, Lejn programmazzjoni konġunta tar-riċerka

Top