EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0330

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-progress fir-rigward tal-miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista tal-elettriku u tal-investiment fl-infrastruttura

/* KUMM/2010/0330 finali */

52010DC0330

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-progress fir-rigward tal-miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista tal-elettriku u tal-investiment fl-infrastruttura /* KUMM/2010/0330 finali */


MT

Brussel 25.6.2010

KUMM(2010)330 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-progress fir-rigward tal-miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista tal-elettriku u tal-investiment fl-infrastruttura

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-progress fir-rigward tal-miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista tal-elettriku u tal-investiment fl-infrastruttura

I. DAĦLA

Dan ir-rapport jissodisfa r-rekwiżiti kif ġew stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2005/89/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Jannar 2006, dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista tal-elettriku u tal-investiment fl-infrastruttura. Huwa jiddeskrivi fil-qosor il-progress li sar mill-Istati Membri rigward l-implimentazzjoni tad-Direttiva u l-bidliet prinċipali li kien hemm fil-monitoraġġ tas-sigurtà fil-provvista tal-elettriku.

L-iskop tad-Direttiva huwa li tistabbilixxi miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista tal-elettriku, li tiggarantixxi livell adegwat ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni sabiex ikun iggarantit bilanċ adegwat bejn il-provvista u d-domanda u li tistabbilixxi livell xieraq ta’ interkonnessjoni bejn il-pajjiżi tal-UE. Barra minn hekk, id-Direttiva tistabbilixxi qafas li fih l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu politiki trasparenti, stabbli u mhux diskriminatorji dwar is-sigurtà fil-provvista tal-elettriku li jkunu kompatibbli ma’ suq intern kompetittiv għall-elettriku. Id-Direttiva tikkomplementa l-miżuri li diġà jinsabu fid-Direttiva 2003/54/KE dwar l-Elettriku u fir-Regolament 1228/03 dwar il-Bdil bejn il-Fruntieri fl-Elettriku. Meqjusa flimkien, id-dispożizzjonijiet f’dawn il-biċċiet ta’ leġiżlazzjoni jipprovdu sett ta’ regoli bażiċi koerenti dwar dawk il-kwistjonijiet importanti li jagħtu kontribut sabiex tkun żgurata adegwatezza fil-ġenerazzjoni u fit-trażmissjoni.

II. SEJBIET DETTALJATI

ARTIKOLU 3: DISPOŻIZZJONIJIET PRINĊIPALI

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom l-għan li jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà fil-provvisa tal-elettriku billi jistabbilixxu klima favorevoli għall-investiment u billi jiddefinixxu r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti u tal-atturi rilevanti kollha. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri jridu jikkunsidraw fatturi bħall-ħtieġa għal ambjent regolatorju stabbli, il-promozzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (“RES“) u l-ħtieġa għal manutenzjoni u tiġdid regolari tan-netwerks tal-elettriku.

Kollox ma’ kollox, l-Istati Membri ttrasponew b’mod adegwat dan l-artikolu jew permezz ta’ rekwiżiti leġiżlattivi ġodda jew billi użaw dispożizzjonijiet ta’ direttivi oħrajn li jkopru l-istess għanijiet. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva se jissaħħu permezz tat-Tielet pakkett tas-Suq Intern tal-Enerġija (iktar ’il quddiem it-“Tielet Pakkett”), li jesiġi li l-operaturi ta’ trażmissjoni jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom f’numru ta’ oqsma, b’mod partikolari rigward l-ippjanar tal-investiment. It-Tielet Pakkett jistabbilixxi wkoll in-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni għall-Elettriku (ENTSO-E) li l-kompiti tiegħu huma li jelabora pjanijiet għall-iżvilupp tan-netwerks, iwettaq immudellar tan-netwerk integrat u jiżviluppa xenarji u valutazzjonijiet dwar il-kapaċità ta’ rkupru u l-kapaċità ta’ twassil tas-sistema integrata. Il-pjanijiet għall-iżvilupp għandhom iħarsu biżżejjed lejn il-ġejjieni biex jippermettu l-identifikazzjoni bikrija tan-nuqqasijiet fl-investiment, b’mod partikolari rigward il-kapaċitajiet transkonfinali.

Madankollu, għadhom jeżistu xi ostakli importanti fis-suq Ewropew. Ir-riskju tal-prezzijiet huwa kwistjoni prinċipali li tikkonċerna l-fattibbiltà tal-proġetti ta’ investiment. Il-koeżistenza ta’ swieq tal-enerġija miftuħin u ta’ prezzijiet tal-enerġija regolati għadha pjuttost komuni fost l-Istati Membri tal-UE: iktar minn nofs l-Istati Membri għandhom prezzijiet regolati [1]. Is-sistemi tal-prezzijiet regolati li għandhom natura ġenerali u mhumiex trasparenti u mmirati esklużivament għal klijenti vulnerabbli mhumiex ikkunsidrati bħala indispensabbli. It-tariffi regolati ta’ spiss ma jirriflettux il-livelli tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa, u dan jista’ jkun ta’ detriment għall-investimenti fil-kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni ġdida. Tul perjodu medju ta’ żmien, dan jista’ jikkomprometti s-sigurtà fil-provvisti tal-elettriku.

L-aġġornament jew it-tiġdid tal-assi tal-ġenerazzjoni u tan-netwerks, partikolarment sabiex jintlaħqu l-miri tar-RES, se jeħtieġ investiment konsiderevoli fis-snin li ġejjin. Dawn l-investimenti jridu jiġu ffinanzjati, li jfisser li l-investituri jridu jkunu kunfidenti li jistgħu jirkupraw l-ispiża marġinali eventwali. Il-maġġoranza ta’ dan il-finanzjament kważi ċertament se tiġi mis-suq. Kif il-miżuri rigward il-miri tar-RES jinteraġixxu mas-suq globali tal-elettriku u kif l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni jiżviluppaw il-grilja se jsiru dejjem iktar importanti. Suq integrat Ewropew tal-elettriku li jkun kbir u likwidu jista’ jgħin inaqqas il-volatilità tal-prezzijiet u jinkoraġixxi l-investiment li se jtejjeb l-integrazzjoni tas-suq intern tal-elettriku.

ARTIKOLU 4: SIGURTÀ OPERATTIVA TAN-NETWERKS

Għas-sigurtà operattiva tan-netwerks, id-Direttiva tispeċifika li l-Istati Membri jew awtoritajiet kompetenti oħrajn għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni (“TSOs”) jistabbilixxu regoli u obbligi operattivi minimi ta’ sigurtà tan-netwerk u li l-operaturi tas-sistemi jridu jikkonformaw ma’ dawn ir-regoli. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi interkonnessi ta’ trażmissjoni u dawk ta’ distribuzzjoni (“DSO’s”) jiskambjaw informazzjoni dwar l-operazzjoni tan-netwerks. Fost rekwiżiti oħrajn, għandhom jiġu imposti obbligi fuq il-kisba tal-miri tal-kwalità tal-provvista u tal-prestazzjoni tas-sigurtà tan-netwerks.

L-operaturi tan-netwerks tal-elettriku jinsabu fiċ-ċentru tal-proċess ta’ soluzzjoni tad-disturbi li jista’ jkun hemm fil-provvista tal-elettriku. It-trasparenza u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni ma’ operaturi ta’ grilji oħrajn hija ferm importanti. It-titjib fil-koordinazzjoni jnaqqas ir-riskju ta’ qtugħ fil-provvista tal-elettriku u jipproteġi lill-konsumaturi Ewropej. Il-kapaċità ta’ interkonnessjoni bejn it-TSOs għandha rwol ferm importanti fiż-żamma u fit-titjib tas-sigurtà tas-sistemi meta l-ġeneraturi jitwaqqfu għal ftit. Il-ħsarat tan-netwerks u l-qtugħ tal-elettriku fl-2003 u fl-2006 kienu kkawżati jew aggravati minn koordinazzjoni insuffiċjenti tal-operazzjoni tan-netwerks u minħabba konnessjonijiet nieqsa fin-netwerks tal-elettriku. Dawn urew b’mod ċar il-limitu tal-kooperazzjoni volontarja.

Fil-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, ir-regoli operattivi tan-netwerks jitfasslu mit-TSO minn perspettiva teknika b’xi forma ta’ sistema ta’ approvazzjoni li tinvolvi lir-regolaturi u/jew lill-gvern. Fl-Istati Membri kollha, il-kriterji tas-sigurtà operattiva tan-netwerks għal proċeduri ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza jiġu ddefiniti minn qabel u jeżistu dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni mat-TSOs ġirien fi kwistjonijiet ta’ rilevanza għas-sigurtà operattiva. Pereżempju, fir-Repubblika Ċeka, fil-Lussemburgu, fil-Portugall u fir-Repubblika Slovakka, il-gvern għandu rwol espliċitu ħalli tintlaħaq u tiġi żviluppata s-sigurtà operattiva.

Id-Direttiva 2005/89/KE dwar l-Elettriku tesiġi li t-TSOs u, fejn ikun il-każ, id-DSOs jistabbilixxu u jilħqu miri ta’ kwalità ta’ provvista u ta’ prestazzjoni tas-sigurtà tan-netwerks. Fl-2008, il-Kunsill tar-Regolaturi Ewropej tal-Enerġija (CEER) wettaq eżerċizzju ta’ ffissar ta’ punti ta’ riferiment rigward il-kwalità tal-provvista tal-elettriku [2]. Fl-istħarriġ ġie nnotat li l-Istati Membri kollha jimmonitorjaw l-interruzzjonijiet mhux ippjanati ta’ iktar minn tliet minuti u b’mod globali, il-kontinwità tal-provvista tal-elettriku fl-Ewropa qed titjieb bil-minuti ta’ konsum mitlufa fis-sena jonqsu kważi b’mod kontinwu mill-2002. Fl-istħarriġ ġie nnotat ukoll li l-parti l-kbira tal-Istati Membri jiġbru xi informazzjoni dwar il-kawża tal-interruzzjonijiet. Kif wieħed jistenna, il-kontinwità tal-provvista hija aħjar f’reġjuni urbani milli f’dawk rurali. Madankollu, qed ikompli x-xogħol mal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) dwar l-iżvilupp ta’ indikaturi ta’ kontinwità armonizzati, sabiex tittejjeb l-effikaċja tal-kontinwità tal-iskemi ta’ monitoraġġ tal-provvista.

Darbtejn fis-sena, il-Kummissjoni torganizza laqgħat tal-Kumitat għall-Iskambju Transkonfinali tal-Elettriku, fejn jiġu diskussi l-prospetti tal-elettriku għas-sajf jew għax-xitwa. L-iskop tal-laqgħat huwa li tiġi kondiviża l-informazzjoni sabiex ikun hemm għarfien dwar il-kwistjonijiet potenzjali rigward il-provvista. Ir-rapport dwar il-prospetti tal-istaġun (sajf jew xitwa) jiġi ppreparat f'livell Ewropew, u jippreżenta s-sommarju tal-bilanċi tal-enerġija nazzjonali jew reġjonali bejn il-ġenerazzjoni prevista u l-ikbar domanda għal kull ġimgħa għall-perjodu sajfi/xitwi li jkun ġej. Jekk is-sitwazzjoni teħtieġ dan, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi “cellules de vigilance” ad hoc għall-perjodi kritiċi sabiex tiżgura kondiviżjoni tal-informazzjoni malajr bejn il-pajjiżi u l-operaturi ta’ trażmissjoni ġirien. “Cellule de vigilance” ta’ din ix-xorta kienet stabbilita matul ix-xhur sajfin tal-2007-2009. Il-konklużjoni prinċipali mil-laqgħat li saru matul l-2007-2009 hija li l-bilanċi nazzjonali ġenerazzjoni-domanda fil-parti l-kbira tal-pajjiżi ġeneralment jiġu kkunsidrati bħala adegwati għal operazzjonijiet siguri tas-sistemi f’kundizzjonijiet normali. Matul kundizzjonijiet ħżiena tat-temp jew perjodi oħrajn identifikati b’riskju potenzjali ta’ skarsezza ta’ enerġija, jiġu stabbiliti miżuri ta’ mitigazzjoni – l-importazzjonijiet meħtieġa jistgħu jinkisbu bil-kapaċità ta’ interkonnessjoni eżistenti.

It-Tielet Pakkett żied id-dmirijiet tar-regolaturi biex jinkludu l-konformità tal-monitoraġġ mal-prestazzjoni fil-passat tar-regoli dwar is-sigurtà u l-affidabbiltà tan-netwerks kif ukoll analiżi tagħhom, u l-iffissar jew l-approvazzjoni tal-istandards u tar-rekwiżiti għall-kwalità tas-servizz u tal-provvista jew il-kontribuzzjoni għal dan flimkien ma’ awtoritajiet kompetenti oħrajn. Ir-regolaturi għandhom ukoll id-dmir li jiżguraw li t-TSOs u d-DSOs jaderixxu mar-responsabbiltajiet tagħhom skont id-Direttiva, fost l-oħrajn billi jiżguraw li n-netwerks ikunu kapaċi jissodisfaw domandi raġonevoli għall-elettriku. Barra minn hekk, fil-livell tat-trażmissjoni, ir-regolaturi għandhom id-dmir li jimmonitorjaw il-pjanijiet għall-investiment tat-TSOs u l-konsistenza tagħhom mal-pjan ta’ żvilupp tan-netwerk Komunitarju, li jinkludi prospett dwar l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni li se jkun prodott mill-ENTSO-E.

ARTIKOLU 5: ŻAMMA TA’ BILANĊ BEJN IL-PROVVISTA U D-DOMANDA

Sabiex iżommu bilanċ bejn il-provvista u d-domanda, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex iżommu bilanċ bejn id-domanda għall-elettriku u l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni disponibbli. Dan għandu jsir billi jinkoraġġixxu l-istabbiliment ta’ qafas ta’ suq bl-ingrossa li jipprovdi sinjali adattati tal-prezzijiet għall-ġenerazzjoni u għall-konsum u billi jeżiġu li t-TSOs jiżguraw li jkun disponibbli livell adattat ta’ kapaċità ta’ riserva ta’ ġenerazzjoni għall-finijiet ta’ bilanċ u/jew jadottaw miżuri ekwivalenti bbażati fuq is-suq.

Id-Domanda għall-Elettriku

It-tendenzi tad-domanda għall-elettriku kif ġew ippreżentati mill-Kummissjoni Ewropea fit-Tieni Analiżi Srateġika tal-Enerġija [3] turi domanda għall-elettriku li qed tiżdied, li hija konsistenti ma’ dak li kienu bassru l-partijiet interessati fl-industrija tal-elettriku Ewropea, għalkemm f’livell pjuttost iktar baxx. Il-Kummissjoni tistma li skont it-tendenzi u l-politiki attwali, iż-żieda annwali fid-domanda għall-elettriku se tkun ta’ madwar 1% għall-20 sena li ġejjin [4]. It-tbassir dwar l-adegwatezza tas-sistemi [5] għall-2010-2025 tal-ENTSO-E li ġie ppubblikat dan l-aħħar jindika li d-domanda għall-elettriku mistennija tiżdied, bil-parti l-kbira tal-Istati Membri jirrapportaw tkabbir fid-domanda pjuttost qawwi għal wara l-2015.

Tkabbir annwali medju fid-domanda skont l-ENTSO-E | mill-2010 sal-2015 | mill-2015 sal-2020 | mill-2020 sal-2025 |

Jannar 7 p.m. | 1.32% | 1.45% | 1.21% |

Lulju 11 a.m. | 1.49% | 1.66% | 1.32% |

Sors tad-dejta: Rapport ta’ tbassir dwar l-adegwatezza tas-sistemi tal-ENTSO-E

Dawn il-previżjonijiet jridu jitqiegħdu f’perspettiva mal-kriżi ekonomika reċenti, li kkawżat tnaqqis f’daqqa fid-domanda għall-elettriku mal-Ewropa kollha. Sena wara sena, il-konsum fix-xahar tal-elettriku fl-UE naqas b’iktar minn 5%, 10%, 6% u 5% f’Marzu, f’April, f’Mejju u f’Ġunju 2009 rispettivament. Il-konsum tal-elettriku Ewropew naqas saħanistra għal livell storikament baxx f’Ġunju 2009, jiġifieri -23% meta mqabbel mal-bidu tas-sena [6]. It-tnaqqis fil-konsum tal-elettriku stabbilizza ruħu u kien hemm anki xi tkabbir; madankollu, il-livelli baqgħu sostanzjalment iktar baxxi meta pparagunati mas-snin preċedenti.

Għadd ta’ pajjiżi, bħall-Ġermanja, Franza, il-Polonja u l-Portugall, jipprevedu influwenza tal-programmi tal-iffrankar tal-enerġija u livell ogħla ta’ effiċjenza teknoloġika fit-tkabbir tal-konsum tal-enerġija tagħhom. Oħrajn innotaw li t-tranżizzjoni lejn sistemi tal-enerġija b’livelli baxxi ta’ karbonju tista’ żżid l-użu tal-elettriku, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-konsum mill-pompi tas-sħana u mill-vetturi elettriċi.

L-iffrankar dirett tal-enerġija u l-investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija huma fost l-iktar modi effettivi mil-lat ta' nfiq biex iservu ta' kontrobilanċ għaż-żidiet futuri fid-domanda. Skont l-obbligi tad-Direttiva 2006/32/KE dwar effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi tal-enerġija, l-Istati Membri kollha ppreparaw il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (NEEAPs) tagħhom b’elenku komprensiv ta’ azzjonijiet u ta’ miżuri. Kif turi l-analiżi tan-NEEAPs imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea, minbarra l-miżuri ta’ finanzjament dirett bħal skemi ta’ għotjiet jew ta’ self, għadd ta’ Stati Membri qed jippjanaw jew diġà implimentaw tnaqqis fit-taxxi għal investimenti għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija f’ċerti setturi (eż. djar, industriji, eċċ.) u qed jużaw tassazzjoni fuq l-enerġija biex joffru inċentivi diretti marbuta mal-iffrankar tal-enerġija f’każijiet oħrajn. Tul perjodu medju ta’ żmien, l-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri bħal dawn se tkun kruċjali sabiex tkun żgurata s-sigurtà fil-provvista tal-elettriku.

Eventwalment, huwa probabbli li r-rwol tal-elettriku fil-konsum tal-enerġija finali se jkompli jikber. Id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu llum huma ta’ importanza kruċjali sabiex ikun żgurat li nistgħu nipprovdu t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju meħtieġa wara l-2020 sabiex l-isfida klimatika tkun effettivament megħluba. L-isfida għal dawk li jfasslu l-politiki hija li jiżguraw li s-swieq tal-enerġija fl-Ewropa, kemm dawk regolati kif ukoll dawk li mhumiex, jistgħu jipprovdu ambjent li jippermetti li l-investituri jagħmlu l-investimenti kapitali l-kbar meħtieġa. Se jkun ukoll meħtieġ appoġġ xieraq sabiex ikunu żviluppati teknoloġiji ħalli jkunu pprovduti soluzzjonijiet b'livell baxx ta’ karbonju jew mingħajr karbonju fis-settur tal-elettriku.

L-Adegwatezza tal-Ġenerazzjoni

Bejn l-1997 u l-2007, il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni installata tal-UE-27 żdiedet bi 18% fuq livell ta’ 779 GW. Il-kapaċità installata tal-impjanti tal-enerġija termali kibret b’16%, il-kapaċità idrika żdiedet b’5% u l-ġenerazzjoni tar-RES [7] kienet 11-il darba akbar. Skont id-dejta l-iktar reċenti tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Enerġija mir-Riħ [8], l-installazzjonijiet li jaħdmu bl-enerġija rinnovabbli kienu jammontaw għal 61% tal-installazzjonjiet il-ġodda kollha fl-2009, li hija t-tieni sena konsekuttiva li r-RES kienu jammontaw għall-maġġoranza tal-installazzjonijiet il-ġodda tal-enerġija. L-investiment fil-farms tal-imtieħen tar-riħ tal-UE fl-2009 kien ta’ €13-il biljun, li jikkorrispondi għal madwar 10,2 GW tal-kapaċità tal-enerġija l-ġdida mir-riħ jew għal 39% tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni ġdida kollha. L-inkorporazzjoni tal-ġenerazzjoni mir-riħ lil hinn mix-xtut fuq skala kbira se tippreżenta lis-suq intern bi b’għadd konsiderevoli ta’ kwistjonijiet rigward l-iżvilupp, l-ibbilanċjar u l-irkupru tal-ispejjeż tal-infrastruttura.

Minkejja ż-żieda fir-RES, il-ġenerazzjoni termali tkompli tipprovdi l-maġġoranza tal-elettriku mal-UE kollha. Fl-2007, il-maġġoranza tal-kapaċità installata totali tal-UE-27 kienet ipprovduta minn impjanti tal-enerġija termali (58%), segwita minn impjanti idriċi (18%) u minn impjanti nukleari (17%), filwaqt li l-kapaċità ta’ RES oħrajn (eskluża l-enerġija idrika) kellha sehem ta’ 7% fl-2007 meta mqabbla ma’ 1% fl-1997.

(...PICT...)

S’issa, il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-UE żammet il-pass mad-domanda li qed tikber b’rata stabbli. Analiżi dettaljata mwettqa mill-ENTSO-E fit-tbassir dwar l-adegwatezza tas-sistemi tiegħu tissuġġerixxi li se jkun hemm biżżejjed kapaċità ta’ ġenerazzjoni għall-perjodu bejn l-2010 u l-2025. Madankollu, ir-rapporti nazzjonali mressqa mill-Istati Membri jindikaw li l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni nazzjonali tiddependi minn suppożizzjonijiet importanti, b’mod partikolari l-estensjoni ta’ ħajjet l-unitajiet eżistenti. Mingħajr ma jiġu sostitwiti l-unitajiet ta’ ġenerazzjoni eżistenti, bejn l-2009 u l-2025 tkun meħtieġa kapaċità addizzjonali ta’ 100-300 GW.

(...PICT...)

Ir-rapport dwar l-adegwatezza tas-sistemi tal-ENTSO-E jissuġġerixxi li l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni netta se tiżdied fiż-żewġ xenarji tiegħu (konservattiv (ScA) u l-aħjar stima (ScB)) kif ġie ppreżentat fil-figura ta’ hawn taħt [9]:

(...PICT...)

(...PICT...)

(...PICT...)

L-adegwatezza tal-ġenerazzjoni tista’ tiġi vvalutata billi tiġi mqabbla d-differenza bejn id-domanda u l-kapaċità disponibbli b’mod affidabbli, li tissejjaħ Kapaċità li Jifdal. It-tabella ta’ hawn taħt turi li l-Kapaċità li Jifdal hija pożittiva; madankollu, meta jiġi kkunsidrat il-livell baxx ta’ żvilupp ta’ ġenerazzjoni ġdida taħt ix-Xenarju A, il-livell jonqos f’daqqa wara l-2015.

(...PICT...)

(...PICT...)

(...PICT...)

(...PICT...)

Jidher ċar li l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni se tvarja minn Stat Membru għall-ieħor u f’kull ġuriżdizzjoni se jkun hemm ċirkustanzi differenti għal segmenti ta’ ġenerazzjoni bażi, ta' livell medju u tal-ogħla livell. Huwa importanti mhux biss li jiġu kkunsidrati l-installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni l-ġodda imma anki kemm ilhom operattivi l-impjanti ta’ ġenerazzjoni eżistenti.

It-Tieni Analiżi Strateġika tal-Enerġija pprovdiet stampa dettaljata tal-età tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni operattiva. Fi ftit kliem, minn tmiem l-2008, il-maġġoranza tal-ġeneraturi Ewropej li jaħdmu bil-gass kellhom inqas minn ħames snin. Madankollu, il-maġġoranza tal-impjanti li jaħdmu bil-faħam u dawk nukleari kellhom iktar minn 21 sena. Bosta minnhom qed joqorbu d-data meta għandhom jiġu diżattivati, li hija madwar 40 sena jew iktar wara li jibdew joperaw, skont it-tip ta’ ġenerazzjoni. Il-kombinazzjoni tal-ħtieġa li l-impjanti li qed jiqdiemu jiġu sostitwiti u ż-żieda fis-sehem tal-ġenerazzjoni bbażata fuq ir-RES, partikolarment il-farms tal-imtieħen tar-riħ ibbażati fuq l-art u dawk lil hinn mix-xtut, minħabba l-impenji tal-Istrateġija 2020, u d-Direttiva 2001/80/KE dwar Impjanti Kbar tal-Kombustjoni, hija sfida sinifikanti għall-operaturi tas-sistemi matul is-snin li ġejjin kemm f’termini ta’ adegwatezza tal-ibbilanċjar kif ukoll ta’ adegwatezza tan-netwerks. Wara l-2015, ikunu meħtieġa investimenti addizzjonali fil-kapaċità ta’ ġenerazzjoni sabiex il-livell ta’ adegwatezza jinżamm f'livell xieraq. Il-Grupp Ewropew tar-Regolaturi għall-Elettriku u l-Gass (ERGEG) wera t-tħassib tiegħu li l-kriżi finanzjarja tista’ ddewwem l-investimenti meħtieġa li diġà qed jiġu kkunsidrati peress li jinxteħtu dubji fuq il-vijabbiltà ekonomika ta’ dawn il-proġetti minħabba domanda iktar baxxa għall-elettriku.

Il-parti l-kbira tal-pajjiżi jħallu li jkun is-suq li jikseb l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni. Id-Direttiva 2005/89/KE, madankollu, tistabbilixxi firxa ta’ miżuri possibbli li l-Istati Membri jistgħu jużaw sabiex jiżguraw is-sigurtà fil-provvista. Interventi ta’ din ix-xorta jistgħu jiġu kkunsidrati flimkien mal-proċedura ta’ sejħiet għal offerti inkluża fid-Direttiva 2003/54/KE. L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/54/KE diġà jinnota li l-proċedura ta’ sejħiet għal offerti għandha tkun ikkunsidrata biss bħala l-aħħar possibbiltà f’każ li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ma jkunx irnexxielha tipprovdi biżżejjed kapaċità biex tissodisfa d-domanda.

Is-sejħiet għall-offerti jikkostitwixxu intervent kbir fis-suq, li jista’ joħloq tgħawwiġ bejn il-kapaċitajiet eżistenti u dawk ġodda, u jista’ jwassal għall-falliment taċ-ċiklu ta’ investiment fejn huwa probabbli li l-ġeneraturi ma tantx ikunu lesti jinvestu jekk offerta sussegwenti tista’ tnaqqas sostanzjalment il-valur tal-investiment tagħhom. L-approċċi nazzjonali kważi dejjem ikollhom xi effetti fuq is-swieq ġirien. Offerta għal kapaċità ta’ ġenerazzjoni ġdida qrib il-fruntiera ta’ pajjiż ġar tista’ tinfluwenza l-imġiba tal-investiment hemmhekk ukoll (rilokazzjoni tal-investimenti ppjanati) u jkollha effetti fuq il-kummerċ transkonfinali. Għalhekk, is-sejħiet għall-offerti għandhom jintużaw biss bħala l-miżuri finali sabiex tkun evitata l-iskarsezza fiżika tal-provvista meta ma jkun hemm assolutament l-ebda mod ieħor biex tkun żgurata l-kapaċità meħtieġa fiż-żmien indikat tal-iskarsezza potenzjali. Diversi Stati Membri (Spanja, l-Italja, il-Greċja, id-Danimarka u l-Irlanda) użaw skemi differenti għall-provvista tal-kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni.

Is-sitwazzjoni rigward l-offerti, madankollu, hija differenti fir-rigward tal-kapaċità ta’ produzzjoni tar-RES, li fil-parti l-kbira tal-każijiet għadha mhijiex ekonomikament vijabbli mingħajr inċentivi partikolari. Għaldaqstant, l-Istati Membri ta’ spiss jużaw il-proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti. Il-ġenerazzjoni bbażata fuq ir-riħ qed issir element addizzjonali viżibbli għal mat-taħlita tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tal-UE u l-użu tal-proċeduri tas-sejħiet għall-offerti għall-promozzjoni tagħha għandu b'mod ġenerali jmur id f'id ma' valutazzjoni bir-reqqa tal-effett fuq is-suq.

ARTIKOLU 6: INVESTIMENT FIN-NETWERK

L-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu qafas regolatorju li jipprovdi sinjali ta’ investiment għall-operaturi tan-netwerks tas-sistemi kemm ta’ trażmissjoni kif ukoll ta’ distribuzzjoni sabiex jiżviluppaw in-netwerks tagħhom sabiex ilaħħqu ma' domanda fattibbli mis-suq. Il-qafas irid jiffaċilita wkoll l-investiment u, fejn ikun meħtieġ, it-tiġdid tan-netwerks. Ħlief għall-Pajjiżi l-Baxxi u għar-Rumanija, l-Istati Membri ma kellhomx jimmodifikaw il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-enerġija sabiex jimplimentaw din id-dispożizzjoni.

It-tisħiħ tal-grilji jista’ jkun meħtieġ sabiex l-impjanti tal-enerġija jkunu jistgħu jiġġeneraw bil-livelli massimi tagħhom u jittrasportaw l-elettriku mingħand il-ġeneraturi għal għand il-konsumaturi. Ix-xitwa tal-2009 enfasizzat il-fraġilità tal-grilji eżistenti tal-elettriku meta ppruvaw ilaħħqu maż-żieda fil-konsum tal-elettriku. Madankollu, it-tisħiħ tal-grilji jista’ jkun affettwat ħażin minn proċeduri nazzjonali twal ta’ ppjanar u ta’ ħruġ ta’ permessi. Fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, l-operaturi tan-netwerks huma obbligati jiżviluppaw u jżommu f’kundizzjoni tajba n-netwerk skont il-ħtiġijiet u r-rekwiżiti sabiex tkun żgurata s-sigurtà operattiva u fit-tul tal-provvista, jew permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ liċenzja, meta l-ispejjeż tal-investimenti jiġu rkuprati permezz ta’ tariffi għat-trażmissjoni jew għad-distribuzzjoni. Id-Direttiva tesiġi li l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni u, fejn ikun xieraq, l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni jistabbilixxu u jilħqu miri tal-kwalità tal-provvista u tal-prestazzjoni tas-sigurtà tan-netwerks. Dan jimplika l-introduzzjoni ta’ inċentivi regolatorji sabiex isir investiment f’netwerks effiċjenti u effettivi. Kif ġie rrapportat mill-Istati Membri, dan ir-rekwiżit ilu li ġie implimentat minn parti kbira minnhom mill-2008.

L-elettriku ġeneralment jiġi prodott f’distanzi qosra ’l bogħod mill-konsum. Madankollu, il-fiżika tal-elettriku tfisser li dan jista’ jiġi trażmess mill-ewwel tul distanzi twal, biex b’hekk ikun iffaċilitat il-kummerċ transkonfinali. Il-politiki nazzjonali dwar il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni jingħaqdu mal-kapaċitajiet eżistenti ta’ interkonnessjoni. Uħud mill-Istati Membri għażlu li ma jinvestux f’ġenerazzjoni lokali, imma anzi jistrieħu fuq il-kuntratti ta’ interkonnessjoni u ta’ provvista mal-ġirien:

(...PICT...)

Fl-aħħar għaxar snin, l-importazzjonijiet netti tal-elettriku tal-UE-27 kienu relattivament stabbli; madankollu, jistgħu jiġu nnotati differenzi kbar fost l-Istati Membri. Fl-2007, l-importazzjonijiet netti tal-elettriku fl-UE-27 kienu jammontaw għal 10.5 TWh. Tradizzjonalment, fost l-Istati Membri tal-UE-27, Franza hija l-ikbar esportatriċi netta tal-elettriku, filwaqt li l-Italja hija l-ikbar importatriċi netta. Għall-pajjiżi fejn il-kapaċità domestika ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku mhix se tkun biżżejjed biex tkopri l-konsum tal-elettriku matul il-perjodi tal-ikbar konsum, il-kapaċità ta’ interkonnessjoni ġeneralment tkun biżżejjed biex tissodisfa d-domanda.

L-adegwatezza tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni mhix iddefinita fil-leġiżlazzjoni Ewropea u d-Direttiva 2005/89/KE ma introduċietx il-livell speċifiku ta’ interkonnessjoni meħtieġ bejn l-Istati Membri. Madankollu, fil-15 u fis-16 ta’ Marzu 2002, fil-Kunsill Ewropew f’Barċellona, intlaħaq ftehim rigward livell ta’ interkonnessjoni mmirat ta’ mill-inqas 10% tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni installata. Livelli baxxi ta’ interkonnessjoni għandhom l-effett li jifframmentaw is-suq intern u huma ostaklu għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni. L-eżistenza ta’ kapaċità fiżika ta’ interkonnessjoni tat-trażmissjoni li tkun adegwata, irrispettivament minn jekk tkunx transkonfinali jew le, hija kruċjali; madankollu din mhijiex kundizzjoni suffiċjenti biex il-kompetizzjoni tkun għalkollox effettiva. Il-lista kompluta tal-linji ta’ interkonessjoni transkonfinali hija pprovduta fil-yearbook statistiku tal-ENTSO-E [10].

Il-valuri fiżiċi tal-linji ta’ interkonnessjoni transkonfinali jvarjaw ferm mill-kapaċità effettivament disponibbli fin-netwerks ta’ tranżmissjoni interkonnessi u kompatti ħafna fl-Ewropa. Għal finijiet ta’ ppjanar, huma meħtieġa l-valuri tal-Kapaċità Totali ta’ Trasferiment (TTC) u tal-Kapaċità Netta ta’ Trasferiment (NTC) biex l-atturi tas-suq ikunu jistgħu jantiċipaw u jippjanaw it-tranżazzjonijiet tagħhom. Il-graff ta’ hawn taħt tispjega l-kapaċità ta’ trażmissjoni transkonfinali effettiva għall-perjodu xitwi tal-2009 [11]:

(...PICT...)

L-implimentazzjoni tal-mira tal-enerġija rinnovabbli għall-2020 se teħtieġ iktar żvilupp u tisħiħ tal-infrastruttura tal-grilji, inklużi n-netwerks u l-interkonnessjonijiet intelliġenti. Id-Direttiva 2009/28/KE tesiġi li l-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw dawn l-iżviluppi meħtieġa u sabiex iħaffu l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għall-infrastruttura tal-grilji u biex jikkoordinaw l-approvazzjoni tal-infrastruttura tal-grilji mal-proċeduri amministrattivi u ta’ ppjanar għall-iżvilupp ulterjuri tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Rigward il-proġetti ta’ interkonnessjoni transkonfinali ppjanati fil-ġejjieni qrib u rrappurtati mill-awtoritajiet nazzjonali (jew magħrufa b’mezzi oħrajn), qed tiġi pprovduta lista fl-Anness 1 għal dan ir-rapport.

ARTIKOLU 7: RAPPURTAR

Il-monitoraġġ u r-rappurtar tas-sigurtà fil-provvista diġà huma obbligi imposti mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/54/KE. Skont dan l-artikolu, l-Istati Membri għandhom jipproduċu kull sentejn rapport b’referenza speċifika għall-bilanċ tal-provvista u d-domanda fis-suq nazzjonali għall-perjodu tal-ħames snin sussegwenti, għall-investiment il-ġdid ippjanat għall-ħames snin jew iktar sussegwenti, għall-kapaċità, għall-kwalità u għal-livell ta’ manutenzjoni tan-netwerk; u għal miżuri biex ikunu koperti l-ikbar domanda u n-nuqqasijiet potenzjali. Il-kontenut u l-ambitu tar-rapport ta’ monitoraġġ huma spjegati f’iktar dettall fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/89/KE.

Il-parti l-kbira tal-Istati Membri jipprovdu rapporti b’informazzjoni dwar it-tbassir għall-konsum u għall-ġenerazzjoni kif ukoll dwar il-ħtiġijiet tan-netwerks f’termini ta’ ġenerazzjoni u ta’ investiment b’perjodi ta’ żmien ta’ iktar minn 20 sena. Il-konklużjoni ġenerali mir-rapporti nazzjonali dwar l-adegwatezza tas-sistemi tal-enerġija hija li din għandha tibqa’ simili għas-sitwazzjoni attwali.

Il-kwalità tar-rappurtar tvarja minn Stat Membru għall-ieħor. Uħud mill-Istati Membri jippubblikaw dejta komprensiva u jkopru l-punti kollha li ġew identifikati mid-Direttiva (pereżempju, il-Finlandja) filwaqt li wħud mir-rapporti jistgħu jittejbu billi jiġu pprovduti iktar dettalji. Ir-rapporti minn swieq tal-elettriku inqas maturi, pereżempju, ma jiddeskrivux biżżejjed kif il-funzjonament tas-swieq bl-ingrossa tagħhom se jikkontribwixxi għall-adegwatezza tal-ġenerazzjoni u tat-trażmissjoni.

It-Tielet Pakkett tal-Enerġija ġab bidliet importanti għall-arranġamenti ta’ monitoraġġ. Ir-rapport tat-Tbassir dwar l-Adegwatezza tas-Sistemi għall-2010-2025 tal-ENTSO-E kien l-ewwel tentattiv sabiex tkun evalwata l-adegwatezza tas-sistema tal-elettriku fil-livell Ewropew. Il-pjan ta’ żvilupp għal għaxar snin il-ġdid se jkopri l-aspetti kollha li huma rilevanti biex tkun immonitorjata s-sigurtà fil-provvista – kemm mil-lat tal-adegwatezza tal-ġenerazzjoni kif ukoll minn dak tal-adegwatezza tat-trażmissjoni.

Il-Kummissjoni pproponiet li jittejjeb il-qafas regolatorju attwali li jimponi obbligi ta’ rappurtar fuq l-Istati Membri rigward l-infrastruttura tal-enerġija permezz ta’ abbozz ta’ Regolament dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità Ewropea.

KONKLUŻJONIJIET

L-Istati Membri implimentaw b’mod effettiv id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jew billi ħolqu dispożizzjonijiet leġiżlattivi ġodda jew billi użaw dispożizzjonijiet eżistenti inklużi f’leġiżlazzjoni Ewropea oħra. Tul perjodu qasir ta’ żmien, jidher li hemm biżżejjed kapaċità u ġenerazzjoni tan-netwerks sabiex ilaħħqu mad-domanda għall-elettriku Ewropea. Madankollu, l-istampa ssir inqas ċara tul perjodu medju u twil ta’ żmien. L-impjanti ta’ ġenerazzjoni li qed jiqdiemu se jkollhom jiġu sostitwiti. Biex dan iseħħ, jeħtieġ li jkun hemm sinjali ċari tas-suq għal investiment ġdid, u l-Istati Membri jridu jżommu quddiem għajnejhom id-dewmien li jistgħu jikkawżaw il-proċeduri ta’ ppjanar tagħhom. L-aċċess għall-finanzjament jista’ wkoll ikun iktar diffiċli fil-klima ekonomiku attwali.

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw b’mod sħiħ l-effetti ta’ introduzzjoni ta’ ammonti kbar ta’ RES u jippreparaw għalihom, b’mod partikolari farms ta’ mtieħen tar-riħ ibbażati fuq l-art jew lil hinn mix-xtut, fis-sistemi tagħhom. Hekk kif il-livelli ta' penetrazzjoni jiżdiedu, integrazzjoni ta’ din ix-xorta se teħtieġ bidliet fir-regoli u fil-proċeduri tal-ibbilanċjar minbarra investiment konsiderevoli fin-netwerks li maż-żmien ikun meħtieġ sabiex ikun akkomodat il-profil il-ġdid tal-ġenerazzjoni. Bl-istess mod, bidliet fix-xejriet tad-domanda jista' jkun li jkollhom jitqiesu hekk kif jidħlu fis-seħħ il-miżuri ta’ effiċjenza tal-enerġija, inklużi l-iSmart Meters. Fil-forma kif inhuma sostnuti mir-regolaturi, l-iskemi bbażati fuq l-inċentivi għandhom jintużaw sabiex jiffaċilitaw l-investiment il-ġdid fin-netwerks, u għandu jiġi kkunsidrat l-użu tat-teknoloġija Smart Grilja (netwerk intelliġenti).

It-Tielet Pakkett tal-Enerġija se jġib bidliet importanti għall-monitoraġġ tas-sigurtà fil-provvista. L-obbligu tal-ENTSO-E li kull sentejn ikun prodott pjan ta’ żvilupp għal għaxar snin li jkopri l-aspetti kollha rilevanti għall-monitoraġġ tas-sigurtà fil-provvista – kemm mil-lat tal-adegwatezza tal-ġenerazzjoni kif ukoll mil-lat tal-adegwatezza tat-trażmizzjoni – huwa pass sinifikanti ’l quddiem. Għalkemm, dan ir-rapport mhux vinkolanti, huwa se jipprovdi bażi xierqa għall-kodiċijiet tan-netwerks dwar is-sigurtà u l-affidabbiltà tan-netwerks tal-ENTSO.

Hekk kif l-UE qed toqrob lejn il-miri klimatiċi tagħha għall-2020, l-Istati Membri għandhom jgħassu dejjem iktar il-kwistjonijiet potenzjali tas-sigurtà fil-provvista u għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jimmodernizzaw u jadattaw is-sistemi tagħhom għall-isfidi l-ġodda kmieni biżżejjed sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jgawdu minn provvista tal-elettriku ta’ kwalità għolja, b'livelli baxxi ta' karbonju u kontinwa.

Dan ir-rapport spjega wħud mill-evoluzzjonijiet futuri fis-sistema tal-elettriku Ewropea, prinċipalment rigward l-integrazzjoni ta’ ammonti massivi ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-ħtieġa li jitrażżnu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-settur tal-enerġija: il-bidla fil-karburant lejn l-elettriku fit-taħlita globali tal-enerġija; żieda fid-distanza bejn il-produzzjoni u l-konsum minħabba li l-Istati Membri qed jistrieħu iktar fuq riżorsi ta’ enerġija rinnovabbli; l-intermittenza tas-sorsi rinnovabbli prinċipali (ir-riħ u l-enerġija fotovoltajka solari), tagħti lok għal żieda fil-ħtieġa biex il-kapaċità – konvenzjonali jew rinnovabbli – tkun ibbilanċjata; rwol potenzjali ikbar tal-importazzjonijiet tal-elettriku minn barra l-UE, minħabba l-potenzjal għoli tal-“elettriku ekoloġiku” fir-reġjuni ġirien. Dawn l-evoluzzjonijiet se jeħtieġu investimenti massivi u skemi ta’ inċentivi xierqa sabiex dawn l-investimenti isiru fi żmien xieraq, filwaqt li jkunu żgurati l-kompetizzjoni, is-sostenibbiltà u s-sigurtà fil-provvista. Għaldaqstant, il-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed tipprepara Pakkett għall-Infrastruttura tal-Enerġija, li r-rwol tiegħu se jkun li jinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija Ewropea. Dan il-pakkett il-ġdid se jibni fuq il-qafas tan-Netwerks Trans-Ewropej tal-Enerġija (TEN-E) attwali u se jistabbilixxi sett komplut ta’ politiki, li jikkunsidraw il-proċeduri u l-finanzjament eżistenti għall-iżvilupp tal-infrastruttura.

Anness 1

Lista ta’ intenzjonijiet irrappurtati għal investiment fl-interkonnessjonijiet transkonfinali

għall-ħames snin li ġejjin

1. Franza-Il-Belġju;

2. Franza-Spanja;

3. Franza-L-Italja;

4. Il-Bulgarija-L-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM);

5. Id-Danimarka-In-Norveġja;

6. L-Estonja-Il-Finlandja;

7. L-Estonja-Il-Latvja;

8. Il-Finlandja-L-Isvezja;

9. L-Isvezja-In-Norveġja;

10. L-Isvezja-Il-Litwanja;

11. Il-Litwanja-Il-Polonja;

12. Il-Greċja-It-Turkija;

13. Il-Ġermanja-Il-Polonja;

14. Il-Ġermanja-Il-Pajjiżi l-Baxxi;

15. L-Irlanda-Ir-Renju Unit;

16. Ir-Renju Unit-Il-Pajjiżi l-Baxxi;

17. Ir-Renju Unit-Il-Belġju;

18. Ir-Renju Unit-Franza;

19. Ir-Rumanija-Is-Serbja;

20. Is-Slovakkja-L-Ungerija;

21. Is-Slovenja- L-Italja;

22. L-Awstrija-L-Ungerija;

22. L-Awstrija-L-Italja;

23. Malta-L-Italja;

24. Il-Portugall-Spanja.

Il-Programm Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku jipprevedi wkoll appoġġ għall-integrazzjoni tal-grilji tal-enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut. Iż-żewġ proġetti ta’ integrazzjoni tal-grilji lil hinn mix-xtut huma l-Grilja tal-Baltiku-Kriegers Flak u dik tal-Baħar tat-Tramuntana.

[1] http://ec.europa.eu/energy/gas_electricity/benchmarking_reports_en.htm

[2] 4th Benchmarking Report on Electricity Quality of Supply (Ir-Raba’ Rapport dwar l-Iffissar ta’ Punti ta’ Riferiment għall-Kwalità tal-Provvista tal-Elettriku) Ref. C08-EQS-24-04, l-10 ta’ Diċembru 2008. L-istħarriġ ma pprovdiex informazzjoni dwar l-Irlanda, il-Greċja, il-Bulgarija, Ċipru, il-Latvja, Malta jew ir-Repubblika Slovakka.

[3] http://ec.europa.eu/energy/strategies/2008/doc/2008_11_ser2/strategic_energy_review_wd_future_position2.pdf

[4] It-tendenzi sal-2030: l-aġġornament tal-2007; http://bookshop.europa.eu/is-bin/INTERSHOP.enfinity/WFS/EU-Bookshop-Site/mt_MT/-/EUR/ViewPublication-Start?PublicationKey=KOAC07001

[5] www.entsoe.eu/fileadmin/user_upload/_library/publications/entsoe/outlookreports/SAF_2010-2025_final.pdf

[6] Għal analiżi dettaljata, ara r-Rapporti ta’ kull tliet xhur dwar is-Swieq tal-Elettriku Ewropej fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/energy/observatory/electricity/electricity_en.htm

[7] Għad-dettalji, ara wkoll Ir-Rapport Annwali tal-Osservatorju tas-Swieq għall-Enerġija tal-Kummissjoni Ewropea tal-2009 [traduzzjoni mhux uffiċjali], SEC(2009) 1734

[8] http://www.ewea.org/fileadmin/emag/statistics/2009generalstats/

[9] Din tinkludi l-UE-27 flimkien ma’ membri oħrajn tal-ENTSO-E.

[10] http://www.entsoe.eu/index.php?id=55, Yearbooks Statistiku, Tabella tad-dejta dwar il-linji ta’ kollegament T9.

[11] Il-valuri NTC ta’ trażmissjoni tal-ENTSO-E għax-xitwa 2009-2010 ntużaw bl-għadd tal-valuri tal-importazzjoni għal kull pajjiż, u billi ġew ikkunsidrati l-limitazzjonijiet globali għall-importazzjoni meta dawn ġew iddikjarati. Għall-kapaċità ta’ ġenerazzjoni installata intużaw il-valuri tal-2007 tal-Eurostat.

--------------------------------------------------

Top