EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0276

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 733/2008 dwar il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli li joriġinaw minn pajjiżi terzi wara l-inċident fl-istazzjon tal-enerġija nukleari ta’ Chernobyl

/* KUMM/2009/0276 finali - ACC 2009/0079 */

52009PC0276

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 733/2008 dwar il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli li joriġinaw minn pajjiżi terzi wara l-inċident fl-istazzjon tal-enerġija nukleari ta’ Chernobyl /* KUMM/2009/0276 finali - ACC 2009/0079 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 18.6.2009

KUMM(2009) 276 finali

2009/0079 (ACC)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 733/2008 dwar il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli li joriġinaw minn pajjiżi terzi wara l-inċident fl-istazzjon tal-enerġija nukleari ta’ Chernobyl

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Sfond storiku

Ir-reazzjoni inizjali tal-Komunità għall-inċident ta' Chernobyl kienet li l-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni indirizzata lill-Istati Membri dwar il-koordinazzjoni tal-miżuri nazzjonali għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli kkontaminati bir-radjuattività mill-inċident[1]. Kienet segwita minn Deċiżjoni tal-Kummissjoni[2] li tissospendi l-inklużjoni ta' ċerti pajjiżi fil-lista ta' pajjiżi minn fejn l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta' annimali ħajjin u laħam frisk. Fit-12 ta' Mejju 1986, il-Kunsill adotta regolament li jissospendi proviżorjament l-importazzjoni ta' ċerti prodotti agrikoli li joriġinaw minn ċerti pajjiżi terzi[3]. Peress li dawn l-arranġamenti għall-projbizzjoni tal-importazzjonijiet kienu limitati fiż-żmien, il-Kunsill issostitwihom b'regolament li reġa' awtorizza l-importazzjonijiet b'ċerti kondizzjonijiet. Dan ir-regolament stipula l-livelli massimi tar-radjuattività permessi taċ-ċeżju fil-prodotti importati, li l-konfomità magħhom kellha tiġi vverifikata mill-Istati Membri tal-importazzjoni[4]. Minn tmiem l-1987[5] lil hawn, il-Kunsill introduċa l-Artikolu 133 (ex-113) tat-Trattat tal-KE bħala l-bażi ġuridika għall-adozzjoni tar-regolamenti li jestendu l-perjodu tal-validità tas-sistema tal-kontroll; il-bażi ġuridika tkun ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 737/90[6] adottat fl-1990. Dan ir-regolament kien estiż diverżi drabi, bi dħul ta' xi modifiki. L-aħħar estensjoni tas-sistema Komunitarja għall-kontroll tal-importazzjonijiet tal-prodotti agrikoli wara l-inċident ta' Chernobyl, għal perjodu ta' għaxar snin, tmur lura għal Marzu tal-2000[7]. Aktar minn hekk, fil-qafas tal-proċedura tas-simplifikazzjoni, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 737/90 li ġie emendat kemm il-darba, fl-2008 ġie kkodifikat u sar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 733/2008[8].

Mill-1990, il-Kummissjoni adottat diverżi regolamenti skont "il-proċedura ta' kumitat" sabiex tiddefinixxi l-ambitu tas-sistema tal-kontroll u l-proċeduri tal-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 737/90, u partikolarment il-lista tal-prodotti agrikoli li joriġinaw f'pajjiżi terzi li għandhom jiġu soġġetti għal verifiki fuq il-fruntieri tal-Unjoni Ewropea. Din il-lista evolviet matul iż-żmien u attwalment tinkludi ċerti annimali ħajjin għall-qatla, laħam (fosthom il-laħam tal-kaċċa), prodotti tal-ħalib, għasel naturali, faqqiegħ mhux ikkoltivat u ċerti berries[9]. Il-kontrolli fuq l-importazzjoni imposti fuq l-Istati Membri mil-leġiżlazzjoni Komunitarja għandhom ovvjament iqisu l-grad ta' kontaminazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini. Abbażi tal-atlas tal-livelli tar-radjuattività taċ-ċeżju fl-Ewropa[10], iżda fuq kollox abbażi tar-riżultati tal-istħarriġ fuq il-post, il-Kummissjoni iddeċidiet fl-1999 li ċerti kategoriji ta' prodotti li joriġinaw f'pajjiżi terzi għandhom jiġu soġġetti għall-kontrolli aktar stretti[11].

Għan tal-proposta

L-għan tal-proposta huwa li tiġi estiża għal għaxar snin is-sistema tal-verifikar tal-konformità mal-livelli massimi permessi ta' radjuattività fil-prodotti agrikoli stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 733/2008 (verżjoni kkodifikata tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 737/90 li ż-żmien tiegħu kien estiż bir-Regolament tal-Kunsill (EC) Nru 686/95 sal-31 ta' Marzu 2000 u bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 616/2000 sal-31 ta' March 2010).

Din l-estensjoni hija ġġustifikata għax ir-raġunijiet għall-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill 737/90 u l-estensjonijiet li saru qabel għadhom validi. Il-kontaminazzjoni radjuattiva biċ-ċeżjuti prodotti agrikoli li joriġinaw fil-pajjiżi terzi l-aktar affettwati mill-inċident għadha teċċedi l-livelli massimi permissibli stipulati fir-Regolament tal-1990. Għadd ta' prodotti li joriġinaw mill-ispeċi li jgħixu u jikbru fiż-żoni naturali u seminaturali jistgħu jippreżentaw livelli għolja ta' kontaminazzjoni biċ-ċeżju-137 u r-riduzzjoni maż-żmien ta' dawn il-livelli f'dawn il-prodotti hija essenzjalment marbuta man-nofs ħajja ta' dak ir-radjonuklidu, li hija ta' 30 sena.

Dan ġie kkonfermat fil-qafas ta' studju mniedi mill-Kummissjoni fuq "l-importazzjonijiet potenzjali mill-Istati Membri ta' prodotti agrikoli li fihom konċentrazzjonijet ta' ċeżju radjuattiv għola mil-limiti tal-KE". Il-kuntrattur ippreżenta r-riżultati tal-istudju u r-rakkomandazjonijiet tiegħu waqt laqgħa tal-Kumitat ad hoc stabbilit skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 733/2008 (li qabel kien l-Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 737/90) li saret f'Diċembru 2007. Abbażi tar-riżultati tal-istudju l-Kumitat irrakkomanda li l-prodotti kollha preżenti fil-lista attwali għandhom jinżammu fil-lista u jiġu soġġetti għall-verifiki fuq il-frontieri tal-Unjoni Ewropea. Barra minn dan, kif propost fl-istudju, il-Kumitat ikkonkluda li tkun xierqa estensjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 733/2008 għal minimu ta' għaxar snin. Il-Grupp ta' esperti imsemmi fl-Artikolu 31 tat-Trattat tal-Euratom ġie kkonsultat ukoll dwar ir-rakkomandabbiltà li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 733/2008 jiġu estiżi fil-laqgħa tiegħu tas-26 ta' Novembru 2008. Ħareġ b'opinjoni favorevoli dwar il-proposta tal-Kummissjoni u kkonkluda li din l-estensjoni tkun xierqa.

Finalment, għandu jiġi mfakkar li r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 3954/87[12] jippermetti l-introduzzjoni, permezz ta' Regolament tal-Kummissjoni, ta' restrizzjonijiet differenti aktar ġeneralizzati f'każ ta' inċident nukleari jew emerġenza radjuloġika fil-ġejjieni u jekk dawk ir-restrizzjonijiet ikunu introdotti jkun hemm diskrepanzi ma' dawk stipulati fir-Regolament (KE) Nru 733/2008. Għalhekk hemm bżonn li tiġi kkonfermata d-dispożizzjoni li dan tal-aħħar ser jiġi awtomatikament irrevokat fil-każ li l-ewwel wieħed jidħol fis-seħħ.

2009/0079 (ACC)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 733/2008 dwar il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli li joriġinaw minn pajjiżi terzi wara l-inċident fl-istazzjon tal-enerġija nukleari ta’ Chernobyl

KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

1. Ir-Regolament (KE) Nru 737/2008[13], li huwa l-verżjoni kkodifikata tar-Regolament (KEE) Nru 733/90 dwar il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjoni ta' prodotti agrikoli li joriġinaw minn pajjiżi terzi wara l-inċident tal-istazzjon tal-enerġija nukleari ta' Chernobyl[14], li stabbilixxa l-livelli massimi permessi ta' radjuattività għall-prodotti importati min pajjiżi terzi u intenzjonati għall-konsum mill-bniedem, li għandhom jikkonfermaw magħhom l-importazzjonijiet u li b'rabta magħhom jitwettqu l-verifiki mill-Istati Membri. Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 733/2008 jiskadi fil-31 ta' Marzu 2010.

2. Il-kontaminazzjoni radjuattiva biċ-ċeżju ta' ċerti prodotti agrikoli li joriġinaw fil-pajjiżi terzi l-aktar affettwati mill-inċident ta' Chernobyl għadha teċċedi l-livelli ta' radjuattività massimi permessi stipulati fir-Regolament (KE) Nru 733/2008.

3. Hemm evidenza xjentifika li t-tul taż-żmien tal-kontaminazzjoni biċ-ċeżju-137 wara l-inċident ta' Chernobyl f'għadd ta' prodotti li jorġinaw minn speċi li jgħixu u jikbru f'foresti u f'żoni bis-siġar, huwa essenzjalment marbut man-nofs ħajja fiżika ta' dak ir-radjunuklidu, li huwa 30 sena.

4. Ir-Regolament (KE) Nru 733/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 733/2008 għandu jiġi ssostitwit ma' dan li ġej:

"Għandu jiskadi:

5. fil-31 ta' Marzu 2020 , sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor f'data aktar bikrija, partikolarment jekk il-lista tal-prodotti esklużi msemmija fl-Artikolu 4 tkopri l-prodotti kollha li jkunu tajbin għall-konsum mill-bniedem li għalihom japplika r-Regolament;

6. mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni previst fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (Euratom) Nru 3954/87, jekk dan id-dħul fis-seħħ iseħħ qabel il-31 ta' Marzu 2020."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President [pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic]

[1] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 1986, ĠU L 118, 7.5.1986, p. 28.

[2] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Mejju 1986, ĠU L 120, 8.5.1986, p. 66.

[3] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1388/86 tat-12 ta' Mejju 1986, ĠU L 127, 13.5.1986, p. 1.

[4] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1707/86 tat-30 ta' Mejju 1986, ĠU L 146, 13.5.1986, p. 88.

[5] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3955/87 tat-22 ta' Diċembru 1987, ĠU L 371, 30.12.1987, p. 14.

[6] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 737/90 tat-22 ta' Marzu 1990, ĠU L 82, 29.3.1990, p. 1.

[7] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 616/2000 tat-20 ta' Marzu 2000, ĠU L 75, 24.3.2000, p. 1.

[8] ĠU L 201, 30.7.2008, p. 1.

[9] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1609/2000, ĠU L 185, 25.7.2000, p. 27.

[10] L-Atlas tal-livelli taċ-ċeżju fl-Ewropa wara l-Inċident ta' Chernobyl, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, il-Lussemburgu 1998, numru tal-katalogu CG-NA-16-733-29-C, ISBN 92-828-3140-X.

[11] L-addozzjoni fl-1999 mill-Kummissjoni ta' regolament li jintroduċi kontrolli aktar stretti għall-faqqiegħ mhux ikkoltivat li joriġina f'23 pajjiż terz, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1635/2006, ĠU L 306, 7.11.2006, p. 3 (Verżjoni mfassala mill-ġdid tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1661/1999, ĠU L 197, 29.07.1999, p. 17, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1627/2000 tal-24 Lulju 2000, ĠU L 187, 26.7.2000, p. 7; Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1621/2001 tad-8 ta' Awwissu 2001, ĠU L 215, 9.8.2001, p. 18; u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1608/2002 tat-10 ta' Settembru 2002, ĠU L 243, 11.9.2002, p. 7.

[12] ĠU L 371, 30.12.1987, p. 11. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (Euratom) Nru 2218/89 (ĠU L 211, 22.7.1989, p. 1).

[13] ĠU L 201, 30.7.2008, p. 1.

[14] ĠU L 82, 29.3.1990, p. 1.

Top