EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0199(01)

Rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill Li tagħti għajnuna reċiproka lir-Rumanija

/* KUMM/2009/0199 finali */

52009PC0199(01)




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 21.4.2009

KUMM (2009) 199 finali

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Li tagħti għajnuna reċiproka lir-Rumanija

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Li tagħti għajnuna finanzjarja tal-UE lir-Rumanija fuq medda medja ta’ żmien

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Li tagħti għajnuna reċiproka lir-Rumanija

kif ukoll

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Li tagħti għajnuna finanzjarja tal-UE lir-Rumanija fuq medda medja ta’ żmien

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

INTRODUZZJONI

Ir-Rumanija esperjenzat tkabbir ekonomiku qawwi ħafna matul l-aħħar snin, b’medja ta’ 6,5 % mill-2002, u saħansitra laħqet 7,1 % fl-2008. It-tkabbir ġie xprunat l-aktar mid-domanda domestika għall-konsum u l-investiment, stimolat mill-espansjoni sostnuta mill-kapital barrani, fl-intermedjazzjoni finanzjarja, u minn żieda qawwija fil-pagi. Il-livell għoli ta’ self estern wassal għall-ħolqien malajr ta’ dejn estern, li laħaq it-53 % tal-PGD fi tmiem l-2008, filwaqt li l-ammont kbir ta’ self f’munita barranija żied il-vulnerabbiltà tal-karta tal-bilanċ tal-familji u tal-kumpaniji għal varjazzjonijiet għal għarrieda fir-rata tal-kambju. Il-pressjonijiet fid-domanda domestika komplew jissaħħu minn politika fiskali proċiklika, bis-self pubbliku nett jiżdied minn 1,2 % tal-PGD fl-2005 għal 5,4 % tal-PGD fl-2008, minkejja l-Opinjonijiet suċċessivi tal-Kunsill u l-Parir ta’ Politika tal-Kummissjoni f’Ġunju 2008 li talbu biex ikun hemm konsolidament fiskali kif ukoll titjib fl-immaniġġjar tal-baġit.

It-tnaqqis ekonomiku globali u l-istmerrija akbar għar-riskju fir-rigward ta’ vulnerabbiltajiet lokali rriżultaw f’restrizzjoni sinifikanti tal-flussi ta’ kapital lejn ir-Rumanija. Il-pressjonijiet fuq ir-rata tal-kambju żdiedu, u rriżultaw f’deprezzament kumulattiv ta’ aktar minn 30 % sa minn Awwissu 2007. Fl-aħħar tliet xhur tal-2008, id-domanda domestika naqset b’aktar minn 4 % sena b’sena, dovuta prinċipalment għal tnaqqis fil-konsum privat, minn rati ta’ tkabbir b’żewġ ċifri matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena. Barra minn hekk, l-iżviluppi fil-qasam tal-kompetittività esterna u tal-produttività ġew imxekkla mir-ritmu batut tar-riformi strutturali mwettqa sa mill-adeżjoni mal-UE. Il-gvern qed iħabbat wiċċu wkoll ma’ diffikultajiet fis-suq tal-bonds b’żieda fir-rendiment medju ta’ madwar 300 bps sa minn sena ilu u msejsa kważi għal kollox fuq maturitajiet fuq medda qasira ta’ żmien.

F’dan l-isfond, fis-6 ta’ Marzu 2009, l-awtoritajiet Rumeni[1] talbu sostenn għall-Bilanċ tal-Ħlasijiet lill-KE u ressqu wkoll talba simili quddiem il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u l-Bank Dinji. Filwaqt li bħalissa ma hemm l-ebda kriżi akuta, dawn iqisu li sostenn finanzjarju estern f’dan l-istadju hu garantit li jsaħħaħ il-protezzjoni tar-riżervi barranin, fuq il-bażi ta’ xenarju ta’ tensjoni qawwija fuq il-finanzjament estern kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għal dak privat fis-sentejn li ġejjin. Id-dħul fis-seħħ ta’ programm jikkontribwixxi wkoll biex isaħħaħ il-fiduċja fil-kapaċità tar-Rumanija li tissodisfa l-obbligi esterni tagħha.

Il-Kummissjoni flimkien mal-Presidenza tal-Kunsill fid-9 ta’ Marzu ħabbret li l-UE kienet lesta li tipparteċipa flimkien mal-FMI f’pakkett finanzjarju kkoordinat biex issaħħaħ l-istabbiltà tal-bilanċ tal-ħlasijiet tar-Rumanija. Madankollu, ġie enfasizzat li l-għajnuna finanzjarja tiddependi fuq impenn qawwi mill-awtoritajiet Rumeni li jimplimentaw programm ta’ politika ta’ appoġġ.

Fuq il-bażi ta’ diskussjonijiet mal-Kummissjoni u mal-FMI, l-awtoritajiet Rumeni se jibagħtu Ittra ta’ Intenzjoni lill-Kummissjoni u lill-FMI, fejn jisħqu fuq l-elementi ewlenin tal-programm tagħhom ta’ aġġustament ekonomiku. L-għajnuna finanzjarja tal-Kunsill lir-Rumanija tiddependi fuq il-wasla ta’ din l-ittra. Dan għandu l-għan prinċipali li jipproteġi kontra l-effetti tat-tnaqqis f’salt fl-influssi tal-kapital privat filwaqt li jimplimenta l-miżuri ta’ politika biex jindirizza l-iżbilanċi esterni u fiskali u biex isaħħaħ is-settur finanzjarju. Fl-isfond ta’ dan il-programm, l-istituzzjonijiet prinċipali tad-disa’ l-akbar banek f’idejn il-barranin inkorporati fir-Rumanija, ħadu impenn ikkoordinat li jżommu l-espożizzjoni globali tagħhom għar-Rumanija u li jipprovdu kapital addizzjonali kif meħtieġ.

ŻVILUPPI U PERSPETTIVI MAKROEKONOMIċI

Wara bosta snin ta’ tkabbir qawwi tal-PGD, b’medja ta’ 6,5 % sena b’sena sa mill-2002, it-tkabbir naqas f’salt matul l-aħħar tliet xhur tal-2008 għal 2,9 % sena b’sena. Dan huwa dovut prinċipalment għal tnaqqis fil-konsum privat ta’ madwar 4 % sena b’sena, b’mod parallel ma’ waqfa kważi totali fis-self bankarju. Matul l-aħħar tliet xhur, il-formazzjoni tal-kapital fiss gross niżlet f’salt minn aktar minn 30 % sena b’sena matul l-ewwel tliet xhur għal ftit inqas minn 3 %. Fuq in-naħa tal-provvista, ir-riċessjoni hija r-riżultat ta’ tnaqqis fis-settur industrijali b’madwar 8 %, minn espansjoni ta’ 5,5 % fl-ewwel tliet xhur tal-2008. Il-kostruzzjoni u s-servizzi wkoll irreġistraw tnaqqis f’salt.

It-tnaqqis f’salt fid-domanda domestika fl-aħħar tliet xhur wassal ukoll għal tnaqqis fl-importazzjonijiet, bir-rati ta’ tkabbir sena b’sena jsiru negattivi lejn tmiem is-sena (-18 % sena b’sena) u rreġistraw iżjed tnaqqis f’Jannar 2009 (-28 % sena b’sena, f’termini RON). Ir-rendiment tal-esportazzjoni ddgħajjef ukoll b’mod sinifikanti (-8 % sena b’sena f’Diċembru 2008 u -13 % f’Jannar 2009). B’mod ġenerali, fl-2008, l-iżbilanċ tal-kont kurrenti naqas bi ftit, iżda baqa’ f’livell għoli ta’ 12,3 % tal-PGD, minn 13,5 % tal-PGD fl-2007. Mil-lat tal-finanzjament, l-investiment dirett barrani (IDB) kopra madwar 54 % tal-iżbilanċ tal-kont kurrenti fl-2008. Il-bqija ġie ffinanzjat prinċipalment permezz ta’ dejn estern (fil-biċċa l-kbira privat), li żdied għal madwar 53 % tal-PGD fi tmiem l-2008.

- Matul l-espansjoni ekonomika, in-nuqqas ta’ ħaddiema dovut għal flussi kbar ta’ migrazzjoni kif ukoll għal proporzjon relattivament għoli ta’ ħaddiema bla sengħa, ikkontribwixxa biex jitfaċċa spiral ta’ prezzijiet u pagi, b’żidiet fil-pagi ferm akbar mill-iżviluppi dgħajfa tal-produttività. Iż-żidiet fil-pagi baqgħu qawwija ħafna matul l-ewwel sitt xhur tal-2008 (bil-pagi nominali jiżdiedu b’madwar 25 % sena b’sena), iżda minn dakinhar immoderaw, u laħqu t-13 % sena b’sena f’Jannar 2009. Minkejja t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-ikel u ta’ prodotti bażiċi, l-inflazzjoni mkejla mis-CPI, reġgħet bdiet minn 6,3 % f’Diċembru 2008 għal 6,9 % fi Frar 2009 taħt l-effett ta’ deprezzament nominali effettiv ta’ 8 % matul dan il-perjodu ta’ żmien.

Minħabba t-tnaqqis f’salt fl-attività ekonomika matul l-aħħar tliet xhur tal-2008 u l-probabbiltà ta’ dgħufija ulterjuri tal-perspettiva ekonomika globali, it-tkabbir tal-PGD hu previst li jsir negattiv fl-2009 għal madwar -4 % b’riżultat tat-tnaqqis fil-konsum u l-investiment, li pattiet għalih parzjalment il-korrezzjoni tal-iżbilanċ estern.

FINANZI PUBBLIċI

Ir-Rumanija segwiet politika fiskali proċiklika matul l-espansjoni tad-domanda bejn l-2005 u l-2008, bl-iżbilanċi nominali jiżdiedu minn 1,2 % tal-PGD fl-2005 għal 5,4 % tal-PGD fl-2008, f’kuntest ta’ tkabbir medju tal-PGD reali ta’ 6,5 % u minkejja r-rakkomandazzjonijiet kontinwi mogħtija fl-Opinjoni tal-Kunsill ta’ Frar 2008 dwar il-Programm ta’ Konverġenza tar-Rumanija u l-Parir ta’ Politika tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2008. Dan kien dovut fil-biċċa l-kbira għad-dgħufija ġenerali tal-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-baġit. Id-dħul mhux ippjanat kien tipikament minfuq permezz ta’ proċess ta’ rettifiki baġitarji kull sena u ma tħallew l-ebda riservi għal żminijiet aktar diffiċli. Id-dgħufijiet fl-amministrazzjoni pubblika kkontribwixxew ukoll għal sottoeżekuzzjoni rikorrenti ta’ pjanijiet għal nefqa kapitali u parti mir-riżorsi previsti għall-investiment ġew sussegwentement allokati għal infiq kurrenti bħal pagi pubbliċi u trasferimenti soċjali. Iż-żidiet fil-pagi tas-settur pubbliku wasslu għal żidiet fil-pagi tas-settur privat, b’livelli tal-pagi ogħla fis-settur pubbliku. Matul il-perjodu bejn l-2005 u l-2008, in-nefqa fuq il-pagi fis-settur pubbliku rdoppjat f’termini nominali. Fl-aħħar nett, infiq kbir kien ikkonċentrat fl-aħħar ġimgħat tas-sena, u dan laqat ħażin il-kredibbiltà u t-tbassir tal-baġit. Minkejja r-rakkomandazzjonijiet tal-Parir ta’ Politika tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2008, ma sar l-ebda progress fl-implimentazzjoni ta’ qafas fiskali vinkolanti fuq medda medja ta’ żmien.

Il-baġit tal-2009 mressaq mill-Gvern ġdid u adottat mill-Parlament fi tmiem Frar jinkludi diversi miżuri bl-għan li jnaqqas l-iżbilanċ minn 5,4 % tal-PGD fl-2008 għal 2,0 % tal-PGD fl-2009, fuq il-bażi ta’ previżjoni ta’ tkabbir tal-PGD reali ta’ 2,5 %. Il-miżuri jinkludu l-iffriżar tar-reklutaġġ u t-tnaqqis ta’ diversi bonusijiet fis-settur pubbliku, it-tnaqqis fin-nefqa għal oġġetti u servizzi, il-limitazzjoni taż-żidiet fil-pagi tas-settur pubbliku u r-rabta tal-pensjonijiet mal-inflazzjoni minflok mal-iżviluppi fil-pagi. Min-naħa l-oħra, il-gvern qed jippjana żieda sostanzjali fl-investiment pubbliku. Madankollu, fid-data tal-adozzjoni diġà kien jidher ċar li din l-għan tal-iżbilanċ ma kienx realistiku, partikolarment billi x-xenarju makroekonomiku sottostanti u l-previżjonijiet ta’ dħul kienu ottimistiċi wisq. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ riforma komprensiva ta’ politika tal-infiq, kien hemm riskji potenzjali fl-implimentazzjoni fir-rigward tal-miżuri fil-qasam tal-infiq.

SWIEQ FINANZJARJI

Is-sistema finanzjarja tar-Rumanija hija ddominata mis-settur bankarju, li żviluppa malajr ħafna matul l-aħħar ftit snin. L-assi netti totali tas-settur bankarju Rumen ammontaw għal madwar RON 315-il biljun fi tmiem l-2008 (62 % tal-PGD). Il-biċċa l-kbira tal-banek hija f’idejn il-barranin. F’Diċembru 2008, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu bl-akbar kapital barrani (inklużi fergħat ta’ banek barranin) ikkontrollaw madwar 88 % tal-assi netti totali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha li joperaw fir-Rumanija. Il-banek mill-Awstrija, il-Greċja, Franza u l-Italja huma l-aktar esposti fir-Rumanija.

Matul l-aħħar ftit snin, is-settur bankarju Rumen ippromwova espansjoni rapida ta’ kreditu, bil-proporzjon tas-self għad-depożiti jiżdied għal 122 % fl-2008. Minkejja li ż-żieda fil-kreditu bdiet minn livell baxx, l-espansjoni ta’ self iddenominat f’munita barranija (li jirrappreżenta madwar 59 % tal-kreditu domestiku totali lis-settur privat f’Jannar 2009) wasslet biex is-settur bankarju Rumen jiddependi ħafna fuq il-finanzjament barrani. Matul it-tieni nofs tal-2008, l-attività ta’ self naqqset ir-ritmu b’mod konsiderevoli, biż-żieda fil-kreditu annwali tonqos minn aktar minn 60 % f’Ġunju 2008 għal 36,5 % f’Diċembru 2008.

Għalkemm bħalissa s-settur bankarju jidher li għadu relattivament sod u kapitalizzat sew (bil-proporzjon ta’ adegwatezza tal-kapital ta’ 12,3 % fi tmiem l-2008), l-istabbiltà finanzjarja fir-Rumanija tista’ ssib ruħha taħt pressjoni. Id-deterjorament tal-perspettiva makroekonomika jimplika li s-sehem tas-self mhux produttiv x’aktar li jiżdied malajr fix-xhur li ġejjin. Barra minn hekk, billi s-settur privat Rumen qed jiddependi ħafna fuq il-kreditu ddenominat f’munita barranija, kull deprezzament ulterjuri tal-leu se joħloq piż kbir fuq il-karti tal-bilanċ tal-familji u tal-intrapriżi.

BILANċ TAL-ħLAS U REKWIżITI TA’ FINANZJAMENT ESTERN

L-espansjoni ekonomika tar-Rumanija f’dawn l-aħħar snin kienet ikkaratterizzata mill-ħolqien ta’ żbilanċi esterni kbar kif ukoll minn żieda mhux sostenibbli ta’ obbligi esterni. L-iżbilanċ tal-kont kurrenti żdied minn 5,8 % tal-PGD fl-2004 għal 13,5 % tal-PGD fl-2007 u baqa’ ogħla minn 12 % tal-PGD fl-2008. B’riżultat ta’ dan, id-dejn estern gross laħaq 55 % tal-PGD fi tmiem l-2008.

Is-swieq finanzjarji Rumeni ilhom taħt pressjoni kontinwa sa mill-bidu ta’ Ottubru 2008. It-tnaqqis fil-livell tad-dejn, is-sisien dgħajfa tal-ekonomija Rumena u l-grad ta’ sottoinvestiment qed ikollhom effett negattiv fuq is-suq monetarju, interbankarju u dak tal-ekwità u tal-bonds. Il-finanzjament estern mistenni li jibqa’ taħt pressjoni sinifikanti għal xi żmien billi l-iżbilanċ tal-kont kurrenti persistenti, għalkemm qed jonqos, flimkien mal-ħtieġa li jiġġeddu ammonti konsiderevoli ta’ dejn iddenominat f’munita barranija, fuq medda qasira u medda itwal ta’ żmien, x’aktarx ma jkunux koperti b’mod sħiħ mill-IDB u flussi oħra ta’ kont kapitali u ta’ operazzjonijiet finanzjarji fl-2009-2011.

Fid-dawl ta’ dak li ssemma hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li hemm theddida serja għall-bilanċ tal-ħlasijiet tar-Rumanija. Il-Kummissjoni għalhekk tirrakkomanda li l-Kunsill jieħu deċiżjoni li jagħti għajnuna reċiproka. Il-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern totali fil-perjodu sal-ewwel tliet xhur tal-2011 huma stmati li jlaħħqu madwar EUR 20 biljun. Din is-somma tinkludi approprjazzjoni għall-iżbilanċ kontinwu u mistenni tal-kont kurrenti, it-tiġdid parzjali ta' dejn li jkun se jiskadi, xi ħruġ ta’ kapital u akkumulazzjoni ta’ riżervi barranin uffiċjali għal livell prudenti. Huwa preżunt li l-banek barranin se jġeddu 100 % tal-krediti tagħhom lejn ir-Rumanija ladarba tingħata l-għajnuna reċiproka, b’konformità mal-impenn meħtieġ tal-banek barranin ewlenin li jżommu l-espożizzjoni tagħhom għar-Rumanija (kif ikkonfermat fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom tas-26 ta’ Marzu 2009), filwaqt li r-rata ta’ tiġdid għal dejn estern tal-intrapriżi għall-istituzzjonijiet prinċipali u għal dejn estern ta’ banek Rumeni mistennija tkun 50 % fl-2009. Għall-2010 u l-2011, hu preżunt li l-obbligi barranin kollha li jkunu se jiskadu se jiġġeddu għal 100 % f’konformità mal-istabbilizzazzjoni mistennija tas-suq finanzjarju u mal-bidu tal-irkupru fis-swieq kbar tal-esportazzjoni tar-Rumanija. Minbarra l-għan tar-riżervi tal-kambju estern għolja biżżejjed (ta’ aktar minn 100 % tad-dejn estern residwu fuq medda qasira ta’ żmien) saru suppożizzjonijiet konservattivi dwar ħruġ ieħor ta’ kapital bħal ħruġ ta’ depożiti ta’ dawk mhux residenti, tnaqqis fil-krediti kummerċjali kif ukoll ħruġ ta’ portafoll biex jiġu inkorporati protezzjonijiet addizzjonali fil-kalkoli. Is-suppożizzjoni sottostanti dwar tkabbir tal-PGD hija -4 % fl-2009 u madwar 0 % fl-2010. L-iżbilanċ tal-kont kurrenti hu previst li jkun 7½ % tal-PGD fl-2009 u 6½ % tal-PGD fl-2010.

APPOġġ MILL-UE SKONT IL-FAċILITÀ TAL-BILANċ TAL-ĦLASIJIET, LI TAGħMEL PARTI MILL-ISFORZ INTERNAZZJONALI

Fid-dawl tad-diffikultajiet serji tal-bilanċ tal-ħlasijiet li qed tħabbat wiċċha magħhom ir-Rumanija u skont l-impenn sod tal-awtoritajiet Rumeni li jimplimentaw programm vast ta’ aġġustament fiskali, finanzjarju u strutturali, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju fis-17 ta’ Marzu 2009, tirrakkomanda lill-Kunsill jagħti għajnuna reċiproka prevista mill-Artikolu 119 tat-Trattat.

Barra minn hekk, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kummissjoni tipproponi li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija hawn fuq biex tingħata għajnuna reċiproka lir-Rumanija fuq rakkomandazzzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill jadotta deċiżjoni li tipprovdi skont il-faċilità tal-UE għall-Istati Membri (kif stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta’ Frar 2002) għajnuna finanzjarja fuq medda medja ta’ żmien lir-Rumanija ta’ massimu ta’ EUR 5 biljun biex jirfed is-sostenibbiltà tal-bilanċ tal-ħlasijiet.

L-għajnuna finanzjarja fuq medda medja ta’ żmien lir-Rumanija skont il-faċilità tal-bilanċ tal-ħlasijiet għall-Istati Membri (fid-dawl tar-Regolament Nru 332/2002) tidher li hija xierqa fiċ-ċirkostanzi attwali ta’ flussi mnaqqsa ta’ kapital u żbilanċi fiskali u esterni kbar. L-għan immedjat huwa li jiġi ffaċilitat aġġustament ordnat tal-iżbilanċ estern, u b’hekk jitnaqqsu l-pressjonijiet eċċessivi fuq ir-rata tal-kambju li jistgħu jolqtu serjament il-karti tal-bilanċ fis-setturi tal-intrapriżi u tal-familji, u jirriżultaw f’riċessjoni aktar qawwija u pressjonijiet fis-settur bankarju.

Il-ħtiġijiet totali ta’ finanzjamenti sal-ewwel tliet xhur tal-2011 huma stmati li jammontaw għal EUR 20 biljun. B’mod parallel mal-għajnuna tal-UE, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) se jipprovdi appoġġ lir-Rumanija permezz ta’ Arranġament Stand-by (SBA) bl-ammont ta’ SDR 11,40 biljun (madwar EUR 12,95 biljun, 1085 % tal-kwota tar-Rumanija tal-FMI). Appoġġ multilaterali addizzjonali ta’ EUR 2 biljun se jingħata bil-mod li ġej: flimkien mal-attivitajiet tagħhom ta’ self regolari l-Bank Dinji jipprovdi EUR 1 biljun u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) jipprovdu EUR 1 biljun oħra.

Fis-26 ta’ Marzu 2009, l-istituzzjonijiet prinċipali tad-disa’ l-akbar banek f’idejn il-barranin inkorporati fir-Rumanija impenjaw ruħhom b’mod konġunt li jżommu l-espożizzjonijiet globali tagħhom għar-Rumanija tul il-perjodu tal-programm, u qablu li jappoġġjaw is-sussidjarji Rumeni tagħhom biex jippreżervaw il-pożizzjoni finanzjarja tajba attwali tagħhom tul il-perjodu kollu tat-taqlib fis-suq u tat-tnaqqis ekonomiku. Dan l-impenn se jiġi ddikjarat mill-ġdid fl-ittri individwali ta’ sostenn mill-banek ewlenin lill-Bank Nazzjonali tar-Rumanija (NBR) li, flimkien mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-pajjiż ta’ oriġini, se jissorveljaw dan l-impenn mill-qrib. L-għajnuna finanzjarja tal-UE tingħata b’appoġġ għall-impenn qawwi mill-awtoritajiet Rumeni li jimplimentaw programm ekonomiku komprensiv. Dan il-programm sar ftehim dwaru mill-awtoritajiet Rumeni.

Il-Kummissjoni se tivverifika f’intervalli regolari, b’kollaborazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) li l-kundizzjonijiet ta’ politika ekonomika marbutin mal-għajnuna, jiġu sodisfatti, permezz ta’ missjonijiet u rappurtar regolari mill-awtoritajiet. Matul l-implimentazzjoni tal-programm, il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll konsulenza politika addizzjonali kif ukoll għajnuna teknika f’oqsma speċifiċi. L-elementi ewlenin ta’ dan il-programm huma:

a. Konsolidament fiskali

Il-gvern hu impenjat li jwettaq sforzi ta’ aġġustament fiskali addizzjonali ta’ 1,1 % tal-PGD, minbarra l-miżuri li jammontaw għal 3 % tal-PGD inklużi fil-baġit tal-2009 adottat fi Frar 2009. Fuq il-bażi tat-tbassir rivedut ta’ tnaqqis tal-PGD b’4 % fl-2009 u tal-miżuri baġitarji addizzjonali, l-awtoritajiet jimmiraw lejn żbilanċ ġenerali tal-gvern ta’ 5,1 % tal-PGD, li jimplika aġġustament strutturali importanti meta mqabbel mar-riżultat tal-2008. Matul it-tieni kwart tal-2009, il-Parlament se japprova baġit emendat tal-2009, imsejjes fuq il-perspettiva ekonomika aġġornata u l-miżuri ulterjuri.

Il-konsolidament fiskali se jiġi kkonċentrat fuq in-naħa tal-infiq. L-infiq primarju tal-gvern se jitnaqqas b’0,85 punti perċentawli addizzjonali tal-PGD meta mqabbel mal-baġit tal-2009. Dan se jinkiseb permezz ta’ i) tnaqqis (stmat li jkun 4 – 4½ % fir-rigward tal-livell tal-2008) fin-nefqa fuq il-pagi fis-settur pubbliku billi jitneħħew iż-żidiet fil-pagi tas-settur pubbliku (li jammontaw għal 5 fil-mija) ippjanati għall-2009 jew tnaqqis ulterjuri ekwivalenti fl-impjiegi billi jitnaqqsu l-impjiegi pubbliċi, inkluż billi jiġi sostitwit wieħed biss minn kull seba’ impjegati li jitilqu; ii) tnaqqis addizzjonali fl-infiq fuq oġġetti u servizzi u f’sussidji għall-impriżi pubbliċi; iii) xi tnaqqis fl-infiq kapitali fuq oġġetti bħal vetturi u tagħmir tal-uffiċċju kif ukoll tiġi żgurata skeda realistika għal proġetti ta’ investiment sostnuti mill-UE. Madankollu, l-investiment pubbliku hu mbassar li jiżdied sostanzjalment fl-2009 meta mqabbel mal-2008 (xi 6½ % tal-PGD fl-2009 meta mqabbla ma’ 5¾ % tal-PGD fl-2008). Mil-lat ta’ dħul, il-miżuri biex jiġu eliminati ċerti approprjazzjonijiet u ċertu tnaqqis fit-taxxi (b’mod partikolari fuq il-karozzi tal-kumpaniji, u deprezzament ta’ assi vvalutati mill-ġdid) mistennija li jiġġeneraw 0,25 % addizzjonali tal-PGD. Il-gvern hu determinat li jkompli l-konsolidament fiskali stimolat mill-infiq u jnaqqas aktar l-iżbilanċ għal 4,1 % tal-PGD fl-2010 u taħt 3 % tal-PGD fl-2011.

Tul it-twettiq tal-programm, il-Kummissjoni se tipprovdi gwida u konsulenza kontinwi lill-awtoritajiet Rumeni bl-għan li jiżguraw korrezzjoni sostenibbli tal-iżbilanċ.

b. Riforma tal-governanza fiskali

Biex ikun hemm kisba sostenibbli tal-iżbilanċi baġitarji aktar baxxi, se jittieħdu miżuri biex itejbu l-istrateġija u l-proċess baġitarji. Komponent ewlieni se jkun il-liġi dwar ir-responsabbiltà fiskali, li inter alia tkun tirrikjedi t-twaqqif ta’ proċeduri biex jitjieb l-ibbaġitjar multiannwali, tistabbilixxi limiti fuq reviżjonijiet tal-baġit matul is-sena u tiddefinixxi regoli fiskali biex ittejjeb l-implimentazzjoni baġitarja u tikseb konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST). Il-liġi għandha toħloq ukoll kunsill fiskali biex jipprovdi skrutinju indipendenti u espert.

Biex jitjiebu l-kredibbiltà u t-trasparenza baġitarji, is-sistema ta’ kumpens tas-settur pubbliku se tiġi ristrutturata, inkluż billi jingħaqdu u jiġu simplifikati l-iskali tal-pagi u tiġi rriformata s-sistema tal-bonusijiet. Dan huwa mmirat li jitratta l-problemi prinċipali fis-sistema ta’ kumpens tas-settur pubbliku: il-bonusijiet jinkludu wisq mill-kumpens totali, ma teżistix skala tas-salarji magħquda u hemm għadd kbir ta’ liġijiet li jirregolaw il-pagi f’partijiet differenti tas-sistema ta’ kumpens.

Biex jgħinu fit-titjib tas-sostenibbiltà fuq medda twila ta’ żmien tal-finanzi pubbliċi, se jiġu rriformati parametri ewlenin tas-sistema tal-pensjoni. It-tibdil se jinkludi tqarrib lejn l-indiċjar tal-pensjonijiet pubbliċi fuq il-prezzijiet tal-konsumatur u limitazzjoni tal-possibbiltà ta’ żidiet diskrezzjonali tal-pensjonijiet u żieda ulterjuri u gradwali tal-età tal-irtirar lil hinn mill-pjanijiet miftiehma attwalment (b’mod partikolari għan-nisa), filwaqt li jqis l-evoluzzjoni tal-aspettattivi ta’ għomor. Barra minn hekk, il-gruppi ta’ impjegati pubbliċi li bħalissa jinsabu esklużi mill-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni se jkollhom jikkontribwixxu għalihom b’mod gradwali. Il-programm jipprevedi l-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni tat-tieni pilastru tal-pensjonijiet b’żidiet skedati regolarment fil-kontribuzzjonijiet kif ippjanati oriġinarjament.

c. Il-politika tas-settur monetarju u finanzjarju

Il-politika monetarja se tibqa’ mmirata lejn l-istabbiltà tal-prezzijiet u l-ksib tal-mira tal-inflazzjoni tal-NBR (bħalissa 3,5 % ±1 fil-mija fi tmiem l-2009). Fir-rigward tas-settur finanzjarju, l-NBR se jittestja l-kapaċità ta’ reżistenza (stress tests) tal-karti tal-bilanċ tal-banek individwali u tal-portafolli ta’ self skont xenarji differenti, skont il-linji gwida dwar il-valutazzjoni, li se jintużaw biex jevalwaw iż-żidiet potenzjali ta’ fondi proprji meħtieġa biex jiżguraw li l-proporzjonijiet ta’ solvenza jibqgħu ogħla minn 10 fil-mija tul il-perjodu kollu tal-programm. Ladarba t-testijiet ta’ reżistenza jitlestew, b’konformità mal-impenn tagħhom li jappoġġjaw b’mod xieraq is-sussidjarji tagħhom (ikkonfermat fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom tas-26 ta’ Marzu 2009), il-banek prinċipali se jkunu mitluba jassiguraw, sa tmiem Settembru 2009, biżżejjed riżorsi li jkopru kull tnaqqis potenzjali żvelat mit-testijiet ta’ reżistenza.

Barra minn hekk, il-programm jipprevedi li l-liġijiet bankarji u dawk dwar il-likwidazzjoni se jiġu emendati biex ikunu jistgħu jwieġbu b’mod effettiv u f’waqtu fil-każ ta’ perikli għall-banek. Għan ewlieni tal-emendi se jkun li jissaħħu s-setgħat tal-amministraturi tal-banek imqiegħda taħt amministrazzjoni speċjali. Lil hinn mir-riżoluzzjoni tal-bank, miżuri oħra jimmiraw li jsaħħu s-setgħat ta’ rimedju tal-NBR b’dispożizzjonijiet li jippermettulu li jitlob li l-azzjonisti l-kbar iżidu l-kapital tal-ishma u jappoġġjaw il-bank finanzjarjament, u li jipprojbixxu jew jillimitaw it-tqassim tal-profitti. Is-sorveljanza finanzjarja se tkun imsaħħa b’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. Barra minn hekk, se jiġu introdotti aktar rekwiżiti ta’ rappurtar dettaljat dwar il-likwidità u, fi żmien xieraq, il-livell minimu regolatorju tal-proporzjon ta’ adegwatezza tal-kapital għandu jiżdied minn 8 fil-mija għal 10 fil-mija. Barra minn hekk, proċeduri għall-attivazzjoni tal-assigurazzjoni tad-depożiti se jiġu modifikati biex jissimplifikaw u jaċċelleraw il-pagamenti. Skont il-leġiżlazzjoni modifikata, l-assigurazzjoni tad-depożiti se tiġi attivata fuq deċiżjoni tal-NBR fi żmien 21 jum. Fl-aħħar nett, biex jiġi garantit forniment biżżejjed ta’ likwidità, l-NBR hu impenjat li jwessa’ l-firxa ta’ assi aċċettabbli bħala kollaterali.

d. Riformi strutturali

Il-programm ekonomiku se jinkludi wkoll miżuri ta’ riforma strutturali, b’konformità mal-oqsma ta’ politika koperti fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi maħruġa mill-Kunsill fil-qafas tal-Istrateġija ta’ Liżbona. Ir-riformi se jinkludu politiki maħsuba biex itejbu l-effiċjenza, l-effikaċja tal-amministrazzjoni pubblika, isaħħu l-kwalità tan-nefqa pubblika, l-użu tajjeb u l-assorbiment akbar tal-fondi tal-UE, it-titjib tal-ambjent tan-negozju u jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat. Il-Kummissjoni tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp tal-kapaċità lokali permezz tal-fondi strutturali, li parti speċifika minnhom ġiet allokata għall-għajnuna teknika.

Dan il-programm huwa rifless fil-kundizzjonalità tal-politika ekonomika inkluża fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill. Il-kundizzjonijiet dettaljati tal-politika ekonomika marbuta mal-pagamenti tas-self tal-UE se jiġu stipulati f’Memorandum ta’ Ftehim li għandu jkun konkluż mal-awtoritajiet Rumeni. Dan il-programm se jiġi rifless ukoll b’mod sħiħ f’aġġornament tal-Programm ta’ Konverġenza Rumen.

Id-deċiżjoni proposta tiskadi tliet snin wara d-dħul fis-seħħ. Biex tkun żgurata l-flessibbiltà neċessarja fil-kuntest tas-suq attwali, huwa propost li tkun permessa l-għażla li jintużaw skambji ta’ rati tal-interessi għall-operazzjoni tas-self li tiffinanzja l-ammont misluf. Il-kontropartijiet ta’ skambju potenzjali jkun irid ikollhom l-ogħla kwalità ta’ kreditu biex il-baġit tal-UE jiġi salvagwardjat.

B’konformità ma’ dak li ġie stipulat fil-proposta tal-Kummissjoni tat-8 ta’ April 2009 għal Regolament tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 332/2002, li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri, il-Kummissjoni, inklużi l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri jistgħu jibagħtu l-aġenti tagħhom stess jew rappreżentanti debitament awtorizzati biex iwettqu kull kontroll tekniku jew finanzjarju jew verifiki li jqisu neċessarji b’rabta mal-immaniġġjar ta’ din l-għajnuna. L-investigazzjoni u t-trattament sodisfaċenti ta’ kull każ suspett u attwali ta’ frodi, korruzzjoni jew kull attività illegali oħra b’rabta mal-immaniġġjar tal-għajnuna tal-KE għall-bilanċ tal-pagamenti, ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-KE, se jiġu żgurati. Dawn il-każijiet kollha kif ukoll miżuri marbuta magħhom, meħuda mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali se jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Il-Memorandum ta’ Ftehim u l-Ftehim dwar is-Self se wkoll jintegra diġà d-dispożizzjonijiet tekniċi ġodda tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 332/2002.

B’mod parallel mal-kundizzjonalità tal-politika ta’ dan il-programm, il-Kummissjoni se tkompli wkoll tissorvelja l-progress fil-qasam tar-riforma ġudizzjarja u tiġġieled il-korruzzjoni skont il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika. It-tul ta’ żmien ta’ dan il-mekkaniżmu huwa indipendenti mit-tul tal-programm ta’ għajnuna. Ir-Rapport Interim ta’ Frar 2009 ikkonkluda li l-awtoritajiet Rumeni għandhom jiksbu mill-ġdid l-impetu fuq ir-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni biex idawru x-xejra ta’ ċertu rigress fl-aħħar xhur. Dan ifisser b’mod partikolari li jadottaw il-kodiċi meħtieġa biex tiġi modernizzata s-sistema legali u juru, permezz ta’ trattament rapidu ta’ każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli, li s-sistema legali hi kapaċi timplimenta l-liġijiet b’mod indipendenti u effiċjenti.

Minbarra l-kundizzjonalità tal-politika, il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-użu korrett tat-trasferimenti tal-UE qabel u wara l-adeżjoni, fost l-oħrajn permezz tal-evalwazzjonijiet ta’ konformità u r-reviżjonijiet regolari.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Li tagħti għajnuna reċiproka lir-Rumanija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 119,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

1. Is-swieq finanzjarji u tal-kapital Rumeni dan l-aħħar sabu ruħhom taħt pressjoni kbira, u dan jirrifletti t-tnaqqis ekonomiku globali kif ukoll it-tħassib dejjem jikber dwar is-saħħa tal-ekonomija Rumena, meta jitqiesu l-iżbilanċ estern wiesa’ tagħha, u l-iżbilanċ pubbliku li qed jiżdied malajr. Il-pressjonijiet fuq ir-rata tal-kambju żdiedu wkoll u jimplikaw riskju konsiderevoli għall-istabbiltà tas-settur bankarju f’sens usa’.

2. Bi tweġiba, il-gvern u l-Bank Nazzjonali tar-Rumanija (NBR) żviluppaw strateġija komprensiva biex jankraw fis-sod il-politiki makroekonomiċi u jnaqqsu l-pressjoni fuq is-suq finanzjarju u spjegaw din l-istrateġija f’ittra ta’ intenzjoni li rċeviet il-Kummissjoni nhar […]. Element fundamentali tal-programm ekonomiku huwa t-tnaqqis tal-iżbilanċ fiskali minn 5,4 % tal-PGD fl-2008 għal 5,1 % tal-PGD fl-2009 u għal taħt it-3 % tal-PGD sal-2011. Biex ikun hemm kisba sostenibbli tal-iżbilanċi baġitarji aktar baxxi, se jittieħdu miżuri biex itejbu l-istrateġija u l-proċess baġitarji. Dan il-programm ekonomiku u b’mod partikolari l-miri fiskali se jiġu riflessi fil-baġit tal-Gvern kif ukoll fil-programm ta’ konverġenza,

3. Il-Kunsill qed jirrevedi fuq bażi regolari l-politiki ekonomiċi implimentati mir-Rumanija, b’mod partikolari fil-kuntest tar-reviżjonijiet annwali tal-aġġornament tar-Rumanija tal-programm ta’ konverġenza u l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma kif ukoll ir-reviżjoni regolari tal-progress magħmul mir-Rumanija fil-kuntest tar-Rapport ta’ Konverġenza u tar-Rapport ta’ Progress Annwali,

4. Il-finanzjament estern mistenni li jibqa’ taħt pressjoni sinifikanti billi l-iżbilanċ tal-kont kurrenti persistenti, għalkemm qed jonqos, flimkien mal-ħtieġa li jiġġeddu ammonti konsiderevoli ta’ dejn iddenominat f’munita barranija, fuq medda qasira u fuq medda itwal ta' żmien, x’aktarx ma jkunux koperti b’mod sħiħ mill-IDB u flussi oħra ta’ kont kapitali u ta’ operazzjonijiet finanzjarji fl-2009-2011. Il-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern huma stmati għal madwar EUR 20 biljun fil-perjodu sal-ewwel kwart tal-2011. Huwa preżunt li l-banek barranin se jġeddu 100 % tal-krediti tagħhom lejn ir-Rumanija ladarba tingħata l-għajnuna reċiproka, b’konformità mal-impenn meħtieġ tal-banek barranin ewlenin li jżommu l-espożizzjoni tagħhom għar-Rumanija (kif ikkonfermat fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom tas-26 ta’ Marzu 2009), filwaqt li r-rata ta’ tiġdid għal dejn estern tal-intrapriżi għall-istituzzjonijiet prinċipali u għal dejn estern ta’ banek Rumeni mistennija tkun 50 % fl-2009. Għall-2010 u l-2011, hu preżunt li l-obbligi barranin kollha li jkunu se jiskadu se jiġġeddu għal 100 % f’konformità mal-istabbilizzazzjoni mistennija tas-suq finanzjarju u mal-bidu tal-irkupru fis-swieq kbar tal-esportazzjoni tar-Rumanija. Minbarra l-għan tar-riżervi tal-kambju estern għolja biżżejjed (ta’ aktar minn 100 % tad-dejn estern residwu fuq medda qasira ta’ żmien) saru suppożizzjonijiet konservattivi dwar ħruġ ieħor ta’ kapital bħal ħruġ ta’ depożiti ta’ dawk mhux residenti, tnaqqis fil-krediti kummerċjali kif ukoll ħruġ ta’ portafoll biex jiġu inkorporati protezzjonijiet addizzjonali fil-kalkoli,

5. L-awtoritajiet Rumeni talbu għajnuna finanzjarja sostanzjali lill-UE u lil istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra biex jappoġġjaw is-sostenibbiltà tal-bilanċ tal-ħlasijiet u jġibu r-riżervi tal-valuti internazzjonali f’livell prudenti,

6. Teżisti theddida serja għall-bilanċ tal-ħlasijiet tar-Rumanija li tiġġustifika l-għoti urġenti ta’ għajnuna reċiproka mill-Komunità.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Komunità għandha tagħti għajnuna reċiproka lir-Rumanija.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Li tagħti għajnuna finanzjarja tal-Komunità lir-Rumanija fuq medda medja ta’ żmien

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002[2] tat-18 ta’ Frar 2002, li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri, u partikolarment l-Artikolu 3(2),

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF),

Billi:

7. Permezz tad-Deċiżjoni [….] il-Kunsill iddeċieda li għandha tingħata għajnuna reċiproka lir-Rumanija.

8. Minkejja t-titjib mistenni fil-kont kurrenti, il-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern tar-Rumanija fil-perjodu sal-ewwel kwart tal-2011 huma stmati mill-Kummissjoni, mill-FMI u mill-awtoritajiet Rumeni f’Marzu 2009 għal EUR 20 biljun, billi fid-dawl tal-iżviluppi riċenti fis-swieq finanzjarji, il-kont finanzjarju u tal-kapital jista’ jiddeterjora sostanzjalment.

9. Jixraq li tingħata għajnuna Komunitarja lir-Rumanija ta’ massimu ta’ EUR 5 biljun skont il-Faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja fuq medda medja ta’ żmien għall-bilanċ tal-ħlasijiet tal-Istati Membri stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 332/2002. L-għajnuna għandha tingħata flimkien ma’ self mill-Fond Monetarju Internazzjonali ta’ SDR 11,40 biljun (madwar EUR 12,95 biljun) taħt arranġament stand-by li mistenni jiġi approvat fis-6 ta’ Mejju 2009. Il-Bank Dinji qabel ukoll li jipprovdi self lir-Rumanija ta’ EUR 1 biljun u l-BEI u l-BERŻ se jipprovdu total ta’ EUR 1 biljun ta’ appoġġ addizzjonali.

10. L-għajnuna Komunitarja għandha tiġi mmaniġġjata mill-Kummissjoni. Il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika miftiehma mal-awtoritajiet tar-Rumanija wara konsultazzjoni mal-KEF għadhom ikunu stipulati f’Memorandum ta’ Ftehim. It-termini finanzjarji dettaljati għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni fil-Ftehim dwar is-Self.

11. Il-Kummissjoni għandha tivverifika f’intervalli regolari li l-kundizzjonijijet ta’ politika ekonomika marbutin mal-għajnuna jiġu sodisfatti permezz ta’ missjonijiet u rappurtar regolari mill-awtoritajiet Rumeni.

12. Matul l-implimentazzjoni tal-programm, il-Kummissjoni se tipprovdi konsulenza politika addizzjonali kif ukoll għajnuna teknika f’oqsma speċifiċi.

13. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandu jkollha d-dritt li tagħmel kull kontroll jew verifika finanzjarja li hija tqis neċessarja fir-rigward tal-immaniġġjar ta’ din l-għajnuna. Il-Kummissjoni, inkluż l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, għandu jkollha d-dritt tibgħat l-uffiċjali tagħha jew rappreżentanti debitament awtorizzati biex iwettqu kontrolli jew verifiki tekniċi jew finanzjarji li tqis neċessarji fir-rigward tal-immaniġġjar tal-għajnuna finanzjarja Komunitarja fuq medda medja ta’ żmien.

14. B’mod parallel mal-kundizzjonalità tal-politika ta’ dan il-programm, il-Kummissjoni se tkompli wkoll tissorvelja l-progress fil-qasam tar-riforma ġudizzjarja u tiġġieled il-korruzzjoni skont il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika. It-tul ta’ żmien ta’ dan il-mekkaniżmu huwa indipendenti mit-tul tal-programm ta’ għajnuna. Minbarra l-kundizzjonalità tal-politika, il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-użu korrett tat-trasferimenti tal-UE qabel u wara l-adeżjoni, fost l-oħrajn permezz tal-evalwazzjonijiet ta’ konformità u r-reviżjonijiet regolari.

15. L-għajnuna għandha tingħata bil-ħsieb li tiġi appoġġjata s-sostenibbiltà tal-bilanċ tal-ħlasijiet fir-Rumanija u, b’dan il-mod, tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tajba tal-programm ta’ politika ekonomika tal-Gvern,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

16. Il-Komunità għandha tagħmel disponibbli self fuq medda medja ta’ żmien lir-Rumanija li jammonta għal massimu ta’ EUR 5 biljun, b’maturità medja massima ta’ seba’ snin.

17. L-għajnuna finanzjarja tal-Komunità għandha tkun disponibbli għal tliet snin, li jibdew mill-ewwel jum wara d-daħla fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

18. L-għajnuna għandha titmexxa mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-impenji tar-Rumanija u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, b’mod partikolari r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma kif ukoll il-programm ta’ konverġenza.

19. Il-Kummissjoni għandha taqbel mal-awtoritajiet tar-Rumanija, wara li tikkonsulta l-KEF, dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ politika ekonomika marbutin mal-għajnuna finanzjarja, kif stipulat fl-Artikolu 3(5). Dawk il-kundizzjonijiet għandhom jiġu stipulati f’Memorandum ta’ Ftehim konsistenti mal-impenji u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu (1). It-termini finanzjarji dettaljati għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni fil-Ftehim dwar is-Self.

20. Il-Kummissjoni għandha tivverifika f’intervalli regolari, f'kollaborazzjoni mal-KEF, li l-kundizzjonijijet ta’ politika ekonomika marbutin mal-għajnuna, jiġu sodisfatti. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet Rumeni għandhom ipoġġu kull tagħrif meħtieġ għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u jikkooperaw bis-sħiħ magħha. Il-KEF għandu jinżamm mgħarraf mill-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta’ rifinanzjament tas-self jew ir-ristrutturar tal-kundizzjonijiet finanzjarji.

4. Ir-Rumanija għandha tkun lesta tadotta u timplimenta miżuri addizzjonali ta' konsolidament biex tassigura l-istabbiltà makrofinanzjarja, jekk ikun il-każ li dawn il-miżuri jkunu neċessarji matul il-programm ta' għajnuna. L-awtoritajiet Rumeni għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni qabel jadottaw xi miżuri addizzjonali bħal dawn.

Artikolu 3

21. L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lir-Rumanija f'mhux iktar minn ħames ħlasijiet li d-daqs tagħhom għandu jiġi stipulat fil-Memorandum ta’ Ftehim.

22. L-ewwel ħlas għandu jiġi rilaxxat suġġett għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar is-Self u l-Memorandum ta’ Ftehim.

23. Jekk ikun meħtieġ sabiex jiġi ffinanzjat is-self, l-użu prudenti ta’ skambji tar-rata tal-interess ma’ kontropartijiet tal-ogħla kwalità ta’ kreditu, għandu jkun permess.

24. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx ta’ iktar ħlasijiet wara li tkun kisbet l-opinjoni tal-KEF.

25. Ir-rilaxx ta’ kull ħlas sussegwenti għandu jsir fuq il-bażi ta’ implimentazzjoni sodisfaċenti tal-programm ekonomiku l-ġdid tal-Gvern Rumen inkluż fil-Programm ta’ Konverġenza tar-Rumanija, fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ politika ekonomika stabbiliti fil-Memorandum ta’ Ftehim. Dawn għandhom jinkludu, inter alia ,

26. L-adozzjoni ta' programm fiskali ppjanat sewwa fuq medda medja ta' żmien imfassal biex inaqqas, sal-2011, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern għal mhux aktar mil-livell ta' referenza tat-Trattat ta' 3 % tal-PGD.

27. L-adozzjoni u t-twettiq ta’ baġit emendat għall-2009 (sat-tieni kwart tal-2009), li jimmira lejn żbilanċ ġenerali tal-gvern ta' mhux aktar minn 5,1 % tal-PGD fit-termini tal-ESA 95.

28. It-tnaqqis fin-nefqa fuq il-pagi fis-settur pubbliku f’termini nominali meta mqabbla mar-riżultat tal-2008 billi jitneħħew iż-żidiet fil-pagi tas-settur pubbliku (li jammontaw għal 5 fil-mija f’termini nominali) ippjanati għall-2009 (jew tnaqqis ulterjuri ekwivalenti fl-impjiegi) u billi jitnaqqsu l-impjiegi fis-settur pubbliku, inkluż billi jiġi sostitwit wieħed biss minn kull seba’ impjegati li jitilqu.

29. Restrizzjonijiet addizzjonali fl-infiq fuq oġġetti u servizzi u f’sussidji għall-impriżi pubbliċi.

30. It-titjib tal-immaniġġjar baġitarju bl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ qafas fiskali vinkolanti fuq medda medja ta’ żmien, u billi jiġu stabbiliti limiti fuq reviżjonijiet tal-baġit matul is-sena, inklużi r-regoli fiskali u jinħoloq kunsill fiskali li jipprovdi skrutinju indipendenti u espert.

31. Ir-riforma tas-sistema ta’ kumpens tas-settur pubbliku, inkluż billi jingħaqdu u jiġu simplifikati l-iskali tal-pagi u tiġi rriformata s-sistema tal-bonusijiet.

32. Ir-riforma ta’ parametri ewlenin tas-sistema tal-pensjonijiet permezz ta’ tqarrib lejn l-indiċjar tal-pensjonijiet fuq il-prezzijiet tal-konsumatur, minflok il-pagi, filwaqt li l-età tal-irtirar tkun aġġustata b’mod gradwali lil hinn mill-ftehim ippjanat, speċjalment għan-nisa, u l-parteċipazzjoni progressiva għall-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni ta’ gruppi ta’ impjegati pubbliċi li bħalissa jinsabu esklużi minn dawn il-kontribuzzjonijiet.

33. Jiġu emendati l-liġijiet bankarji u dawk dwar il-likwidazzjoni biex ikunu jistgħu jwieġbu b’mod effettiv u f’waqtu fil-każ ta’ bank fil-periklu. Għan ewlieni tal-emendi se jkun li jissaħħu s-setgħat tal-amministraturi tal-banek imqiegħda taħt amministrazzjoni speċjali. Lil hinn mir-riżoluzzjoni tal-bank, is-setgħat ta’ rimedju tal-NBR għandhom jissaħħu permezz ta’ dispożizzjonijiet li jippermettulu li jitlob li l-azzjonisti l-kbar iżidu l-kapital tal-ishma tagħhom u jappoġġjaw il-bank finanzjarjament, u li jipprojbixxu jew jillimitaw it-tqassim tal-profitti. Is-sorveljanza finanzjarja se tkun imsaħħa b’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. Barra minn hekk, se jiġu introdotti aktar rekwiżiti ta’ rappurtar dettaljat dwar il-likwidità u, fi żmien xieraq, il-livell minimu regolatorju tal-proporzjon ta’ adegwatezza tal-kapital għandu jiżdied minn 8 fil-mija għal 10 fil-mija. Barra minn hekk, proċeduri għall-attivazzjoni tal-assigurazzjoni tad-depożiti għandhom jiġu modifikati biex jissimplifikaw u jaċċelleraw il-pagamenti. Skont il-leġiżlazzjoni modifikata, l-assigurazzjoni tad-depożiti se tiġi attivata fuq deċiżjoni tal-NBR fi żmien 21 jum. Fl-aħħar nett, biex jiġi garantit forniment biżżejjed ta’ likwidità, l-NBR hu impenjat li jwessa’ l-firxa ta’ assi aċċettabbli bħala kollaterali.

34. Il-miżuri ta’ riforma strutturali fl-oqsma tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi maħruġa fil-kuntest tal-Istrateġija ta’ Liżbona. Dawn se jinkludu miżuri maħsuba biex itejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-amministrazzjoni pubblika, isaħħu l-kwalità tan-nefqa pubblika, l-użu tajjeb u l-assorbiment akbar tal-fondi tal-UE, inaqqsu l-piżijiet amministrattivi, fiskali u legali fuq in-negozju u jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat, u b’hekk iwessgħu l-bażi fiskali.

35. Biex tassigura l-implimentazzjoni mingħajr xkiel tal-kundizzjonalità tal-programm u biex taġġusta l-iżbilanċi b’mod sostenibbli, il-Kummissjoni se tipprovdi pariri u gwida kontinwi dwar ir-riformi fiskali, finanzjarji u strutturali.

36. Ir-Rumanija għandha tiftaħ kont speċjali mal-Bank Nazzjonali tar-Rumanija għall-immaniġġjar tal-għajnuna Komunitarja fuq medda medja ta' żmien.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Artikolu 5

Id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

DIKJARAZZJONI TAL-IMPATT BAĠITARJU

(cf. l-Artikolu 16 tar-Regoli Interni)

QASAM POLITIKU: TITOLU 01 – L-AFFARIJIET EKONOMIĊI U FINANZJARJI

ATTVITÀ: OPERAZZJONIJIET U STRUMENTI FINANZJARJI

TITOLU TAL-AZZJONI: GĦAJNUNA FINANZJARJA TAL-UE LIR-RUMANIJA FUQ MEDDA MEDJA TA’ ŻMIEN

1. L-ISEM TAL-PROPOSTA INTESTATURI TAL-BAĠIT IKKONĊERNATI U TITOLU

01 04 01 01 Garanzija tal-KE għas-self Komunitarju bħala appoġġ għall-bilanċ tal-pagamenti

2. BAŻI ĠURIDIKA:

L-Artikoli 119 KE u 308 KE; ir-Regolament tal-Kunsill Nru 332/2002 tat-18 ta’ Frar 2002

3. ĊIFRI GLOBALI GĦAS-SENA FINANZJARJA (F'EURO)

Din il-partita tikkostitwixxi l-istruttura għall-garanzija mogħtija mill-Unjoni Ewropea. Din għandha tippermetti lill-Kummissjoni l-manutenzjoni tad-dejn (prinċipali, interessi u spejjeż oħra) f’każ lid-debitur (ir-Rumanija) jonqos milli jħallas.

L-annotazzjoni baġitarja (“p.m.”) tirrifletti l-garanzija baġitarja li tiġi attivata biss fil-każ li l-garanzija effettivament tintuża. Normalment, ma jkunx mistenni li tintuża l-garanzija baġitarja.

3a – Sena kurrenti

Mhux applikabbli

CA |

Approprjazzjoni inizjali għas-sena finanzjarja (baġit) |

It-Trasferimenti |

Approprjazzjonijiet addizzjonali |

Approprjazzjoni totali |

Approprjazzjonijiet diġà mwarrba minn programm ta' ħidma ieħor |

Bilanċ disponibbli |

Ammont għall-azzjoni proposta |

3b - Trasferimenti

Mhux applikabbli

CA |

Trasferimenti 'l quddiem |

Approprjazzjonijiet diġà mwarrba minn programm ta' ħidma ieħor |

Bilanċ disponibbli |

Ammont għall-azzjoni proposta |

3c – Is-sena finanzjarja li jmiss

Mhux applikabbli

CA |

Approprjazzjoni inizjali għas-sena finanzjarja (baġit) | p.m. |

It-Trasferimenti |

Approprjazzjonijiet addizzjonali |

Approprjazzjoni totali |

Approprjazzjonijiet diġà mwarrba minn programm ta' ħidma ieħor |

Bilanċ disponibbli |

Ammont għall-azzjoni proposta | p.m. |

4. DESKRIZZJONI TAL-AZZJONI

L-għajnuna finanzjarja fuq medda medja ta' żmien li ġiet proposta biex tingħata lir-Rumanija (li għandha tiġi ffinanzjata mis-self Komunitarju fis-swieq kapitali internazzjonali) bl-ammont ta’ EUR 5 biljun. Dan se jingħata fil-kuntest ta’ pakkett ta’ finanzjament internazzjonali, u b'mod partikolari minn self mill-FMI ta’ SDR 11,40 biljun (madwar EUR 12,95 biljun) appoġġjat mill-faċilità stand-by. Il-Bank Dinji impenja total ta’ EUR 1 biljun, u l-BEI u l-BERŻ se jipprovdu wkoll total ta’ EUR 1 biljun. L-appoġġ finanzjarju Komunitarju lir-Rumanija fuq medda medja ta’ żmien huwa maħsub biex jappoġġja s-sostenibbiltà tal-bilanċ tal-ħlasijiet tar-Rumanija li hija mhedda serjament u b’hekk jappoġġja l-programm ekonomiku ġdid tal-gvern li jimmira, fost affarijiet oħra, li jerġa’ jrawwem il-fiduċja tal-investituri u jtaffi l-pressjoni li nħasset dan l-aħħar fis-swieq finanzjarji. Fl-istess waqt, din l-għajnuna se tikkontribwixxi għall-istabbilità finanzjarja li tmur lil hinn mill-pajjiż benefiċjarju fid-dawl tar-rabtiet internazzjonali importanti (inkluż dawk interbankarji). Il-pakkett ekonomiku ġdid appoġġjat hawnhekk jinkludi tnaqqis aċċellerat tal-iżbilanċ fil-perjodu bejn l-2009 u l-2011, li jnaqqas il-bżonn ta’ finanzjament tal-gvern. Fl-aħħar nett, l-għajnuna mmaniġġjata mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju hija mod kif jiġi żgurat li l-UE tibqa’ involuta mill-qrib fit-tfassil tal-politiki ekonomiċi fir-Rumanija u li dawk il-politiki jkunu konsistenti mal-impenji meħuda mir-Rumanija fil-kuntest tal-UE u r-rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma, kif ukoll il-programm ta’ konverġenza.

Fis-26 ta’ Marzu 2009, l-istituzzjonijiet prinċipali tad-disa’ l-akbar banek f’idejn il-barranin inkorporati fir-Rumanija impenjaw ruħhom b’mod konġunt li jżommu l-espożizzjonijiet globali tagħhom għar-Rumanija tul il-perjodu tal-programm, u qablu li jappoġġjaw is-sussidjarji Rumeni tagħhom biex jippreżervaw il-pożizzjoni finanzjarja tajba attwali tagħhom tul il-perjodu kollu tat-taqlib fis-suq u tat-tnaqqis ekonomiku. Flimkien mal-għajnuna mogħtija mill-Komunità, il-FMI, il-Bank Dinji, il-BEI u l-BERŻ, din id-dikjarazzjoni tisħaq fuq l-ambitu wiesa’ tal-appoġġ mogħti lill-awtoritajiet Rumeni.

Is-self tal-Komunità miġbura mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji bl-iskop li s-self jiġi estiż għar-Rumanija huma koperti mill-garanzija Komunitarja. L-ammont misluf inġabar mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji. Fil-prinċipju, l-ammont li għandu jiġi misluf lir-Rumanija jammonta għal EUR 5 biljun.

L-istruttura għall-garanzija mogħtija mill-Unjoni Ewropea se tippermetti lill-Kummissjoni twettaq manutenzjoni tad-dejn f’każ li r-Rumanija ma tkunx tista’ tħallsu.

Sabiex tonora l-obbligi tagħha, il-Kummissjoni tista’ tuża r-riżorsi ta’ likwidità tagħha stess biex tmantni d-dejn provviżorjament. F’dan il-każ, japplika l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunità (ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1).

5. METODU TA’ KALKOLU ADOTTAT

Ma japplikax.

6. SKEDA TAL-ĦLAS (F’EURO)

Ma japplikax.

Intestatura | Approprjazzjonijiet | Pagamenti |

Sena n | Sena n+1 | Sena n+2 | Sena n+3 | Snin finanzjarji sussegwenti |

Sena n |

Sena n+1 |

Sena n |

Sena n+1 |

Total |

[1] B’konformità mat-Termini ta’ Referenza dwar self mhux Komunitarju lill-Istati Membri tal-UE adottati mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) fid-29 ta’ Settembru 2008, dan sar permezz ta’ ittra tal-Ministru tal-Finanzi Gheorghe Pogea lill-Kummissarju Joaquin Almunia. Ittra simili nkitbet mill-Membru tal-KEF Stefan Nanu lil Odile Renaud Basso u Marco Buti, Segretarju u Membru tal-Kummissjoni fi ħdan il-KEF, rispettivament.

[2] ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1.

Top