EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0110

Prospetti għall-Aġenda ta' Doha għall-iżvilupp wara s-Seba' Konferenza ministerjali tad-WTO Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 16 ta' Diċembru 2009 dwar il-prospetti għall-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp wara s-Seba' Konferenza Ministerjali tad-WTO

ĠU C 286E, 22.10.2010, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 286/1


L-Erbgħa, 16 ta’ Diċembru 2009
Prospetti għall-Aġenda ta' Doha għall-iżvilupp wara s-Seba' Konferenza ministerjali tad-WTO

P7_TA(2009)0110

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2009 dwar il-prospetti għall-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp wara s-Seba' Konferenza Ministerjali tad-WTO

2010/C 286 E/01

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Kapitolu IV, Artikoli 36 (Prinċipji u Objettivi) u 37 (Impenji) tal-Ftehim GATT,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tal-14 ta' Novembru 2001,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Ħong Kong tad-WTO tat-18 ta' Diċembru 2005,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2006 dwar l-evalwazzjoni tar-Rawnd ta' Doha wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Ħong Kong (1),

wara li kkunsidra l-abbozz tal-pjanijiet dettaljati (jew “modalitajiet”) għal ftehim finali dwar il-kummerċ agrikolu u mhux agrikolu,

wara li kkunsidra l-impenn mill-mexxejja dinjija tal-G20 fis-samits riċenti li jżommu status quo u li ma jeħdux miżuri li jintroduċu ostakli għall-kummerċ u l-investiment u li jirrettifikaw kwalunkwe miżura bħal din immedjatament,

wara li kkunsidra d-diskors inawgurali minn Pascal Lamy waqt il-Forum Pubbliku tad-WTO fit-28 ta' Settembru 2009,

wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti u l-impenji li ħadu l-Istati Membri tal-UE biex tingħata għajnuna biex jiġu indirizzati l-ġuħ u l-faqar,

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2009 tad-WTO,

wara li kkunsidra s-sommarju tal-President tas-Seba' Konferenza Ministerjali tad-WTO tat-2 ta' Diċembru 2009,

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi r-Rawnd ta' Doha tnieda fl-2001 bl-għan li jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' kummerċ, jissaħħu r-regoli kummerċjali multilaterali, jiġu indirizzati l-iżbilanċi attwali fis-sistema kummerċjali u li l-iżvilupp sostenibbli jinqeda mill-kummerċ, b'enfasi fuq l-integrazzjoni ekonomika tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, speċjalment il-pajjiżi l-inqas żviluppati, konsegwenza tal-konvinzjoni li sistema multilaterali, ibbażata fuq regoli aktar ġusti u ekwi, tista' tikkontribwixxi biex ikun hemm kummerċ ġust u ħieles li jaqdi l-iżvilupp tal-kontinenti kollha,

B.

billi d-Dikjarazzjoni ta' Doha terġa' tafferma l-impenn li jingħata trattament speċjali u divrenzjat għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni inugwali tagħhom,

C.

billi t-Taħditiet Ministerjali tad-WTO biex ikun konkluż ir-Rawnd ta' Doha sabu ruħhom f'impass fl-aħħar ta' Lulju 2008,

D.

billi l-kummerċ internazzjonali ġie affettwat b'mod partikolarment qawwi mill-kriżi ekonomika, filwaqt li l-flussi kummerċjali naqsu saħansitra b'mod aktar sinifikanti mill-produzzjoni globali,

E.

billi jekk ikun hemm titjib fir-regoli tad-WTO dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u dwar kwistjonijiet oħrajn relatati mal-kummerċ, dan ikun vantaġġuż għall-membri kollha tad-WTO minħabba li titjieb iċ-ċertezza legali, jonqsu l-ispejjeż ta' tranżazzjonijiet kummerċjali u jiġi evitat l-abbuż,

F.

billi s-Seba' Konferenza Ministerjali tad-WTO, li saret f'Ġinevra bejn it-30 ta' Novembru u t-2 ta' Diċembru 2009, enfasizzat l-importanza kbira tal-kummerċ u tar-Rawnd ta' Doha għall-irkupru ekonomiku u għat-tnaqqis tal-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

G.

billi l-isem “Unjoni Ewropea” ntuża għall-ewwel darba fid-WTO fis-sessjoni ta' ħidma tal-1 ta' Diċembru 2009 waqt is-Seba' Konferenza Ministerjali, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona,

1.

Itenni l-impenn tiegħu favur is-sistema ta' kummerċ multilaterali u d-WTO bħala l-organizzazzjoni li tiggarantixxi sistema kummerċjali bbażata fuq ir-regoli; jemmen li d-WTO għandha rwol ċentrali biex jiġi żgurat li jkun hemm ġestjoni aħjar tal-globalizzazzjoni u tqassim aktar ġust tal-benefiċċji tagħha;

2.

Huwa tal-fehma li, fil-kriżi ekonomika attwali, ir-regoli u l-impenji tad-WTO impedixxew b'mod sostanzjali li l-Istati Membri jirrikorru għal miżuri li jirrestrinġu l-kummerċ, filwaqt li ppermettew li jkun hemm flessibilità fl-adozzjoni ta' miżuri għall-irkupru ekonomiku;

3.

Iħeġġeġ lill-Membri tad-WTO biex jibqgħu impenjati b'mod attiv kontra l-protezzjoniżmu fir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali u l-ftehimiet futuri kollha tagħhom;

L-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA)

4.

Jerġa' jafferma l-appoġġ qawwi tiegħi li l-iżvilupp jitpoġġa fil-qalba tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp u jistieden lill-Membri tad-WTO sabiex iwettqu l-għanijiet ambizzjużi stipulati fid-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha tal-2001 sabiex jiżguraw li ċ-ċiklu kummerċjali attwali jkun ċiklu ta' żvilupp u li jikkontribwixxi għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti;

5.

Jemmen li, sabiex jiġi ssodisfat kompletament l-impenn li jiġi konkluż ċiklu dwar l-iżvilupp, il-pajjiżi żviluppati jridu jevitaw li jfittxu li jintlaħqu għanijiet ta' negozjar li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-għanijiet ta' żvilupp taċ-ċiklu; huwa wkoll tal-fehma li l-pajjiżi emerġenti jridu jiżguraw ukoll li l-għanijiet ta' żvilupp tagħhom ma jkunux ta' ħsara għal dawk ta' pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw, b'mod partikulari l-pajjiżi l-anqas żviluppati;

6.

Jirrikonoxxi l-progress li sar fl-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp mill-Konferenza Ministerjali ta' Ħong Kong “l hawn; jinnota l-impenn muri matul is-Seba” Konferenza Ministerjali f'Ġinevra, li ma kinitx tirrigwarda n-negozjati dwar id-DDA;

7.

Jappoġġja b'mod qawwi l-konklużjoni tad-DDA fuq il-bażi ta' riżultat komprensiv, ambizzjuż u bbilanċjat tan-negozjati, għall-benefiċċju kemm tat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp madwar id-dinja kollha, kif ukoll tal-kredibilità tas-sistema kummerċjali multilaterali; jemmen li konklużjoni b'suċċess tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp tista' tkun parametru importanti biex jiġi stimulat l-irkupru ekonomiku madwar id-dinja kollha wara l-kriżi finanzjarja u ekonomika;

8.

Iħeġġeġ lill-ekonomiji emerġenti sabiex jerfgħu r-responsabilità tagħhom bħala protagonisti ekonomiċi globali u jagħtu konċessjonijiet paragunabbli mal-livell tagħhom ta' żvilupp u kompetittività (settorjali); jenfasizza l-importanza tal-kummerċ kemm Tramuntana-Nofsinhar kif ukoll dak Nofsinhar-Nofsinhar;

9.

Jitlob lill-pajjiżi żviluppati u lill-ekonomiji emerġenti biex isegwu l-inizjattiva Kollox barra l-Armi tal-UE, li toffri aċċess għas-suq 100 % mingħajr dazju u mingħajr kwoti għall-LCDs; jenfasizza anki l-importanza ta' qafas imsaħħaħ għall-Għajnuna għall-Kummerċ;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem biex tilħaq l-objettivi mfissra fil-mandat għan-negozjar fir-rigward tal-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-aċċess għas-suq għall-prodotti u s-servizzi industrijali u l-akkwist pubbliku kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dak li qed jiżviluppaw, u r-rekwiżiti minimi għal standards ambjentali u soċjali;

11.

Iħeġġeġ lill-UE sabiex tkun minn ta' quddiem fil-promozzjoni tal-progress tanġibbli fin-negozjati tad-WTO li għaddejjin bħalissa sabiex jiġi konkluż iċ-Ċiklu ta' Doha, kif ukoll sabiex tkun faċilitata l-parteċipazzjoni sħiħa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tal-LDCs fil-kummerċ dinji, billi sservi ta' pont bejn id-diversi pożizzjonijiet tal-membri tad-WTO;

Agrikoltura

12.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkonforma b'mod strett mal-mandat għan-negozjar mogħti lilha mill-Kunsill, li jiffissa r-riforma tal-PAK li tlestiet diġà bħala l-limitu għall-azzjoni tagħha, sakemm jinkisbu konċessjonijiet ekwivalenti mill-imsieħba kummerċjali tagħha, u sabiex tiddefendi bil-qawwa l-pożizzjoni tal-UE dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-ftehim dwar il-banana li wasal biex ikun konkluż, biex tiżgura ċ-ċertezza legali vera għall-produtturi Komunitarji u tal-ACP, kif ukoll biex tiżgura li jitqiesu l-konsegwenzi finanzjarji ta' dan il-ftehim;

14.

Ifakkar fl-impenn tal-Membri tad-WTO matul il-Konferenza Ministerjali ta' Ħong Kong sabiex tinkiseb it-tneħħija parallela tal-forom kollha ta' sussidji għall-esportazzjoni kif ukoll tal-kontrolli rigward il-miżuri kollha għall-esportazzjoni b'effett ekwivalenti;

15.

Jistieden lill-pajjiżi żviluppati u lill-ekonomiji emerġenti biex jiżguraw li l-ftehim jagħti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw l-użu tal-għodda politika li għandhom bżonn biex jiddefendu u jiżviluppaw is-settur agrikolu tagħhom u l-produzzjoni alimentari lokali tagħhom, biex jgħollu l-istandards tal-għajxien rurali u biex isaħħu s-sigurtà tal-ikel (i.e. aċċess univerali għal livelli xierqa ta' ikel bi prezzijiet għall-but ta' kulħadd); jitlob għalekk li fil-ftehim jiġu inklużi dispożizzjonijiet ċari għal trattament speċjali u divrenzjat, speċjalment fir-rigward ta' prodotti speċjali u mekkaniżmi ta' salvagwardja speċifiċi;

L-Aċċess għas-Suq ta' Prodotti Mhux Agrikoli (NAMA)

16.

Jitlob li jkun hemm riżultati ambizzjużi fin-negozjati dwar l-aċċess għas-suq mhux agrikolu, li jiggarantixxu opportunitajiet reali ġodda ta' aċċess għas-suq, permezz ta' tnaqqis sostanzjali fir-rati applikati, filwaqt li jippermettu trattament speċjali u divrenzjat; jiffavorixxi t-twettiq ta' inizjattivi settorjali f'oqsma ta' interess mil-lat tal-esportazzjoni għall-UE;

Servizzi

17.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm pożizzjoni soda ta' negozjar immirata lejn aċċess għas-suq ġenwinament imsaħħaħ għall-prodotti u s-servizzi Ewropej kemm fl-ekonomiji żviluppati kif ukoll f'dawk emerġenti;

18.

Jitlob, li jittieħdu passi biex jiġi żgurat li l-ftehimiet kummerċjali fis-settur tas-servizzi finanzjarji jinkludu miżuri li jiżguraw ir-rispett tal-għanijiet tal-komunità internazzjonali u tal-G20 biex jiġu regolati dawn is-servizzi u, b'mod partikulari, biex jiġu evitati t-toqob suwed u l-evażjoni fiskali;

19.

Jitlob li jkun hemm intensifikazzjoni tat-taħditiet fil-qasam tas-servizzi lejn liberalizzazzjoni ulterjuri tas-servizzi b'mod ġenerali, filwaqt li jinżammu l-objettivi tal-politika nazzjonali tal-membri tad-WTO u d-dritt tagħhom li jirregolaw is-servizzi pubbliċi;

Riforma tad-WTO

20.

Jinnota li hija meħtieġa riflessjoni dwar riforma istituzzjonali tad-WTO, imfassla sabiex jitjieb l-operat tagħha kif ukoll il-leġittimità demokratika u r-responsabilità diretta tagħha; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza ta' dimensjoni parlamentari għad-WTO; jistieden lill-Kummissjoni biex ikollha rwol attiv fir-riforma istituzzjonali futura tad-WTO u fil-promozzjoni ta' assemblea parlamentari tad-WTO;

21.

Jemmen li hemm bżonn li d-WTO tindirizza b'mod aktar effikaċi r-rabtiet bejn il-kummerċ u l-isfidi globali l-ġodda, bħat-tibdil fil-klima, is-sigurtà u s-sovranità tal-ikel u kundizzjonijiet ta' xogħol diċenti;

22.

Jitlob li jkun hemm koperazzjoni msaħħa bejn id-WTO u organizzazzjonijiet u entitajiet internazzjonali oħrajn bħall-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp (UNDP) u l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD), sabiex jiġi żgurat appoġġ reċiproku u konsistenza bejn l-interessi kummerċjali u dawk mhux kummerċjali; f'dan il-kuntest jappoġġja sforzi li jkollhom l-għan li jiġu adottati standards internazzjonali u koperazzjoni regolatorja;

23.

Jappoġġja t-tisħiħ tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles bilaterali u reġjonali (WTO-plus) eżistenti u l-konklużjoni ta' oħrajn ġodda, bħala kumpliment għall-qafas multilaterali;

It-Trattat ta' Lisbona

24.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinvolvi mill-qrib lill-Parlament fin-negozjati li għaddejjin attwalment; jindika, għaldaqstant, il-bżonn li l-Ftehim ta' Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kummissjoni jerġa' jiġi nnegozjat sabiex jirrifletti d-dispożizzjonijiet kummerċjali tat-Trattat ta' Lisbona, li permezz tagħhom il-politika kummerċjali tal-UE trid tiġi suġġetta għal skrutinju demokratiku aktar rigoruż; għandu l-ħsieb, li jirrevedi dak il-Ftehim sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlament fin-negozjati kummerċjali internazzjonali tal-UE, biex, b'mod partikulari, jiġi żgurat li:

(a)

il-Parlament jiġi mgħarraf, qabel ma jinfetħu n-negozjati, dwar il-bażi legali magħżula,

(b)

fil-każ ta' talba formali mill-Parlament, il-Kunsill jaqbel li ma jawtorizzax il-ftuħ tan-negozjati sakemm il-Parlament ma jkunx stqarr, fuq il-bażi ta' rapport mill-kumitat responsabbli, il-pożizzjoni tiegħu dwar il-mandat ta' negozjar propost,

(c)

il-Parlament jingħata tagħrif regolari, f'waqtu u sħiħ tul in-negozjati kummerċjali bilaterali u multilaterali kollha,

(d)

jekk, fi kwalunkwe stadju tan-negozjati, il-Parlament jadotta rakkomandazzjonijiet dwar it-tmexxija tan-negozjati, il-Kummissjoni tqis l-opinjoni tal-Parlament qabel ma tikkonkludi ftehim,

(e)

jitwaqqaf u jintuża inventarju interistituzzjonali li jinkorpora d-dokumenti kollha li l-Kummissjoni tipprovdi lill-kumitat speċjali previst fl-Artikolu 207(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

*

* *

25.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lid-Direttur Ġenerali tad-WTO.


(1)  ĠU C 293 E, 2.12.2006, p.155.


Top