EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0617

Rapport mill-Kummissjoni - L-20 Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-fondi strutturali (2008) [SEG(2009) 1495]

/* KUMM/2009/0617 finali */

52009DC0617




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.10.2009

KUMM(2009)617 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

L-20 RAPPORT ANNWALI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONITAL-FONDI STRUTTURALI (2008) [SEG(2009) 1495]

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Analiżi tal-Implimentazzjoni 4

3. Konsistenza u Koordinazzjoni 8

4. Valutazzjonijiet 10

5. Kontrolli 10

6. Kumitati li Jgħinu lill-Kummissjoni 14

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

L-20 RAPPORT ANNWALI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONITAL-FONDI STRUTTURALI (2008)

Dan ir-rapport huwa ppreżentat b'konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali. Huwa jkopri l-attivitajiet marbuta mal-għajnuna tal-Fondi Strutturali 2000-2006 matul l-2008.

Aktar tagħrif dettaljat hu disponibbli fid-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni (anness ma' dan ir-rapport).

1. Introduzzjoni

L-2008 kienet id-disa' sena li fiha l-programmi u l-proġetti tal-Fondi Strutturali għall-perjodu ta' programmar 2000-2006 kienu implimentati. B’kollox ġew immaniġġjati 718-il programm[1] fl-2008.

Flimkien mal-implimentazzjoni tal-programmi u l-proġetti ta’ Fondi Strutturali 2000-2006 u t-tħejjija tal-għeluq tagħhom, il-Kummissjoni kienet involuta bis-sħiħ fl-ippjanar u l-ipprogrammar ta’ 434 programm ((317 FEŻR, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali), 117 FSE, il-Fond Soċjali Ewropew)[2] għall-perjodu 2007-2013 fl-2008.

Tkomplew l-isforzi għat-titjib tal-kwalità tal-programmi u l-proġetti kofinanzjati mill-Fondi Strutturali, għan li jkopri wkoll amministrazzjoni finanzjarja kredibbli tal-programmi. Il-mudell ta' sħubija, amministrazzjoni finanzjarja, kontroll u valutazzjoni aħjar taw riżultati ta’ kwalità għolja ħafna u wasslu għal tmexxija tajba tal-programmi u l-proġetti kofinanzjati.

Il-valutazzjoni ex post tal-programmi tal-Objettivi 1 u 2 għall-2000-2006 hija mistennija li titlesta sa tmiem l-2009. Huwa ppjanat li l-valutazzjoni ex post għall-programmi tal-FSE tiġi ffinalizzata sal-bidu tal-2010. Barra minn hekk, il-valutazzjonijiet ex post għall-inizjattivi Komunitarji URBAN u INTERREG tnedew ukoll fl-2008. Il-valutazzjoni ex post tal-Inizjattiva Komunitarja EQUAL tnediet fil-bidu tal-2009. Fir-rigward tal-iSFGS (Strument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd), l-għoti tal-kuntratti tal-valutazzjonijiet ex post tnieda fi tmiem l-2008.

L-iskambju tal-esperjenza ġiet promossa, notevolment permezz ta’ netwerks interreġjonali u urbani u l-konferenza "Reġjuni għal Bidla Ekonomika" fi Frar 2008, fejn għall-ewwel darba l-proġetti ta’ innovazzjoni ta’ prassi tajba ġew ippremjati bir-“RegioStars”.

Bħala l-akbar avveniment li qatt ġie organizzat fir-rigward tal-Politika ta' Koeżjoni, inżammu l-ĠRANET MIFTUĦA GĦALL-PUBBLIKU tal-“Ġimgħa Ewropea tar-reġjuni u l-ibliet”, flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni u ma’ 216-il reġjun u belt madwar l-UE bit-titolu “Reġjuni u bliet f’dinja ta’ sfidi”.

Kemm il-Presidenza Slovena kif ukoll dik Franċiża rrikonoxxew l-importanza tal-FSE permezz tal-organizzazzjoni ta’ konferenzi ta’ livell għoli, prinċipalment waħda f’Maribor f’Ġunju 2008 u waħda f’Le Havre f’Settembru 2008.

2. Analiżi tal-Implimentazzjoni

2.1. L-Implimentazzjoni tal-Baġit

2.1.1. L-FEŻR

L-2008 kienet sena tajba fir-rigward tal-eżekuzzjoni baġitarja minkejja l-klima ekonomika li marret għall-agħar. Ir-rata ġenerali ta’ eżekuzzjoni għall-ħlasijiet laħqet id-99,9 % (l-istess riżultat bħal fl-2007 u l-2006) b’EUR 15,1 biljun li tħallsu lill-Istati Membri għall-programmi u l-proġetti reġjonali. Il-livell ta’ eżekuzzjoni ta’ approprjazzjonijiet ta’ ħlasijiet kien ogħla milli inizjalment previst għal-Objettivi kollha. Intefqu EUR 11,5 biljun fuq l-Objettiv 1, EUR 2,4 biljun fuq l-Objettiv 2, EUR 1 biljun fuq l-INTERREG III u EUR 0,2 biljun fuq programmi oħra (Urban, Innovative Actions, Peace).

L-eżekuzzjoni fl-2008 tal-perjodu 2000-2006 qabżet il-previżjonijiet inizjali (ta’ EUR 15,1 biljun imħallsa minflok id-EUR 9,2 biljun ibbaġitjati). Fi tmiem l-2008, l-impenji minn snin preċedenti li għalihom kienu għad iridu jsiru l-ħlasijiet (RAL) ammontaw għal EUR 12,6 biljun meta mqabbla ma’ EUR 27,7 biljun fi tmiem l-2007. Dan jirrappreżenta 9,7 % tal-impenji totali għall-perjodu 2000-2006 u huwa ekwivalenti għal seba’ xhur ta' impenji fuq il-bażi ta' medja ta' EUR 20 biljun li qed jitħallsu kull sena.

Fl-2008, l-hekk imsejħa regola "n+2" ma kinetx tapplika għall-porzjon ta’ impenji tal-2006. Minflok, l-ammont totali li għandu jiġi rrilaxxat skont ir-regola "n+2" għall-perjodu ta’ pprogrammar 2000-2006 se jiġi ffinalizzat fl-għeluq tal-programmi operattivi.

Għall-perjodu kollu, tħallsu EUR 118-il biljun lill-Istati Membri fi tmiem l-2008. Dan jirrappreżenta rata ta’ assorbiment għall-Istati Membri ta’ 91 % mill-EUR 129,4 biljun tal-allokazzjoni ġenerali.

Fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u l-Pakkett ta’ Rkupru propost mill-Kummissjoni, ingħatat estensjoni ta’ sitt xhur (jew ta’ 12-il xahar) fuq bażi ta’ programm bi programm għall-Istati Membri li jagħmlu din l-għażla. Mit-379 programm għall-perjodu 2000-2006, 281 (jew 74 %) b’90 % mill-fondi tal-FEŻR għażlu li jestendu d-dati ta’ eliġibbiltà tagħhom.

2.1.2. L-FSE

Fir-rigward ta’ eżekuzzjoni baġitarja, l-2008 kienet sena ta’ sodisfazzjon għall-FSE minkejja ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali minħabba fil-kriżi ekonomika u finanzjarja.

F’dak li jikkonċerna l-perjodu ta’ pprogrammar 2000-2006, il-konsum ta’ krediti ta’ ħlas matul l-2008 laħaq is-EUR 6,394 biljun li jikkorrispondi għal 98 % tal-allokazzjoni ta’ krediti ta’ ħlas annwali. Il-konsum tal-2008 skont l-objettiv ivarja minn 90,91 % tal-krediti ta’ ħlasijiet annwali għall-Objettiv 2 għal 100 % għall-Objettiv 1.

It-total tal-ħlasijiet pendenti fi tmiem l-2008 kien ta’ EUR 6,4 biljun (meta mqabbla ma’ EUR 12,9 biljun għall-2007). Dan jirrappreżenta 9,3 % tal-impenji totali għall-perjodu 2000-2006.

Fl-2008, l-hekk imsejħa regola "n+2" ma kinetx tapplika. L-ammont totali li għandu jiġi rrilaxxat skont ir-regola "n+2" għall-perjodu ta’ pprogrammar 2000-2006 se jiġi ffinalizzat fl-għeluq tal-programmi operattivi.

Għall-perjodu kollu, tħallsu EUR 62,2 biljun (90,7 % tal-allokazzjoni ġenerali) lill-Istati Membri fi tmiem l-2008.

F’konformità mal-qafas regolatorju, il-ħlasijiet għall-perjodu 2000-2006 jkunu jistgħu jkomplu sa tmiem l-2008. Madankollu, fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u l-pakkett ta’ rkupru propost mill-Kummissjoni, ingħatat estensjoni ta’ sitt xhur (jew ta’ 12-il xahar) fuq bażi ta’ programm bi programm għall-Istati Membri li jagħmlu din l-għażla. Mill-91 programm fejn id-DĠ EMPL huwa x-“chef de file”, 68 (jew 75 %) għażlu li jestendu d-dati ta’ eliġibbiltà tagħhom.

2.1.3. L-FAEGG (il-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija)

L-ammont totali mħallas għall-2008 mit-Taqsima tal-Gwida tal-FAEGG kien ta’ EUR 2,0 biljun. Ir-rata ta’ eżekuzzjoni finanzjarja tal-ħlasijiet ta’ approprjazzjonijiet tal-FAEGG għall-programmi tal-iżvilupp rurali għall-perjodu 2000-2006 laħqet is-97,2 % (meta wieħed jikkalkola l-fondi kollha Komunitarji disponibbli fuq il-linji baġitarji tal-FAEGG, inkluż ammont ta' EUR 0,19 biljun ttrasferiti fi tmiem l-2008 minn linji baġitarji oħra mhux relatati mal-Fondi Strutturali). Jekk ir-rata ta’ eżekuzzjoni kellha tiġi kkalkolata bl-użu tal-baġit inizjali għall-approprjazzjonijiet tal-ħlasijiet, ir-rata ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tilħaq il-100 %.

Fl-2008 ma kien hemm l-ebda impenji għall-programmi ta’ żvilupp rurali relatati mal-perjodu 2000-2006, għajr ammont ta’ EUR 0,14 miljun li jikkonċerna programm wieħed.

Fi tmiem l-2008, l-impenji minn snin preċedenti li għalihom kienu għad iridu jsiru l-ħlasijiet (RAL) ammontaw għal EUR 1,8 biljun, meta mqabbla ma’ EUR 3,9 biljun fl-2007.

Kif intqal hawn fuq, is-sena 2006 kienet l-aħħar fil-perjodu ta’ programmar u għalhekk ir-regola "n+2" fir-rigward ta’ rilaxx ta’ impenji ma ġietx applikata fl-2008. L-ammont ta’ kwalunkwe rilaxx ta’ impenji bħal dawn jiġi kkalkolat fl-aħħar f'konformità mal-linjigwida tal-Kummissjoni mal-għeluq tal-programmi 2000-2006.

2.1.4. L-iSFGS

L-implimentazzjoni baġitarja fl-2008 kienet sodisfaċenti ħafna. Ir-rata ġenerali ta’ eżekuzzjoni għall-ħlasijiet kienet ta' 97,8 %, bi EUR 320 miljun li tħallsu lill-Istati Membri. Fir-rigward tal-livell ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet tal-ħlasijiet, tħallsu EUR 195,7 miljun għall-Objettiv 1 u EUR 124,3 miljun barra l-Objettiv 1. L-eżekuzzjoni 2008 għall-perjodu 2000-2006 hija ta’ EUR 320 miljun meta mqabbla mat-tbassir inizjali ta’ EUR 269 miljun.

Ir-RAL totali għall-iSFGS fi tmiem is-sena 2008 laħaq l-EUR 449,3 miljun (meta mqabbla ma’ EUR 812,5 miljun fl-2007). Dan jirrappreżenta 11,3 % tal-impenji totali għall-perjodu 2000-2006.

Għall-perjodu kollu, tħallsu EUR 3 515,2 miljun lill-Istati Membri sa tmiem l-2008. Dan jirrappreżenta rata ta’ assorbiment għall-Istati Membri kollha ta’ 89,3 % mit-EUR 3 935,8 miljun tal-allokazzjoni ġenerali.

2.2. L-Implimentazzjoni tal-Programm

2.2.1. L-Objettiv 1

Il-programmi tal-Objettiv 1 ikkonċentraw fuq proġetti ta' infrastruttura bażika (41,4 %), b’aktar min-nofs tal-investiment kollu f'din il-kategorija li ntefaq fuq l-infrastruttura tat-trasport (51,9 %). Aktar minn terz (33,3 %) tar-riżorsi tal-Objettiv 1 ġew investiti fl-ambjent produttiv, fejn l-attenzjoni tibqa’ fuq l-għajnuna lill-SMEs u lis-settur tas-snajja’ (28,3 %). Il-proġetti mmirati lejn ir-riżorsi umani ħadu 23,2 % tar-riżorsi fir-reġjuni tal-Objettiv 1. L-oqsma ewlenin ta’ għajnuna f’dan il-qasam huma mqassma kważi b’mod indaqs bejn il-linji politiċi tas-suq tax-xogħol (31,3 %) u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (30,9 %).

2.2.2. L-Objettiv 2

L-attenzjoni ewlenija tal-programmi għar-reġjuni fl-Objettiv 2 tibqa’ fuq l-ambjent produttiv, b’aktar minn nofs ir-riżorsi finanzjarji kollha ddedikati għal din il-kategorija (55,5 %). F'dan il-qasam, l-għajnuna lill-SMEs u lis-settur tas-snajja’ hija l-aktar intervent dominanti (55,8 %). It-tieni qasam l-aktar appoġġjat huwa l-infrastruttura bażika, b'29,7 % tar-riżorsi kollha tal-Objettiv 2. Għall-kuntrarju tal-programmi tal-Objettiv 1, l-aktar oqsma importanti f'termini finanzjarji huma l-ippjanar u r-rijabilitazzjoni taż-żoni (45,4 %). Fil-kategorija tar-riżorsi umani (10,2 % tal-investiment kollu fir-reġjuni tal-Objettiv 2), il-flessibilità tal-forza tax-xogħol, l-attività intraprenditorjali, l-innovazzjoni, l-informazzjoni u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni huma l-oqsma ewlenin ta' investiment (30,5 %).

2.2.3. L-Objettiv 3

L-implimentazzjoni tal-programm tal-FSE fl-2008 kompliet tiffoka fuq il-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi, b'mod partikolari fuq il-miżuri mmirati lejn it-titjib tal-impjegabbiltà fis-suq tax-xogħol (31,3 %), it-tagħlim tul il-ħajja (l-azzjonijiet li jiżviluppaw it-taħriġ edukazzjonali u vokazzjonali kienu jirrappreżentaw 22,3 % tan-nefqa), l-inklużjoni soċjali (20,7 %) u l-opportunitajiet indaqs (6,4 %). Kien għad hemm differenza kbira fl-implimentazzjoni konkreta ta' programmi kif imkejla mill-implimentazzjoni finanzjarja, bejn l-UE15, fejn programmi li ilhom stabbiliti komplew jiġu implimentati, u l-UE10, fejn xi Stati Membri qed jesperjenzaw diffikultajiet konsiderevoli fit-twettiq ta' ċerti proġetti u miżuri.

2.2.4. Is-sajd barra mill-Objettiv 1

In-nefqa tal-programmi tal-iSFGS barra l-Objettiv 1 kienet tiffoka fuq l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq (25,2 %). It-tieni miżura l-aktar importanti kienet l-operazzjonijiet mill-membri tal-kummerċ (15,4 %) segwita mill-akkwakultura (12,4 %). In-nefqa li marret għar-rimi kienet tammonta għal 11 % fl-2008.

2.2.5. Inizjattivi Komunitarji

2.2.5.1. INTERREG

Sa tmiem l-2008, il-81 programm tal-INTERREG III jew dawk marbuta mal-viċinat kienu għażlu madwar 15 000 proġett u netwerk bil-għan li jnaqqsu l-effetti tal-fruntieri nazzjonali, l-ostakli lingwistiċi u d-differenzi kulturali u jiżviluppaw żoni qrib il-fruntiera, waqt li jappoġġjaw l-iżvilupp strateġiku u l-integrazzjoni territorjali f'żoni akbar tal-Unjoni u integrazzjoni aħjar mal-ġirien tagħha. L-effikaċja tal-linji politiċi u tal-istrumenti ta’ żvilupp reġjonali ġiet ukoll sostnuta permezz tal-qsim tal-aħjar prassi u l-iskambju ta' esperjenza.

Fl-2008, l-implimentazzjoni tal-81 programm tal-INTERREG III jew dawk marbuta mal-viċinat kompliet tagħmel progress stabbli b’rata ta’ eżekuzzjoni ta’ ħlasijiet ta' 85 %. Minħabba n-natura aktar speċifika u diffikultuża tal-programmi u l-proġetti ta' kooperazzjoni, ir-rilaxxi ta’ impenji minħabba r-regola "n+2" ma setgħux jiġu evitati għal xi programmi, li jirrappreżentaw ammont globali ta’EUR 3,74 miljuni fi rkupri.

2.2.5.2. EQUAL

IL-programmi tal-Inizjattiva Komunitarja EQUAL kienu amministrattivament magħluqa fil-parti l-kbira tal-Istati Membri. Ftit biss talbu għal estensjoni tad-data finali tal-eliġibbiltà sal-2009 biex jiksbu rata ogħla ta' assorbiment u biex jissuktaw bl-azzjonijiet għall-integrazzjoni.

Il-parti l-kbira tal-Istati Membri ffukaw l-azzjonijiet tagħhom skont l-EQUAL fuq il-konsolidazzjoni, id-dokumentazzjoni u s-sintesizzar tar-riżultati tal-proġetti, fuq azzjonijiet ta’ disseminazzjoni bħall-konferenzi finali dwar it-tagħlim miksub kif ukoll fuq l-integrazzjoni tal- acquis tal-EQUAL u fuq l-istrateġija għall-Programmi Operattivi tal-FSE 2007-2013, eż. permezz tat-trasferiment tal-istaff, it-tkomplija ta’ netwerks tematiċi nazzjonali, l-iffinanzjar ta’ proġetti transnazzjonali u innovattivi jew l-impenn għal sehem attiv fin-netwerks ta’ tagħlim tal-maniġers tal-FSE.

2.2.5.3. URBAN

Il-ħidma tkompliet fl-2008 fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-71 programm operattiv li jimplimentaw l-Inizjattiva Komunitarja tal-URBAN permezz ta’ rapporti annwali, kumitati ta’ monitoraġġ u laqgħat annwali. Il-ħidma fl-amministrazzjoni tal-programm URBACT I tkompliet ukoll permezz ta’ kumitati ta’ monitoraġġ, proċeduri ta’ rappurtar u segwiment mill-qrib taż-żewġ Fast Track Netwerks bi Prova. Il-programm URBACT II huwa wkoll wieħed mill-istrumenti ewlenin tar-Reġjuni għall-inizjattiva għall-Bidla Ekonomika, li jimmira lejn implimentazzjoni aktar mgħaġġla tal-aħjar prassi u tal-kunċetti innovattivi.

2.2.5.4. LEADER+

L-Inizjattiva Komunitarja LEADER+ hija magħmula minn tliet azzjonijiet: l-implimentazzjoni ta’ strateġiji lokali ta' żvilupp permezz ta’ sħubija pubblika u privata, kooperazzjoni bejn territorji rurali u netwerking. Ġew approvati 73 programm tal-Leader+ għall-UE 15 għall-perjodu 2000-2006. L-Istati Membri li ssieħbu fl-UE dan l-aħħar kellhom l-għażla li jintegraw miżuri tat-tip Leader+ fil-programmi tagħhom tal-FAEGG tal-Objettiv 1.

Il-parti l-kbira tan-Netwerks Nazzjonali tal-Leader+ temmew l-attività tagħhom fl-2008. L-attività prinċipali fi tmiem il-perjodu ta’ programmar kienet it-tixrid u t-trasferiment tat-teknika. Fl-2008, l-Osservatorju Ewropew tal-Leader+ ħareġ it-tieni u t-tielet pubblikazzjoni li kienu jirppreżentaw total ta’ 50 eżempju ta’ prassi tajba.

2.2.6. Azzjonijiet innovattivi

2.2.6.1. L-FEŻR

Id-DĠ għall-Politika Reġjonali mexxa wkoll 181 Programm Reġjonali ta’ Azzjonijiet Innovattivi (124 ingħalqu sal-31 ta’ Diċembru 2008, li minnhom 39 ingħalqu matul is-sena 2008) li jgħinu fil-promozzjoni ta' innovazzjoni strateġika fir-reġjuni, billi jesperimentaw b'metodi u prassi innovattivi maħsuba biex itejbu l-livell ta’ innovazzjoni u l-kwalità tal-għajnuna tal-UE taħt tliet temi: l-għarfien u l-innovazzjoni teknoloġika, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli.

2.2.6.2. L-FSE

Matul l-2008, l-Azzjonijiet Innovattivi li baqgħu għall-2004 ingħalqu u għadd konsiderevoli ta’ proġetti tal-2005 u l-2006 ġew iffinalizzati. Id-DĠ tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs immaniġġja l-bqija tal-proġetti magħzula fir-rawnds ta’ diskussjonijiet tal-2005 u l-2006, flimkien ma’ żewġ proġetti li jirrelataw ma’ attivitajiet ta’ tixrid. Id-DĠ organizza wkoll seminar għall-promoturi tal-proġett 2006 u kkoopera mad-DĠ tal-Politika Reġjonali fit-tnedija ta’ netwerk li jkompli, li jinvolvi promoturi ta’ proġetti innovattivi li kienu hemm minn qabel, notevolment fil-Ġermanja.

3. Konsistenza u Koordinazzjoni

3.1. Il-konsistenza ma' linji politiċi Komunitarji oħra

3.1.1. Il-Kompetizzjoni

Ma kien hemm l-ebda żviluppi ewlenin li kellhom jiġu rrappurtati għall-politika tal-għajnuna lill-Istat fil-perjodu ta’ rappurtar 2008.

3.1.2. Is-suq intern

L-Istati Membri huma mitluba jiżguraw li l-operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi jikkonformaw mad-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku. Meta l-Kummissjoni ssir taf dwar xi ksur tal-leġiżlazzjoni tal-KE, jew fejn l-awditjar juri li dan huwa l-każ, tittieħed azzjoni xierqa. Gie introdott qafas regolatorju ġdid għall-akkwist pubbliku u għall-għoti ta’ konċessjonijiet għax-xogħlijiet biex jipprovdi ċertezza legali akbar kemm għas-settur privat kif ukoll għal dak pubbliku.

3.1.3. L-ambjent

B’rabta mal-programmi li għaddejjin, l-attenzjoni baqgħet fuq l-appoġġ tal-konformità mal- acquis tal-Komunità fil-qasam tal-ilma urban tal-iskart, il-provvista tal-ilma, l-immaniġġjar tal-iskart u l-bijodiversità. L-ekoinnovazzjoni u r-rijabilitazzjoni ta' ħamrija mniġġsa kienu oqsma importanti oħra ta' investiment. Il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli kompliet permezz ta' investimenti fi trasport u enerġija li jħarsu l-ambjent, u billi ġiet żgurata b'mod proattiv il-konformità tal-proġetti mal-leġiżlazzjoni ambjentali.

3.1.4. It-trasport

Il-programmi ta’ koeżjoni jibqgħu s-sors ewlieni ta’ appoġġ Komunitarju għat-twettiq tal-prijoritajiet tal-UE fis-settur tat-trasport, kif introdott fil-White Paper “Politika Ewropea tat-trasport għall-2010: wasal il-waqt li niddeċiedu” u fir-reviżjoni intermedja tagħha ppubblikata fl-2006. Għaldaqstant, il-Fondi ntużaw kemm fi proġetti TEN-T kif ukoll fi proġetti li jappoġġjaw il-komodalità, l-effiċjenza tal-enerġija fit-trasport, is-sistemi ta’ trasport intelliġenti, u l-mobilità tat-trasport urban.

3.1.5. L-ugwaljanza bejn is-sessi

Il-Kummissjoni ħadmet fuq l-implimentazzjoni tal-“Pjan għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel”, li jirrifletti l-impenn tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ din il-kwistjoni. F’dan il-kuntest, l-ugwaljanza u l-integrazzjoni bejn is-sessi huma kwistjonijiet trasversali marbuta mal-programmi kollha fil-perjodu ta' pprogrammar 2007-2013. Laqgħa tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Integrazzjoni tas-Sessi fil-Fondi Strutturali f’Ġunju 2007 enfasizzat l-importanza li jiġu involuti entitatjiet għall-ugwaljanza bejn is-sessi fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-programmi.

3.2. Il-koordinazzjoni ta' strumenti

3.2.1. Il-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni

Fl-2000-2006, il-25 Stat Membru kollha bbenefikaw mis-sostenn tal-Fondi Strutturali, filwaqt li 13-il Stat Membru bbenefikaw ukoll mill-Fond ta’ Koeżjoni li jgħin lill-pajjiżi anqas prosperi. Il-Fondi Strutturali ġew ikkoordinati bir-reqqa bejniethom, u rigward il-Fond ta' Koeżjoni (b'mod partikolari l-FEŻR), biex tiġi evitata d-duplikazzjoni fil-proġetti appoġġjati.

3.2.2. Il-Fondi Strutturali u l-BEI/FEI

Il-Kummissjoni u l-BEI u l-FEI saħħu l-kooperazzjoni tagħhom billi waqqfu tliet inizjattivi JASPERS, JEREMIE u JESSICA biex jgħinu fl-implimentazzjoni tal-proġetti individwali għal waqt il-perjodu ta’ programmar 2007-2013.

L-2008 kienet l-ewwel sena sħiħa ta’ funzjonament tal-JASPERS (Assistenza Konġunta għall-Appoġġ tal-Proġetti fir-Reġjuni Ewropej). Fi tmiem is-sena, il-JASPERS kellu portafoll attiv ta’ 280 assenjazzjoni u kien temm 82 assenjazzjoni fl-2008 meta mqabbla ma’ 22 fl-2007.

L-inzjattiva l-ġdida JEREMIE (Riżorsi Konġunti Ewropej għall-Intrapriżi Mikro sa Medji) bl-għan li ttejjeb l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs fir-reġjuni, bdiet l-ewwel sena b'suċċess fl-2008 filwaqt li ntużat minn reġjuni, minn awtoritajiet ta' mmaniġġjar, kif ukoll fin-negozji u s-setturi bankarji.

L-inizjattiva JESSICA (Appoġġ Konġunt Ewropew għall-Investiment Sostenibbli f’Żoni ta’ Bliet), li tiffoka fuq l-investiment sostenibbli, it-tkabbir u l-impjiegi fiż-żoni urbani tal-Ewropa, tintroduċi bidla kulturali fil-mod kif jitwassal l-appoġġ tal-Fondi Strutturali, filwaqt li tħeġġeġ forom riċiklabbli ta’ għajnuna u tmur lil hinn minn serħan esklużiv fuq l-għotjiet.

4. Valutazzjonijiet

Fl-2008, il-Kummissjoni kompliet twettaq valutazzjonijiet biex tappoġġja t-teħid tad-deċiżjonijiet skont il-Politika ta' Koeżjoni.

Tlestiet analiżi tal-proġetti ta’ innovazzjoni kofinanzjati mill-FEŻR, li enfasizzat il-fatturi ta’ suċċess u r-restrizzjonijiet u l-ostakoli komuni. L-istudju jiżviluppa għarfien aktar fil-profond tal-mekkaniżmi li jappoġġjaw l-innovazzjoni fuq il-bażi tal-evidenza minn proġetti kofinanzjati magħzula tal-FEŻR minn reġjuni differenti. Bl-istess mod, qed isiru sforzi għat-tfassil u l-ittestjar ta’ metodi u għodod prattiċi, li jistgħu jintużaw fit-twettiq tal-analiżi tal-progetti.

Kompliet titwettaq il-valutazzjoni ex post tal-Objettivi 1 u 2 għall-perjodu 2000-2006, jiġifieri total ta’ 12-il “pakkett ta’ ħidma” maqsuma f’fażijiet marbuta ma’ xulxin biex tesplora l-aspetti differenti tal-effikaċja u l-effiċjenza tal-Politika ta’ Koeżjoni. Fir-rigward tal-valutazzjoni ex post tal-programmi 2000-2006 tal-FSE, ġie ffinalizzat studju matul l-2008 mmirat lejn l-analiżi tar-rilevanza u l-kredibbiltà tat-tagħrif disponibbli. Waqt li komplew jibnu fuq dan l-istudju, il-valutazzjoni ewlenija ex post flimkien ma’ żewġ valutazzjonijiet tematiċi ex post tnedew fi tmiem l-2008.

Fir-rigward tal-iSFGS, l-għoti bil-kuntratt tal-valutazzjonijiet ex post tnieda fi tmiem l-2008.

Barra minn hekk, il-valutazzjonijiet ex post għall-inizjattivi Komunitarji URBAN u INTERREG tnedew fl-2008. Il-valutazzjoni ex post tal-Inizjattiva Komunitarja EQUAL tnediet fil-bidu tal-2009.

Ħidma importanti oħra għall-Kummissjoni hija li tipprovdi ggwidar metodoloġiku lill-Istati Membri u li torganizza skambji ta' esperjenza fil-kamp tal-valutazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-riżors interattiv onlajn għall-valutazzjoni tal-iżvilupp soċjo-ekonomiku EVALSED qed jiġi aġġornat attwalment.

5. Kontrolli

5.1. L-FEŻR

Għall-perjodu 1994-1999, twettqu verifiki tal-għeluq fuq kampjun ta’ 57 programm (inkluż programm wieħed INTERREG, u żewġ programmi oħra tal-Objettiv 2 tal-1994-1996) li koprew l-UE 15 kollha. Sa tmiem l-2008, tlestew 40 mill-55 proċedura u ġew applikati korrezzjonijiet finanzjarji ta’ ammont li jilħaq madwar il-EUR 258 miljun. Għas-17-il każ li baqa’, għandha tittieħed deċiżjoni fl-2009.

Għall-programmi adottati matul il-perjodu 2000-2006, kienu twettqu total ta’ 207 missjonijiet ta’ verifika (eskluż l-INTERREG) li eżaminaw il-funzjonament tal-elementi ewlenin tas-sistemi ta’ mmaniġġjar u kontroll fl-Istati Membri, li 22 minnhom twettqu fl-2008. Barra minn hekk, twettqu 21 missjoni għar-reviżjonijiet tal-entitajiet bi tħejjija għall-għeluq fir-rigward tal-FEŻR biex jivverifikaw it-tħejjija tal-Istati Membri għall-għeluq u biex jidentifikaw u jtaffu r-riskji relatati. Fir-rigward tal-INTERREG, wara r-riservi li saru fl-AAR fl-2007 f’51 programm tal-INTERREG III, twettaq pjan ta’ verifika intensiv, li għolla l-għadd ta’ programmi ta’ verifika minn tmienja fi tmiem l-2007 għal 23 fi tmiem l-2008 li jikkorrispondi għal kopertura ta’ 54,1 % mill-ammont tal-programmi.

5.2. L-FSE

Għall-perjodu 1994-1999, il-verifiki tal-għeluq ġew iffinalizzati bil-verifika ta’ tliet proġetti fil-Ġermanja (Brandenburg) u bil-verifika taċ-ċertifikati tal-għeluq fil-Belġju (Fjandri). Twettqu, b’riżultat ta’ dan, l-għanijiet – il-kopertura tal-Istati Membri kollha flimkien ma’ ammont raġonevoli ta’ programmi – li jikkonċernaw il-verifiki tal-għeluq tal-1994-1999.

Għall-perjodu 2000-2006, ġew organizzati 113-il missjoni li jinvolvu l-verifika (a) tal-verifika ta’ programmi operattivi mhux koperti (parti minnhom jew kollha) identifikati fl-analiżi tar-riskju għall-2007, (b) ta’ missjonijiet ta’ segwitu dwar l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni miftiehma fil-qafas tal-proċeduri ta’ sospensjoni jew, fuq ir-riżultati tal-verifiki li twettqu mill-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea u (c) tal-verifika ta' kampjun ta' operazzjonijiet. Flimkien ma’ dan, fl-2008 twettqu ħames missjonijiet bi tħejjija għall-għeluq 2000-2006, 76 verifika fir-rigward tal-ittestjar sostantiv tal-operazzjonijiet (kontrolli tal-kampjuni inklużi reviżjoni dokumentarja u żjajjar fuq il-post) u 18-il missjoni ta’ segwitu.

5.3. L-FAEGG

Fir-rigward tal-perjodu 1994-1999, il-programm ta’ verifika ex post kien diġà tlesta fl-2006. Bħalissa għaddejjin għadd ta' proċeduri ta' korrezzjoni finanzjarja. Tliet deċiżjonijiet ta' korrezzjoni finanzjarja li jkopru 15-il programm ġew adottati mill-Kummissjoni matul is-sena.

Għall-perjodu 2000-2006 (UE25), 26 programm li jkopru 45,3 % tan-nefqa ppjanata ġew verifikati matul l-2008. Mis-sena 2000 'l hawn, total ta’ 92 programm mill-152 programm approvat tal-FAEGG tal-Iggwidar kienu ġew soġġetti għal verifika. Il-programmi verifikati jkopru 94,3 % tal-kontribuzzjoni ppjanata tal-FAEGG u 60,6 % tal-għadd ta' programmi. Tliet deċiżjonijiet ta' korrezzjoni finanzjarja li jkopru tliet programmi ġew adottati mill-Kummissjoni matul is-sena li jirrappreżentaw ammont ta’ EUR 18,8 miljun fi rkupri.

5.4. L-iSFGS

Fir-rigward tal-perjodu 1994-1999, sa tmiem l-2008, ingħalqu 50 minn 52 programm, tnejn għaddejjin mill-proċess tal-għeluq b’deċiżjoni ta' korrezzjoni finanzjarja (adottat fil-bidu tal-2009). Il-perċentwali tal-programmi magħluqa, jew fil-proċess ta' għeluq, jirrappreżenta 94,2 % tat-total.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-perjodu 2000-2006, it-tmien verifiki tal-iSFGS li twettqu fl-2008, li jkopru disa’ programmi operattivi, kienu jiffukaw fuq il-verifikazzjoni u s-segwitu tat-tħaddim effettiv tas-sistemi ta' mmaniġġjar u kontroll u fuq it-tħejjija għall-għeluq tal-programmi. DĠ MARE wettaq total ta’ 44 missjoni ta’ verifika li koprew it-18-il programm kollha tiegħu minn fond wieħed kif ukoll 14-il programm minn ħafna fondi li jirrappreżentaw kontribuzzjoni ta’ EUR 286,94 miljun (6,92 % tat-total tal-baġit inizjali għall-2000-2006). B’kollox, il-verifiki tas-sistemi tad-DĠ MARE koprew programmi li jirrappreżentaw 94 % tal-kontribuzzjoni inizjali totali tal-iSFGS għall-2000-2006. Il-korrezzjonijiet finanzjarji li saru fl-2008 kienu jirrappreżentaw EUR 1,65 miljun fi rkupri.

Il-lezzjonijiet miksuba mill-kontrolli

Għad hemm ir-riskju li xi sistemi ta’ mmaniġġjar u ta’ kontroll għall-programmi tal-Fondi Strutturali għadhom qed jiġu affettwati minn dgħufijiet materjali f’ċerti Stati Membri. Madankollu, fejn jibqgħu id-defiċjenzi fis-sistemi, il-Kummissjoni tinsab fil-proċess li tikkonkludi s-segwitu tal-pjanijiet ta’ azzjoni rimedjali jew nediet proċeduri ta’ korrezzjoni ta’ sospensjoni u/jew finanzjari li għandhom jiġu ffinalizzati fl-2009.

5.5. L-OLAF

Matul l-2008, OLAF wettaq 41 missjoni fl-Istati Membri marbuta ma’ miżuri kofinanzjati mill-Fondi Strutturali. Madwar 23 minn dawn il-missjonijiet kienu jikkonċernaw kontrolli fuq il-post[3] (li matulhom twettqu 31 kontroll fuq il-post fuq operaturi ekonomiċi) filwaqt li 18-il tip ieħor ta' missjonijiet twettqu biex jiġbru tagħrif jew biex jgħinu jew lill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew lill-awtoritajiet ġudizzjarji.

Fl-2008, l-Istati Membri infurmaw lill-Kummissjoni, b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1681/94[4] u r-Regolament (KE) Nru 1828/2006[5], b'madwar 3 869[6] notifika ta' irregolaritajiet li jinvolvu EUR 528 647 682 miljun li jaffettwaw miżuri kofinanzjati tal-perjodi ta' programmar tal-1994-99, l-2000-2006 u l-2007-2013. 62 notifika jikkonċernaw il-perjodu ta’ programmar 1994-99 b’impatt finanzjarju ta’ madwar EUR 11-il miljun. L-Istati Membri informaw lill-Kummissjoni li l-proċeduri amministrattivi u/jew ġudizzjarji ġew konklużi fuq livell nazzjonali għal għadd ta’ każijiet u ġie rkuprat ammont ta’ EUR 109 811 425.

6. Kumitati li Jgħinu lill-Kummissjoni

6.1. Il-Kumitat ta’ Koordinazzjoni tal-Fondi (COCOF)

Fl-2008, is-suġġetti ewlenin diskussi mill-Kumitat ta’ Koordinazzjoni tal-Fondi (COCOF) kienu l-finanzjament tal-programm għall-użu tal-għajnuna teknika operattiva u mhux operattiva, l-għeluq tal-programmi INTERREG III tal-2000-2006, l-inġinerija finanzjarja, il-proġetti ewlenin, il-proġetti li jiġġeneraw id-dħul, l-eliġibbiltà tal-effiċjenza tal-enerġija u tal-intervenzjonijiet tal-enerġiji li jiġġeddu, u prassi tajba fir-rigward tal-verifiki tal-maniġment li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri.

6.2. Il-Kumitat tal-FSE

FL-2008, il-Kumitat tal-FSE (skont l-Artikolu 147 tat-Trattat) iddiskuta l-pakkett ta’ Liżbona, l-aġenda soċjali mġedda u adotta opinjoni dwar ir-reviżjoni tal-baġit tal-UE b’attenzjoni partikolari fuq l-għan li jinkiseb impjieg sħiħ, kwalità fix-xogħol u koeżjoni soċjali u fuq l-iżvilupp ta’ suq tax-xogħol Ewropew u t-taħriġ tal-kapital uman. Il-Kumitat tal-FSE ġie kkonsultat ukoll fir-rigward tal-"Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali" u dwar il-proposta tal-Kummissjoni li kienet maħsuba biex timmassimizza l-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali, b'mod partikolari l-FSE, biex tindirizza l-kriżi fil-qafas tal-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku. Il-Grupp ta’ Ħidma Teknika tal-FSE segwa l-programm tiegħu ta’ tagħlim reċiproku li jikkonċerna l-użu ta’ sejħiet għall-offerti pubbliċi għall-operazzjonijiet tal-FSE, l-għeluq tal-programmi tal-2000-2006, u eżempji ta' programmi għall-iżvilupp tar-riżorsi umani tal-FSE.

6.3. Il-Kumitat dwar l-Istrutturi Agrikoli u l-Iżvilupp Rurali (STAR)

Il-Kumitat STAR iltaqa’ seba’ darbiet fl-2008 u ta opinjoni favorevoli dwar tliet emendi tal-programmi tas-SAPARD għall-iżvilupp rurali għall-Bulgarija (żewġ emendi) u għall-Kroazja skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1268/1999.

6.4. Il-Kumitat dwar l-Istrutturi għas-Sajd u l-Akkwakultura (CSFA)

Fl-2008, ġie kkonsultat il-Kumitat dwar għadd ta’ kwistjonijiet, inkluża l-Inizjattiva Ewropea tat-Trasparenza u l-linjigwida għad-determinazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji li għandhom jitwettqu fir-rigward tan-nefqa kofinanzjata mill-Fondi Strutturali jew mill-Fond ta’ Koeżjoni għal nuqqas ta' konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku.

[1] 226 Objettiv 1 u Objettiv 2, 47 Objettiv 3, 12 SFGS (barra l-Objettiv 1), 81 INTERREG, 71 URBAN, 27 EQUAL, 73 LEADER+ u 181 programm ta’ Azzjonijiet Innovattivi.

[2] Ara l-Komunikazzjoni dwar ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji u l-programmi għall-perjodu ta’ programmar 2007-2013.

[3] Ir-Regolament (KE) Nru 2185/1996, ĠU L 292, 15.10.1996, p. 2.

[4] ĠU L 178, 12.07.1994, p. 43

[5] ĠU L 371, 27.12.2006, p. 1

[6] 2007: għadd ta’ każijiet ikkomunikati 3 671; ammont ġenerali totali relatat mal-komunikazzjoniiet EUR 694 362 858.

Top