EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0290

Rapport mill-Kummissjoni - Direttorat-ġenerali għall-għajnuna umanitarja (ECHO) - Rapport annwali 2008 {SEC(2009)825)

/* KUMM/2009/0290 finali */

52009DC0290

Rapport mill-Kummissjoni - Direttorat-ġenerali għall-għajnuna umanitarja (ECHO) - Rapport annwali 2008 {SEC(2009)825) /* KUMM/2009/0290 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 1.7.2009

KUMM(2009) 290 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Direttorat-Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja – (ECHO) Rapport Annwali 2008

{SEC(2009)825)

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Aspetti politiċi ġenerali 4

3. Ħarsa ġenerali lejn l-operazzjonijiet umanitarji tad-DĠ ECHO fl-2008 5

3.1. Is-sitwazzjoni ġenerali 5

3.2. L-Interventi ewlenin fl-2008 skont ir-reġjun u l-allokazzjoni tal-fondi 8

3.3. Analiżi komparattiva 9

3.4. It-tnaqqis fir-Riskju tad-Diżastri inklużi attivitajiet ta' tħejjija għad-diżastri 9

3.5. Ir-Rabta bejn l-Għajnuna, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp (LRRD) 10

3.6. L-Imsieħba ewlenin fit-tħaddim umanitarju 10

4. Relazzjonijiet mal-Partijiet interessati 10

5. Attivitajiet oħra 11

6. Għeluq 11

Anness :

L-Anness jipprovdi iktar dettalji dwar:

- Sommarju tal-operazzjonijiet umanitarji skont il-pajjiż;

- Relazzjonijiet mal-partijiet interessati;

- Ir-riżultati tal-evalwazzjoni u;

- Tabelli finanzjarji.

1. INTRODUZZJONI

Il-politika dwar l-għajnuna umanitarja tal-Unjoni Ewropea tirrefletti l-prinċipji ta' fondazzjoni tagħha – is-solidarjetà, it-tolleranza u r-rispett għad-dinjità umana. L-għajnuna umanitarja, waqt li mhix għodda ta' ġestjoni ta' kriżi, hija pilastru tal-azzjoni Komunitarja fil-pajjiżi milquta minn diżastri naturali jew magħmulin mill-bniedem kif ukoll minn emerġenżi kumplessi[1]. Permezz tal-attivitajiet tagħha f'żoni ta' diżastri u l-kontribut attiv tagħha biex tippromwovi r-rispett u l-osservanza tal-Liġi Umanitarja Internazzjonali[2], il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet liha nnifisha bħala protagonista fil-qasam tal-għajnuna umanitarja internazzjonali. Illum hija l-ikbar donatur waħdieni fl-operazzjonijiet li jipprovdu l-għajnuna, serħan u protezzjoni lill-popolazzjonijiet ta' pajjiżi terzi milquta minn krizijiet umanitarji.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja[3] (DĠ ECHO) huwa s-servizz tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli li jipprovdi għajnuna umanitarja lill-persuni milquta minn kunflitti jew diżastri, kemm jekk naturali sew jekk magħmula mill-bniedem , f’pajjiżi terzi. Dan l-għan ġenerali jikkontribwixxi għall-għanijiet strateġiċi tal-Kummissjoni " l-Ewropa bħala msieħba dinjija " inkluż fl-għanijiet ġenerali tar-Relazzjonijiet Esterni[4], stabbiliti fit-Trattat tal-Unjoni Ewropea (UE).

Id-DĠ ECHO jiddefendi l-ispazju u l-prinċipji umanitarji, li qegħdin iktar ma jmur taħt theddida, billi jżomm livell għoli ta' impenn fil-prinċipji ta’ Donaturi Tajbin Umanitarji (GHD[5]), u jibqa’ impenjat lejn għajnuna ta’ kwalità għolja u ż-żamma ta' djalogu trasparenti mal-atturi ewlenin l-oħra.

Id-DĠ ECHO ma jimplimentax huwa stess il-programmi ta’ għajnuna. Huwa donatur li jimplimenta l-missjoni tiegħu billi jiffinanzja azzjonijiet umanitarji tal-Komunità permezz tal-imsieħba li jkunu ffirmaw il-Qafas ta’ Ftehim ta’ Sħubija (FPA), bħalma huma l-organizzazzjonijiet mhux governattivi Ewropej u l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali (il-familja tas-Salib l-Aħmar) jew il-Ftehim ta’ Qafas Finanzjarju u Amministrattiv (Financial and Administrative Framework Agreement (FAFA)) għall-Aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-impenn tad-DĠ ECHO huwa li jiżgura li l-oġġetti u s-servizzi jilħqu ż-żoni ta’ kriżi kemm jista’ jkun malajr permezz tal-imsieħba tiegħu. Ir-rapidità tat-twettiq tal-għajnuna hija ffaċilitata minn dispożizzjonijiet speċjali fir-Regolament Finanzjarju u li miżuri tagħhom ta' implimentazzjoni. Dawn l-arranġament strutturali jippermettu wkoll lid-DĠ ECHO juża assistenti tekniċi (esperti ECHO) fil-qasam biex b'hekk tkun żgurata l-identifikazzjoni ta' setturi vulnerabbli tas-soċjetà, il-valutazzjoni akkurata tal-ħtiġijiet, l-identifikazzjoni rapida ta’ msieħba xierqa u proġetti li jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet. Dan huwa segwit minn monitoraġġ fuq il-post tal-progress tal-imsieħba u tal-proġetti sabiex tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja soda bħala appoġġ għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni li r-riżorsi jkunu ntużaw għall-iskop li kienu maħsuba.

Waqt li jibbaża ruħu fuq l-esperjenza tiegħu sabiex jindirizza każijiet ta’ diżastri, id-DĠ ECHO jaħdem ukoll sabiex jippromwovi t-tħejjija għad-diżastri ħalli jitnaqqsu kemm il-vulnerabilità kif ukoll il-periklu ta’ persuni għal riskji u diżastri, kif ukoll sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ekonomiċi marbuta ma’ dawn id-diżastri. Fl-aħħarnett, bil-ħsieb li jwettaq il-mandat tiegħu b’mod effettiv, id-DĠ ECHO jista’ jappoġġja – fejn ikun xieraq u neċessarju – il-miżuri tal-bini ta’ kapaċità tal-imsieħba tiegħu fl-implimentazzjoni.

Dan ir-rapport qed jiġi ppubblikat f'konformità mar-rekwiżit tal-Artikolu 19 tar-Regolament dwar l-Għajnuna Umanitarja:

“Fit-tmiem ta' kull sena' finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'sommarju ta' operazzjonijiet iffinanzjati tul dik is-sena. Is-sommarju għandu jkollu fih informazzjoni dwar l-aġenziji li magħhom ikunu ġew implimentati l-ħidmiet. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll reviżjoni ta’ eżerċizzji ta’ valutazzjoni barranin li setgħu saru fuq operazzjonijiet speċifiċi”.

Ir-rapport jiġbor l-attivitajiet ewlenin tad-DĠ ECHO implimentati fl-2008. L-anness jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-operazzjonijiet li ġew iffinanzjati f’bosta pajjiżi u reġjuni fejn id-DĠ ECHO pprovda għajnuna permezz tal-imsieħba tiegħu u l-istatistika li ttieħdet mir-rapport finanzjarju tal-2008[6].

2. ASPETTI POLITIċI ġENERALI

Għalkemm is-sitwazzjoni umanitarja madwar id-dinja ma tinbidilx wisq minn sena għall-oħra, il-ħtiġijiet umanitarji jibqgħu ħafna u l-interventi qed jiżdiedu f'termini ta' frekwenza.

F'dawn l-aħħar għaxar snin, in-numru ta' diżastri naturali żdied sostanzjalment, prinċipalment minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima. Disgħa minn kull għaxar diżastri issa għandhom x'jaqsmu mal-klima[7] u f'dawn l-aħħar għoxrin sena n-numru ta' diżastri rreġistrati rrdoppja. Avvenimenti naturali spiss jinbdilu f'diżastri, minħabba l-livell għoli ta' vulnerabbiltà u nuqqas ta' kapaċità li l-popolazzjonijiet ikampaw, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Fl-istess ħin ma dawn id-diżastri li l-oriġini tagħhom qiegħed parżjalment fl-imġieba umana, in-numru ta' kunflitti ma nbidilx b'mod sinifikanti iżda dawn għandhom it-tendenza li jdumu iktar u huma dejjem iktar qerrieda. Il-konsegwenza hija talba dejjem ogħla għall-għajnuna umanitarja globali. L-isfida li qed jaffaċċjaw id-donaturi umanitarji bħad-DG ECHO hija li jżommu l-bilanċ meħtieġ bejn l-iffinanzjar għal azzjonijiet immirati lejn il- prevenzjoni ta' diżastri umanitarji u t- tweġiba f'waqtha għall-emerġenzi, naturali jew ikkaġunati mill-bniedem.

Fuq livell ta’ linja politika, l-iffirmar tal- Kunsens Ewropew[8] dwar l-Għajnuna Umanitarja mill-Presidenti tal-Kunsill tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea f'Diċembru 2007, segwit mill-adozzjoni tal- pjan ta' azzjoni[9] , huwa pass 'il quddiem konsiderevoli għall-Unjoni Ewropea li fl-aħħar tat lilha nnfisha sett ta' valuri, prinċipji u għanijiet komuni, bl-intenzjoni li ssaħħaħ l-koerenza tal-azzjoni umanitarja kumplessiva tagħha. Il-Kunsens jisħaq fuq l-importanza tal-prinċipju tad-diversità tal-partijiet li qed jimplimentaw, u b'hekk jirrikonoxxi li kull entità għandha vantaġġi komparattivi fit-tweġiba għas-sitwazzjonijiet jew ċirkustanza speċifiċi.

Bħala parti mill-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni, saret konferenza dwar il- Liġi Umanitarja Internazzjonali (IHL) fil-Parlament Ewropew fis-16 ta' Settembru 2008. L-għan ta' din il-konferenza kien li tiżdied is-sensibilizzazzjoni għall-vjolazzjonijiet tal-IHL u tesplora modi biex tippromovi aħjar ir-rispett għall-IHL fuq livell tal-Unjoni Ewropea, fil-qafas tal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja.

Fl-aħħar nett, f'Marzu, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar " it-tisħiħ tal-Kapaċità tal-Unjoni fir-Reazzjoni għad-Diżastri " biex twieġeb għall-isfidi dejjem jiżdiedu, kemm jekk jiġu minn diżastri naturali kif ukoll jekk huma kriżijiet ikkaġunati mill-bniedem u sabiex issaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni biex tipprovdi protezzjoni ċivili u għajnuna umanitarja kemm fuq it-territorju tagħha kif ukoll f'pajjiżi terzi.

3. ĦARSA ġENERALI LEJN L-OPERAZZJONIJIET UMANITARJI TAD-DĠ ECHO FL-2008

3.1. Is-sitwazzjoni ġenerali

Permezz tad-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja tagħha (DĠ ECHO), il-Kummissjoni tipprovdi għajnuna umanitarja lill-vittmi ta' diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem f'pajjiżi terzi, biss fuq il-bażi tal-ħtiġijiet umanitarji. Din is-sena, it-tweġiba tal-Kummissjoni għall- kriżijiet umanitarji bbażata fuq il-ħtiġijiet f'iktar minn 60 pajjiż saret permezz ta' 90 deċiżjoni ta' finanzjament, b'total ta' EUR 937 miljun . Il-baġit inizjali ta' EUR 751 miljun kien raffurzat f'diversi okkażjonijiet sabiex iwieġeb għal kriżijiet u diżastri naturali ġodda li ġraw matul is-sena, kif ukoll, ta' importanza kbira, bi tweġiba għall-għoli fil-prezzijiet tal-ikel.

Fl-2008, id-DĠ ECHO kellha tindirizza l-effet tal- prezzijiet tal-ikel li dejjem jolgħew . B'riżultat taż-żieda qawwija fil-prezzijiet ta' prodotti ta' għajnuna għall-ikel bażiku u żejt, l-ispiża għat-tweġiba għall-għajnuna umanitarja identifikata fl-2008 ogħliet b'mod sinifikanti. Barra minn dan, il-vulnerabbiltà għall-kriżijiet tal-popolazzjoni fqira żdiedet hekk kif dawn jużaw iktar mir-riżorsi limitati tagħhom għax-xiri tal-ikel. Sabiex ikun indirizzat l-effett fuq żmien qasir tal-għoli fil-prezzijiet tal-ikel, il-baġit għall-għajnuna urġenti tal-ikel kważi rdoppja fl-2008, bir-riżorsi addizzjonali meħuda mir-Riżerva għall-Għajnuna tal-Emerġenza. Fl-aħħar tas-sena, il-baġit tal-għajnuna għall-ikel kien ta' EUR 363 miljun, u ppermetta li l-għajnuna tilħaq iktar minn 25 miljun ruħ.

Barra mill-kriżi tal-ikel, id-diżastri naturali , aggravati mit-tibdil fil-klima, ikomplu jiżdiedu kemm fil-frekwenza kif ukoll fl-intensità, u qed jaffettwaw persuni diġa' vulnerabbli iktar spiss u b'mod iktar qawwi.

Id-diżastri naturali ħolqu dannu serju fl-2008 fiż-żoni ġeografiċi li ġejjin: ċikluni/uragani fir-reġjun tal-Karibew, li kellhom effet fuq Haiti, il-Bahamas, Kuba, il-Madagaskar u Burma/il-Mjanmar; nifxa fil-Qarn tal-Afrika, is-Sahel, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Paragwaj, il-Honduras u t-territorji Palestinjani; terrimot fiċ-Ċina; epidemiji fil-Benin, l-Amerika Latina u l-Karibew; għargħar fil-Bangladexx, il-Bolivja, l-Ekwador, il-Gwatemala, il-Honduras, in-Nepal, in-Namibja, l-Indja, u l-Yemen; żmien ta' kesħa kbira fil-Peru u l-Bolivja u tifuni fil-Laos u l-Vjetnam. Il-Kummissjoni kellha tirreaġixxi malajr biex tgħin lil eluf ta’ nies li kienu qed ibatu, uħud minnhom li kienu diġà milquta minn kriżijiet oħra.

F'termini ta' kriżijiet "magħmulin mill-bniedem" , il-kunflitt bejn il-Ġorġja u l-Federazzjoni Russa fl-Ossetsja tan-Nofsinhar f'Awwissu wassal għal intervent ta' emerġenza favur il-popolazzjoni milquta minn dan il-kunflitt ġdid. Il- Kenja ġiet effewata minn taqlib politiku mifrux wara elezzjonjiet presidenzjali dubbjużi. Il-vjolenza ta' wara l-elezzjoni wasslet għaċ-ċaqliq ta' iktar minn 500 000 ruħ. Fl-2008, fil- Jemen kien hemm żieda qawwija fil-kunflitt intern fil-parti tat-tramuntana tal-pajjiż. F'Awwissu, bil-falliment tal-firma ta' ftehim ta' paċi bejn il-Front ta' Liberazzjoni Islamika Moro u l-Gvern tal-Filippini reġa beda l-ġlied fil-ġżira tan-nofsinhar ta' Mindanao, li kkawża ċaqliq ta' iktar minn 550 000 ruħ. Fl-aħħar tas-sena, madwar 320 000 ruħ baqgħu imċaqalqa, bl-ebda perspettiva ta' soluzzjoni fuq l-orrizzont. Fl-aħħar nett, fis- Sri Lanka , il-gvern neħħa l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tal-2002 u żied l-offesiva tiegħu fit-tramuntana tal-pajjiż.

Barra minn dawn il-kriżijiet ġodda, il-Kummissjoni kellha tieħu ħsieb sitwazzjonijiet umanitarji li qed imorru għall-agħar li spiss involvew emerġenzi kumplessi u li ilhom għaddejjin minn snin qabel. Iż-żewġ eżempji prinċipali huma s-Sudan u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

Permezz tal-baġit għall-għajnuna umanitarja - bl-għajnuna għall-ikel inkluża - l-UE pprovdiet għajnuna umanitarja għal madwar 143 miljun benefiċjarju f'pajjiżi terzi[10]. Barra minn hekk, 18.5 miljun ruħ kienu sostnuti fir-rigward ta’tħejjija għal diżastri, billi qawwu r-reżistenza tal-komunità u l-kapaċità ta' tweġiba lokali.

Il-Kummissjoni allokat total ta' EUR 552 miljun (jiġifieri 58.9% tal-baġit totali finali tagħha lill-pajjiżi tal-AKP, l-iktar li rċevew fondi mingħand id-DĠ ECHO, segwiti mill-Asja u l-Amerika Latina (EUR 192 miljun – 20.5%) u l-Ewropa tal-Lvant, l-Istati Indipendenti Ġodda (NIS), l-Lvant Nofsani u l-pajjiżi tal-Mediterran (EUR 156 miljun – 16.3%)

L-applikazzjoni ta’ prinċipji bbażati fuq il-ħtiġijiet[11] wasslet għal din is- simplifikazzjoni ġeografika[12] tal-fondi impenjati għall-għajnuna umanitarja fl-2008 (f'eluf).

Għajnuna umanitarja fl-2008 |

Unità/Reġjun | Total | % |

A/1: l-afrika, il-karibew, il-paċifiku | 551 847 | 58.9% |

Is-Sudan U Ċ-Ċad | 197 000 |

Il-Qarn Tal-Afrika | 167 897 |

L-Afrika Ċentrali U T’ Isfel, L-Oċejan Indjan | 126 200 |

L-Afrika Tal-Punent | 39 100 |

Il-Karibew | 21 650 |

A/2: L-Istati Indipendenti Ġodda, Il-Lvant Nofsani, Il-Mediterran | 152 635 | 16.3% |

Il-Lvant Nofsani, Il-Mediterran | 124 860 |

L-Ewropa, Il-Kawkażu L-Asja Ċentrali | 27 775 |

A/3: L-Asja U L-Amerika Latina | 192 327 | 20.5% |

L-Asja Tan-Nofsinhar | 94 257 |

L-Asja Tal-Lvant u Tax-Xlokk | 64 000 |

L-Amerika Latina | 34 070 |

Strumenti mhux ġeografiċi | 39 833 |

Bini ta' kapaċità, għotjiet u servizzi, id-deċiżjoni tad-DREF[13] u oħrajn | 7 021 | 0.7% |

Għajnuna Teknika | 25 000 | 2.7% |

Spejjeż Ta' Sostenn | 7 812 | 0.8% |

TOTAL | 936 642 | 100% |

.

Għall-2008, mill-41 pajjjiż li bħalissa għaddejjin minn kriżi kif iddefinita mill-evalwazzjoni, 15 ġew ikkunsidrati bħala estremament vulnerabbli li minnhom, 11 qegħdin fl-Afrika u l-oħrajn huma l-Afganistan, iċ-Ċecnija (il-Federazzjoni Russa), it-Timor tal-Lvant u l-Jemen.

Konformi mal-metodoloġija użata, fl-2008 id-DĠ ECHO impenja 85% tal-baġit iniżjali ppjanat fuq il-linji prinċipali għall-għajnuna umanitarja (23.02.01) f’oqsma ta’ prijorità ta’ ħtiġijiet umanitarji għoljin .

L-istrateġija ta' għajnuna tad-DĠ ECHO tkompli tiffoka fuq kriżijiet minsija (sitwazzjonijiet fejn il-ħtiġijiet umanitarji kbar jirċievu ftit li xejn attenzjoni mid-donaturi – kif rifless mil-livell baxx ta’ għajnuna riċevuta – u mill-midja). L-analiżi u l-metodoloġija tad-DĠ ECHO sabiex jiġu identifikati l-kriżijiet minsija huma bbażati kemm fuq dejta kwantitattiva (in-nuqqas ta’ rappurtaġġmill-midja jew is-sostenn baxx mid-donaturi flimkien mal-ħtiġijiet għolja) kif ukoll fuq fatturi kwalitattivi (valutazzjoni fuq il-post mill-esperti u mill-uffiċjali tad-DĠ ECHO). Għal iktar dettalji dwar il-kriżijiet minsija ara l-Anness, parti II.

Ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-Ħtiġijiet Globali u tal-Valutazzjonijiet tal-Kriżijiet Minsija huma disponibbli fuq il-websajt Europa http://ec.europa.eu/echo/policies/strategy_en.htm

3.2. L-Interventi ewlenin fl-2008 skont ir-reġjun u l-allokazzjoni tal-fondi

Il-Kummissjoni kellha tindirizza numru għoli ta' diżastri naturali u kriżijiet magħmulin mill-bniedem, iżda wkoll sitwazzjonijiet umanitarji li sejrin għall-agħar, xi kultant li jdumu, emerġenzi kumplessi li diġà kienu jeżistu fis-snin ta' qabel. I r-Repubblika Demokratika tal-Kongo : pereżempju, għamlet sfidi sinifikanti lill-organizzazzjonijiet umanitarji fuq numru ta' snin b'episodji ta' ġlied rikorrenti fil-lvant tal-pajjiż li ġiegħel lil mijiet ta' eluf ta' persuni jaħarbu minn djarhom. Ir-reġjun tad-Darfur fis- Sudan huwa kkunsidrat bħala l-agħar kriżi umanitarja fid-dinja u għallhekk l-isforz ta' għajnuna umanitarja internazzjonali huwa enormi. Il-ħajja ta' miljuni ta' persuni tiddependi fuq għajnuna esterna.

L-interventi elenkati fit-taqsimiet li ġejjin jinsabu f'iktar dettall fl-anness – parti III.

3.2.1. L-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (il-pajjiżi t l-AKP)

Fl-2008, id-DĠ ECHO alloka l-ikbar iffinanzjar tiegħu lis-Sudan b'total ta' EUR 167 miljun u lir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUR 45.5 miljun + EUR 8 miljun għas-servizz tal-ECHO FLIGHT). L-interventi ewlenin l-oħra fl-Afrika li kellhom bżonn iktar minn EUR 20 miljun ta' fondi kienu, is-Somalja (EUR 44 miljun), iċ-Ċad (EUR 30 miljun), il-programm reġjonali ta' preparazzjoni għan-nixfa (EUR 30 miljun), iż-Żimbabwe (EUR 25 miljun) u l-Etjopja (EUR 40 miljun).

3.2.2. Il-Lvant Nofsani u n-NIS

Il-Kummissjoni tkompli bit-tweġiba tagħha għas-sitwazzjoni umanitarja serja fix-Xatt tal-Punent u fil-Medda ta' Gaża li ma wriet ebda titjib fl-2008, minkejja li reġgħet bdiet l-għajnuna strutturali lill-Awtorità Palestinjana f'Diċembru 2007. Barra mis-sitwazzjoni politika, l-iktar partijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni Palestinjana fix-Xatt tal-Punent kienu milquta minn żewġ avvenimenti klimatiċi: ġlata u nixfa. Kienu pprovduti fondi ta' EUR 82.8 miljun biex ikopru l-ħtiġijiet tal-ikel tal-popolazzjoni l-iktar vulnerabbli tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta' Gaża u r-rifuġjati Palestinjani fil-Lebanon. Kienu użati wkoll EUR 30 miljun biex iwieġbu għall-ħtiġijiet umanitarji u ta' ikel li rriżultaw mill-kriżi tal-Irak għal benefiċarji ġewwa u barra mill-Irak.

Fil-Kawkażu ta' Fuq, il-Kummissjoni kompliet tiffinanzja l-vittmi tal-kunflitt taċ-Ċeċnija (iktar ‘il fuq kienet Ċeċnija billi approvat total ta’ EUR 11-il miljun.

3.2.3. Asja

Kienu allokati EUR 39 miljun biex jgħinu lin-nies f'Burma/il-Mjanmar milquta miċ-ċiklun Nargis li laqgħat il-pajjiż, EUR 36.3 miljun kienu mmirati għan-nies vulnerabbli milquta mill-kunflitti u d-diżastri naturali fl-Afganistan, l-Iran u l-Pakistan. Kienu allokati EUR 20.15 miljun lin-nies milquta minn diżastri naturali fil-Bangladexx (infestazzjoni ta' annimali gerriema fiċ-Chittagong Hill Tracts, il-ħtiġijiet li għad baqa' miċ-ċiklun SIDR li laqgħat lill-pajjiż fl-aħħar tal-2007, xita monsun qawwija fl-aħħar ta' Settembru 2008, flimkien ma' flussi drastiċi ta' ilma li rriżultaw fi stgħadir bl-ilma fil-Lbiċ). EUR 35 000 addizzjonali kienu allokati biex jappoġġjaw lir-rifuġjati Rohigya (minn Burma) fil-Bangladexx.

3.2.4. L-Amerika Latina

Fl-aħħar nett, kien allokati EUR 24 miljun lill-Amerika Latina li minnhom EUR 12.5 miljun kienu għall-vittmi tal-kunflitt fil-Kolombja u l-bqija bi tweġiba għal numru ta' diżastri naturali, bħall-fenomenu La Niña fil-Bolivja u l-Ekwador, nixfa fil-Paragwaj u l-Honduras, perjodi ta' kesħa fil-Bolivja u l-Peru u għargħar fil-Gwatemala u l-Honduras.

3.3. Analiżi komparattiva

Fil-grafika ta’ hawn taħt, l-analiżi komparattiva dwar id-distribuzzjoni ġeografika tad-deċiżjonijiet ta’ finanzjament għall-perjodu 2004-2008 turi li waqt li fis-snin ta’ qabel is-sehem relattiv tal-fondi lill-pajjiżi tal-AKP kien kontinwament qed jiżdied, din ix-xejra inqalbet fl-2005 fejn is-sehem ewlieni tal-fondi ġie indirizzat lejn l-Asja minħabba ż-żewġ kriżijiet ewlenin f’dik il-parti tad-dinja: it-tsunami u t-terremot fil-Kaxmir. Jekk wieħed iħares lejn il-perspettiva ta’ ħames snin ta’ min isemmi li l-fondi għad-diversi reġjuni u partijiet tad-dinja ivarja ħafna, li jikkonferma li l-intervent tad-DĠ ECHO huwa orjentat lejn perjodu qasir. Irid jiġi nnutat ukoll li aktar minn 96% tal-baġit għall-għajnuna umanitarja huwa għall-fondi tat-tħaddim umanitarju, waqt li inqas minn 4% huwa sabiex jappoġġja n-nefqa (l-informazzjoni, il-verifiki, il-valutazzjonijiet, il-persunal, eċċ.). Ara l-anness, taqsima VIII.

[pic]

3.4. It-tnaqqis fir-Riskju tad-Diżastri inklużi attivitajiet ta' tħejjija għad-diżastri

Bħala parti mill-mandat tiegħu, id-DĠ ECHO jiffinanzja attivitajiet biex iħejji għal u jnaqqas ir-riskju li jħabbtu wiċċhom magħhom il-komunitajiet l-iktar vulnerabbli u dawk l-iktar esposti għal diżastri naturali.

Jekk wieħed jikkunsidra l-kuxjenza dejjem tikber tal-importanza tat-tħejjija, iż-żieda sostanzjali fin-numru u l-intensità tad-diżastri f'dawn l-aħħar snin u l-Qafas ta' Hyogo għall-Azzjoni 2005-2015 li jsejjaħ lill-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha biex iżommu f'prijoritià u jinvesti fit-Tnaqqis tar-Riskji tad-Diżastri (DRR), id-DĠ ECHO żied il-fondi għat-tħejjija għad-diżastri fil-komunità f'dawn l-aħħar snin u huwa lest li jtejjeb l-approċċ tiegħu. Waqt li jibqa' fil-limiti tal-mandat umanitarju tiegħu, id-DĠ ECHO jista' jappoġġja numru kbir ta' azzjonijiet billi juża s-saħħiet diġà murija tiegħu.

Il-kontribut tad-DĠ ECHO għad-DRR isir permezz tal-programm tiegħu DIPECHO, inizjattivi ta' tħejjija għan-nixfa, l-integrazzjoni ta' miżuri ta' tħejjija għad-diżastri fl-operazzjonijiet ta' għajnuna u l-isforzi ta' appoġġ.

Hemm żewġ ideat prinċipali fil-qofol tal-approċċ tad-DĠ ECHO għat-tħejjija għad-diżastri: min-naħa l-waħda, ikabbar il-kuxjenza tal-komunitajiet dwar ir-riskji li qed jiffaċċjaw u, min-naħa l-oħra, iżid ir-reżistenza tagħhom. Fl-istess ħin, inbdew attivitajiet li għandhom l-intenzjoni li jsaħħu l-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet pubbliċi lokali responsabbli għall-protezzjoni tal-popolazzjonijiet tagħhom. L-attivitajiet ta' tħejjija għad-diżastri huma implimentati permezz ta' firxa kbira ta' imsieħba li qegħdin jaħdmu f'kollborazzjoni mill-viċin mal-organizzazzjonijiet lokali, li jagħmlu l-aċċess għall-komunitajiet l-iktar vulnerabbli u marġinalizzati eħfef.

Bil-pjan ta' azzjoni ġdid tiegħu imnedi fl-Afrika tax-Xlokk, id-DĠ ECHO issa qiegħed f'seba' reġjuni tad-dinja li huma partikolarment suġġetti għal diżastri naturali.

3.5. Ir-Rabta bejn l-Għajnuna, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp (LRRD)

L-għajnuna tad-DĠ ECHO għandha wkoll l-għan li tiffaċilita, flimkien ma’ strumenti ta’ għajnuna oħrajn, ir-ritorn ta’ popolazzjonijiet lejn l-awto-suffiċjenza kulfejn u kulmeta jkun possibbli, u li jippermetti t-tneħħija gradwali tal-fondi tad-DĠ ECHO f’kundizzjonijiet tajba. F’dik il-perspettiva, id-DĠ ECHO huwa impenjat b’mod attiv sabiex jimplimenta strateġija ta’ rabta bejn l-għajuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp “LRRD”, u li jiżviluppa kooperazzjoni aktar b’saħħitha mas-servizzi l-oħra tal-Kummissjoni jew ma’ donaturi oħra.

3.6. L-Imsieħba ewlenin fit-tħaddim umanitarju

L-għajnuna umanitarja fornita mid-DĠ ECHO tiġi implementata permezz tal-imsieħba. Id-DĠ ECHO jaħdem ma’ madwar 200 organizzazzjoni mhux governattiva, mal-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti u ma’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali bħalma huma l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u l-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tas-Salib u n-Nofs Qamar l-Aħmar.

Li jkun hemm firxa kbira u differenti ta' imsieħba huwa importanti għad-DĠ ECHO, biex jiżgura kopertura effiċjenti ta' lista dejjem tikber ta' ħtiġijiet madwar id-dinja. Id-DĠ ECHO żviluppa relazzjonijiet ta’ ħidma mill-qrib mal-imsieħba tiegħu kemm fuq livell ta’ politika kif ukoll fejn jikkonċerna l-ġestjoni tat-tħaddim umanitarju.

Fl-2008, id-DĠ ECHO implementa l-ħidmiet umanitarji tiegħu l-aktar permezz tal-NGOs (44%), l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti (46%) u l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali (10%).

Matul is-sena, id-DĠ ECHO irreveda, ivvaluta mill-ġdid u tejjeb il-ftehimiet ta' sħubija li jirregolaw ir-relazzjonijiet mal-imsieħba tiegħu, billi ssimplifika l-proċeduri mingħajr ma kkomprometta l-kontroll fuq il-monitoraġġ u s-superviżjoni tal-għajnuna mogħtija. B'hekk, inżammet l-effettività tal-għajnuna umanitarja. Għal aktar dettalji dwar it-tqassim annwali bejn il-familji tal-imsieħba, ara l-anness - it-taqsima VIII.5.

4. RELAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI

Bħal fis-snin mgħoddija, id-DĠ ECHO kompla r-relazzjoni attiva tiegħu ma' Istituzzjonijiet Ewropej oħra, l-Istati Membri u Organizzazzjonijiet Internazzjonali u kompla jippromwovi r-rispett għal-liġi umanitarja internazzjonali u l-prinċipji umanitarji (l-umanità, l-imparzjalità, in-nondiskriminazzjoni u n-newtralità).

Huwa żgura wkoll li l-obbligu li l-ispazju umanitarju matul emerġenzi jkun rispettat jkun ġie kkunsidrat fid-dibattitu Ewropew u internazzjonali. Id-DĠ ECHO ikkonsolida wkoll relazzjoni ta’ ħidma solida mar-'Rapporteur' Umanitarju tal-Parlament Ewropew.

Kienu segwiti kuntatti mill-viċin mal-Presidenza Franċiża u dik Ċekia li kien imiss. F'dan ir-rigward, il-ħidma ħadet importanza partikolari bil-ħolqien ta' Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill ġdid dwar l-għajnuna Umanitarja u tal-Ikel.

Fil-qafas tar-relazzjonijiet tiegħu ma' donaturi minn barra l-UE, id-DĠ ECHO żamm kuntatt mal-Istati Uniti inkluż l-organizzazzjoni ta' Djalogu ta' Sħubija Strateġika (SPD) kif ukoll laqgħat oħra u segwa r-relazzjonijiet tiegħu ma' donaturi ewlenin oħra.

Fl-aħħarnett, id-DĠ ECHO kompla jiżgura r-rappreżentanza u l-viżibbiltà tal-perspettiva umanitarja fil-fora tan-NU u żgura li l-pożizzjonijiet, ir-reżoluzzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet ikkoordinati mill-UE fil-korpi tan-NU jirriflettu l-politika tal-UE.

Aktar dettalji dwar dawn il-partijiet interessati qed jidhru fl-anness – it-taqsima V.

5. ATTIVITAJIET OħRA

Fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet, id-DĠ ECHO għandu x’jaqsam ukoll ma’ kwistjonijiet oħra sabiex jappoġġja l-prestazzjoni u l-kwalità tal-Għajnuna Umanitarja:

1. L-iżvilupp ta’ politika dwar is-sigurtà u s-sikurezza tad-DĠ ECHO għall-impjegati li huma involuti fil-prestazzjoni tal-għajnuna umanitarja;

2. Sostenn tar-rinfurzar tal-kapaċitajiet istituzzjonali tal-imsieħba f'xi oqsma speċifiċi biex titjieb il-kapaċità tagħhom biex iwieġbu malajr u b'mod effiċjenti għall-emerġenzi permezz ta' programmi ta' bini ta' kapaċita ;

3. It-tisħiħ tal- kapaċità tat-tweġiba rapida tagħha fuq il-post bl-organizzazzjoni ta’ timijiet multi-settorjali;

4. L- istrateġija ta’ komunikazzjoni u l-informazzjoni u

5. Dwar l-inizjattivi ta’ taħriġ, id-DĠ ECHO jappoġġja n-" Netwerk dwar l-Għajnuna Umanitarja " (NOHA) li qed joffri kors ta’ diploma post-graduate multi-dixxiplinari.

Dettalji dwar dawn l-attivitajiet qed jidhru fl-Anness – Taqsima VI

6. GħELUQ

Id-DĠ ECHO kompla jwieġeb malajr għal avvenimenti li ma setgħux ikunu mbassra sabiex jgħin eluf ta' nies li qed isofru li xi kultanti diġà jkunu milquta minn kriżijiet fuq żmien twil. Dawn il-kunflitti twal u dejjem iktar distruttivi għandhom konsegwenzi drammatiċi mhux biss fuq il-popolazzjoni attwali li huma dipendenti fuq l-għajnuna umanitarja b'mod permanenti iżda wkoll fuq il-ġenerazzjonijiet futuri.

Jekk it-tibdil fil-klima huwa l-iktar fattur importanti fiż-żieda għall-għajnuna umanitarja, il-kriżi tal-ikel globali hija l-problema immedjata. Minbarra l-kriżi finanzjarja u ekonomika mondjali, huwa previst li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw se jilħqu l-livell kritiku ta' povertà. Kull tnaqqis fl-investimenti u l-għajnuna internazzjonali minħabba l-kriżi se jolqot b'mod partikolari r-reġjuni l-iktar vulnerabbli.

Sa minn meta nħoloq, id-DĠ ECHO kontinwament adatta l-istrateġija tiegħu sabiex l-għajnuna tasal għand il-popolazzjonijiet li l-iktar għandhom bżonnha. Huwa ċar li l-kuntest ġeopolitiku attwali jippreżental sfidi ġodda. Waħda hi li jkun protett l-ispazju umanitarju mhedded u li tkun promossa ż-żamma mal-Liġi Umanitarja Internazzjanali mill-partijiet involuti f'kunflitt armat. Oħra hi l-bżonn li tkun żgurata koerenza bejn numru dejjem jikber ta' atturi sabiex titwassal għajnuna effettiva u xierqa lil dawk fil-bżonn.

Fl-aħħar nett, mil-lat politiku, l-isforz ta' koordinazzjoni mniedi pemezz tal-firma tal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja – u l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tiegħu – se jippermetti lid-DĠ ECHO jimmarka l-ambizzjoni tiegħu biex jikkontribwixxi b'mod attiv għad-definizzjoni ta' politika umanitarja u għal mistoqsijiet strateġiċi dwar il-kapaċità li tkun ipprovduta għajnuna umanitarja xierqa u effettiva fejn l-iktar hemm bżonnha.

[1] COM(2008) 130, it-Tisħiħ tal-Kapaċità tal-Unjoni fir-Reazzjoni għad-Diżastri

[2] http://www.icrc.org/Web/Eng/siteeng0.nsf/htmlall/section_ihl_in_brief?OpenDocument

[3] Ara r-Regolament tal-Kunsill Nru 1257/96

[4] Artikolu 21 – il-paragrafu.2g tat-Trattat tal-UE

[5] http://www.goodhumanitariandonorship.org/

[6] Disponibbli fuq http://ec.europa.eu/echo/funding/key_figures/echo_en.htm

[7] The Economist's, J. Holmes, "The Year in 2009", More help now, please (p. 110)

[8] ĠU C 25 – 30/1/2008

[9] SEC(2008)1991 – Mejju 2008

[10] Minn din iċ-ċifa, id-DG ECHO għenet 13.5 miljun ta' persuni mċaqalqa f'pajjiżhom mill-ammont totali ta' 26 miljun irrapportati – www.internal-displacement.org (IDMC, iċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ għall-Persuni Mċaqalqa, Ħarsa ġenerali lejn ix-Xejriet u l-Iżviluppi fl-20007).

[11] Id-DG ECHO jwassal l-għajnuna tiegħu fuq il-bażi ta' żewġ valutazzjonijiet ta' ħtiġijiet umanitarji bl-użu ta' żewġ indiċi kumplimentari: l-indiċi tal-kriżijiet u l-indiċi ta' vulnerabbiltà spjegati fil-parti II tal-Anness.

[12] Simnplifikazzjoni skont il-linja tal-baġit, tat-total impenjat fl-2008 huwa disponibbli fil-parti VIII

[13] Il-Fond ta' Emerġenza għall-għajnuna fid-diżastri

Top