EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0224

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Konsultazzjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2010

/* KUMM/2009/0224 finali */

52009DC0224




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 12.5.2009

KUMM(2009) 224 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Konsultazzjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2010

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Il-Qagħda tar-Riżorsi 3

3. Rendiment tas-sajd 4

4. Prinċipji għall-2010 5

5. Opportunitajiet tas-Sajd Deċiżi skont il-PKS 5

5.1. Stabbiliment tat-TAC 5

5.2. L-istabbiliment tal-isforz tas-sajd 6

6. Implikazzjonijiet tat-Trattat ta’ Liżbona 6

7. Il-Ġestjoni permezz ta' pjanar fit-tul 7

8. Metodu ta' ħidma fejn għad m'hemmx pjanijiet fit-tul 7

9. Ir-rimi lura 9

9.1. Linji gwida għall-istudji pilota dwar ir-rimi 10

10. L-Iskeda tal-Proposti 10

10.1. Il-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed 10

10.2. Il-Baħar Baltiku 11

10.3. L-ilmijiet tal-Atlantiku, tal-Baħar tat-Tramuntana u dawk Internazzjonali 11

10.4. Skeda 11

11. Djalogu bejn il-partijiet interessati 11

12. Konklużjoni 12

ANNESS I 13

ANNESS II - Regoli għat-TAC 14

ANNESS III – Talba lill-ICES għall-kategoriji 6 sa 9 16

1. INTRODUZZJONI

Kull sena, l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi dwar l-opportunitajiet tas-sajd – il-kwoti tal-ħut u l-isforz tas-sajd permissibbli – għas-sajjieda Ewropej u l-ilmijiet Ewropej. Dawn id-deċiżjonijiet isiru abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha tiġi fformulata skont għadd ta' prinċipji ta' gwida. L-ewwel, skont l-għanijiet ewlenin tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS)[1], l-opportunitajiet annwali tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti f'livell li jiżgura użu sostenibbli tar-riżorsi f'termini ambjentali, ekonomiċi u soċjali. It-tieni, sabiex jiġi żgurat qafas stabbli u prevedibbli għall-operaturi li jiddependu fuq is-sajd, il-varjazzjonijiet annwali għandhom jinżammu f’limiti predeterminati. It-tielet, l-impenji internazzjonali għandhom jiġu rispettati, inkluż l-impenn li l-istokkijiet jerġgħu jittellgħu sabiex jilħqu l-ogħla produttività tagħhom[2]. Fl-aħħarnett, skont l-approċċ miftiehem fil-Komunikazzjoni tal-2006 "Intejbu l-konsultazzjoni dwar il-ġestjoni Komunitarja tas-sajd", il-partijiet interessati għandhom jiġu involuti fi stadju bikri fid-diskussjonijiet dwar l-opportunitajiet tas-sajd.

F’konformità mal-metodu ta' ħidma l-ġdid propost fl-2006, dan id-dokument jistabbilixxi l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni għall-proposti tagħha dwar il-qabdiet totali permissibli (TAC) u l-isforz tas-sajd għall-2010 biex tilħaq l-impenn tagħha għal sajd sostenibbli. Il-qagħda tar-riżorsi tibqa’ waħda inkwetanti. Diversi stokkijiet għadhom jiġu sfruttati b’mod insostenibbli. L-opportunitajiet tas-sajd ġew stabbiliti f'livelli għoljin wisq biex ikunu sostenibbli. Madankollu, ġew implimentati b’suċċess diversi pjanijiet fit-tul li ġġeneraw sinjali ta’ rkupru tal-istokkijiet.

Il-Kummissjoni qiegħda tfittex il-fehmiet tal-partijiet interessati dwar ir-regoli stipulati f’dan id-dokument u tistieden lill-Istati Membri u lill-industrija biex jissuġġerixxu titjib. Ser jiġu ppjanati iktar konsultazzjonijiet dwar it-titjib tal-aspetti l-oħra tal-ġestjoni tas-sajd matul l-2009. L-approċċ ġenerali propost f’din il-Komunikazzjoni, prinċipalment fl-Anness II tagħha, madankollu jista’ jiġi rivedut fid-dawl tal-parir xjentifiku meta dan jiġi pprovdut u, għal dik ir-raġuni, il-Kummissjoni ma teskludix tibdiliet fil-proposti tagħha għall-opportunitajiet tas-sajd għall-2010.

2. Il-Qagħda tar-Riżorsi

F'bosta setturi, il-politika tal-konservazzjoni mhix qed twassal għas-sostenibbiltà. Ħafna mill-istokkijiet demersali naqsu u mhumiex f’livelli sostenibbli, minħabba li qed jiġu sfruttati lil hinn mil-limiti bijoloġiċi sikuri. Madankollu, ħafna stokkijiet pelaġiċi oħra qed jinqabdu b'mod sostenibbli.

L-aġenziji xjentifiċi jevalwaw kull sena jekk l-istokkijiet humiex fir-riskju li r-riproduzzjoni futura tagħhom tkun kompromessa, jiġifieri, jekk jaqbżux "il-limiti bijoloġiċi sikuri". L-iktar minħabba rapporti ta' qbid mhux eżatti, il-qagħda ta' madwar 59% tal-istokkijiet mhix magħrufa. Minn dawk l-istokkijiet li l-qagħda tagħhom hija magħrufa, 69% huma f'riskju għoli li jinqerdu, u għal madwar 31% tal-istokkijiet huwa magħruf li qed jinqabdu b'mod sostenibbli. Fi 86% tal-istokkijiet, il-qbid żejjed tant huwa serju li jinqabad iktar ħut li kieku s-sajd kellu jonqos. Dan in-numru jaqbeż sew is-sitwazzjoni barra mill-UE fejn il-medja globali hija li 28% tal-istokkijiet qegħdin ibatu minn qbid żejjed[3]. Madwar 18% tal-istokkijiet jinsabu f'qagħda tant ħażina li x-xjenzjati huma tal-parir li m'għandux isir iktar sajd (Ara t-tabelli f'Anness I).

Minkejja sforzi sostanzjali, hemm biss sinjali limitati ta' rkupru tal-istokkjiet u ta' tnaqqis fil-qbid żejjed mill-2003. Il-ġestjoni tas-sajd fl-Unjoni Ewropea mhix qed taħdem kif suppost u l-għan li tinkiseb sostenibbiltà fit-tul mhux qed jintlaħaq. Għalhekk, bil- Green Paper tnediet riforma tal-PKS kollha kemm hi.

3. Rendiment tas-sajd

Filwaqt li xi wħud mill-flotot tal-UE qed jaħdmu bi profitt mingħajr is-sostenn pubbliku, il-biċċa l-kbira tal-flotot tas-sajd tal-Ewropa qegħdin jew jaħdmu bit-telf inkella joperaw bi profitti baxxi. Ir-rendiment globalment fqir juri b’mod partikolari li teżisti sitwazzjoni kronika ta' kapaċità żejda, u s-sajd żejjed huwa kemm kawża kif ukoll konsegwenza ta’ din. F’dan ir-rigward, il-flotta għad trid tiġi adattata fid-daqs sabiex jiġi evitat is-sajd żejjed taħt kundizzjonijiet ekonomiċi normali, biex b’hekk tiġi żgurata l-attività sħiħa għall-bastimenti.

Kumplessivament, il-flotta tas-sajd tal-UE esperjenzat profitti modesti bejn l-2003 u l-2007. Madankollu, ħafna mis-segmenti tal-flotta li joperaw bi profitt straħu fuq dħul addizzjonali minn sussidji diretti (għajnuna mill-UE u għajnuna nazzjonali mill-Istat[4]), stmat li hu fil-medda bejn 10% u 20%. Li dawn kellhom jitnaqqsu, il-profittabilità ta' ħafna flotot x'aktarx kienet tkun negattiva, jew fl-aqwa każijiet tkun madwar żero, matul il-perjodu kollu.

L-aħħar estimi għall-2008-09 jindikaw deterjorament fir-rendiment ekonomiku tal-flotta:

- L-opportunitajiet tas-sajd qegħdin jonqsu għal għadd ta’ stokkijiet ewlenin, u dan se jillimita l-potenzjal tal-qligħ ta’ setturi kbar mill-flotta tal-UE.

- Il-kriżi tal-karburant fl-2008 għolliet l-ispejjeż operazzjonali b’mod sinifikanti u qajmet tħassib serju dwar l-istruttura tal-flotta tal-UE fil-ġejjieni, partikolarment għal bastimenti li mhumiex effiċjenti fil-konsum tal-karburant. Filwaqt li l-pressjoni mill-ispejjeż għolja tal-karburant naqset drammatikament mis-sajf li għadda (l-prezzijiet tad-diżil tal-baħar fil-portijiet tal-UE kienu madwar €75 ċenteżmu/litru f’Lulju 2008 u naqsu għal madwar €36 fi Frar 2009), l-aspettattivi fit-tul huma li l-prezzijiet tal-karburant jerġgħu jogħlew.

- Il-kriżi ekonomika globali fl-2009 tidher li qiegħda taffettwa kemm l-aċċess għall-kreditu kif ukoll għad-domanda għall-ikel mill-baħar, u għalhekk il-prezzijiet tal-ħut. Dan iħalli impatt fuq settur tal-ħsad li diġà ma setax jibbenefika ekonomikament miż-żieda kostanti fid-domanda għall-ħut fl-UE matul l-aħħar għaxar snin. Minkejja t-tnaqqis tal-volumi tal-qabdiet imtella' l-art għall-maġġoranza tal-istokkijiet, il-prezzijiet tal-ewwel bejgħ għal ħafna speċijiet importanti staġnaw, jew saħansitra naqsu. Pereżempju, il-prezzijiet tal-merluzz tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Baħar Baltiku raw tnaqqis minn sena għall-oħra ta’ madwar 20-30% fi Frar (tnaqqis minn prezzijiet medji ta’ €3.00-3.50 għal €2.20-2.75 kull kg). Skont il-Globefish-FAO, id-domanda u l-prezzijiet ikkrollaw fis-swieq ewlenin għall-whitefish fl-aħħar xhur. Fl-2009, is-swieq għall-ispeċijiet ta’ valur għoli bħall-merluzz u t-tonn x’aktarx li jintlaqtu partikolarment. Għall-kuntrarju, speċijiet pelaġiċi ta’ valur baxx huma mistennija jmorru ferm aħjar, bħalma huma mistennija jmorru bosta krostaċej u s-salamun.

4. Prinċipji għall-2010

Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata għall-opportunitajiet tas-sajd sostenibbli skont il-parir xjentifiku u, għall-istokkijiet eżawriti, se tippermetti possibbiltà għolja ta’ rkupru tal-istokkijiet.

L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti:

- skont pjanijiet għall-medda t-twila;

- b’rispett għall-impenji internazzjonali rilevanti, inkluż l-impenn li l-istokkijiet jerġgħu jinbnew sabiex jilħqu l-produttività massima tagħhom (MSY).

- b’rispett għall-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd, u speċjalment b’rispett għall-ħtieġa li jitnaqqas is-sajd għal stokkijiet sfruttati żżejjed u biex jerġgħu jinbnew l-istokkijiet eżawriti.

Il-Kummissjoni tagħti l-ogħla importanza lir-rispett ta' dawn il-prinċipji. Dawn huma spjegati f’aktar dettall hawn isfel.

5. Opportunitajiet tas-Sajd Deċiżi skont il-PKS

5.1. Stabbiliment tat-TAC

Il-qbid żejjed u l-eżawriment tal-istokkijiet jirriżultaw parzjalment mill-istabbiliment ta' livelli għoljin wisq tat-TAC u tal-isforzi. It-TAC adottati mill-Kunsill abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni fil-medja kienu 48% ogħla mill-medja li, skont l-aġenziji xjentifiċi, jkunu sostenibbli f’konformità mal-approċċ prekawzjonarju (Tabella 4, Anness I)[5]. Il-proposta tal-Kummissjoni, f'bosta każijiet, kienet differenti mill-parir xjentifiku għaliex il-livell fil-bidla tat-TAC huwa limitat għal perċentwal fiss (ara l-Anness II), sabiex titqies it-talba għall-istabbilità min-naħa tal-industrija. Minbarra l-problemi magħrufa dwar l-infurzar, l-istabbiliment ta' kwoti għoljin wisq ikkontribwixxa biex ir-riżorsi tal-baħar jinżammu f'livelli baxxi.

5.2. L-istabbiliment tal-isforz tas-sajd

L-isforz tas-sajd ġie ġestit flimkien mat-TAC biex jitnaqqas ir-rimi lura, jitnaqqsu l-opportunitajiet għal qabdiet illegali, mhux rapportati u mhux regolati (IUU), u sabiex jiġi stimulat tnaqqis tal-kapaċità żejda. Il-ġestjoni tal-isforz hija wkoll miżura ta' konservazzjoni fejn il-previżjonijiet użati biex jiġu proposti TAC ma jkunux disponibbli. Kienet parti mill-pjanijiet għall-medda twila għall-merluzz tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Baħar Baltiku, tal-barbun tat-tbajja' u l-lingwata tal-Baħar tat-Tramuntana, il-lingwata tal-Lvant tal-Kanal, il-marlozz tan-Nosfinhar u tal-istokkijiet tal-ksampu (Awwista tan-Norveġja).

L-adozzjoni f’Diċembru 2008, tal-pjan fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz, wassal għal tibdiliet sinifikanti għall-mod li bih jiġu ġestiti l-isforzi u għandu jservi bħala eżempju biex ikomplu jittejbu s-sistemi tal-isforzi applikabbli għal speċijiet oħra jew f’oqsma oħra.

Is-sistema fis-seħħ attwalment ta’ ġestjoni tal-isforzi abbażi tal-limiti fuq il-jiem-KW tħalli f'idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu fuq bilanċ bejn il-kapaċità tal-flotta u l-opportunitajiet tas-sajd. Dan jippermetti wkoll lill-Istati Membri biex jaġġustaw l-allokazzjonijiet ta' kW-jiem biex jitħeġġeġ sajd aktar selettiv. Matul l-2009, il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida mill-Istati Membri sabiex tiżgura li dan isir kif suppost. Il-limiti tal-jiem-kW għall-2010 se jiġu adattati abbażi tal-parir xjentifiku skont ir-regoli dwar il-kontroll tal-ħsad stabbiliti fil-pjanijiet rispettivi tal-ġestjoni fit-tul. Il-bidla għas-sistema tal-jiem-kW fl-iskema tal-isforzi fi ħdan il-pjanijiet ta’ ġestjoni għall-marlozz tan-Nofsinhar, il-ksampu (l-awwista tan-Norveġja), u l-pjanijiet ta’ ġestjoni għal-lingwata tal-Punent tal-Kanal, hija prevista għal wara l-analiżi ta’ dawk il-pjanijiet fl-2010.

6. Implikazzjonijiet tat-Trattat ta’ Liżbona

Filwaqt li d-deċiżjoni dwar ir-ratifika tat-Trattat ta’ Liżbona għada ma tteħditx mill-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni tqis li huwa meħtieġ li ssir tħejjija għall-possibbiltà li t-Trattat jidħol fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tal-opportunitajiet tas-sajd għall-2010.

It-Trattat ta’ Liżbona jistabbilixxi l-kodeċiżjoni bħala l-proċedura ewlenija biex jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet marbuta mal-PKS. Fl-Artikolu 43(3) tat-Trattat hemm prevista eċċezzjoni fir-rigward ta’ miżuri dwar l-“dwar l-iffissar u l-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd”. Dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, mingħajr l-involviment tal-Parlament. Għalhekk sar importanti li niddistingwu biċ-ċar bejn miżuri li jistgħu jitqiesu li jirrigwardaw l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd u dawk li, għall-kuntrarju, għandhom jiġu adottati permezz tal-kodeċiżjoni.

Għalhekk huwa meħtieġ li jsir eżami bir-reqqa tal-kontenut rikorrenti tar-regolamenti annwali tal-Kunsill dwar l-opportunitajiet tas-sajd sabiex naraw liema mid-dispożizzjonijiet tagħhom jistgħu jiġu inklużi f’miżura bbażata fuq l-Artikolu 43(3).

Dan l-eżerċizzju ta’ skrutinju attwalment isir mill-Kummissjoni. Beħsiebha tinkludi biss fil-proposti kollha tagħha għar-regolamenti dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2010 dawk id-dispożizzjonijiet li huma funzjonalment marbuta mal-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd. Dan se jwassal għall-esklużjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet kollha tekniċi u ta’ kontroll li ma jilħqux dan il-kriterju, kif ukoll dispożizzjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni fil-liġi Komunitarja ta' regoli adottati minn Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd.

F’dan ir-rigward, ir-Regolament dwar il-Kontroll u r-Regolament dwar il-Miżuri Tekniċi se jkunu ta’ importanza partikolari: ladarba jiġu adottati, dawn ir-regolamenti se jipprovdu għal dispożizzjonijiet permanenti, biex b’hekk jissostitwixxu l-miżuri tranżizzjonali li attwalment jiġu applikati annwalment permezz ta’ annessi tar-regolamenti annwali dwar l-opportunitajiet tas-sajd.

7. Il-Ġestjoni permezz ta' pjanar fit-tul

Il-pjanijiet fit-tul għadhom fil-qalba tal-politika tal-Kummissjoni. Il-pjanijiet eżistenti, inklużi l-pjanijiet maqbula internazzjonalment, għandhom jiġu implimentati. Pjanijiet bħal dawn irriżultaw aktar effikaċi għall-ġestjoni tal-istokkijiet u għenu sabiex jittejjeb it-teħid tad-deċiżjonijiet, kemm fl-aspetti proċedurali kif ukoll fir-riżultat finali. Mill-2002, ġew żviluppati pjanijiet ta’ ġestjoni għal bosta stokkijiet: 41% tal-istokkijiet pelaġiċi (41% tal-qabdiet) u 29% tal-istokkijiet demersali (44% tal-qabdiet) attwalment huma soġġetti għal pjanijiet fit-tul.

Se tkompli l-ħidma biex aktar stokkijiet jinġiebu taħt il-ġestjoni fit-tul, fosthom l-istokkijiet pelaġiċi fil-Baħar Baltiku u xi ftit oqsma tas-sajd tal-Mediterran. Fl-2009 se jiġu proposti iktar pjanijiet speċifiċi għall-marlozz tat-Tramuntana, għas-sawrell tal-Punent, għall-inċova tal-Bajja ta’ Biscay u għas-Salamun tal-Baltiku. Fejn, sakemm jiġu adottati pjanijiet bħal dawn, il-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu ddikjaraw intenzjonijiet speċifiċi dwar ir-regoli ir-regoli tal-ħsad, id-dikjarazzjonijiet se jkunu segwiti billi jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd għall-2010 għall-ispeċijiet ikkonċernati, u sussegwentement se jiġu implimentati fil-proposti tal-Kummissjoni (eż. l-aringi tal-Baħar Keltiku u l-haddock tal-Punent tal-Iskozja).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qiegħda tirrefletti dwar il-possibbiltà ta' struttura legali differenti għall-pjanijiet fit-tul li jmiss, alternattiva tista' jkun li ħafna stokkijiet differenti jinġiebu taħt il-mekkanżimu tal-ġestjoni fit-tul f'Regolament wieħed.

8. Metodu ta' ħidma fejn għad m'hemmx pjanijiet fit-tul

Fejn għad m'hemmx pjanijiet fit-tul, id-deċiżjonijiet tat-TAC jittieħdu fuq il-bażi ta' parir xjentifiku annwali mill-ICES u s-STECF, u din tal-aħħar tinkludi aspetti kemm bijoloġiċi kif ukoll soċjoekonomiċi. Ġew żviluppati regoli[6], għall-istabbiliment tat-TAC sabiex jiġi żgurat trattament ġust u biex tiġi pprovduta kemm jista' jkun stabbiltà għall-industrija. Dawn ir-regoli ser jibqgħu japplikaw, iżda b'xi tibdiliet kif mitlub mill-aħħar parir xjentifiku.

Fl-2008 is-STECF irrapporta[7] dwar ir-riżultat probabbli tar-regoli tad-Dikjarazzjoni ta' Politika tal-Kummisjoni. Il-parir kien ġeneralment wieħed ta’ appoġġ fis-sens illi t-TAC stabbiliti skont il-kategoriji 1 sa 3 (stokkijiet b’valutazzjonijiet analitiċi) kemm-il darba jwasslu għall-bini mill-ġdid u l-irkupru tal-istokkijiet. Is-STECF madankollu rrapporta nuqqas serju wieħed: għall-istokkijiet li għalihom għada mhix disponibbli l-valutazzjoni analitika (il-kategoriji 6 sa 9 u 11), l-istabbiliment ta' TAC f’konformità max-xejriet tal-qabdiet għal kull unità ta’ sforz (cpue) ma jwassalx għaż-żamma ta’ stokkijiet b'saħħithom, u ma kienx rakkomandat. Barra minn hekk, aktar tard is-STECF stqarr[8] li fil-każ tal-istokk tal-aringi tal-Punent tal-Baltiku li jorqoq fir-Rebbiegħa fid-Diviżjoni IIIa u s-Subdiviżjonijiet 22-24, l-applikazzjoni tar-regola tal-kategorija 3 ma ttejjibx il-qagħda ta’ dan l-istokk. Fid-dawl ta’ dawn il-konklużjonijiet, bidla fil-kategorija 3 hija meħtieġa.

B’segwitu għal Dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-ġestjoni tal-istokkijiet fejn l-ICES mhijiex kapaċi tipprovdi tabella għall-għażliet tal-qabdiet qiegħda terġa' tiġi eżaminata. Il-Kummissjoni biħsiebha tiżviluppa regola ġdida dwar l-istokkijiet fil-kategoriji 6 sa 9 u fformulat talba lill-ICES dwar dan is-suġġett (ara l-Anness III). Hi u timxi fil-passi tar-rispons tal-ICES u tas-STECF dwar din il-kwistjoni, il-Kummissjoni se tiddeċiedi jekk tibbażax il-proposti tagħha tat-TAC għal stokkijiet bħal dawn fl-2010 fuq ir-regola eżistenti, fuq ir-regola l-ġdida msemmija fl-Anness III, inkella tużax regoli oħra alternattivi li ġew issuġġeriti mill-ICES jew is-STECF. Ir-RAC huma mistiedna jippreżentaw il-parir tagħhom dwar dawn l-għażliet ġodda ta’ ġestjoni għall-istokkijiet mingħajr valutazzjoni kwantifikata. Is-STECF ser jintalab jevalwa l-effetti bijoloġiċi, soċjali u ekonomiċi ta’ dawn l-għażliet u bidliet differenti.

Dan li ġej jirreferi speċifikament għall-istokkijiet li għalihom hemm nuqqas tal-parir xjentifiku (kategorija 11). L-aġenziji xjentifiċi setgħu jbassru biss id-daqs tal-istokkijiet tal-ħut, ir-rati tal-mortalità tal-ħut u l-livelli tal-qbid għal madwar 35% tal-istokkijiet (Anness I), minħabba dejta mhux eżatta mis-settur tas-sajd dwar il-ħatt l-art, kif ukoll minħabba problemi biex tinkiseb dejta dwar ir-rimi u l-isforz. Jidher li din il-problema qed tmur għall-agħar: Dejta ħażina twassal għal deċiżjonijiet ħżiena, li jfisser status ta' konservazzjoni ħażin u stokkijiet imnaqqsa. Għalhekk jekk id-dejta ma tittejjibx, se jissegwa l-approċċ prekawzjonarju u konsegwentament se jiġu applikati regoli aktar stretti. Dan huwa wkoll il-każ meta żewġ stokkijiet jew aktar, b’pariri xjentifiċi differenti (u għalhekk kategoriji differenti), jiġu ġestiti flimkien u jiġi ffissat TAC komuni.

L-Istati Membri huma mfakkra biex jimplimentaw il-kontroverifika tad-dejta u biex itejbu t-twassil tad-data. Il-Qafas għall-Ġbir tad-Dejta (DCF)[9] se jtejjeb xi wħud mill-kwistjonijiet marbuta mad-dejta, prinċipalment permezz taż-żieda tal-ispeċijiet elenkati għall-ġbir mandatorju tad-dejta (inkluż bl-istħarriġ fuq il-baħar). Barra minn hekk, ir-riforma attwali tas-sistema ta’ kontroll tal-PKS għandha tindirizza dawn in-nuqqasijiet, u tipprovdi għat-titjib tas-sistema VMS u implimentazzjoni aktar rapida u usa’ tal-ġurnal elettroniku ta’ abbord. Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi mill-qrib dawn il-kwistjonijiet matul l-2009.

9. IR-RIMI LURA

Ir-rimi tal-organiżmi tal-baħar (li jinkludu ħut li jista' jinbiegħ) huwa problema kbira fl-ilmijiet Ewropej. Il-Kummissjoni għamlitha ċara li biħsiebha telimina din il-prattika mhux mixtieqa[10]. Il-ksib ta’ dan l-għan jesiġi tibdil fil-leġiżlazzjoni Komunitarja kif ukoll tibdil fl-imġiba tas-sajjieda. Fl-2009 qegħdin jittieħdu passi sinifikanti sabiex tiġi indirizzata l-problema tar-rimi lura: fil-Baħar tat-Tramuntana u l-Iskagerrak ġiet stabbilita projbizzjoni fuq iż-żamma biss tal-aqwa prodotti, l-isforz kompla jitnaqqas fil-kuntest tal-pjanijiet multiannwali u hemm studji pilota kurrenti dwar kif jista' jkompli jitnaqqas ir-rimi lura. Għall-2010, għandhom jittieħdu passi aktar sinifikanti, bħalma huma:

- Tnaqqis tal-isforz tas-sajd kif miftiehem fil-kuntest tal-pjanijiet multiannwali; dan huwa pass fundamentali sabiex jitnaqqas ir-rimi lura, peress li jnaqqas ir-rimi tal- ispeċijiet kollha (inklużi dawk mhux kummerċjali) ikkawżat minn diversi raġunijiet (eż. valur baxx jew ineżistenti fis-suq, iż-żamma biss tal-aqwa prodotti u eżawriment tal-kwota). It-tnaqqis tal-isforz tas-sajd fuq l-istokkijiet sfruttati żżejjed barra minn hekk iżid id-daqsijiet tal-popolazzjoni u d-daqs medju tal-ħut biex b’hekk inaqqas ir-rimi ta’ ħut żgħir wisq.

- Projbizzjoni ġenerali fuq iż-żamma biss tal-aqwa prodotti, jiġifieri projbizzjoni fuq ir-rimi ta’ kwalunkwe organiżmu tal-baħar li jinqabad f’operazzjoni tas-sajd u li jittella’ abbord, li jista’ jinħatt l-art legalment, għandha tiġi implimentata fiż-żoni kollha.

- Studji pilota – studji ta’ riċerka dwar kwistjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw projbizzjoni fuq ir-rimi għandhom jiġu mħeġġa, bħal pereżempju dwar is-sopravivenza tal-ispeċijiet mormija, it-titjib tas-selettività tal-irkaptu, l-impatti eknomiċi ta’ projbizzjoni fuq ir-rimi, użijiet possibbli ta’ organiżmi mhux mixtieqa, eċċ.

- Permessi tas-sajd – l-Istati Membri huma mħeġġa joħorġu permessi tas-sajd biss lil bastimenti b'allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd fil-forma ta' kwoti għall-ispeċijiet li x'aktarx jinqabdu fis-sajd ikkonċernat.

9.1. Linji gwida għall-istudji pilota dwar ir-rimi

Fl-2009 l-għadd ta’ inizjattivi sabiex jiġu studjati kwistjonijiet speċifiċi li jirriżultaw minn projbizzjoni tar-rimi huma mistennija jiżdiedu, u dan joħloq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli komuni. Dawn għandhom jiżguraw kundizzjonijiet ekwi bejn l-istudji, approċċ komuni bejn iż-żoni ġeografiċi, iżda wkoll li l-għanijiet marbuta mar-rimi jintlaħqu. Ir-regoli għall-istudji pilota dwar ir-rimi b’hekk jinkludu:

- Li l-qabdiet kollha tal-ispeċijiet regolati jinqatgħu mill-kwoti;

- Li l-inċentivi pożittivi għall-bastimenti involuti fi studju pilota jsiru biss fuq il-livell tal-Istati Membri fil-limitazzjoni tal-kwoti u l-isforzi allokati lill-Istat Membru;

- L-obbligu li jinżammu abbord osservatturi/Monitoraġġ Elettroniku (EM) f’għallinqas 50% tal-vjaġġi tas-sajd tal-bastimenti involuti fl-istudju pilota;

- Ir-reviżjoni possibbli tal-miżuri tekniċi;

- Li r-riżultati jiġu analizzati xjentifikament;

- Obbligu ta’ rappurtar dwar il-proġett lill-Kummissjoni jirriżulta f’rapport xjentifiku għall-inklużjoni fil-websajt (miftuħa għall-pubbliku ġenerali).

10. L-Iskeda tal-Proposti

10.1. Il-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed

Fil-Mediterran, l-uniku TAC li hemm bħalissa huwa dak għat-Tonn, stabbilit mill-ICCAT, li waqqfet ukoll staġun magħluq rikorrenti (1 ta’ Ottubru – 30 ta’ Novembru) għas-sajd għall-pixxispad. Il-Baħar l-Iswed huwa kopert minn Regolament speċifiku għat-TAC u l-kwoti mill-2008. L-istabbiliment tat-TAC għall-2010 se jimxi fuq ir-regoli fl-Anness II, u jistgħu jiġu inklużi speċijiet jew miżuri tekniċi addizzjonali.

Il-Kummissjoni tqis li l-implimentazzjoni tar-regolament dwar il-Mediterran għadu ferm il-bogħod milli jkun sodisfaċenti, anke f’dawk il-partijiet li jirrikjedu approċċ minn isfel għal fuq għall-pjanijiet nazzjonali ta’ ġestjoni u l-forniment ta’ informazzjoni rilevanti sabiex jiġi stabbilit netwerk ta’ żoni protetti tas-sajd. Se tkompli l-ħidma biex il-pjanijiet ta’ ġestjoni fit-tul tal-Komunità jitħejjew u dan l-approċċ jiġi mħeġġeġ, flimkien ma’ azzjonijiet oħra ta’ konservazzjoni u miżuri speċifiċi dwar il-monitoraġġ u l-kontroll fil-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM). Is-STECF se jkompli jiġi promoss bħala l-pjattaforma internazzjonali xjentifika xierqa biex tappoġġa l-kontribut tax-xjenzjati Ewropej għat-tisħiħ tal-bażi xjentifika għall-ġestjoni sostenibbli tas-sajd fir-reġjun u sabiex jittejbu l-kontribuzzjonijiet xjentifiċi għall-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv tal-GFCM.

10.2. Il-Baħar Baltiku

Il-Kummissjoni se tippreżenta l-proposta tagħha dwar it-TAC tal-2010 għall-istokkijiet tal-Baltiku f'Settembru 2009. Il-Kunsill se jiġi mistieden biex jadotta l-proposta f'Ottubru. Il-parir tal-ICES se jkun disponibbli fid-29 ta’ Mejju filwaqt li s-STECF se jipprovdi l-parir xjentifiku tiegħu sad-19 ta’ Ġunju. Ir-RAC huwa mistieden jagħti l-parir tiegħu lill-Kummissjoni sal-aħħar ta' Ġunju.

10.3. L-ilmijiet tal-Atlantiku, tal-Baħar tat-Tramuntana u dawk Internazzjonali

Il-parir xjentifiku li jirrigwarda l-maġġoranza tal-istokkijiet demersali se jkun disponibbli mis-STECF f’nofs Lulju. Il-proposta tal-Kummissjoni se tiġi ppubblikata f’Ottubru sabiex ikun hemm l-itwal żmien possibbli għall-konsultazzjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tinforma lill-partijiet interessati dwar ir-riżultati tar-regoli msemmija f’dan id-dokument, skont l-aħħar pariri xjentifiċi, f’laqgħa li għandha tissejjaħ qabel tmiem Lulju 2009.

Il-medda ta’ żmien li fuqha jitqassmu l-laqgħat tal-Ħarifa dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet se tinżamm minħabba li l-parir għall-istokkijiet pelaġiċi kbar u komuni se jkunu disponibbli biss f’Ottubru. Dan se jkun meħtieġ qabel ma jkun jista' jiġi nnegozjat pakkett sħiħ ta' opportunitajiet tas-sajd. Għalhekk il-proposta se jkun fiha ħafna elementi li dwarhom ma jkunux ittieħdu deċiżjonijiet u l-ebda ċifri speċifiċi ma jistgħu jiġu ppreżentati.

10.4. Skeda

L-iskeda prevista hija kif ġej:

Regolament dwar l-Opportunitajiet tas-sajd | Data tal-proposta tal-Kummissjoni: | Data possibbli għall-adozzjoni mill-Kunsill |

Il-Baħar l-Iswed | Settembru | Il-Kunsill ta' Ottubru |

Il-Baħar Baltiku | Settembru | Il-Kunsill ta' Ottubru |

Iż-żoni l-oħra kollha | Ottubru | Il-Kunsill ta' Diċembru |

11. Djalogu bejn il-partijiet interessati

Il-Kummissjoni tagħti valur għoli lill-kontribut mill-partijiet interessati permezz tal-proċess li jwassal għall-istabbiliment ta’ opportunitajiet annwali tas-sajd. Reazzjonijiet għal dan id-dokument jistgħu jitqiesu bħala spunt għal dak id-djalogu fiċ-ċiklu regolatorju annwali. Il-Kunsilli Reġjonali Konsultattivi varji, kif ukoll il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sajd u l-Akkwakultura ikkomunikaw it-tali reazzjonijiet tagħhom b’fokus fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni tqis fatturi soċjoekonomiċi hi u tagħmel il-proposti tagħha. Barra minn hekk, is-settur enfasizza b’konsistenza il-valur li jinżamm livell raġjonevoli ta’ stabbiltà fil-livelli tat-TAC, filwaqt li jeżistu fi ħdanu fehmiet differenti dwar il-merti ta’ regoli għall-iffissar ta’ TAC individwali.

Il-Kummissjoni, fid-djalogu tagħha mal-partijiet interessati dwar il-punti essenzjali msemmija hawn fuq, dejjem esprimiet il-fehma li l-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd huwa l-element ċentrali ta’ politika li tinkludi għodod varji differenti sabiex tiġi indirizzata l-ekonomija tas-settur tas-sajd u tal-ipproċessar. Il-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex jinħoloq approċċ komprensiv għall-użu ta’ dawn l-għodod kollha, tibqa’ marbuta mal-prinċipju essenzjali li l-ġestjoni adegwata tal-bażi tar-riżorsi għall-attività tas-sajd hija prerekwiżit għal settur ekonomikament flessibbli. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tilqa’ d-disponibbiltà tal-partijiet interessati, kif issemma fir-reazzjonijiet mir-RAC u l-ACFA, biex jinvolvu rwieħhom fi sħubija bejn l-industrija u x-xjenza sabiex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ dejta u b'hekk isir kontribut biex ir-reġim ta’ ġestjoni jsir aktar sod.

12. Konklużjoni

Il-Kummissjoni titlob l-opinjonijiet tal-Istati Membri u tal-partijiet interessati dwar l-approċċ stabbilit hawn fuq.

Taprezza ħafna l-parir tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali u tal-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura. Il-Kummissjoni tkun tista’ tilħaq aħjar ir-responsabbiltà tagħha għas-sostenibbiltà skont l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd jekk tqis dan il-parir.

Il-Kummissjoni tadotta approċċ responsabbli għall-ġestjoni tas-sostenibbiltà: in-nuqqas ta' evidenza mhijiex evidenza għas-sostenibbiltà.

Il-parir tal-partijiet interessati jista' jintuża biss mill-Kummissjoni meta jiġi żviluppat permezz ta' approċċ ibbażat fuq l-evidenza għas-sajd sostenibbli; jiġifieri, id-dejta hija meħtieġa bħala appoġġ għall-parir tal-partijiet interessati.

Hija meħtieġa informazzjoni tajba dwar is-sajd u l-istokkijiet sabiex jingħata parir kredibbli. Il-partijiet interessati huma mħeġġa li jiżguraw implimentazzjoni sħiħa u effettiva tas-sistemi eżistenti tar-rappurtar tal-qbid u l-ġbir tad-data. Dawn huma essenzjali biex il-ġestjoni tas-sajd taħdem. B'bażi soda fl-informazzjoni, il-partijiet interessati jkunu jistgħu jagħtu parir aħjar lill-Kummissjoni dwar il-prattiki tas-sajd sostenibbli.

Il-Kummissjoni se tieħu passi biex twettaq segwitu tekniku speċifiku (u speċjalment dwar is-sistema ta' ġestjoni tal-isforz) mal-Istati Membri u l-partijiet interessati mit-tieni kwart tal-2009.

Sabiex ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu utilizzati fil-ħin, il-Kummissjoni titlob li l-kontribuzzjonijiet jiġu finalizzati sal-31 ta' Lulju 2009. Fil-Kunsill dwar is-Sajd fit-22-23 ta' Ġunju huwa maħsub li ssir diskussjoni fuq livell politiku mal-Istati Membri.

ANNESS I

Tabella 1. Parir xjentifiku dwar il-qagħda tal-istokkijiet | Għadd ta’ stokkijiet |

2003 | 2004 | 2005 | 2006 | 2007 | 2008 | 2009 |

Stokkijiet li mhumiex f’limiti bijoloġiċi sikuri | 30 | 29 | 26 | 26 | 26 | 28 | 27 |

Stokkijiet li huma f’limiti bijoloġiċi sikuri | 12 | 10 | 14 | 11 | 12 | 13 | 12 |

Il-qagħda tal-istokkijiet mhix magħrufa minħabba dejta b’nuqqasijiet | 48 | 53 | 53 | 57 | 58 | 55 | 57 |

Tabella 2. Parir xjentifiku dwar qbid żejjed | Għadd ta’ stokkijiet |

2003 | 2004 | 2005 | 2006 | 2007 | 2008 | 2009 |

Ir-rata tal-qbid mill-istokkijiet hija magħrufa meta mqabbla mar-rata tar-rendiment massimu sostenibbli | 34 | 23 | 32 | 33 | 35 |

L-istokk qed jinqabad iżżejjed[11]. | 32 | 21 | 30 | 29 | 30 |

L-istokk qed jinqabad bir-rata ta' rendiment massimu sostenibbli | 2 | 2 | 2 | 4 | 5 |

Tabella 3. Parir xjentifiku ta' emerġenza | Għadd ta’ stokkijiet |

2003 | 2004 | 2005 | 2006 | 2007 | 2008 | 2009 |

Parir xjentifiku biex is-sajd jieqaf | 24 | 13 | 12 | 14 | 20 | 18 | 17 |

Tabella 4. Differenza bejn it-TAC u l-qbid sostenibbli |

2003 | 2004 | 2005 | 2006 | 2007 | 2008 | 2009 |

TAC eċċessiv fuq il-qbid sostenibbli (%) | 46% | 49% | 59% | 47% | 45% | 51% | 48% |

Tabella 5. Sommarju tal-parir xjentifiku dwar l-opportunitajiet tas-sajd | Għadd ta’ stokkijiet tal-ħut |

2003 | 2004 | 2005 | 2006 | 2007 | 2008 | 2009 |

Stokkijiet fejn id-daqs tal-istokk u l-mortalità tal-ħut jistgħu jiġu previsti | 40 | 34 | 40 | 31 | 29 | 30 | 34 |

Stokkijiet li għalihom hemm parir xjentifiku dwar l-opportunitajiet tas-sajd | 59 | 52 | 54 | 65 | 61 | 62 | 63 |

Stokkijiet li ma jkunx ingħata parir xjentifiku dwarhom | 31 | 40 | 39 | 29 | 35 | 34 | 33 |

ANNESS II - Regoli għat-TAC

Id-deċiżjonijiet dwar it-TAC għandhom isiru abbażi ta' parir xjentifiku kif ipprovdut mis-STECF, li diġà jqis perspettivi bijoloġiċi, soċjali u ekonomiċi.

Għandhom japplikaw regoli differenti skont il-livell ta' riskju li jikkonċerna kull stokk. L-istokkijiet ikunu f'riskju għoli meta jinżlu taħt il-"livell prekawzjonarju (Bpa)" – il-livell fejn ikun hemm ir-riskju li l-produttività futura tal-istokk tonqos. Sinjal ieħor ta' riskju għoli hu meta r-rata tal-mortalità tal-ħut tkun ogħla mir-"rata prekawzjonarja" (Fpa). Ir-rata tal-mortalità tal-ħut hija l-qabda annwali diviża bid-daqs medju tal-istokk matul is-sena.

Jekk stokk ikun iżgħar minn Bpa jew jinqabad b'rata ogħla minn Fpa dan "ma jkunx fi ħdan il-limiti bijoloġiċi sikuri ", u vice versa.

Kategorija | Parir xjentifiku | Azzjoni li għandha tittieħed fl-istabbiliment tat-TAC |

1 | Stokk sfruttat bir-rata ta' rendiment massimu sostenibbli | Għandu jiġi mmirat li t-TAC jiġi stabbilit skont il-qabda prevista li tikkosrrispondi għall-mortalità tal-ħut li tagħti l-ogħla rendiment fit-tul, iżda t-TAC m'għandux jinbidel b'iktar minn 25%. |

2 | Stokkijiet sfruttati żżejjed meta mqabbla mar-rendiment massimu sostenibbli iżda li huma f’limiti bijoloġiċi sikuri | Għandu jiġi mmirat li t-TAC jiġi stabbilit fil-valur l-iktar għoli ta' (a) għall-qabda prevista li tikkorrispondi għall-ogħla rendiment fit-tul[12], jew (b) sajd b'rata ta' mortalità mhux mibdula, iżda t-TAC m'għandux jinbidel b'iktar minn 15%. |

3 | Stokkijiet li mhumiex f’limiti bijoloġiċi sikuri | Għandu jiġi mmirat li t-TAC jiġi stabbilit skont il-qabda prevista li jirriżulta fi tnaqqis ta' 30% fir-rata tal-mortalità mis-sajd, iżda t-TAC m'għandux jitnaqqas b'iktar minn 20% sakemm ma tiżdiedx il-mortalità mis-sajd. |

4 | L-istokk huwa soġġett għal pjan fit-tul u x-xjenzjati jagħtu parir dwar il-qbid li jikkorrispondi għall-pjan. | It-TAC għandu jiġi stabbilit skont il-pjan rilevanti. |

5 | L-istokk għandu ħajja qasira u ma tistax tiġi provduta previżjoni ta' sena. | TAC proviżorju jiġi stabbilit u jinbidel meta ssir disponibbli informazzjoni ġdida matul is-sena. |

6* | Il-qagħda tal-istokk mhijiex magħrufa b'mod preċiż u s-STECF jagħti parir dwar il-livell tal-qbid xieraq. | Għandu jiġi mmirat li t-TAC jiġi stabbilit skont il-parir tas-STECF iżda t-TAC m'għandux jinbidel b'iktar minn 15%. |

7* | Il-qagħda tal-istokk mhijiex magħrufa b'mod preċiż u s-STECF jagħti parir li għandu jonqos l-isforz ta-sajd. | It-TAC għandu jitnaqqas sa 15% u s-STECF għandu jintalab tagħti parir dwar il-livell ta' sforz xieraq. |

8* | Il-qagħda tal-istokk mhijiex magħrufa b'mod preċiż u s-STECF jagħti parir li l-istokk għandu jiżdied. | It-TAC għandu jiżdied sa 15%. |

9* | Il-qagħda tal-istokk mhijiex magħrufa b'mod preċiż u s-STECF jagħti parir li l-istokk għandu jonqos. | It-TAC għandu jitnaqqas sa 15%. |

10 | IS-STECF jagħti l-parir biex ma ssir l-ebda qabda, li jsir tnaqqis għal-livell l-iktar baxx possibbli jew parir simili. | It-TAC għandu jitnaqqas b'għallinqas 25%. Għandhom jiġu implimentati miżuri ta' rkupru inkluż it-tnaqqis tal-isforz u l-introduzzjoni ta' rkaptu iktar selettiv. |

11 | M'hemm ebda parir mis-STECF | It-TAC għandhom jiġu aġġustati lejn livelli ta' qbid reali riċenti iżda m'għandhomx jinbidlu b'iktar minn 15% fis-sena jew l-istati Membri għandhom jiżviluppaw pjan ta' implimentazzjoni biex jiġi pprovdut parir fi żmien qasir. |

* Din ir-regola tista’ tkun soġġetta għat-tibdil. Il-Kummissjoni talbet lill-ICES biex tagħti pariri dwar għażliet ġodda possibbli kif stabbilit fl-Anness III. Ir-regola finali li għandha tiġi applikata se tiddependi fuq ir-riżultat ta’ dak il-parir.

ANNESS III – Talba lill-ICES għall-kategoriji 6 sa 9

Għal dawk l-istokkijiet, minbarra speċijiet b’ħajjiet naturalment qosra, fejn ma jkunx possibbli li jingħata parir abbażi tal-previżjoni tal-qabda f’relazzjoni mal-limiti prekawzjonarji, l-ICES intalbet biex:

I) tagħti parir dwar TAC li jikkorrispondi għall-applikazzjoni tar-regola hawn taħt;

II) tevalwa l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tar-regola hawn taħt fir-rigward tal-approċċ prekawzjonarju u l-kompatibbiltà mal-ogħla rendiment sostenibbli;

III) jekk meħtieġ, tagħti parir dwar regola alternattiva u TAC korrispondenti li jtejbu l-kompatibbiltà mal-approċċ prekawzjonarju, bl-ogħla rendiment sostenibbli jew bi stabbiltà imtejba tat-TAC. Dan jista’ jiġi pprovdut fuq bażi ta’ każ b'każ.

Regola:

1. Fejn teżisti evidenza li stokk ikun sfruttat iżżejjed fir-rigward tal-mortalità mis-sajd li twassal l-ogħla rendiment sostenibbli, japplika tnaqqis fit-TAC kif meħtieġ biex tintlaħaq l-Fmsy, iżda li ma jkunx ogħla minn 15%.

2. Fejn teżisti evidenza li stokk ma jkunx sfruttat biżżejjed fir-rigward tal-mortalità mis-sajd li twassal l-ogħla rendiment sostenibbli, tapplika żieda fit-TAC kif meħtieġ biex tintlaħaq l-Fmsy, iżda li ma tkunx ogħla minn 15%.

3. Il-konsiderazzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 jieħdu preċedenza fuq paragrafi sussegwenti.

4. Fejn informazzjoni dwar l-abbundanza tindika li ma jkunx hemm l-ebda bidla fl-abbundanza tal-istokk, ma tkunx disponibbli, inkella ma tirriflettix b’mod adegwat il-bidliet fl-abbundanza tal-istokk, japplika TAC mhux mibdul.

5. Fejn l-ICES tqis li teżisti informazzjoni rappreżentattiva dwar l-abbundanza tal-istokk, tapplika r-regola li ġejja:

a. Jekk l-abbundanza medja stmata fl-aħħar sentejn taqbeż l-abbundanza medja stmata fit-tliet snin preċedenti b’20% jew aktar, tapplika żieda ta’ 15% fit-TAC.

b. Jekk l-abbundanza medja stmata fl-aħħar sentejn tkun ta’ 20% jew ogħla, inqas mill-abbundanza medja stmata fit-tliet snin preċedenti, japplika tnaqqis ta’ 15% fit-TAC.

Fejn it-TAC ma kinux restrittivi, u huwa meħtieġ tnaqqis skont il-paragrafu 1 jew il-paragrafu 5.b, l-ICES għandha tagħti parir dwar livell xieraq ta' tnaqqis tat-TAC meħtieġ sabiex jinkiseb it-tnaqqis maħsub fil-qabdiet. L-ICES għandha tiddeċiedi dwar proxy Fmsy xieraq f’kull każ.

[1] L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd [il-Politika Komuni tas-Sajd]. ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

[2] L-implimentazzjoni tas-sostenibbiltà fis-sajd tal-UE permezz tar-rendiment massimu sostenibbli. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. COM (2006) 360 finali.

[3] FAO (2009). The State of World Fisheries and Aquaculture (Il-Qagħda tas-Sajd u l-Akkwakultura fid-Dinja) 2008. Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Biedja tan-Nazzjonijiet Uniti. Ruma.

[4] Eżenzjonijiet mit-taxxa (eż. karburant) u skemi soċjali nazzjonali sussidizzati mhumiex inklużi.

[5] Għal dan il-kalkolu, TAC li ġie stabbilit meta l-parir xjentifiku hu li ma jsir l-ebda qbid ġie mgħadud bħala żejjed ta' 100%.

[6] Opportunitajiet tas-Sajd għall-2008. Dikjarazzjoni ta' Politika mill-Kummissjoni Ewropea. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill. COM (2007) 295 finali.

[7] STECF (2008). Report of the Subgroup on Stock Reviews on Harvest Control Rules (Rapport tas-Sottogrupp dwar ir-Regoli għall-Kontroll tal-Ħsad) (SGRST-08-02). 83 pp.

[8] STECF (2008). Rapport tad-29 Laqgħa Plenarja (PLEN-08-03). 67 pp.

[9] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd .

[10] Politika sabiex jitnaqqas il-qbid inċidentali mhux mixtieq u jiġi eliminat ir-rimi lura ta' ħut fis-sajd Ewropew. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. KUMM(2007) 136 finali

[11] jintuża wkoll it-terminu "sfruttat iżżejjed"

[12] Kif imkejjel mill-mortalità tal-ħut li tikkorrispondi għar-rendiment marġinali ta' 10% tar-rendiment marġinali b'mortalità tal-ħut qrib iż-żero (F0.1).

Top