EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0585

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 40/2008 fir-rigward ta’ miżuri ta’ ġestjoni adottati fil-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan u fl-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku

/* KUMM/2008/0585 finali */

52008PC0585

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 40/2008 fir-rigward ta’ miżuri ta’ ġestjoni adottati fil-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan u fl-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku /* KUMM/2008/0585 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 29.9.2008

KUMM(2008) 585 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 40/2008 fir-rigward ta’ miżuri ta’ ġestjoni adottati fil-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan u fl-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Ir-Regolament (KE) Nru 40/2008 jistabbilixxi għall-2008 l-opportunitajiet ta' sajd u l-kondizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Komunità u għal bastimenti Komunitarji f'ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta' qbid[1].

Fil-Laqgħat Annwali tagħha fl-2006 u l-2007, il-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC) adottat għadd ta' miżuri ta' ġestjoni u kontroll, fir-rigward tal-limitazzjoni tal-kapaċità tas-sajd ta' bastimenti li jistadu għat-tonn tropikali, għall-pixxispad u għall-alonga, li ġew implimentati fil-liġi Komunitarja permezz tar-Regolament (KE) Nru 40/2008.

Sabiex jiġi żgurat sfruttament sostenibbli tal-ispeċijiet b’tendenza kbira li jpassu fl-Oċean Indjan, u biex jitqiesu x-xejriet storiċi tas-sajd u l-preżenza attiva tal-flotta tal-KE li tistad għal speċijiet b’tendenza kbira li jpassu fiż-żona IOTC matul is-snin ta’ referenza 2006 u l-2007, għandhom jiġu stabbiliti l-għadd ta’ bastimenti Komunitarji li jistadu għat-tonn tropikali, għall-pixxispad u għall-alonga, il-kapaċità korrispondenti f’Tunnellaġġ Gross (TG), u l-allokazzjoni tagħha fost l-Istati Membri kkonċernati.

Matul it-Tielet Laqgħa Internazzjonali għall-ħolqien ta' Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku (SPFO) li saret f'Mejju 2007, il-parteċipanti adottaw miżuri temporanji bil-għan li flimkien mas-sajd tal-qiegħ fin-Nofsinhar tal-Paċifiku, jiġi rregolat ukoll is-sajd pelaġiku. Dawn il-miżuri ġew implimentati fil-liġi Komunitarja permezz tar-Regolament (KE) Nru 40/2008.

Skont il-miżuri temporanji adottati fl-SPFO fl-2007, il-preżenza Komunitarja fiż-żona SFPO fl-2008, f’termini ta’ bastimenti attivi u l-kapaċità korrispondenti f’TG, għandha tiġi limitata għall-preżenza rreġistrata fl-2007 u l-għadd massimu ta’ bastimenti Komunitarji għandu jiġi allokat fost l-Istati Membri kkonċernati.

L-għan ta’ din il-proposta huwa li jiġu introdotti l-emendi meħtieġa fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/2008.

Il-Kunsill huwa mitlub li jadotta din il-proposta malajr kemm jista' jkun sabiex jippermetti lis-sajjieda jippjanaw l-attivitajiet tagħhom għal dan l-istaġun tas-sajd.

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 40/2008 fir-rigward ta’ miżuri ta’ ġestjoni adottati fil-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan u fl-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd [il-Politika Komuni tas-Sajd][2], u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[3],

Billi:

1. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/2008[4] jistabbilixxi għall-2008 l-opportunitajiet ta' sajd u l-kondizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Komunità u għal bastimenti Komunitarji f'ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta' qbid.

2. Fil-Laqgħat Annwali tagħha fl-2006 u l-2007, il-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC) adottat għadd ta' miżuri ta' ġestjoni u kontroll li ġew implimentati fil-liġi Komunitarja permezz tar-Regolament (KE) Nru 40/2008, fir-rigward tal-limitazzjoni tal-kapaċità tas-sajd ta' bastimenti li jistadu għat-tonn tropikali, għall-pixxispad u għall-alonga, .

3. Sabiex jiġi żgurat sfruttament sostenibbli tal-ispeċijiet b’tendenza kbira li jpassu fl-Oċean Indjan, u biex jitqiesu x-xejriet storiċi tas-sajd u l-preżenza attiva tal-flotta tal-KE li tistad għal speċijiet b’tendenza kbira li jpassu fiz-zona IOTC matul is-snin ta’ referenza 2006 u l-2007, għandhom jiġu stabbiliti l-għadd ta’ bastimenti Komunitarji li jistadu għat-tonn tropikali, għall-pixxispad u għall-alonga, il-kapaċità korrispondenti f’Tunnellaġġ Gross, u l-allokazzjoni tagħha fost l-Istati Membri kkonċernati.

4. Matul it-Tielet Laqgħa Internazzjonali għall-ħolqien ta' Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku li saret f'Mejju 2007, il-parteċipanti adottaw miżuri temporanji li ġew implimentati fil-liġi Komunitarja permezz tar-Regolament (KE) Nru 40/2008, bil-għan li flimkien mas-sajd tal-qiegħ fin-Nofsinhar tal-Paċifiku, jiġi rregolat ukoll is-sajd pelaġiku.

5. Skont il-miżuri temporanji adottati fl-SPFO fl-2007, il-preżenza Komunitarja fiż-żona SFPO fl-2008, f’termini ta’ bastimenti attivi u l-kapaċità korrispondenti f’TG, għandha tiġi limitata għall-preżenza rreġistrata fl-2007, u l-għadd massimu ta’ bastimenti Komunitarji għandu jiġi allokat fost l-Istati Membri kkonċernati.

6. Ir-Regolament (KE) Nru 40/2008 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 Emendi għar-Regolament (KE) Nru 40/2008

Ir-Regolament (KE) Nru 40/2008 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 72 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 72

Limitazzjoni tal-kapaċità tas-sajd ta' bastimenti li jistadu għat-tonn tropikali

1. L-għadd massimu ta’ bastimenti Komunitarji li jistadu għat-tonn tropikali fiż-żona IOTC, u l-kapaċità korrispondenti f’TG, għandhom ikunu hekk:

Stat Membru | Għadd massimu ta’ bastimenti | Kapaċità (TG) |

Spanja | 22 | 61 400 |

Franza | 18 | 33 300 |

L-Italja | 1 | 2137 |

2. Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jibdlu l-għadd ta' bastimenti, skont it-tip ta' rkaptu, bil-kondizzjoni li jistgħu juru lill-Kummissjoni li l-bidla fl-għadd ta' bastimenti, skont it-tip ta' rkaptu, ma twassalx għal żieda fl-isforz tas-sajd fuq l-istokkijiet ta' ħut involuti.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jkun hemm trasferiment ta' kapaċità propost għall-flotta tagħhom, il-bastimenti li jkunu se jiġu ttrasferiti jkunu fuq ir-Reġistru ta' Bastimenti IOTC jew fuq ir-Reġistru ta' Bastimenti ta' Organizzazzjonijiet Reġjonali oħra tas-Sajd tat-Tonn. Ma jista’ jiġi ttrasferit l-ebda bastiment li jinsab fuq lista ta' bastimenti IUU ta' xi organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd.”

(2) L-Artikolu 73 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 73

Limitazzjoni tal-kapaċità tas-sajd ta' bastimenti li jistadu għall-pixxispad jew l-alonga

1. L-għadd massimu ta’ bastimenti Komunitarji li jistadu għall-pixxispad u l-alonga fiż-żona IOTC, u l-kapaċità korrispondenti f’TG, għandhom ikunu hekk:

Stat Membru | Għadd massimu ta’ bastimenti | Kapaċità (TG) |

Spanja | 27 | 11 600 |

Franza | 25 | 1940 |

Il-Portugall | 26 | 10 100 |

Ir-Renju Unit | 4 | 1 400 |

2. Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jibdlu l-għadd tal-bastimenti tagħhom, skont it-tip ta' rkaptu, bil-kundizzjoni li jistgħu juru lill-Kummissjoni li l-bidla fl-għadd ta' bastimenti, skont it-tip ta' rkaptu, ma twassalx għal żieda fl-isforz tas-sajd tal-istokkijiet tal-ħut involuti.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jkun hemm trasferiment ta' kapaċità propost għall-flotta tagħhom, il-bastimenti li jkunu se jiġu ttrasferiti jkunu fuq ir-Reġistru ta' Bastimenti IOTC jew fuq ir-Reġistru ta' Bastimenti ta' Organizzazzjonijiet Reġjonali oħra tas-Sajd tat-Tonn. Ma jista’ jiġi ttrasferit l-ebda bastiment li jinsab fuq lista ta' bastimenti IUU ta' xi organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd.”

(3) L-Artikolu 74 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 74

Sajd pelaġiku – Limitazzjonijiet tal-kapaċità

1. L-għadd massimu ta’ bastimenti Komunitarji li jistadu għall-istokkijiet pelaġiċi fl-2008 m’għandux jaqbeż 8 bastimenti u l-kapaċità korrispondenti m’għandhiex taqbeż 63 000 TG tal-livell totali ta’ TG.

L-għadd massimu ta’ bastimenti Komunitarji jitqassam bejn l-Istati Membri b’dan il-mod:

Stat Membru | Għadd massimu ta’ bastimenti |

Il-Ġermanja | 1 |

Il-Latvja | 1 |

Il-Litwanja | 2 |

L-Olanda | 2 |

Il-Polonja | 2 |

2. L-Istati Membri għandhom iressqu kull valutazzjoni u riċerka fir-rigward tal-istokkijiet pelaġiċi fiż-żona SPFO lill-Grupp ta' Ħidma Intermedju Xjentifiku tal-SPFO, u għandhom iħeġġu l-parteċipazzjoni attiva tal-esperti xjentifiċi tagħhom fix-xogħlijiet xjentifiċi tal-Organizzazzjoni dwar l-ispeċijiet pelaġiċi.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw kemm jista' jkun livell xieraq ta' kopertura tal-osservaturi fuq bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom sabiex josservaw is-sajd pelaġiku fin-Nofsinhar tal-Paċifiku u jiġbru l-informazzjoni xjentifika rilevanti.”

Artikolu 2 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 19, 23.1.2008, p. 1

[2] ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 865/2007 ( ĠU L 192, 24.7.2007, p. 1 ).

[3] ĠU C, p.

[4] ĠU L 19, 23.1.2008, p. 1.

Top