EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0625

Tagħlim tul il-ħajja għat-tagħrif, il-kreattività u l-innovazzjoni — l-Programm ta' ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010 Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 18 ta’ Diċembru 2008 dwar l-għoti ta’ tagħlim tul il-ħajja għat-tagħrif, il-kreattività u l-innovazzjoni — l-implimentazzjoni tal- Programm ta’ ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010 (2008/2102(INI))

ĠU C 45E, 23.2.2010, p. 33–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 45/33


Tagħlim tul il-ħajja għat-tagħrif, il-kreattività u l-innovazzjoni — “l-Programm ta' ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010”

P6_TA(2008)0625

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-għoti ta' tagħlim tul il-ħajja għat-tagħrif, il-kreattività u l-innovazzjoni — l-implimentazzjoni tal-“Programm ta' ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010” (2008/2102(INI))

(2010/C 45 E/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 149 u 150 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2007 intitolata: “L-għoti ta' tagħlim tul il-ħajja għat-tagħrif, il-kreattività u l-innovazzjoni: Abbozz tar-rapport ta' progress konġunt tal-2008 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta' ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010” (COM(2007)0703) kif ukoll id-Dokument ta' Ħidma supplimentari tal-persunal tal-Kummissjoni (SEC(2007)1484),

wara li kkunsidra l-programm ta' xogħol dettaljat dwar il-follow-up tal-għanijiet tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ fl-Ewropa (1) u kif ukoll għar-rapporti konġunti temporanji fuq il-progress lejn l-implimentazzjoni tiegħu,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ bħala l-forza ewlenija tal-Istrateġija ta' Liżbona (2),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja (3),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2007 dwar kompetenzi ġodda għal impjiegi ġodda (4),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-28 ta' Awwissu 2007 intitolat “Lejn politika bbażata iktar fuq l-għarfien u l-prattika fl-edukazzjoni u t-taħriġ”, SEC(2007)1098,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew għall-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (5),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2006/143/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2006 dwar il-kooperazzjoni Ewropea ulterjuri fl-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni ogħla (6),

wara li kkunsidra l-Karta Ewropea ta' Kwalità favur il-Mobbiltà (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2007 dwar l-irwol tal-isport fl-edukazzjoni (8),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2008 dwar it-tagħlim tal-adulti: “Qatt m'hu tard wisq biex titgħallem” (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 dwar il-Proċess ta' Bolonja u l-mobilità tal-istudenti (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 dwar it-titjib tal-kwalità tat-taħriġ tal-għalliema (12),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-13-14 ta' Marzu 2008,

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat tad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0455/2008),

A.

billi sal-2010, l-Unjoni Ewropea qed tfittex li ssir il-mexxejja dinjija tal-kwalità tal-edukazzjoni u tas-sistemi ta' taħriġ, liema sistemi għandhom ikunu kruċjali għall-progress ulterjuri tal-Proċess ta' Liżbona,

B.

billi sar progress fiż-żieda tal-awtonomija u tar-responsabilizzazzjoni tal-universitajiet u billi hemm bżonn li jissaħħaħ l-appoġġ offrut lilhom f'dan il-proċess,

C.

billi s-sistemi edukattivi u ta' taħriġ għandhom jipprovdu opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel,

D.

billi l-inkorporazzjoni tad-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki tal-edukazzjoni u tat-taħriġ hija kruċjali għas-suċċess tal-Istrateġija tal-Liżbona, objettiv li bih wieħed jittakilja l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel fis-swieq tax-xogħol Ewropej, inter alia, billi tintlaħaq rata ta' 60 % ta' impieg fost in-nisa sal-2010,

E.

billi l-Istati Membri għandhom, billi jaħdmu flimkien u jiskambjaw prattika tajba, jimxu lejn riforma tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ nazzjonali tagħhom,

F.

billi strateġiji ta' tagħlim tul il-ħajja koerenti u komprensivi miftiehma mill-Parlament u mill-Kunsill għandhom jiġu implimentati b'mod konsistenti sabiex jinkisbu l-objettivi tal-istrategija ta' Liżbona u sabiex jissaħħaħ it-trianglu tal-għarfien,

G.

billi l-Ewropa teħtieġ livell ogħla ta' kompetenzi u billi l-kreattività u l-innovazzjoni għandhom ikunu promossi fl-istadji kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ,

H.

billi għandu jittieħed kont ta ta' kompetenzi futuri neċessarji fl-oqsma tal-ambjent u s-soċjetà, pereżempju billi t-tibdil tal-klima u kwistjonijiet ambjentali oħrajn isiru suġġetti interdixxiplinarji fil-forom kollha tat-tagħlim,

I.

billi l-kurrikula għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp personali tal-istudenti billi jinkludu t-tagħlim tad-drittijiet tal-bniedem u l-valuri Ewropej,

J.

billi l-kwalità u l-effettività tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-aċċessibilità tagħhom għaċ-ċittadini, għandhom ikunu kkunsidrati bħala objettivi ewlenin tal-politika fuq livell Ewropew,

K.

billi l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom dejjem jikkunsidraw il-possibilitajiet, il-karatteristiċi u l-bżonnijiet reġjonali u lokali,

1.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2007 msemmija hawn fuq u d-dettalji li tagħti dwar it-titjib;

2.   Jinnota li azzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandha tkun konsistentement appoġġjata minn miżuri komplimentari ta' natura soċjoekonomika biex jitjieb l-istandard tal-għajxien ġenerali taċ-ċittadini Ewropej;

3.   Jenfasizza l-bżonn li jiġu integrati l-migranti u l-minoranzi (speċjalment ir-Roma) u li ssir ħidma dwar l-inklużjoni ta' gruppi bi bżonnijiet speċjali (speċjalment in-nisa, il-persuni b'diżabilità u l-anzjani) fil-livelli kollha u fl-oqsma kollha tal-edukazzjoni; jikkunsidra li appoġġ addizzjonali għandu jkun provdut lill-migranti, filwaqt li minoranzi etniċi u r-Roma għandhom jiġu megħjuna minn persunal imħarreġ li jifforma parti mill-istess minoranza jew li għall-inqas jitkellmu l-lingwa omm tagħhom;

4.   Jenfasizza l-importanza tal-isport fl-edukazzjoni u t-taħriġ u l-bżonn li l-isport jingħata kunsiderazzjoni importanti, pereżempju billi jissaħħaħ l-għoti tal-edukazzjoni fiżika u l-isport fil-forom kollha tal-edukazzjoni mill-iskejjel qabel il-primarja sal-università, u jitlob li jkun hemm mill-inqas tliet perjodi ta' tagħlim fil-ġimgħajiġu ddedikati lill-isport fil-kurrikulum u biex ikun hemm appoġġ disponibbli għall-iskejjel biex imorru lil hinn minn dan il-minimu preskritt fejn possibbli;

5.   Jenfasizza l-irwol kruċjali tal-familji u tal-ambjent soċjali f'kull aspett tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

6.   Jinnota li l-edukazzjoni hija essenzjali għall-iżvilupp soċjali u personali kemm tan-nisa u kemm tal-irġiel; għalhekk jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-edukazzjoni u taħriġ bħala aspett fundamentali tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

7.   Jiddepplora l-fatt li s-sistemi tal-edukazzjoni jiskoraġġixxu lin-nisa milli jidħlu f'oqsma tal-impjieg u tat-taħriġ vokazzjonali li tradizzjonalment huma dominati mill-irġiel, imma jilqa' b'sodisfazzjon miżuri li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex iniedu programmi bl-għan li jagħtu lin-nisa l-aktar gwida professjonali diversifikata possibbli u għajnuna sussegwenti fis-suq tal-impjiegi;

8.   Jenfasizza li l-inugwaljanza eżistenti ta' opportunitajiet bejn in-nisa u l-irġiel fir-rigward ta' tagħlim ta' kwalità għolja tul il-ħajja huma aktar qawwija fir-reġjuni li huma ġżejjer u fir-reġjuni li huma ġeografikament u soċjalment żvantaġġati; għalhekk jappella għal aktar promozzjoni ta' inizjattivi edukattivi fil-qafas tal-politika reġjonali;

9.   Jinnota r-rappreżentanza kronika baxxa tan-nisa f'ċerti oqsma ta' studju, fil-livelli kollha, kif ukoll fis-settur tar-riċerka; għalhekk jinkoraġġixxi azzjonijiet prattiċi u pożittivi sabiex titjieb is-sitwazzjoni;

10.   Josserva li studenti li kellhom l-istudji tagħhom interrotti, b'mod partikulari l-ommijiet żgħażagħ, jistgħu jkunu diskriminati u jitlob għall-addozzjoni ta' approċċi iktar flessibbli sabiex jiġi faċilitat t-tkomplija ta l-istudji jew tat-taħriġ wara t-twelid ta' tarbija u biex tiġi faċilitata l-konċiljazzjoni tal-istudji mal-ħajja professjonali u tal-familja;

11.   Josserva li l-kwalità tal-kurrikula u t-tagħlim għandhom jitjiebu f'kull aspett, li s-sigurtà soċjali tal-għalliema għandha titjieb, u li għandha tingħata iktar attenzjoni għat-taħriġ kontinwu u għall-mobilità tagħhom;

12.   Jenfasizza l-fatt li l-litteriżmu tal-media u l-għarfien dwar l-ICT għandhom jiġu promossi bil-qawwa u jirrakkomanda kemm li l-edukazzjoni dwar il-media għandha tifforma parti integrali mill-kurrikulum fil-livelli kollha tal-iskola kif ukoll li għandhom jiġu offruti korsijiet ta' tagħlim dwar il-media għall-għalliema u għall-anzjani;

13.   Jiġbed l-attenzjoni li t-tranżizzjoni bejn sistemi edukattivi u ta' taħriġ differenti u bejn tagħlim formali, mhux formali u informali għandu jkun iffaċilitat;

14.   Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jikkontrolla l-implimentazzjoni prattika ta' edukazzjoni Ewropea u l-politiki ta' tagħlim minn kull Stat Membru; jikkunsidra li gvernijiet nazzjonali għandhom jistabbilixxu objettivi nazzjonali f'dan il-qasam b'mod trasparenti u għandhom jintroduċu leġiżlazzjoni xierqa u miżuri relevanti li jassiguraw il-kisba ta' standards Ewropej, u, b'mod partikulari, li jiżguraw li l-għodod adottati fil-livell tal-UE, bħar-rakkomandazzjoni msemmija hawn fuq dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja, il-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki u l-Europass (13), jiġu implimentati;

Edukazzjoni ta' qabel il-primarja

15.   Jenfasizza l-bżonn ta' żieda fir-riżorsi għat-titjib tal-materjal u tal-kundizzjonijiet tal-ispazju u biex it-taħriġ kontinwu għall-persunal itella' l-kwalità tal-edukazzjoni ta' qabel il-primarja u jiġu provduti aktar riżorsi għal investiment; l-aċċess universali għal edukazzjoni qabel il-primarja ta' kwalità għolja huwa mod effettiv biex jinfetaħ l-aċċess għat-tagħlim matul il-ħajja għat-tfal kollha, imma b'mod partikulari għal tfal li ġejjin minn ambjenti deprivati u minn minoranzi etniċi;

16.   Jinsisti fuq l-importanza tal-kompetenzi bażiċi tal-iżvilupp tat-tfal, li jitgħallmu l-lingwa omm tagħhom jew il-lingwa tal-pajjiż ta' residenza tagħhom u li jitgħallmu jaqraw u jiktbu kmieni kemm jista' jkun;

17.   Jemmen li t-tagħlim tat-tieni lingwa għandu jibda kmieni kemm jista' jkun, imma l-kuntatt ta' tfal żgħar mal-lingwi għandu jkun organizzat permezz tal-logħob u mingħajr pressjoni;

18.   Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jagħmlu l-edukazzjoni qabel il-primarja obbligatorja;

Edukazzjoni primarja u sekondarja

19.   Jenfasizza l-bżonn li tingħata attenzjoni speċjali lill-individwi li fi stadju iktar tard jista' jkun li jaqtgħu qalbhom mill-edukazzjoni; jemmen li għandhom ikunu adottati programmi speċjali u miżuri biex tonqos ir-rata tal-ħruġ bikri mill-iskola u li, f'każijiet fejn il-ħruġ bikri mill-iskola ma jistax ikun evitat u jkompli jseħħ, l-individwi kkonċernati għandhom ikunu appoġġjati u jingħataw opportunitajiet biex jiġu integrati mill-ġdid fis-soċjetà u jiġu offruti forom xierqa ta' edukazzjoni;

20.   Jenfasizza li l-edukazzjoni primarja u sekondarja għandha trawwem lit-tfal biex jaħsbu b'mod awtonomu, kreattiv u innovattiv u tagħmilhom ċittadini li jikkritikaw il-media uli kapaċi jaħsbu għal-rashom;

21.   Jisħaq fuq l-importanza tal-kurrikula tal-iskejjel ta' kull Stat Membru li għandhom jinkludu korsijiet immirati biex jippromwovu u jiżviluppaw l-ispirtu ta' kreattività u innovazzjoni fit-tfal;

22.   Jikkunsidra li l-kurrikula u l-kontenut tagħhom għandhom jiġu kontinwament aġġornati biex jibqgħu relevanti, billi jitjieb l-irwol importanti tal-kompetenzi intraprenditorjali u tal-volontarjat sabiex ikun appoġġjat l-iżvilupp personali, u jisħaq li l-Istati Membri kollha għandhom jagħtu importanza ikbar lit-taħriġ tal-għalliema u jipprovdu iktar riżorsi għal dan jekk dawn għandhom jagħmlu progress sinifikanti fil-ksib tal-objettivi tal-Istrateġija ta' Liżbona fil-“Programm ta' Ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ fl-2010” u jippromwovu l-tagħlim tul il-ħajja fl-Unjoni Ewropea;

23.   Jinsab konvint li t-tfal għandhom jitgħallmu t-tieni lingwa barranija kmieni kemm jista' jkun;

24.   Iħeġġeġ bil-qawwa li l-lingwi barranin għandhom jiġu mgħallma minn età bikrija u li t-tagħlim tal-lingwi barranin għandu jiddaħħal fil-kurrikula kollha tal-iskola primarja; jisħaq li, jekk din il-mira tintlaħaq, għandhom jingħataw riżorsi suffiċjenti biex jitqabbdu u jitħarrġu għalliema tal-lingwi barranin;

25.   Jikkunsidra li l-iżvilupp tat-talenti personali, tal-kapaċitajiet speċifiċi u tal-abilitajiet naturali tal-istudenti għandu jkun għan ewlieni f'dan l-istadju tal-edukazzjoni; jinnota li dawn il-kapaċitajiet jistgħu jipprovdu l-bażi tax-xogħol u l-impjieg iktar tard;

26.   Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali għal dawk l-istudenti li ma kisbux jew li mhux qed jiksbu kompetenzi bażiċi, kif ukoll għal studenti li għandhom talenti eċċezzjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jimmassimizzaw l-iżvilupp tal-abilitajiet u t-talenti tagħhom li huma 'l fuq mill-medja;

27.   Jirrakkomanda li l-Istati Membri jtejbu b'mod sostanzjali il-kwalità tal-kwalifiki akkademiċi u professjonali tal-għalliema, tat-taħriġ tagħhom u tat-tagħlim tul il-ħajja;

28.   Jappoġġja bil-qawwi l-promozzjoni ta' żvilupp professjonali kontinwu u koerenti għall-għalliema matul il-karriera tagħhom; hu tal-fehma li l-għalliema kollha għandu jkollhom opportunitajiet regolari biex itejbu u jaġġornaw il-kompetenzi u l-kwalifiki tagħhom, kif ukoll l-għarfien pedagoġiku tagħhom;

29.   Jipproponi li jiġu introdotti fil-kurrikula malajr kemm jista' jkun programmi ta' ċittadinanza Ewropea li jedukaw il-ġenerezzjoni l-ġdida fl-ispirtu tal-valuri tal-Unjoni f'oqsma bħad-drittijiet tal-bniedem, il-multikulturaliżmu, it-tolleranza, l-ambjent u l-bidla fil-klima;

Edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET)

30.   Jiġbed l-attenzjoni li għandha tissaħħaħ kemm il-kwalità kif ukoll l-attrazzjoni tal-VET;

31.   Jiġbed l-attenzjoni li l-VET għandha tkun marbuta aħjar u integrata b'mod iktar koerenti fl-ekonomiji kemm Ewropej u kemm nazzjonali sabiex tfassal aħjar il-proċess edukattiv għas-suq tal-impjiegi;

32.   Jinsisti li l-mobilità (mhux biss ġeografika iżda wkoll il-mobilità bejn VET u edukazzjoni ogħla) ta' studenti u għalliema tkun imsaħħa b'mod sinifikanti;

Edukazzjoni Ogħla

33.   Jikkunsidra li l-kurrikula tal-università għandhom ikunu modernizzati sabiex jilħqu l-bżonnijiet soċjoekonomiċi kemm preżenti u kemm futuri;

34.   Jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla bħala prijorità għandhom jiżviluppaw programmi interdixxiplinari dwar il-fruntieri bejn ix-xjenzi sabiex jitħarrġu speċjalisti li jkunu kapaċi jsolvu l-problemi l-iktar kumplessi li qed tiffaċċja d-dinja llum;

35.   Jenfasizza li l-interess tal-istudenti u tat-tfal tal-iskola fi programmi ta' studju u kontenut li jittrattaw it-teknoloġija, ix-xjenzi naturali u l-ħarsien tal-ambjent għandu jiżdied;

36.   Jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu sħubijiet b'mod effettiv bejn universitajiet u negozji u, minbarra dan, bejn universitajiet u partijiet oħra interessati nazzjonali, reġjonali u lokali;

37.   Jiġbed l-attenzjoni li għandha tissaħħaħ b'mod sinifikanti l-koperazzjoni bejn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla Ewropej u li barra minn hekk, il-kwalifiki għandhom ikunu trasferibbli bl-iktar mod faċli possibbli;

38.   Jiġbed l-attenzjoni għal-fatt li l-għalliema u l-lecturers fil-livelli għoljin tal-edukazzjoni jeħtieġu li jiġu aġġornati b'mod kontinwu bħall-programmi wżati, il-kontenut u l-metodi ta' ħidma;

39.   Jissuġġerixxi li l-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija jkun marbut mal-proċess ta' Bolonja u għandu jkun ikkunsidrat fil-kuntest tal-qafas tar-riforma tal-edukazzjoni ogħla Ewropea;

40.   Jirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri jtejbu l-mobilità tal-istudenti u l-għalliema, inkluża l-mobilità bejn pajjiżi, programmi u dixxiplini; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq l-importanza li tiġi implimentata l-Karta Ewropea ta' Kwalità għall-Mobilità mssemmija hawn fuq sabiex tinħoloq zona Ewropea ġenwina għall-edukazzjoni u t-taħriġ matul il-ħajja u tiġi promossa l-kooperazzjoni ekonomika, soċjali u reġjonali;

Tagħlim Tul il-Ħajja

41.   Jikkunsidra li min iħaddem għandu jkun konsistentement inkoraġġit jorganizza edukazzjoni u taħriġ għall-impjegati tiegħu, kif ukoll li jipprovdi inċentivi li jippermettu impjegati li għandhom ftit ħiliet biex jieħdu sehem fi programmi ta' tagħlim tul il-ħajja;

42.   Jiġbed l-attenzjoni li għandhom ikunu kkunsidrati b'mod speċjali l-persuni mingħajr impjieg għal żmien twil li jinsabu f'sitwazzjonijiet soċjali żvantaġġati, il-persuni bi bżonnijiet speċjali, iż-żgħażagħ li kienu f'istituzzjonijiet ta' edukazzjoni mill-ġdid u l-persuni li ħarġu mill-ħabs;

43.   Jisħaq li n-nisa b'mod partikulari għandhom jitħeġġu biex jieħdu sehem fit-taħriġ u f'taħriġ ulterjuri, u li għandhom jiġu provduti u promossi wkoll programmi speċjali li jippromwovu t-tagħlim matul il-ħajja għan-nisa f'dan il-kuntest;

44.   Jenfasizza li ħaddiema li għandhom ftit ħiliet u ħaddiema ikbar fl-età għandhom ikunu partikolarment inkoraġġiti u għandhom jiġu provduti lilhom inċentivi biex jipparteċipaw fi programmi ta' tagħlim tul il-ħajja;

45.   Jappella sabiex il-programmi tal-edukazzjoni għall-adulti u tat-tagħlim tul il-ħajja, jikkunsidrau b'mod partikolari dawk il-gruppi ta' nies li huma l-aktar żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, partikolarment iż-żgħażagħ, in-nisa, speċjalment dawk li jinsabu f'sitwazzjonijiet rurali, u l-anzjani;

46.   Jappella sabiex ikun ikkonsidrat il-fatt li t-taħriġ fil-kapaċitajiet ta' ġenituri għan-nisa u għall-irġiel huwa kruċjali għall-benesseri tan-nies, għall-ġlieda kontra l-faqar u għall-koeżjoni soċjali; f'dan l-isfond, jixtieq li l-programmi tat-tagħlim tul il-ħajja bi skop multiplu u t-taħriġ tat-trejners fil-kapaċitajiet ta' ġenituri jiġu stabbiliti fil-qafas għall-edukazzjoni u t-tagħlim;

47.   Jenfasizza li l-għarfien u l-kwalifiki miksuba permezz tat-tagħlim tul il-ħajja għandhom ikunu ħafna usa' u rikonoxxuti b'mod faċli, u li għal dan il-għan l-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki u tal-Europass msemmija hawn fuq bħala strumenti għall-promozzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja għandha titjieb ukoll;

48.   Jikkunsidra li għandhom ikunu provduti iktar fondi għall-miżuri biex tkun promossa l-mobilità kemm mill-awtoritajiet Ewropej kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali fl-istadji kollha tat-tagħlim tul il-ħajja;

49.   Jitlob li l-vantaġġi tal-Karta Ewropea ta' Kwalità favur il-Mobbiltà msemmija hawn fuq jiġu rikonoxxuti u sfruttati u li dawn jitpoġġew fil-prattika mill-Istati Membri, u jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq reviżjoni tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri;

50.   Jinsisti li, kemm jista' jkun possibbli, għandu jkun garantit ammont kbir ta' servizzi soċjali u ta' faċilitajiet ta' appoġġ (pereżempju servizzi għall-kura tat-tfal) għall-istudenti u l-ħaddiema bil-familji;

51.   Jemmen li servizzi volontarji għandhom ikunu integrati u rikonoxxuti fl-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma Edukazzjoni u Taħriġ 2010;

52.   Jinsab konvint li għandhom jissaħħu l-iskambji ta' opinjonijiet u tagħlim reċiproku fost gruppi ta' etajiet differenti;

53.   Jenfasizza li programmi ta' tagħlim tul il-ħajja għandhom jappoġġjaw l-imprenditorija, li tippermetti liċ-ċittadini jistabbilixxu SMEs u li jilħqu l-bżonnijiet kemm tas-soċjetà u tal-ekonomija;

54.   Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandhom ikunu introdotti servizzi ta' gwida u informazzjoni dwar tagħlim tul il-ħajja għal studenti ta' kull età sabiex ikunu appoġġjati l-objettivi msemmija iktar 'il fuq;

*

* *

55.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 142, 14.6.2002, p. 1.

(2)  ĠU C 300, 12.12.2007, p. 1.

(3)  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45.

(4)  ĠU C 290, 4.12.2007, p. 1.

(5)  ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.

(6)  ĠU L 64, 4.3.2006, p. 60.

(7)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 8.

(8)  ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 131.

(9)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

(10)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0013.

(11)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0423.

(12)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0422.

(13)  Deċiżjoni Nru. 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass) (ĠU L 390, 31.12.2004, p.6).


Top