EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AR0253

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Green Paper migrazzjoni u mobilità

ĠU C 120, 28.5.2009, p. 34–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 120/34


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Green Paper migrazzjoni u mobilità

2009/C 120/07

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jemmen li jekk l-isfidi komuni li jħabbtu wiċċhom magħhom is-sistemi edukattivi fl-Istati Membri jiġu indirizzati fil-livell Ewropew, dan jirrappreżenta valur miżjud li jista’ jagħti spinta konsiderevoli lit-tfassil tal-politika tal-edukazzjoni fl-Istati Membri. L-edukazzjoni hija l-muftieħ tal-integrazzjoni u ta’ parteċipazzjoni effettiva fil-ħajja soċjali u professjonali;

b’rabta ma’ dan, jenfasizza r-rwol partikulari li ser jaqdi l-Kumitat tar-Reġjuni fil-ġejjieni, billi l-awtoritajiet reġjonali u lokali f’ċerti Stati Membri huma responsabbli għall-edukazzjoni fl-iskejjel;

jiġbed l-attenzjoni għar-rwol ċentrali tal-edukazzjoni ta’ qabel il-primarja u tal-iskola fl-integrazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni u f’dan il-kuntest jenfasizza b’mod partikulari l-importanza ta’ għarfien sod tal-lingwi, jew waħda mil-lingwi, ta’ tagħlim u ta’ komunikazzjoni, tal-pajjiż ta’ residenza;

jara ż-żieda fl-immigrazzjoni bħala punt pożittiv, mhux biss mil-lat kulturali iżda wkoll mill-aspett tad-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropea, li jista’ jirrappreżenta vantaġġ f’termini ta’ pożizzjoni fis-suq globali jekk l-għarfien lingwistiku eżistenti jiġi vvalorizzat kif jixraq; għaldaqstant iwissi kontra l-perċezzjoni tal-immigrazzjoni unikament bħala piż fuq l-Istati Membri tal-UE u jħeġġiġhom iħarsu lejha wkoll bħala opportunità fid-dawl tal-iżviluppi demografiċi fl-Ewropa;

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tanalizza l-kwistjonijiet li ġejjin, li ma ġewx indirizzati fil-Green Paper, fil-qafas ta’ analiżi dettaljata tas-suġġett fil-livell Ewropew:

iż-żieda fil-parteċipazzjoni edukattiva tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni;

il-motivazzjoni tal-ġenituri minn sfond ta’ migrazzjoni li jagħmlu użu mill-offerta ta’ tagħlim eżistenti;

it-taħriġ vokazzjonali tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni (inklużi aspetti ta’ parir professjonali kif ukoll promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi orjentata lejn ix-xogħol).

Rapporteur

:

Ursula Männle (DE/PPE), Membru tal-Landtag tal-Bavarja

Dokument ta’ referenza

Green Paper “Migrazzjoni u mobilità: l-isfidi għas-sistemi ta’ edukazzjoni tal-UE”

COM (2008) 423 finali

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Ewropa fi ħdan l-Istrateġija ta’ Liżbona, u f’dan il-kuntest jemmen li t-tisħiħ tal-aspett edukattiv fit-trijanglu tal-għarfien ikun siewi ferm;

2.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni għandha tkun konformi mal-Artikoli 149 u 150 KE u tirrispetta l-eżiġenzi tas-sussidjarjetà;

3.

għalhekk jilqa’ l-fatt li fil-Green Paper il-Kummissjoni Ewropea tqis li l-politika tal-edukazzjoni hija responsabbiltà sħiħa tal-Istati Membri;

4.

jinnota, b’rabta mat-titolu tal-Green Paper, li l-opportunitajiet u l-isfidi jeżistu fuq kollox fil-livell tas-sistemi edukattivi tal-Istati Membri u li minħabba l-kundizzjonijiet stipulati fit-Trattati, wieħed ma jistax jitkellem dwar sistemi edukattivi tal-UE, billi d-deċiżjonijiet politiċi fil-qasam tal-edukazzjoni jittieħdu fil-livell nazzjonali, u fejn hemm bżonn, fil-livell reġjonali u lokali;

5.

jemmen li minkejja din l-osservazzjoni dwar il-livell ewlieni ta’ referenza, il-fatt li l-isfidi komuni li jħabbtu wiċċhom magħhom is-sistemi edukattivi fl-Istati Membri jiġu indirizzati fil-livell Ewropew jirrappreżenta valur miżjud li jista’ jagħti spinta konsiderevoli lit-tfassil tal-politika tal-edukazzjoni fl-Istati Membri;

6.

jikkunsidra li skambju dettaljat tal-informazzjoni u l-esperjenza bejn l-Istati Membri jkun ta’ benefiċċju kbir u jemmen li f’dan il-kuntest it-tixrid ta’ proċeduri li nstabu effettivi fl-Istati Membri huwa partikolarment importanti;

7.

b’rabta ma’ dan, jenfasizza r-rwol partikulari tal-Kumitat tar-Reġjuni, billi l-awtoritajiet reġjonali u lokali f’ċerti Stati Membri huma responsabbli, xi kultant saħansitra b’mod esklużiv, għall-edukazzjoni fl-iskejjel;

8.

jagħti importanza kbira lir-riżultati tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fi ħdan il-programm ta’ ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010”, jilqa’ b’mod partikulari l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ peer learning li bis-saħħa tagħhom wieħed ikun jista’ jidħol iktar fil-fond fil-proċess ta’ tagħlim reċiproku, u f’dan il-kuntest jirringrazzja lill-membri tal-grupp ta’ peer learning “Aċċess għall-edukazzjoni u integrazzjoni soċjali” għall-ħidma tagħhom;

9.

għalhekk huwa favur l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li waqt is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali 2008 tiġi ppreżentata Green Paper dwar il-migrazzjoni u l-mobilità bħala kontribut għall-integrazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni u fl-istess ħin għall-ħarsien tal-koeżjoni soċjali;

10.

jilqa’ l-valur fit-tul tax-xogħol ta’ pubbliċità għas-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali u b’rabta ma’ dan jirreferi b’mod partikulari għad-domanda kbira għall-poster ta’ Jum l-Ewropa 2008;

11.

jappoġġja l-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea biex il-pubbliku Ewropew ikollu aċċess għall-qagħda edukattiva tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni permezz ta’ konsultazzjoni pubblika wiesgħa, u jinsab ħerqan ħafna li jara r-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni;

12.

huwa tal-opinjoni li l-perijodu ta’ ħames xhur ippjanat għall-konsultazzjoni huwa biżżejjed biex tittieħed pożizzjoni ċara dwar is-suġġett, u jitlob lill-membri tiegħu jappoġġjaw il-parteċipazzjoni ta’ persuni interessati fil-konsultazzjoni Ewropea fil-livell reġjonali u lokali;

13.

madankollu, jinnota li f’Diċembru 2008, jiġifieri qabel tmiem il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni ser tressaq proposti għal qafas ġdid għall-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni, li jista’ jkollhom impatt fuq id-dibattitu dwar il-politika ta’ integrazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni, u jistenna li l-Kummissjoni tikkunsidra b’mod xieraq l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni;

14.

jappoġġja d-definizzjoni magħżula mill-Kummissjoni Ewropea għat-terminu “minn sfond ta’ migrazzjoni”, li fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-istudji tal-OECD dwar l-evalwazzjoni internazzjonali tal-istudenti (PISA), tinkludi wkoll il-persuni, jew it-tfal tal-persuni li għandhom in-nazzjonalità tal-Istat Membru fejn jgħixu mit-twelid jew wara proċedura ta’ naturalizzazzjoni;

15.

jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tħejji rapport iktar iffukat billi tillimita l-kontenut tiegħu għat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni li huma wkoll soċjoekonomikament żvantaġġati, billi l-Kumitat tar-Reġjuni jemmen li dan il-grupp ta’ persuni huwa l-iktar grupp fil-bżonn;

16.

fid-dawl tal-flussi kbar ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-UE kif ukoll ta’ pajjiżi terzi lejn l-Istati Membri, jemmen li hemm bżonn li s-sistemi edukattivi jiġu appoġġjati fil-livell nazzjonali. Dan jista’ jsir billi jiġu ppubblikati r-riżultati ta’ proċeduri ta’ konsultazzjoni kif ukoll billi tissaħħaħ il-konsiderazzjoni tal-kwistjoni fil-livell Ewropew;

17.

jaqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ssostni li l-edukazzjoni hija l-muftieħ tal-integrazzjoni u ta’ parteċipazzjoni effettiva fil-ħajja soċjali u professjonali;

18.

jiġbed l-attenzjoni għar-rwol ċentrali tal-edukazzjoni ta’ qabel il-primarja u tal-iskola fl-integrazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni u f’dan il-kuntest jenfasizza b’mod partikulari l-importanza ta’ għarfien sod tal-lingwi, jew waħda mil-lingwi, ta’ tagħlim u ta’ komunikazzjoni tal-pajjiż ta’ residenza;

19.

jara ż-żieda fiċ-ċifri tal-immigrazzjoni bħala punt pożittiv, mhux biss mil-lat kulturali iżda wkoll mill-aspett tad-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropea, li jista’ jirrappreżenta vantaġġ f’termini ta’ pożizzjoni fis-suq globali jekk l-għarfien lingwistiku eżistenti jiġi vvalorizzat kif jixraq;

20.

b’rabta ma’ dan, b’mod ġenerali huwa jsostni li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-potenzjal kulturali, lingwistiku u intellettwali tal-migranti u li r-rwol tal-migranti legali bħala medjaturi tal-iskambju reċiproku bejn il-kulturi għandu jiġi promoss;

21.

għaldaqstant iwissi kontra l-perċezzjoni tal-immigrazzjoni unikament bħala piż fuq l-Istati Membri tal-UE u jħeġġiġhom iħarsu lejha wkoll bħala opportunità fid-dawl tal-iżviluppi demografiċi fl-Ewropa;

22.

jenfasizza l-importanza tar-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenzi bażiċi għat-tagħlim tul il-ħajja b’rabta mal-integrazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni;

Il-qagħda edukattiva tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni

23.

jinsab imħasseb dwar il-qagħda edukattiva tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni hekk kif ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea; iqis li l-integrazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni hija sfida politika kibra u jenfasizza l-fatt li għandha tittieħed azzjoni minnufih f’dan ir-rigward;

24.

jaqbel mal-istqarrija tal-Kummissjoni Ewropea li jekk ma jirnexxilniex nintegraw lit-tfal u liż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni fl-iskejjel, dan jista’ jirrappreżenta l-ewwel ħolqa f’katina ta’ fallimenti, li twassal għall-abbandun tal-istudji u għall-qgħad minħabba nuqqas ta’ kwalifiki u b’hekk għall-falliment tal-integrazzjoni soċjali;

25.

jemmen li hemm diversi fatturi (fosthom għarfien limitat wisq tal-lingwa ta’ tagħlim u b’hekk l-impossibbiltà li t-tfal isegwu l-lezzjonijiet, ħaġa li twassal għal nuqqas ta’ motivazzjoni; in-nuqqas ta’ flessibbiltà tas-sistemi edukattivi, li ma joffrux metodi edukattivi adattati għall-bżonnijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni; in-nuqqas ta’ aċċess għall-edukazzjoni fid-dar familjali u attenzjoni u superviżjoni extrakurrikulari insuffiċjenti min-naħa tal-ġenituri) involuti fid-differenzi ta’ prestazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni;

26.

jaqbel bis-sħiħ mal-istqarrija li għamlet il-Kummissjoni Ewropea fil-komunikazzjoni tagħha “Intejbu l-Kompetenzi għas-Seklu 21: Aġenda għall-Kooperazzjoni Ewropea dwar l-Iskejjel”, li l-iskola waħedha ma tistax tibbilanċja l-iżvantaġġi li huma soġġetti għalihom it-tfal tal-iskola;

27.

jenfasizza l-fatt li huwa persważ li integrazzjoni ta’ suċċess tal-persuni minn sfond ta’ migrazzjoni titlob rieda qawwija, ħin, impenn u moħħ miftuħ mill-partijiet ikkonċernati kollha;

28.

għalhekk jiddispjaċih li l-Green Paper ma tagħmilx referenza għar-responsabbiltà personali tal-ġenituri kif ukoll, sa ċertu punt, ir-responsabbiltà, skont l-età tagħhom, tat-tfal u ż-żgħażagħ stess, li minkejja l-qagħda speċifika tagħhom, għandhom juru x-xewqa li jintegraw u li fil-qafas li qiegħed jiġi pprovdut lilhom għandhom jieħdu l-inizjattiva li jippruvaw itaffu jew jegħlbu l-iżvantaġġi soċjoekonomiċi eżistenti billi, pereżempju, jieħdu sehem f’attivitajiet edukattivi jew jiksbu kwalifiki addizzjonali;

29.

iqis l-obbligu li t-tfal jattendu l-iskola bħala garanzija essenzjali sabiex it-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni jirnexxilhom jintegraw ruħhom, u jappoġġja bis-sħiħ kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-iskola u l-ġenituri għat-tħaris ta’ dan l-obbligu. Dan jgħodd ukoll għall-parteċipazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ fil-lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika u l-għawm kif ukoll fil-ħarġiet mal-iskola;

30.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li approċċi importanti għas-soluzzjoni ta’ problemi jistgħu jinstabu fi ħdan sħubija msaħħa ma’ għadd kbir ta’ gruppi involuti fil-qasam tal-edukazzjoni u taż-żgħażagħ (kindergartens, skejjel, impjiegi għaż-żgħażagħ). Il-Kumitat tar-Reġjuni jemmen li l-familja tista’ taqdi rwol essenzjali f’dan il-qasam billi din għandha impatt kbir fuq l-istennijiet li jinħolqu fir-rigward tal-ħajja b’mod ġenerali u b’hekk il-prestazzjoni edukattiva individwali;

31.

jemmen li huwa importanti ferm li t-tfal minn sfond ta’ migrazzjoni jidħlu fis-sistema edukattiva kemm jista’ jkun kmieni, billi huwa assolutament essenzjali għalihom li jitgħallmu jitkellmu bil-lingwi, jew b’waħda mil-lingwi, tal-pajjiż ta’ residenza tagħhom b’mod korrett u mexxej sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet tas-sistema edukattiva. Dan jippermetti li d-diffikultajiet lingwistiċi jiġu indirizzati jew megħluba qabel l-iskola primarja u b’hekk tissawwar bażi importanti għal parteċipazzjoni ugwali fil-lezzjonijiet;

32.

għalhekk iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll dawk lokali u reġjonali sabiex jagħtu importanza ikbar lill-integrazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni;

33.

f’dan il-kuntest iħeġġeġ b’mod partikulari lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji fi ħdan il-kompetenzi tagħhom;

Il-miżuri konkreti proposti li jistgħu jittieħdu fil-livell politiku bil-għan li jinfluwenzaw il-qagħda edukattiva tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni b’mod pożittiv

34.

japprezza l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea, fit-tfassil tal-Green Paper tagħha, ma tillimitax ruħha għal deskrizzjoni tal-qagħda tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni iżda tagħti stampa ġenerali ta’ diversi kunċetti politiċi għall-indirizzar tal-problemi attwali;

35.

barra minn hekk, jilqa’ l-fatt li d-dokument ta’ ħidma li jikkompleta l-Green Paper tal-Kummissjoni [SEK (2008) 2173] jinkludi lista dettaljata ta’ inizjattivi oħra ta’ politika edukattiva għall-integrazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni, inklużi xi referenzi għal dokumentazzjoni disponibbli fuq l-Internet li tagħti stampa iktar wiesgħa tal-isforzi mwettqa minn Stati Membri individwali kif ukoll minn pajjiżi barra mill-Ewropa;

36.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfittxija għal soluzzjonijiet prattiċi għal integrazzjoni aħjar tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni;

37.

jemmen li l-attivitajiet edukattivi fi stabbilimenti għall-edukazzjoni bikrija kif ukoll it-tagħlim fl-ewwel snin huma partikolarment deċiżivi għas-suċċess edukattiv tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni, għax dan il-perijodu għandu impatt kbir fuq il-ħajja edukattiva tat-tfal kollha kemm hi;

38.

f’dan il-kuntest isejjaħ għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-iskejjel u l-libreriji pubbliċi sabiex it-tfal u ż-żgħażagħ isiru iktar familjari mad-dinja tal-kotba u b’hekk jiġi appoġġjat l-iżvilupp lingwistiku tat-tfal u ż-żgħażagħ kif ukoll is-sentiment ta’ parteċipazzjoni fis-soċjetà;

39.

b’rabta ma’ dan, jemmen li l-kindergartens u l-iskejjel għandhom jagħtu attenzjoni partikulari lill-appoġġ bikri ta’ kull tifel u lill-iżvilupp tal-kunfidenza fih innifsu kif ukoll lill-awtonomija tiegħu fil-qafas tal-orjentazzjoni bikrija tiegħu f’termini ta’ valuri interkulturali. Hawnhekk l-esperjenzi li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kunfidenza, il-forom ta’ espressjoni u l-perspettivi differenti għandhom jingħataw importanza partikulari sabiex it-tfal jitħeġġu jiżviluppaw sistema bażika ta’ tifsir u valuri li tgħinhom isibu triqithom f’dinja kumplessa u jiffaċċjaw il-kriżijiet, bidliet u tranżizzjonijiet;

40.

jirrakkomanda li l-kurrikulu tal-kindergartens u l-iskejjel primarji jinkludi l-objettiv tal-“empatija” bħala parti mill-istudji soċjali, sabiex it-tfal ikunu kapaċi jpoġġu lilhom innifishom fil-ħsibijiet u d-dinja ta’ ħaddieħor u juru rispett u jżommu moħħhom miftuħ fir-rigward tat-twemmin ta’ ħaddieħor;

41.

jitlob li tingħata attenzjoni partikulari lill-perspettiva tal-ġeneru;

42.

huwa tal-fehma li l-aħjar mod kif jistgħu jiġu solvuti l-problemi tad-differenzi fil-prestazzjoni skolastika tat-tfal minn sfond ta’ migrazzjoni huwa permezz tal-implimentazzjoni ta’ pakkett ta’ miżuri li fih it-tagħlim tal-lingwi jkun attività orizzontali fl-istadji kollha tal-edukazzjoni.

43.

barra minn hekk, jirrakkomanda li tissawwar stampa pożittiva tal-fenomenu tal-“isfond ta’ migrazzjoni” fl-iskejjel bħala kunċett ta’ tagħlim orizzontali, sabiex l-istudenti jqisu l-isfond ta’ migrazzjoni tal-familji tagħhom jew ta’ sħabhom bħala aspett pożittiv u arrikkiment;

44.

jenfasizza l-bżonn li ż-żgħażagħ mingħajr kwalifiki u l-ġenituri tagħhom jibbenefikaw minn servizz ta’ parir dwar il-possibbiltajiet skolastiċi u professjonali li huma disponibbli għalihom sabiex jiksbu aċċess għal professjoni;

45.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali jistgħu jallokaw il-fondi li jirriżultaw mit-tnaqqis fid-demografija tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea lill-qasam tal-edukazzjoni sabiex tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni u t-tagħmir tal-istabbilimenti edukattivi;

46.

jirrakkomanda, fir-rigward tal-integrazzjoni tat-tfal, iż-żgħażagħ u l-adulti minn sfond ta’ migrazzjoni, l-organizzazzjoni ta’ kampanja ta’ sensibilizzazzjoni, li, pereżempju, turi l-integrazzjoni ta’ persunaġġi tal-ħajja pubblika minn sfond ta’ migrazzjoni;

47.

jenfasizza d-dritt tal-migranti għat-tħaris tal-lingwa materna tagħhom u jirrakkomanda l-promozzjoni tal-multilingwiżmu;

48.

jappella lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, bħala entitajiet li jħaddmu lin-nies, sabiex iħarrġu lil impjegati b’kompetenzi interkulturali u jekk hemm bżonn iżidu l-proporzjon ta’ impjegati minn sfond ta’ migrazzjoni, bil-konsiderazzjoni tal-adegwatezza, il-kompetenza u l-prestazzjoni tagħhom u bi ħlas għall-kompetenzi lingwistiċi u interkulturali tagħhom;

Konsiderazzjoni tal-kwistjoni fil-livell Ewropew

49.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li l-interess tal-Istati Membri għal kooperazzjoni Ewropea favur l-integrazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni jista’ jintwera billi jiġu ppreżentati l-aħjar prattiki tal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet, u li dan jista’ jissarraf f’valur miżjud Ewropew;

50.

madankollu, f’dan il-kuntest jenfasizza li l-problemi marbutin ma’ dan – hekk kif tispjega l-Green Paper – ma jistgħux jiġu solvuti fil-livell Ewropew, iżda jistgħu biss jiġu diskussi. Id-deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri politiċi hija r-responsabbiltà tal-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali;

51.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej janalizzaw sa liema punt l-azzjonijiet tal-programmi Komunitarji bħall-Programm ta’ Azzjoni għat-Tagħlim Tul il-Ħajja (2007-2013) jew il-Fondi Strutturali jistgħu jintużaw għall-integrazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni jew għall-promozzjoni tad-djalogu interkulturali, jew kif il-proġetti li diġà jinsabu fil-fażi ta’ ppjanar jistgħu jiġu adattati għad-direttivi Komunitarji eżistenti sabiex ikun hemm il-possibbiltà reali li jiġu ffinanzjati;

52.

b’rabta ma’ dan, jirreferi għall-importanza tal-fond Ewropew għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u jitlob lill-membri tiegħu jippromovu fil-livell reġjonali u lokali l-iżvilupp ta’ dan il-fond għall-finanzjament ta’ miżuri favur l-integrazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni;

53.

jistenna li l-integrazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni tingħata l-attenzjoni li jistħoqqilha fl-abbozz ta’ qafas strateġiku tal-Kummisssjoni Ewropea għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ li għandu jieħu post il-programm ta’ ħidma attwali “Edukazzjoni u Taħriġ 2010”;

54.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tanalizza l-kwistjonijiet li ġejjin, li ma ġewx indirizzati fil-Green Paper, fil-qafas ta’ analiżi dettaljata tas-suġġett fil-livell Ewropew:

iż-żieda fil-parteċipazzjoni edukattiva tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni;

il-motivazzjoni tal-ġenituri minn sfond ta’ migrazzjoni li jagħmlu użu mill-offerta ta’ tagħlim eżistenti;

it-taħriġ vokazzjonali tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni (inklużi aspetti ta’ parir professjonali kif ukoll promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi orjentata lejn ix-xogħol);

55.

jinnota li l-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ l-użu ta’ indikaturi u benchmarks ta’ prestazzjoni u attendenza skolastika tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni;

56.

ifakkar, b’rabta mal-approvazzjoni tal-istrument Ewropew għall-benchmarks tal-edukazzjoni ġenerali u professjonali, li l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Mejju 2003 enfasizzaw il-fatt li l-benchmarks Ewropej ma jinkludux l-objettivi ta’ Stati individwali u ma jistipulaw l-ebda deċiżjoni li għandha tittieħed minn gvernijiet individwali, anke jekk ċerti miżuri nazzjonali bbażati fuq prijoritajiet nazzjonali ser jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu dawn il-benchmarks;

57.

jinnota li f’Mejju 2007, taħt il-Presidenza Ġermaniża, ġie approvat qafas koerenti għall-indikaturi u l-benchmarks għall-monitoraġġ tal-progress miksub fir-rigward tal-objettivi ta’ Liżbona fil-qasam tal-edukazzjoni ġenerali u professjonali, u li l-Istati Membri ma mxewx mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li jadottaw indikaturi ġodda għall-qasam tal-iskola, kemm għal raġunijiet ta’ prinċipju kif ukoll minħabba l-ispejjeż amministrattivi u finanzjarji marbutin mal-adozzjoni ta’ dawn l-indikaturi;

58.

jenfasizza li fi ħdan il-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni, il-benchmarks Ewropej għandhom jibqgħu eċċezzjoni u l-ambitu ta’ applikazzjoni tagħhom m’għandux jiġi estiż lil hinn mill-ħames benchmarks eżistenti, b’mod partikulari billi qiegħed isir dejjem iktar evidenti li sal-2010 l-objettivi Ewropej fuq bażi volontarja mhumiex ser ikunu jistgħu jintlaħqu f’erba’ każijiet minn ħamsa;

59.

jinsisti li l-ħolqien ta’ indikaturi ġodda jista’ joħloq spejjeż amministrattivi addizzjonali konsiderevoli fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u fid-dawl tal-isforzi tal-Kummissjoni għat-tnaqqis tal-burokrazija, dawn għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk ir-riżultati tal-analiżi tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji ikunu pożittivi;

60.

f’dan il-kuntest jemmen li għandna niffokaw l-isforzi tagħna fuq l-indikaturi u l-benchmarks Ewropej attwali;

61.

għalhekk ma jarax valur miżjud Ewropew fl-użu ta’ indikaturi u benchmarks ġodda, iżda pjuttost f’inventarju tal-prattiki t-tajba dwar il-prestazzjoni u l-attendenza skolastika tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni;

62.

huwa konvint li inventarju bħal dan jista’ jkun element ċentrali ta’ skambju mtejjeb tal-informazzjoni u l-esperjenza fil-qafas tal-kooperazzjoni futura tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni, u jista’ jagħti impuls konsiderevoli lill-iżvilupp ta’ politika tal-integrazzjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

63.

għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni – wara l-evalwazzjoni tar-riżultati tal-konsultazzjoni u diskussjoni fi ħdan il-korpi Ewropej ikkonċernati – sabiex tfassal inventarju bħal dan b’soluzzjonijiet konkreti u prattiċi għall-problemi attwali tal-prestazzjoni u l-attendenza skolastika tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni, filwaqt li tikkunsidra l-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u jekk hemm bżonn tal-grupp tal-peer learning “Aċċess għall-edukazzjoni u l-integrazzjoni soċjali”;

64.

jemmen li jeħtieġ li l-Kummissjoni tagħti aċċess għal dan l-inventarju lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali; inventarju bħal dan jista’ jkopri, fost affarijiet oħra, il-punti li ġejjin:

It-tfal: inklużjoni kemm jista’ jkun bikrija fi stabbiliment ta’ tagħlim għat-tfal żgħar li joffri servizz adegwat u adattat għall-bżonnijiet individwali tat-tfal, li jippromovi t-tagħlim tal-lingwa u jagħmel dijanjosi tal-problemi lingwistiċi, kif ukoll parteċipazzjoni fi programmi ta’ terapija tat-tlissin fejn hemm bżonn;

It-tfal u ż-żgħażagħ: miżuri ta’ appoġġ lingwistiku fil-livelli kollha waqt il-perijodu tal-iskola obbligatorja, jekk hemm bżonn permezz ta’ lezzjonijiet tal-lingwa temporanji għat-tfal u ż-żgħażagħ bi problemi konsiderevoli fil-lingwa ta’ tagħlim sa ma jkunu jistgħu jlaħħqu mal-bqija tal-klassi; it-twaqqif ta’ netwerks ta’ “assistenti edukattivi” li jappoġġġjaw lit-tfal u liż-żgħażagħ fl-iskola u f’sitwazzjonijiet ta’ taħriġ;

Il-ġenituri: spjegazzjoni sistematika u preċiża tal-possibbiltajiet tas-sistema edukattiva permezz ta’ fuljetti informattivi b’iktar minn lingwa waħda maħruġa mill-awtoritajiet edukattivi; espansjoni tal-opportunitajiet għat-tagħlim tal-lingwa għall-ġenituri minn sfond ta’ migrazzjoni; billi l-ommijiet għandhom rwol kruċjali x’jaqdu, għandhom jinħolqu opportunitajiet ta’ kwalifiki lingwistiċi għall-ommijiet li ma jafux biżżejjed bil-lingwa ta’ tagħlim tat-tfal tagħhom biex jgħinuhom jiżviluppaw l-għarfien tagħhom; analiżi tal-possibbiltà li jiġu impjegati u mħarrġa volontarji multilingwi li jgħinu lill-ġenituri jindirizzaw l-iżvantaġġi lingwistiċi, kulturali u soċjali;

L-għalliema: konsiderazzjoni fil-fond tal-aspetti marbutin mal-immigrazzjoni fil-kors tal-għalliema (taħriġ inizjali kif ukoll dak superjuri u kontinwu); it-tħeġġiġ ta’ persuni minn sfond ta’ migrazzjoni biex jagħmlu l-kors tal-għalliema, sabiex iservu ta’ eżempju għat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni tal-bibien li tiftaħ l-edukazzjoni;

L-iskejjel: il-provvista ta’ appoġġ għall-iskejjel b’perċentaġġ kbir ta’ migranti, b’mod speċjali permezz ta’ klassijiet iżgħar, l-appoġġ tal-għalliema bis-saħħa ta’ assistenti soċjopedagoġiċi taż-żgħażagħ, l-organizzazzjoni ta’ għajnuna għax-xogħol skolastiku tad-dar wara l-iskola u l-ħolqien ta’ sistemi ta’ tuturi fejn l-istudenti l-kbar, minn sfond ta’ migrazzjoni jew le, jgħinu lil dawk iżgħar minnhom; fejn hemm bżonn, jistgħu jiġu organizzati workshops interkulturali speċifiċi għal kull skola, li jiġu ppreżentati fil-ħajja skolastika ta’ kuljum u li fihom issir enfasi partikulari fuq l-ilsna tal-migranti fi ħdan il-gruppi ta’ attività;

L-assistenti soċjali u taż-żgħażagħ: dawn għandhom jiżviluppaw rabta iktar b’saħħitha mal-iskejjel sabiex jappoġġjaw lit-tfal u liż-żgħażagħ minn familji minn sfond ta’ migrazzjoni, li huma wkoll soċjoekonomikament żvantaġġati;

65.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tat-tagħlim elettroniku (e-learning), li ma jinvolvix irbit ta’ ħin jew spazju u li joffri possibbiltajiet ta’ tagħlim ġodda kif ukoll l-opportunità li wieħed isir jaf lil nies u kulturi f’reġjuni mbiegħda, u f’dan il-qafas iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi oqsma ta’ applikazzjoni għall-metodi ta’ tagħlim elettroniku għall-integrazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni;

66.

jagħti importanza kbira lill-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali (OECD, UNESCO) u f’dan il-kuntest jappella għal tisħiħ tas-sinġeriji, b’mod speċjali mal-Kunsill tal-Ewropa;

Ir-rwol tad-Direttiva 77/486/KEE dwar l-edukazzjoni tat-tfal ta’ ħaddiema migranti

67.

jinnota li l-ambitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/486/KEE dwar l-edukazzjoni tat-tfal ta’ ħaddiema migranti huwa limitat għaċ-ċittadini tal-UE u li skont il-Kummissjoni Ewropea l-implimentazzjoni tagħha s’issa kienet irregolari;

68.

jemmen li l-fatt li d-Direttiva ma tapplikax għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-fatt li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jirregolaw ċerti aspetti tal-integrazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ minn sfond ta’ migrazzjoni li huma jqisu importanti permezz ta’ ftehim bilaterali bejn l-Istati Membri individwali kif ukoll ma’ pajjiżi terzi huwa sinjal li la l-kontenut tad-Direttiva u lanqas l-istrument tad-Direttiva fih innifsu ma jirrappreżentaw risposta għall-iżviluppi li jiffurmaw il-qagħda tal-migrazzjoni fl-Ewropa llum;

69.

jinnota li fil-Green Paper il-Kummissjoni Ewropea qajmet dubji serji fir-rigward ta’ kemm ikun xieraq li d-Direttiva tinżamm;

70.

f’dan il-kuntest jirrakkomanda lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li jirrevokaw id-Direttiva 77/486/KEE dwar l-edukazzjoni tat-tfal ta’ ħaddiema migranti.

Brussell, 13 ta’ Frar 2009.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


Top