Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0308

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Valutazzjoni tal-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali (Integrated Coastal Zone Management (ICZM)) fl-Ewropa.

    /* KUMM/2007/0308 finali */

    52007DC0308

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Valutazzjoni tal-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali (Integrated Coastal Zone Management (ICZM)) fl-Ewropa. /* KUMM/2007/0308 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 7.6.2007

    KUMM(2007) 308 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

    Rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Valutazzjoni tal-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali (Integrated Coastal Zone Management (ICZM)) fl-Ewropa.

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

    Rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Valutazzjoni tal-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali (Integrated Coastal Zone Management (ICZM)) fl-Ewropa.

    Introduzzjoni

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna l-Gestjoni Integrata taż-Żona Kostali tat-30 ta' Mejju 2002[1] (Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE) għamlet sejħa lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni u biex tipprovdi rapport ta' valutazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill[2].

    Din il-Komunikazzjoni tikkostitwixxi r-rapport tal-Kummissjoni wara r-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE. Is-sorsi ewlenin użati għal dan ir-rapport huma:

    - Rapport ta' valutazzjoni esterna[3], li jevalwa prinċipalment l-implimentazzjoni mill-Istati Membri kostali tar-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE;

    - Rapport mill-Aġenzija Ambjentali Ewropea[4] b'valutazzjoni spazjali integrata taż-żoni kostali ta' l-Ewropa;

    - Rapport mill-Grupp ta' Ħidma dwar Indikaturi u Data li jeżamina l-użu ta' l-indikaturi fir-rapporti nazzjonali wara r-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE[5].

    F'Ottubru 2005, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Tematika tagħha dwar il-Ħarsien u l-Konservazzjoni ta' l-Ambjent ta' l-Ibħra, inkluża proposta ta' Direttiva ta' l-Istrateġija tal-Ibħra[6]. Bil-proposta ta' qafas leġiżlattiv għall-kisba ta' status ambjentali tajjeb ta' l-ambjent tal-baħar, l-Istrateġija Tematika ttejjeb il-korp ezistenti ta' linji politiċi u leġiżlazzjoni ta' l-UE disponibbli għall-parti terrestri taż-żona kostali, billi tappoġġja l-implimentazzjoni dwar il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali.

    L-Istrateġija ta' l-Ibħra u l-politika tal-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali jridu jiġu kkunsidrati fil-qafas usa' tal-Politika Marittima ta' l-UE għall-ġejjieni li tnediet f'Ġunju 2006 bl-adozzjoni tal-Green Paper tal-Kummissjoni. "Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-oċeani u l-ibħra[7]". Billi l-ambitu ġeografiku tal-politika marittima proposta f'din il-Green Paper jinkludi ż-żona kostali, il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali għandha rwol x'taqdi fil-qafas politiku propost. Barra minn hekk, billi ż-żoni kostali huma esposti b'mod partikolari għall-impatti possibbli tal-bidla fil-klima, it-tieni Programm Ewropew dwar il-Bidla tal-Klima[8], b'mod partikolari l-parti dwar l-impatti u l-adattament, u l-Green Paper proposta dwar l-Adattament għall-Bidla tal-Klima[9], huma wkoll ta' importanza ewlenija fiż-żoni kostali ta' l-Ewropa.

    It-taħditiet inter-istituzzjonali li għaddejjin bħalissa dwar id-Direttiva ta' l-Istrateġija ta' l-Ibħra proposta, ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika mnedija mal-Green Paper dwar il-Politika ta' l-Ibħra, li għandha tiskadi f'Ġunju 2007, u l-politika emerġenti ta' l-UE dwar l-adattament għall-bidla fil-klima għandhom jitqiesu meta jitfasslu l-għażliet politiċi wara l-valutazzjoni tar-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE. L-iżvilupp ta' politika dwar l-enerġija sostenibbli, sigura u kompetittiva għall-Unjoni Ewropea għandha titqies ukoll minħabba r-rwol predominanti tagħha.

    L-isfond għall-politika ta' l-ICZM fl-Ewropa u r-rapporti ta' l-Istati Membri dwar l-ICZM

    Ir-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE

    Iż-żoni kostali huma ta' importanza strateġika għall-Unjoni Ewropea. Huwa l-post fejn jgħixu persentaġġ kbir ta' ċittadini Ewropej, sors ewlieni ta' ikel u materja prima, rabta vitali għat-trasport u l-kummerċ, il-post fejn jinsabu ambjenti naturali ta' l-ogħla valur, u d-destinazzjoni ppreferita għal-ħin liberu[10]. Madankollu, il-ġibda taż-żoni kostali tinsab taħt pressjoni li qed tiżdied: Ir-riżorsi kostali qed jiġu eżawriti aktar milli jifilħu, in-nuqqas ta' spazju qed iwassal għal konflitti fl-użu, hemm varjazzjonijiet qawwija marbuta ma' l-istaġuni fil-popolazzjoni u l-impjiegi, u l-ekosistemi naturali li jappoġġjaw iż-żoni kostali qed ibatu minn degradazzjoni. Iż-żoni kostali huma partikolarment esposti għar-riskji, aggravati minħabba fl-impatti possibbli tal-bidla fil-klima. It-tlugħ possibbli tal-livelli ta' l-ibħra jżid il-probabbiltà ta' żieda ta' tempesti , ikabbar ir-riskju ta' l-erożjoni tax-xtut u l-għargħar, jifrex l-ilma mielaħ fuq l-art u jpoġġi l-buffers naturali f'periklu bħal pereżempju l-artijiet mistagħdra. Setturi importanti għax-xtut bħat-turiżmu, s-sajd u l-agrikoltura huma fost is-setturi l-aktar vulnerabbli għal bidliet possibbli fil-klima[11]. Il-vulnerabbiltà tas-sistemi naturali u dawk tal-bniedem fuq ix-xtut żdiedet minħabba fl-iżvilupp kontinwu u l-bini fil-viċinanza immedjata tax-xtut, in-nuqqas ta' spazju biex jagħmel tajjeb għat-tlugħ fil-livell tal-baħar u t-tnaqqis kroniku ta' bilanċ fis-sediment[12].

    Fil-kuntest ta' dan l-isfond, ir-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l–UE issejjaħ għal approċċ strateġiku għall-ippjanar u l-ġestjoni taż-żona kostali sabiex jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli. Il-linji politiċi u l-leġiżlazzjoni dwar il-ġestjoni kostali u l-mekkaniżmi tagħhom ta' implimentazzjoni, ġew pjuttost żviluppati separatament minn xulxin u fuq bażi purament settorali. Dan jista' jwassal għal prijoritajiet ta' konflitt, nuqqas ta' ċarezza u strategija ġeneralment frammentata f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-implimentazzjoni tal-linji politiċi u l-leġiżlazzjoni rilevanti. Strateġija aktar koerenti u integrata lejn l-ippjanar u l-ġestjoni kostali għandha tipprovdi kuntest aħjar għall-benefiċċju mis-sinerġiji, għat-tneħħija ta' l-inkonsistenzi, u fl-aħħar nett għal kisba ta' żvilupp sostenibbli aħjar u aktar effettiv. Din hija s-sustanza tal-ġestjoni integrata taż-żona kostali u l-mira tar-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE hija propju din.

    Ir-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE telenka tmin prinċipji li jiddefinixxu l-karatteristiċi essenzjali ta' l-ICZM. L-integrazzjoni tul is-setturi u l-livelli ta' governanza, kif ukoll strateġija parteċipattiva u msejsa fuq l-għarfien, huma karatteristiċi ta' l-ICZM. Imsejsa fuq dawn il-prinċipji, ir-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE tistieden l-Istati Membri kostali biex jiżviluppaw strateġiji nazzjonali biex jimplimentaw l-ICZM. Minħabba fin-natura trans-konfinali ta' ħafna proċessi kostali, jeħtieġu wkoll il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien u f'kuntest ta' baħar reġjonali.

    Rapporti ta' l-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni ta' l-ICZM.

    Ir-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE stiednet lill-Istati Membri kostali biex jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar il-progress li qed isir fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni u, b'mod partikolari, f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-iżvilupp ta' strateġija nazzjonali għall-promozzjoni ta' l-ICZM. Ir-rapporti kellhom jitressqu sa l-aħħar ta' Frar 2006. Mill-20 Stat Membru kostali ta' l-UE, 14 ressqu rapporti uffiċjali lill-Kummissjoni[13]. Dan jirrappreżenta 65% ta' l-Istati Membri kostali ta' l-UE u aktar minn 70%[14] tal-kosta Ewropea.

    Ir-rapporti ta' spiss ikopru sitwazzjonijiet differenti ħafna: strateġiji nazzjonali li għadhom kemm ġew żviluppati, fażi ġdida fi proċess nazzjonali itwal ta' implimentazzjoni ta' l-ICZM li hu għaddej bħalissa, r-riżultati ta' l-eżerċizzji ta' rendikont u proposti inizjali għal strateġija kostali. Ir-riċerka tindika li l-Istati Membri kostali kollha ta' l-UE jirregolaw l-użu u l-iżvilupp kostali taħt forma jew oħra. Ittieħdu passi matul l-2000-2005 lejn strateġija ta' ippjanar u ġestjoni aktar integrata, iżda ICZM matura li taħdem tajjeb u li tinvolvi l-livelli kollha ta' amministrazzjoni s'issa bilkemm għada tidher[15] L-istampa ma tantx tinbidel b'mod sinifikanti meta wieħed iqis iż-żewġ Stati Membri kostali li ngħaqdu ma' l-UE fl-1 ta' Jannar 2007[16].

    RIżULTATI MILL-VALUTAZZJONI U DIREZZJONIJIET GħAL AKTAR PROMOZZJONI TA' L-ICZM FL-EWROPA

    Għad-direzzjoni fil-ġejjieni ta' Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali, il-Kummissjoni waslet għal dawn il-konklużjonijiet mir-rapporti li waslu.

    Riżultati mill-valutazzjoni tar-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE

    L-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata taż-żona kostali hija proċess gradwali u b'effett għat-tul. Ħafna mill-istrateġiji nazzjonali żviluppati wara r-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE ġew adottati fl-2006 u l-implimentazzjoni tagħhom għadha biss fil-bidu. Fil-maġġoranza ta' l-Istati Membri, ir-rispons għar-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE hija parti minn proċess gradwali għaddej bħalissa lejn ġestjoni u ppjanar kostali aktar integrati. Ir-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE tappoġġja dawn il-proċessi u kellha effetti ċari fl-istimolu ta' l-għarfien u aktar azzjoni lejn ġestjoni u ppjanar kostali sostenibbli.l Filwaqt li l-istrateġija li qed tiddomina għadha waħda settorali, l-istrateġiji nazzjonali għandhom jipprovdu qafas aktar strateġiku u integrat. Ir-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE tibqa' valida bħala bażi biex tkompli tappoġġja dawn il-proċessi ta' integrazzjoni. Billi l-maġġoranza ta' l-Istati Membri kostali taw ir-rispons tagħhom għar-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE, billi l-parti l-kbira mill-istrateġiji nazzjonali tnedew biss fl-2006 u billi aktar żviluppi huma mistennija permezz tad-Direttiva dwar l-Istrateġija ta' l-Ibħra u l-Green Paper dwar Politika Marittima futura ta' l-UE u s-segwitu tagħhom, il-Kummissjoni tqis li f'dan l-istadju mhuwiex previst strument legali speċifiku għall-promozzjoni ta' l-ICZM. Għandha ssir reviżjoni ta' din il-valutazzjoni fil-kuntest tas-segwitu tal-Politika Marittima futura ta' l-UE u wara l-konklużjoni tad-diskussjonijiet inter-istituzzjonali dwar id-Direttiva dwar l-Istrateġija ta' l-Ibħra, mistennija fl-2008.

    Madankollu, l-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni li r-rapporti nazzjonali ta' l-ICZM jipprovdu biss indikazzjonijiet limitati ta' mekkaniżmi effettivi ta' implimentazzjoni. Teħtieġ implimentazzjoni kontinwa u effettiva sabiex dawn l-istrateġiji jinbidlu f'realtà u sabiex timxi 'l quddiem l-ICZM fl-Ewropa L-assikurazzjoni ta' biżżejjed fondi għall-appoġġ ta' l-istrateġiji hija parti waħda mill-isfida. Il-kisba ta appoġġ effettiv fit-tul u impenn għall-integrazzjoni f'kuntest ta' amministrazzjonijiet fil-biċċa l-kbira organizzati settoralment tibqa' problema fundamentali. L-ICZM għandha xejra li tinvolvi kostitwenti aktar ambjentali, filwaqt li l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u l-konsiderazzjonijiet soċjali jeħtieġ li jitqiesu wkoll fl-istrateġiji.

    Kisba ewlenija fir-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE kienet il-kodifikazzjoni ta' sensiela ta' prinċipji li għandhom ikunu abbazi ta' ppjanar sod u ġestjoni kostali soda. Filwaqt li l-valutazzjoni tikkonferma r-rilevanza ta' dawn il-prinċipji ta' l-ICZM, l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE tiżvela wkoll interpretazzjonijiet u fehma dwar l-ICZM madwar l-Ewropa li jvarjaw. Sabiex titrawwem implimentazzjoni ta' l-ICZM aktar koerenti u effettiva, jeħtieġ li l-prinċipji jsiru aktar operattivi u jiġu kkomunikati aħjar. Id-diversità tal-kosta, flimkien mas-sistemi amministrattivi differenti bejn u fi ħdan l-Istati Membri, timplika madankollu li ma hemm l-ebda soluzzjoni waħda faċilment disponibbli li tgħodd għal kulħadd. Teħtieġ pjuttost analiżi aktar sistematika u komparattiva u aktar skambju ta' l-esperjenzi fl-Ewropa.

    Għalkemm sar progress lejn qafas komuni ta' valutazzjoni għall-ICZM[17], hemm biss ftit pajjiżi li huma mdaħħla effettivament fil-ġbir u l-analiżi ta' indikaturi speċifiċi għaż-żona kostali. Għad hemm nuqqas ta' metodoloġija biex torbot l-isforzi ta' l-ICZM max-xejriet fis-sostenibilità. Filwaqt li l-metodoliġija li tevalwa l-impatti spazjali tal-linji politiċi ta' l-UE għamlet progress[18], in-nieqes li jeżisti fid- data u n-nuqqas ta' sistemi effettivi fit-tqassim ta' informazzjoni għadhom iservu ta' ostakolu għall-użu tagħha aktar mifrux u pro-attiv fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

    Għall-appoġġ fl-implimentazzjoni ta' l-ICZM, se jkun jeħtieġ aktar investment fil-kapaċità biex tinġabar l-informazzjoni, issir l-analiżi tagħha u t-titwassal għand dawk li jfasslu l-politika u għand il-pubbliku in ġenerali. Id-Direttiva INSPIRE adottata dan l-aħħar[19] tipprovdi qafas legali għal infrastruttura aktar effettiva għall-użu u t-tixrid ta' l-informazzjoni spazjali. Is-Sistema ta' Informazzjoni Ambjentali Komuni li qed tiġi sviluppata mill-Kummissjoni, l-Aġenzija Ambjentali Ewropea u l-Istati Membri fil-kuntest ta' INSPIRE għandhom jgħinu biex jagħmlu l-informazzjoni taż-żona kostali aktar faċilment disponibbli.

    Temi ta' prijorità għal aktar promozzjoni ta' l-ICZM: l-adattament għall-bidla fil-klima u r-riskji u l-ġestjoni ta' l-interface bejn l-art u l-baħar u ż-żoni marittimi

    Filwaqt li d-diversità fil-kosta fl-Ewropa timplika li l-kwistjonijiet preżenti u l-importanza tagħhom jistgħu jkunu diverġenti, sfida komuni għaż-żoni kostali fl-Ewropa hija l-esponiment li dejjem qed jiżdied għar-riskji u l-impatti possibbli tal-bidla fil-klima. Fl-istess ħin, iż-żoni kostali jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-iżvilupp ta' xi formi ta' enerġija rinovabbli u b'hekk jikkontribwixxu għal politika ta' l-enerġija sostenibbli, sigura u kompetittiva għall-Unjoni Ewropea. Dan jimplika, madankollu, talbiet addizzjonali għall-ispazju u għal sors ieħor potenzjali ta' konflitt bejn l-utenti u l-valuri fiż-żoni kostali u ż-żoni 'l barra mix-xatt. Il-bidliet fil-kondizzjonijiet klimatiċi huma mistennija li jeffettwaw b'mod aktar ġenerali l-opportunitajiet u l-isfidi għall-attivitajiet ekonomiċi ewlenin fiż-żona kostali.

    Sabiex dawn l-isfidi u oħrajn jiġu ttrattati kif jixraq, u għal tħejjija aħjar għad-disastri possibbli u r-reazzjoni lejhom, teħtieġ strateġija territorjali koerenti u trans-settorjali. Billi l-pjanijiet u l-programmi tal-lum jistabbilixxu l-qagħda għas-snin li ġejjin, hemm ħtieġa urġenti għall-ippjanar u d-deċizjonijiet attwali dwar investimenti biex jinkorporaw ir-riskji relatati ma' l-effetti possibbli tal-bidla fil-klima. L-ICZM tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' qafas xieraq għall-promozzjoni tat-tnaqqis ta' riskju komprensiv u ta' strateġiji ta' adattament fiż-żoni kostali, filwaqt li tibni fuq strumenti eżistenti u fuq ir-riżultati tar-riċerka ta' l-UE[20]. Il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-Adattament għall-Bidla fil-Klima[21] skedata għall-2007 u l-Istrateġija Integrata dwar il-Ħarsien mid-Diżastri mħabbra għall-2008[22] għandhom jikkontribwixxu għal aktar promozzjoni ta' adattament għal riskji possibbli relatati, fost l-oħrajn mal-bidla fil-klima fiż-żona kostali ta' l-Ewropa.

    Meta nediet l-istrateġija tagħha biex timplementa r-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE[23], il-Kummissjoni indikat li ż-żoni kostali b'mod partikolari jeħtieġu strateġija territorjali integrata, iżda li, essenzjalment, governanza territorjali tajba bħal din hija rilevanti għal żoni oħra milquta minn pressjonijiet multipli u interessi konfliġġenti. Dan qed ikun dejjem aktar il-każ għall-ibħra u l-oċeani[24]. Minkejja l-ħtieġa kontinwa ta' l-ICZM fuq ix-xtut, jeħtieġ li jkun hemm aktar konċentrazzjoni fuq l-implimentazzjoni ta' l-ICZM tul il-fruntiera bejn l-art u l-baħar u f'kuntest ta' l-ibħra reġjonali. Is-sisien għal kooperazzjoni aħjar bħal din f'kuntest ta' baħar reġjonali tpoġġew, per eżempju fil-forma ta' spazji ta' kooperazzjoni marittima trans-fruntieri u trans-nazzjonali bħala parti mill-għan ta' Kooperazzjoni skond il-Politika ta' Koeżjoni[25]. L-aktar importanti, id-Direttiva proposta dwar l-Istrateġija ta' l-Ibħra tintroduċi l-ippjanar marittimu u unitajiet ta' ġestjoni fil-forma ta' Reġjuni u Sotto-Reġjuni Marittimi[26]. Fl-aħħar nett, qed jiġi żviluppat qafas legali għall-Baħar Mediterran għall-ICZM f'forma ta' protokoll għall-Konvenzjoni ta' Barċellona, li tagħha l-UE hija Parti Kontraenti[27].

    Id-Direttiva proposta dwar l-Istrateġija ta' l-Ibħra għandha tistipula l-istandards ambjentali meħtieġa biex tissorvelja l-ambjent marittimu u l-bażi ta' riżorsi marittimi li tirrappreżenta. Din tidentifika wkoll il-kontrolli spazjali u temporali bħala parti minn spettru ta' miżuri meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan ta' status ambjentali tajjeb[28]. Fi kliem ieħor, il-miżuri ta' l-ippjanar spazjali marittimu se jkunu parti mit-taħlita ta' politika meħtieġa biex tkun implimentata b'suċċess id-Direttiva proposta. Dan l-aspett diġà qed jitqies minn ċerti konvenzjonijiet ta' ibħra reġjonali li se jkollhom rwol ewlieni fil-koordinazzjoni ta' l-implimentazzjoni tad-Direttiva f'livell ta' baħar reġjonali. Il-Kummissjoni ta' Ħelsinki dwar il-Ħarsien tal-Baħar Baltiku, il-Konvenzjonijiet ta' Oslo u ta' Pariġi dwar il-Ħarsien ta' l-Atlantiku tal-Grigal u l-Konvenzjoni ta' Barċellona dwar il-Ħarsien tal-Baħar Mediterran ħadu passi importanti dan l-aħħar biex jintegraw il-konsiderazzjonijiet ta' l-ippjanar spazjali marittimu fl-attivitajiet eżisteni jew ippjanati tagħhom. Dan għandu jikkostitwixxi mezz essenzjali ta' bini għal aktar ħidma fuq l-ippjanar spazjali marittimu fil-kuntest tad-Direttiva proposta dwar l-Istrateġija ta' l-Ibħra.

    Hi u tibni fuq il-miżuri ta' hawn fuq u fuq inizjattivi oħra eżistenti f'livelli Komunitarji, ta' l-ibħra reġjonali u dawk nazzjonali, il-politika Marittima futura ta' l-UE se tikkunsidra, kif indikat fil-Green paper adottata f'Ġunju 2006, l-introduzzjoni ta' sistema ta' l-ippjanar spazjali marittimu. L-iżvilupp sostenibbli ta' l-ibħra u l-oċeani ta' l-Unjoni Ewropea jista' tabilħaqq jirrikjedi strateġija usa' ta' ppjanar u ġestjoni biex jindirizza l-użu konfliġġenti u kompetittiv tar-riżorsi u l-ispazju ta' l-oċean. Fost l-aspetti ewlenin hemm it-tfittxija ta' l-aqwa postijiet għal attivitajiet ekonomiċi filwaqt li jiġu evitat il-kunflitt bejn l-użi varji, l-aktar użu effiċjenti ta' l-ispazju, u l-ġestjoni effettiva ta' l-iżvilupp marittimu u l-iżvilupp assoċjat tiegħu fuq l-art.

    Sabiex jintlaħaq dan, il-karattru ta' l-ICZM komprensiv, orjentat lejn l-għanijiet u s-soluzzjoni ta' problemi, fil-kuntest ta' politika marittima komprensiva għall-Unjoni Ewropea, joffri valur miżjud distint meta mqabbel ma' xi wħud mis-sistemi tradizzjonali, aktar riġidi ta' l-ippjanar u l-ġestjoni. Barra minn hekk, l-ICZM tkun tista' tikkontribwixxi biex tiżgura l-koerenza bejn il-linji politiċi, il-pjanijiet u l-programmi, u l-ġabra u l-implimentazzjoni effettivi ta' pjanijiet u programmi fi skali differenti ta' intervenzjoni. Il-ħidma fuq skali differenti u tul fruntieri amministrattivi u settorjali tibqa' sfida formidabbli, iżda hija ċentrali għall-kisba ta' l-integrazzjoni. Ir-riżultat ġenerali għandu jipprovdi aktar ċarezza, ċertezza u tbassir ta' politika u teħid ta' deċiżjonijiet. Dan għandu jiffaċilita l-iżvilupp sostenibbli ta' l-ekonomiji marittimi u jtejjeb l-għajxien tal-komunitajiet fuq ix-xtut.

    Il-kuntest emerġenti tal-linji politiċi u l-leġiżlazzjoni ta' l-UE li qed jeffettwaw iż-żoni kostali

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Dwar il-Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali: Strateġija għall-Ewropa"[29] rrikonoxxiet li bosta mill-linji politiċi u l-istrumenti ta' l-UE jekk mhux kollha, għandhom xi impatt fuq iż-żoni kostali. Il-Kummissjoni se tissokta f'li tiżgura li dawn il-linji politiċi u strumenti huma koerenti, biex l-implimentazzjoni f'livelli aktar baxxi ta' governanza tkun iffaċilitata. Mill-2001 u bit-tnedija tal-White paper dwar il-Governanza Ewropea[30], il-Kummissjoni implimentat sensiela ta' miżuri strutturali biex ittejjeb iċ-ċarezza, is-seħem, ir-responsabilità, l-effettività u l-koerenza fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fl-implimentazzjoni tal-linji politiċi ta' l-UE (eż. programmi ta' ħidma disponibbli pubblikament, stimi ta' impatt dwar linji politiċi, aktar konsultazzjonijiet sistematiċi tal-partijiet interessati). Il-politika marittima futura ta' l-UE – li tagħha d-Direttiva dwar l-Istrateġija ta' l-Ibħra tifforma l-kolonna ambjentali – toffri pjattaforma biex aktar issaħħaħ il-koerenza u s-sinerġiji fost il-ħafna linji politiċi u strumenti ta' l-UE li jeffettwaw iż-żoni kostali.

    Flimkien ma' l-inizjattivi strateġikament importanti fl-ambjent marittimu, imsemmija hawn fuq, il-bini ta' strumenti speċifiċi oħra li jindirizzaw problemi kostali sinifikattivi oħra tkompla mill-2000. Minħabba fix-xejriet kontinwi tat-tnaqqis ta' riżorsi kostali u n-nuqqas ta' l-ispazji naturali, strumenti bħal dawn huma komponenti essenzjali ta' strateġija unitarja biex jintlaħaq l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni kostali fl-Ewropa. Fost l-aktar strumenti rilevanti hemm id-Direttiva ta' Qafas għall-Ilma[31], adottata fl-2000, id-Direttivi ta' l-Ambjenti Naturali u l-Għasafar[32] kif ukoll il-Pjan ta' Azzjoni "it-Trażżin tat-Telf ta' Bijodiversità sa l-2010 – u Lilhinn"[33], u d-Direttiva dwar l-Evalwazzjoni Strateġika ta' l-Ambjent[34] ta' l-2001 applikabbli għal pjanijiet u programmi. Rigward ir-riskji speċifiċi kostali, l-għargħar tal-kosta huwa kopert bid-Direttiva proposta dwar il-valutazzjoni u l-ġestjoni ta' l-għargħar[35]; it-tiġrif (landslides) u l-impermeabilità tal-ħamrija, bħal per eżempju minħabba fl-urbanizzazzjoni, huma koperti mid-Direttiva proposta li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ħamrija[36]. Dwar il-kwistjonijiet ta' skarsezza ta' l-ilma u n-nixfa saru diġà xi skambji fil-Kunsill, u bħala segwitu, se jkunu indirizzati f'Komunikazzjoni lill-Kummissjoni fl-2007[37]. Minħabba fl-importanza tat-turiżmu fiż-żoni kostali, l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex ittejjeb is-sostenibilità tat-turiżmu fl-Ewropa jeħtieġu wkoll li jiġu enfasizzati[38].

    Direzzjonijiet għal aktar promozzjoni ta' l-ICZM fl-Ewropa

    Imsejsa fuq il-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li jeħtieġu sforzi kontinwi biex jappoġġjaw l-ICZM f'livell ta' l-UE, kif ġej:

    - l-Istati Membri kostali huma mħeġġa biex jimplimentaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom ICZM jew biex jiżviluppaw oħrajn fejn ir-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE għadha ma ġietx implimentata, immirati lejn żvilupp ambjentali bilanċjat, soċjali, ekonomiku u kulturali, u fi sħubija mal-partijiet interessati rilevanti;

    - biex tinkiseb fehma u implimentazzjoni aktar koerenti ta' l-ICZM tul l-Istati Membri, jeħtieġ li jiġi żviluppat l-iggwidar biex jiċċara l-prinċipji fl-isfond ta' l-ippjanar u l-ġestjoni sodi taż-żona kostali u modi ta' kif dawn għandhom jitħaddmu;

    - billi d-Direttiva dwar l-Istrateġija ta' l-Ibħra u x-xogħol relatat tal-konvenzjonijiet dwar l-ibħra reġjonali huma kruċjali għall-iżvilupp ta' strateġija unitarja għall-iżvilupp sostenibbli ta' l-oċeani u l-ibħra ta' l-UE, huwa essenjali l-iżvilupp ta' strateġiji ICZM f'koordinazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib ma' dawn l-istrumenti. Bit-twettiq ta' dan, l-ICZM se ssir komponent importanti wkoll tal-Politika Marittima futura ta' l-Unjoni Ewropea;

    - filwaqt li huwa meħtieġ l-appoġġ għal aktar implimentazzjoni ta' l-ICZM fuq l-art, jeħtieġ ukoll li titpoġġa aktar enfażi fuq il-kooperazzjoni f'livell ta' baħar reġjonali, inkluża l-koerenza bejn il-pjanijiet, il-programmi u l-ġestjoni li jkopru l-partijiet ta' l-art u tal- baħar fiż-żoni kostali. Id-Direttiva proposta dwar l-Istrateġija ta' l-Ibħra u x-xogħol relatat tal-konvenzjonijiet ta' ibħra reġjonali għandhom jipprovdu strumenti importanti biex dan jimxi 'l quddiem;

    - minħabba fil-vulnerabilità għolja taż-żoni kostali għar-riskji u impatti possibbli relatati mal-bidla fil-klima, għandhom jiġu żviluppati strateġiji biex jadattaw għal dawn ir-riskji u jiġu implimentati f'koerenza sħiħa ma' l-istrateġiji u l-istrumenti ta' l-ICZM li għandhom x'jaqsmu ma' riskji naturali speċifiċi jew teknoloġiċi;

    - jeħtieġu aktar sforzi għall-analiżi komparattiva u l-komunikazzjoni u l-promozzjoni ta' prassi tajba rigward l-ICZM, inkluż bejn ir-reġjuni kostali. Jeħtieġ ukoll li l-ġbir ta' data rilevanti u l-qsim u l-użu ta' tagħrif effettiv fil-politika u t-teħid ta' deċiżjonijiet jiżviluppa dejjem aktar. L-iżvilupp ta' indikaturi komuni u qafas biex jevalwa l-effettività u l-effiċjenza ta' l-ICZM jeħtieġ li jitkompla.

    L-istrateġija integrata għat-tfassil ta' politika tal-Politika ta' l-Ibħra futura ta' l-UE u l-kolonna ambjentali tagħha, l-Istrateġija għall-Ibħra ta' l-UE, tippermettilna li nieħdu passi importanti lejn l-implimentazzjoni ta' l-aġenda ta' hawn fuq.

    Rigward appoġġ dirett għal aktar implimentazzjoni ta' l-ICZM u mill-2007 'l quddiem, il-Politika ta' Koeżjoni Ewropea se tkun kontributur ewlieni, prinċipalment permezz ta' l-għan ta' Kooperazzjoni u l-Inizjattiva tar-Reġjuni għal Bidla Ekonomika[39], li tinkludi l-ġestjoni kostali fost it-temi tagħha. Barra minn hekk, il-Fond Ewropew tas-Sajd[40] jinkludi assi ddedikati lill-iżvilupp integrat u sostenibbli taż-żoni dipendenti fuq is-sajd. L-azzjoni ENCORA[41] ta' koordinazzjoni appoġġjata mill-EU mnedija fl-2006 se timmira li tistruttura l-istrateġija fframmentata għar-riċerka u l-edukazzjoni fiż-żoni kostali ta' l-Ewropa[42].

    Konklużjonijiet

    Il-valutazzjoni tar-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE wriet li r-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE kellha impatt pożittiv biex tqanqal il-progress lejn ippjanar u ġestjoni aktar integrati taż-żoni kostali fl-Ewropa. Il-Politika Marittima futura ta' l-UE u l-kolonna ambjentali tagħha, l-Istrateġija ta' l-Ibħra ta' l-UE għandhom jagħtu qawwa ġdida lill-politika tagħna ta' l-ICZM u għandhom ikomplu jtejbu l-implimentazzjoni tagħha fis-snin li ġejjin.

    Sabiex jindirizzaw il-problemi kontinwi tad-degradazzjoni ambjentali fiż-żoni kostali, għadd ta' strumenti speċifiċi ġew proposti jew adottati mit-tnedija tar-Rakkomandazzjoni ICZM ta' l-UE. Il-Kummissjoni se tkompli tiżgura l-koerenza u s-sinerġiji fost il-ħafna linji politiċi u strumenti ta' l-UE li jeffettwaw iż-żoni kostali.

    Għall-appoġġ ta' l-implimentazzjoni ta' l-ICZM, jeżistu opportunitajiet speċjalment permezz tal-Politika ta' Koeżjoni, il-Fond Ewropew għas-Sajd u bħala parti mill-Programm Qafas ta' Riċerka.

    F'dan il-kuntest, ir-Rakkomandazzjoni ICZM attwali ta' l-UE tibqa' valida biex tappoġġja l-implimentazzjoni ta' l-istrateġiji nazzjonali u biex tkompli tiżviluppa l-ICZM tul il-kosta fl-Ewropa.

    [1] 2002/413/KE, ĠU L148, 6.6.2002, p. 24

    [2] Idem. 1, Kapitolu VI.3.

    [3] Evalwazzjoni ta’ ġestjoni integrata taż-żona kostali (ICZM - Integrated Coastal Zone Management) fl-Ewropa, 1/12/2006, http://ec.europa.eu/environment/iczm/home.htm

    [4] L-uċuħ li qed jinbidlu taż-żoni kostali ta' l-Ewropa, Rapport taż-ŻEE Nru 6/2006, ISSN 1725-9177, http://reports.eea.europa.eu/eea_report_2006_6/en/

    [5] Rapport dwar l-użu ta' l-indikaturi ta' l-ICZM mid-WG-ID, Settembru 2006,http://ec.europa.eu/environment/iczm/pdf/report_wgid.pdf

    [6] COM(2005) 504 u 505, 14.10.2005.

    [7] COM(2006) 275 finali, 7.6..2006.

    [8] COM(2005) 35, 9.2.2005. http://ec.europa.eu/environment/climat/eccp_impacts.htm.

    [9] 2006/ENV/012, Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2006, COM (2005) 531 finali, 25.10.2005.

    [10] COM(2000) 547 finali, 27.9.2000.

    [11] COM (2005) 35, 9.2.2005.

    [12] Idem. 4.

    [13] Sal-31.12.2006 waslu rapporti mill-: Belġju, Ċiprju, d-Danimarka, l-Finlandja, Franza, l-Ġermanja, l-Greċja, l-Latvja, l-Litwanja, Malta, l-Olanda, l-Portugall, Spanja u r-Renju Unit. Wasal materjal ta' abbozz u kontributi oħra mill-Polonja, s-Slovenja u l-Iżvezja. Ma wasal l-ebda kontribut mill-Estonja, l-Irlanda u l-Italja.

    [14] It-tul tal-kosta skond kif definit fil-proġett EUrosion (2004).

    [15] Idem. 4.

    [16] Filwaqt li r-Rakkomandazzjoni ta' l-ICZM ta' l-UE ma talbitx lir-Rumanija u lill-Bulgarija biex iressqu rapporti, kienu waslu xi materjal u kontributi oħra ta' abbozz mir-Rumanija sal-31.12.2006 (l-ebda kontribuzzjoni formali ma waslet mill-Bulgarija).

    [17] Il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Indikaturi u d-Data WG-ID http://ec.europa.eu/environment/iczm/home.htm#zone6, DEDUCE project (Interreg) http://www.gencat.net/mediamb/sosten/deduce/deduce.htm

    [18] L-uċuħ li qed jinbidlu taż-żoni kostali ta' l-Ewropa, Rapport taż-ŻEE Nru 6/2006, ISSN 1725-9177; Netwerk Osservatorju ta' l-Ippjanar Spazjali Ewropew http://www.espon.eu/.

    [19] Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewoprew u tal-Kunsill, ĠU L 108 tal-25.04.2007.

    [20] Eż: id-Direttiva proposta dwar il-valutazzjoni u l-ġestjoni ta' l-għargħar, COM(2006)15 tat-18.1.2006; Direttiva ta' Qafas proposta għall-ħarsien tal-ħamrija, COM(2006) 232 tat-22.9.2006; id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili, 2007/162/KE, Euratom, tal-5.3.2007; Il-pakketti Marittimi ta' sigurtà: http://ec.europa.eu/transport/maritime/safety/index_en.htm; l-istudju EUrosion: www.eurosion.org; l-ARMONIA applikat stħarriġ dwar ħafna riskji għall-istima ta' l-impatt: www.armoniaproject.net.

    [21] Idem. 9.

    [22] Strateġija Politika Annwali 2008, COM(2007) 65 finali, 21.2.2007.

    [23] COM(2000) 547 finali, 27.09.2000.

    [24] Il-Green Paper "Lejn Politika Marittima futura għall-Unjoni", COM(2006) 275 finali, 7.6.2006.

    [25] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, ĠU L210 tal-31.7.2006, p.25.

    [26] Idem. 6, Artikolu 3.

    [27] Il-Konvenzjoni għall-ħarsien ta' l-ambjent Marittimu u r-reġjun Kostali tal-Mediterran, Barċellona, 1976 u emendata fl-1995: http://www.pap-thecoastcentre.org/

    [28] Idem 6, Anness V.

    [29] Idem 10.

    [30] COM(2001) 428 finali, 25.7.2001; http://ec.europa.eu/governance/governance/index_en.htm

    [31] Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 2000/60/KE, ĠU L327 tat-22.12.2000.

    [32] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, ĠU L 206 tat-22.07.1992 u d-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, ĠU L 103 tal-25.04.1979.

    [33] COM(2006)216 finali, 22.5.2006.

    [34] Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewoprew u tal-Kunsill, ĠU L 197 tal-21.07.2001.

    [35] COM(2006) finali, 18.1.2006.

    [36] COM(2006)finali, 22.9.2006.

    [37] Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2007, COM(2006) 629 finali, 24.10.2006.

    [38] http://ec.europa.eu/enterprise/services/tourism/tourism_sustainability_group.htm

    [39] Reġjuni għall-Bidla Ekonomika, COM(2006) 675 u SEC(2006) 1432, 8.11.2006.

    [40] Il-Fond Ewropew tas-Sajd, ir-Regolament tal-Kunsill(KE) Nru 1198/2006, L223, 15.08.2006, p.1. http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/structural_measures/arrangements_2007_2013_en.htm.

    [41] ENCORA http://www.encora.eu/

    [42] L-adozzjoni ta’ l-istrument finanzjarju għall-ambjent “LIFE+” għadha pendenti (proposta tal-Kummissjoni COM(2004)621 tad-29.9.2004.

    Top