EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AA0001

Opinjoni Nru 1/2007 dwar l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej

ĠU C 46, 28.2.2007, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.2.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/1


OPINJONI NRU 1/2007

dwar l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej

(skond l-Artikolu 248(4), it-tieni sottoparagrafu, Trattat KE)

WERREJ

1-3

Introduzzjoni

4-9

Ir-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju mhumiex żviluppati biżżejjed

10-19

Nuqqas ta' rispett tal-prinċipji ta' simplifikazzjoni u/jew tal-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji

20-27

Kuntradizzjoni mar-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju

IL-QORTI EWROPEA TA' L-AWDITURI,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li waqqaf il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 248(4) u 279 tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li waqqaf il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, b'mod partikolari l-Artikolu 160 Ċ, paragrafu 4, u l-Artikolu 183 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1), u partikolarment l-Artikolu 183 tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-proposta modifikata għall-emendament tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 approvata mill-Kummissjoni fit-18 ta' Mejju 2006 (2),

Wara li kkunsidrat l-Opinjoni tal-Qorti Nru 4/2006 (3) dwar din il-proposta,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat-13 ta' Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4),

Wara li kkunsidrat l-Opinjoni tal-Qorti Nru 2/2004 dwar il-mudell tal-“verifika waħdanija” (u proposta għal qafas ta' kontroll intern tal-Komunità) (5),

Wara li kkunsidrat l-Opinjoni tal-Qorti Nru 1/2006 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-parteċipazzjoni ta' impriżi, ċentri ta' riċerka u universitajiet fl-azzjonijiet taħt is-Seba' Programm Kwadru u għat-tqassim tar-riżultati tar-riċerka (2007 sa l-2013) (6),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (7), immodifikat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 1248/2006 tas-7 ta' Awwissu 2006 (8) (minn issa “ir-regoli ta' l-implimentazzjoni”),

Wara li kkunsidrat l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 (9),

Wara li kkunsidrat it-talba tal-Kummissjoni għal opinjoni dwar dan ta' l-aħħar, indirizzata lill-Qorti datata l-4 ta' Lulju 2006,

ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA:

Introduzzjoni

1.

Il-proposta taġġorna r-regoli ta' l-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju kurrenti sabiex jieħdu in konsiderazzjoni t-tibdiliet magħmula lir-Regolament Finanzjarju. Kemm ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid kif ukoll ir-regolamenti ta' l-implimentazzjoni l-ġodda huma maħsuba li jidħlu fis-seħħ fl-2007, għal applikazzjoni għall-ġenerazzjoni l-ġdida ta' programmi ta' nefqa.

2.

Il-Qorti eżaminat il-proposta tal-Kummissjoni ma' dawn il-prinċipji:

konsistenza mar-Regolament Finanzjarju;

konformità mall-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja solida;

simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi mingħajr ma tiġi kompromessa l-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji.

3.

Il-Qorti tikkunsidra illi fil-parti l-kbira tal-każijiet l-emendi proposti jilħqu dawn il-kundizzjonijiet. Madanakollu, il-Qorti hija mħassba dwar numru ta' kwistjonijiet fejn:

ir-rekwiżiti l-ġodda jew emendati tar-Regolament Finanzjarju mhumiex żviluppati biżżejjed;

l-emendi jmorru kontra l-prinċipji ta' simplifikazzjoni u/jew il-protezzjoni ta' l-interesssi finanzjarji; jew

hemm kontradizzjoni mar-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju.

Ir-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju mhumiex żviluppati biżżejjed

4.

Ir-regoli ta' l-implimentazzjoni huma maħsuba bħala akkumpanjament indispensabbli għal mar-Regolament Finanzjarju, li jistabbilixxu r-regoli dettaljati u iktar tekniċi li huma essenzjali għall-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju. Għalhekk, huma għandhom ikopru r-rekwiżiti kollha tar-Regolament Finanzjarju illi inkella jistgħu jkunu suxxettibbli għal applikazzjoni mhux kif suppost jew inkonsistenti. Il-Qorti identifikat l-oqsma li ġejjin fejn hija tikkunsidra li dan ma kienx il-każ.

5.

Artikolu 23a jippreżenta definizzjoni tal-karatteristiċi tal-kontroll intern effettiv u effiċjenti. Il-Qorti tilqa' din l-inizjattiva imma tikkunsidra r-referenza għal “l-aħjar prattiċi internazzjonali” bħala insuffiċjenti, minħabba li ma jeżistux l-aħjar prattiċi mwaqqfa formalment għal xi wħud mill-kwistjonijiet prinċipali, bħall-verifika tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi. Il-Qorti tirrakkomanda illi r-regolamenti ta' l-implimentazzjoni jkunu jinkludu l-prinċipji prinċipali tal-kontroll effettiv kif preżentati fl-Opinjoni tal-Qorti Nru 2/2004, partikolarment il-prinċipji u l-istandards ta' kontroll komuni, il-komponenti bażiċi tas-sistemi u tal-proċeduri ta' kontroll, id-definizzjoni tar-responsabbilitajiet u tal-proċeduri sabiex tiġi assigurata l-kwalità ta' kull livell ta' kontroll kif ukoll is-sorveljanza ġenerali tas-sistemi.

6.

Artikoli 35.4, u 43.6(a) jirreferu rispettivament għal “standards aċċettati internazzjonalment” u “standards internazzjonali” dwar il-proċeduri ta' l-akkwist pubbliku. Minħabba li dawn l-istandards ma jeżistux formalment, din il-formolazzjoni tista' toħloq inċertezza u inkonsistenza. Il-Qorti għalhekk tirrakkomanda illi l-istandards prinċipali — addizzjonali għal dawk iffissati f'Artikolu 43.6(a) — li għalihom hija maħsuba r-referenza jiġu stipulati fir-regolamenti ta' l-implimentazzjoni.

7.

Artikolu 42b jirrikonoxxi illi l-Kummissjoni m'għandiex reponsabbiltajiet għal dak li jirrigwarda l-effiċjenza tal-proċeduri tal-kontroll intern meta l-ispejjeż tal-kontroll ma jiġux iddebitati lill-baġit tal-Komunità. Madanakollu, l-elementi bażiċi għal sistema effiċjenti ippreżentati f'Artikolu 23a.2 huma relevanti wkoll għall-effettività, u l-Kummissjoni għandha responsabbiltajiet fil-każ ta' din ta' l-aħħar. Il-Qorti għalhekk tirrakkomanda illi ssir distinzjoni ċara bejn ir-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri u tal-Kummissjoni kif stabbiliti mit-Trattat.

8.

Artikolu 43.4(g) jitlob illi ftehimi milħuqa ma' organizzazzjonijiet internazzjonali jinkludu “l-arranġamenti dettaljati għall-iskrutinju tal-Kummissjoni”. Huma għandhom ikopru wkoll id-dritt ta' aċċess tal-Qorti ta' l-Awdituri għal informazzjoni suffiċjenti sabiex jippermettulha li toqgħod fuq il-verifika ta' l-organizzazzjoni, jew fejn neċessarju sabiex tivverifika l-attvitià direttament, skond il-prinċipji internazzjonali tal-verifika.

9.

Artikolu 43.6(b) jistipula li l-għotjiet għandhom jinvolvu ko-finanzjament. Sabiex jassigura l-konsistenza, l-Artikolu għandu jagħmel referenza għad-derogi mill-prinċipju ta' ko-finanzjament kif preżentati f'Artikolu 253.

Nuqqas ta' rispett tal-prinċipji ta' simplifikazzjoni u/jew tal-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji

10.

Artikolu 60.7 tar-Regolament Finanzjajru jippreżenta l-obbligazzjoni għall-uffiċjali li jawtorizzaw b'delega sabiex jipprovdu rapport annwali ta' l-attivitajiet. Ir-regoli ta' l-implimentazzjoni ma jipprovdux biżżejjed gwida. Per eżempju: is-sommarju tar-rapporti annwali ta' l-attivitajiet huwa mitlub biss għall-Kummissjoni, filwaqt li dan jista' jkun ukoll ideali għal dawk l-istituzzjonjiet l-oħra li jippreparaw aktar minn rapport annwali ta' l-attivitajiet wieħed (bħall-Parlament u l-Kunsill); l-ebda skadenza għall-produzzjoni tar-rapporti ma' hija mogħtija, għalkemm is-sommarju tal-Kummissjoni jrid jiġi preparat sal-15 ta' Ġunju tas-sena n + 1; dawk li għalihom huma indirizzati r-rapporti mhumiex speċifikati; lanqas ir-rekwiżiti għall-pubblikazzjoni tagħhom ma huma. Barra minnhekk, hemm rekwiżiti oħra ta' rappurtar annwali, bħar-rapport dwar il-konformità ma' l-iskadenzi taż-żmien kif iffissati, mitluba mill-Artikolu 106.6, u r-rekwiżiti ta' rappurtar ta' l-Artikoli 54 u 87.5 li jistgħu jiġu nklużi fir-rapport ta' l-attivitajiet annwali. Dan huwa preżentament speċifikat għall-Kummissjoni biss. Fl-opinjoni tal-Qorti l-ammont ta' rapporti annwali ta' l-attivitajiet u ta' rapporti oħra b'forma, kontenut, żmien u pubblikazzjoni differenti li jirriżultaw, tmur kontra l-prinċipju ta' simplifikazzjoni.

11.

Sabiex jiġu assigurati l-konsistenza u s-simplifikazzjoni, l-Qorti tirrakkomanda illi r-regoli ta' l-implimentazzjoni għandhom jiffissaw il-kontenut u r-rekwiżiti tal-pubblikazzjoni tar-rapporti annwali ta' l-attivitajiet għal applikazzjoni mill-istituzzjonijiet kollha bl-istess mod, u li jinkorporaw ir-rekwiżiti ta' rappurtar annwali msemmija fil-paragrafu preċedenti.

12.

Artikolu 117.1 ir-raba paragrafu jgħid “F’setturi suġġetti għal evoluzzjoni mgħaġġla tal-prezzijiet u t-teknoloġija kuntratti ta' qafas mingħajr il-ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni għandhom jinkludu dispożizzjoni dwar reviżjoni f'nofs il-perijodu tagħhom. Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti inizjalment ma jkunux għadhom adattati għall-evoluzzjoni tal-prezzijiet tat-teknoloġija, l-awtorità li tagħti l-kuntratti ma’ għandhiex tuża l-qafas ta’ kuntratt ikkonċernat u għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex ittemmu.” Din id-dispożizzjoni għandha tapplika biss għall-kuntratti qafas li l-kuntratti speċifiċi tagħhom jiġu assenjati mingħajr ma terġa' tinfetaħ il-kompetizzjoni. Il-kuntratt qafas għandu wkoll jispeċifika x'jiġri minn kuntratti speċifiċi li jkunu għadhom għaddejja, f'każ ta' terminazzjoni. Din id-dispożizzjoni hemm ir-riskju li tkun sors ta' litigazzjoni minħabba li t-termini tagħha huma vagi. Għalhekk minflok ma jipprovdu għal reviżjoni f'nofs il-perijodu, ir-regoli ta' l-implimentazzjoni għandhom jinsistu fuq il-fatt illi t-tul tal-kuntratti qafas għandu jiġi adattat sabiex ikun jixraq lill-oqsma soġġetti għal bidla teknoloġika jew ekonomika mgħaġġla u jkunu jinkludu klawsola għar-reviżjoni tal-prezzijiet. Barra minn hekk, il-kuntratti li jkunu jinvolvu diversi operaturi ekonomiċi għandhom jipprovdu illi l-kuntratti speċifiċi għandhom jiġu asenjati bil-ftugħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni.

13.

Artikolu 118.4 it-tieni paragrafu (ii) huwa superfluwu minħabba li l- Artikolu 158a jitlob perijodu ta' stennija ta' għaxart'ijiem li għandu jiġi osservat mid-data li ssegwi l-pubblikazzjoni ta' l-avviż ta' l-assenjazzjoni tal-kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

14.

Artikolu 130.4(c), li jipproponi bidla għall-kuntratt mudell għal dak li jirrigwarda l-liġi li għandha tiġi applikata, huwa superfluwu minħabba li l-partijiet li jikkuntrattaw ikunu awtomatikament marbuta mit-Trattati u deciżjonijiet u r-regolament applikabbli, mingħajr il-bżonn li dan jiġi speċifikat. Barra minn hekk, minħabba li din il-bidla hija applikabbli biss għall-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet l-oħra mhumiex mitluba aktar sabiex jindikaw il-liġi applikabbli fil-kuntratti tagħhom. Il-Qorti għalhekk tirrakkomanda illi t-test eżistenti fl-Artikolu jiġu miżmum.

15.

Artikolu 93.2(b) tar-Regolament Finanzjarju jitlob lis-sottokuntratturi sabiex jikkonformaw ma' l-istess kriterji bħall-kuntratturi prinċipali għal dak li jirrigwarda l-esklużjoni mill-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta' akkwist pubbliku. Madanakollu, l-Artikolu 130.5 ma jipprovdix biżżejjed protezzjoni għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet. L-ewwel nett, il-kandidat jew offerent huwa meħtieġ biss li jissottometti informazzjoni dwar il-“kapaċitajiet finanzjarji u operattivi” tas-sottokuntratturi, minflok fuq il-“kapaċità finanzjarja, ekonomika, teknika u professjonali” mitluba taħt l-Artikolu 135.2 sabiex jiġi evalwat il-kuntrattur jew offerent. It-tieni, l-informazzjoni li għandha tiġi provduta taħt l-Artikolu 130.5 ma tinkludix l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi evalwat jekk is-sottokuntratturi jkunux ser jiġu esklużi jew le milli jipparteċipaw fis-sejħa għall-offerti taħt l-Artikolu 93.1 tar-Regolament Finanzjarju. Fin-nuqqas ta' informazzjoni suffiċjenti hemm riskju illi kandidat illi kieku kien jiġi eskluż minn parteċipazzjoni diretta, jiġi aċċettat permezz ta' mezzi indiretti bħala sottokuntrattur.

16.

Artikolu 145146 jiffissaw l-obbligazzjonijiet għar-rigward tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku interistituzzjonali. Kif jinsabu preżentement, kull istituzzjoni li tipparteċipa tkun meħtieġa li twaqqaf kumitati sabiex jiftħu u jevalwaw l-offerti, xi ħaga li tirrappreżenta dupplikazzjoni inutli tal-kompiti. Il-Qorti tirrakkomanda illi l-awotrità kuntrattwali responsabbli mill-proċedura ta' akkwist pubbliku interistituzzjonali għandha tingħata l-poter sabiex tinnomina kumitati interistituzzjonali waħdanija ta' ftuħ u ta' evalwazzjoni.

17.

Artikolu 158a.1 jgħid illi talbiet jew kummenti minn offerenti jew kandidati li ma jkunux irnexxew jew li jkollhom xi lment “għandhom jaslu matul l-għaxar ġranet kalendarji wara n-notifika tad-deċiżjonijiet ta' rifjut jew ta' aġġudikament (…)”. Dan ikun għaxart'ijiem wara l-irċevuta tan-notifika mill-offerent, illi għalhekk ma tistax tikkoinċidi mal-perijodu ta' stennija ta' għaxart'ijiem qabel liema kuntratt jista' jiġi ffirmat, li jibda jopera mill-jum ta' wara li d-deċiżjoni ta' l-aġġudikazzjoni tkun intbagħtet simultanjament (…). Il-Qorti tirrakkomanda illi ż-żewġ rekwiżiti jiġu armonizati sabiex tiġi assigurata t-trasparenza u tiġi evitata l-inċertezza legali.

18.

Artikolu 169a jiffissa numru ta' miżuri li l-Kummissjoni għandha tieħu sabiex tipprovdi informazzjoni u parir lill-applikanti fuq l-għotjiet. Xi wħud minnhom, bħall-monitoraġġ ta' “id-daqs tal-formoli ta' applikazzjoni u l-faċilità li biha jistgħu jinqraw” u l-organizzazzjoni ta' seminarji għall-applikanti jistgħu ikunu s-sors ta' appelli għal applikanti li ma jkunx kellhom suċċess, u potenzjalment jistgħu jikkumplikaw il-ġestjoni u jikkawżaw dewmien fil-proċess. Il-Qorti tirrakkomanda illi dettalji bħal dawn jiġu ffissati fl-istruzzjonijiet operattivi biss.

19.

Artikolu 172a jiffissa l-kriterji ta' eliġibiltà. Dawk fl-ewwel paragrafu jinkludu repetizzjoni bħal (a) ma' (ċ) u (d) ma' (e). Dawk fit-tieni paragrafu jikkostitwixxu dettal inutli minħabba li, ladarba ma jorbtux, dawn ikunu ffissati fl-att bażiku. Il-Qorti tirrakkomanda li ssir razzjonalizzazzjoni u simplifikazzjoni tar-rekwiżiti skond il-linji ffissati fl-anness li jakkumpanja.

Kuntradizzjoni mar-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju

20.

Artikolu 3.2 jiffissa limiti għall-irkupru ta' interessi fuq il-pre-finanzjament għall-azzjonijiet esterni (10) (250 000 euro) u għall-għajnuna umanitarja (750 000 euro) f'ammonti ħafna ogħla mir-regola ġenerali (50 000 euro). Fil-każ ta' ammonti taħt dawn il-limiti jeżisti l-potenzjal għal dħul sinifikanti minn interessi, kuntarju għall-prinċipju li ma jsirx profitt iffissat fl-Artikolu 109.2 tar-Regolament Finanzjarju. Sabiex jiġi rispettat dan il-prinċipju, filwaqt li jiġu evitati proċessi kumplessi ta' rkupru ta' interessi, il-Qorti tirrakkomanda illi l-interessi kollha fuq l-ammonti ta' pre-finanzjament miżmuma għandhom jiġu assenjati mill-benefiċjarju għall-programm jew l-azzjoni kkonċernata.

21.

Artikolu 35.6 jgħid li “il-verifika esterna indipendenti” għandha titwettaq minn “servizz ta' verifika funzjonalment indipendenti mill-entità” li tkun qed tiġi vverifikata. L-użu tat-terminu “funzjonali” jista' jiġi interpretat bħala li jippermetti lis-servizzi ta' verifika interna sabiex iwettqu verifiki bħal dawn, li jkun kontra l-prinċipju tar-Regolament Finanzjarju illi l-awditur għandu jkun estern. Barra minn hekk, il-Qorti tissuġġerixxi illi r-regoli ta' l-implimentazzjoni għandhom jagħmlu referenza għan-normi li l-awditur huwa mistenni li jsegwi — bħall-istandards internazzjonali tal-verifika — u speċifikament jipprovdu aċċess mill-Kummissjoni u mill-Qorti għall-karti tal-ħidma ta' l-awditur.

22.

Artikolu 43.2 (d) jiddefinixxi l-Bank Ewropew ta' l-Investiment u l-Fond Ewropew għall-Investiment bħala organizzazzjonijiet internazzjonali taħt l-Artikolu 53 tar-Regolament Finanzjarju. Madanakollu, dan jikkontradixxi l-Artikolu 54.2(b) tar-Regolament Finanzjarju li fih dawn l-organizzazzjonijiet huma definiti bħala korpi speċjalizzati tal-Komunità u li għandha tkun il-bażi għall-poteri delegati kollha.

23.

Artikolu 118.4 it-tielet paragrafu jikopri s-sitwazzjoni fejn il-kuntratti qafas ikunu taħt il-limiti stabbiliti mill-Artikolu 158 għall-pubblikazzjoni, mentri l-kuntratti speċifiċi bbażati fuqhom jaqbżu dawk il-limiti. Madanakollu, sabiex jikkonformaw ma' l-Artikolu 90 tar-Regolament Finanzjarju — u sabiex tgħin sabiex jiġi evitat l-użu mhux xieraq tal-kuntratt qafas — l-awtorità li tikkuntratta tkun suppost stmat il-valur tal-kuntratti li jkunu mistennija li jiġu ffirmati taħt il-kuntratt qafas qabel dan ta' l-aħħar ikun konkluż. Għalhekk, ir-regoli proposti huma f'kuntradizzjoni mar-Regolament Finanzjarju, jew, mill-anqas huma superfluwi.

24.

Artikolu 125ċ jippermetti l-istituzzjonijiet sabiex jiddeċiedu illi “r-regoli proċedurali applikabbli għall-awtorità tal-kuntratti minn Stat Membru għandhom japplikaw sakemm dawn ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti għal dawk ta’ l-istituzzjoni.” Dan jikkontradixxi l-Artikolu 91 tar-Regolament Finanzjarju illi ma fih l-ebda dispożizzjoni għall-użu ta' proċeduri ħlief dawk iffissati fir-Regolament Finanzjarju: il-proċedura ta' l-akkwist pubbliku tista' titwettaq b'mod konġunt mill-istituzzjoni u minn din l-awtorità tal-kuntratti, kif speċifikat fir-regoli ta' l-implimentazzjoni. Per eżempju, huwa ma jiddefinixxix min għandu jieħu d-deċiżjoni finali dwar l-assenjazzjoni tal-kuntratt jew liema sistema legali għandha tipprevali fil-każ ta' litigazzjoni.

25.

Artikolu 160e.1 jgħid illi “il-programm annwali ta’ ħidma għandu jiddetermina jekk l-għotjiet ikunux koperti biss b’deċiżjoni jew ukoll bi ftehim miktub.” L-użu tal-kelma “ukoll” jidher li huwa in kontradizzjoni ma' l-Artikolu 108 tar-Regolament Finanzjarju fejn jingħad illi l-għotjiet għandhom ikunu koperti jew bi ftehim bil-miktub jew b'deċiżjoni tal-Kummissjoni nnotifikata lill-applikant li jkun irnexxa. Il-Qorti tirrakkomanda illi din l-ambigwità tiġi mneħħija.

26.

Artikolu 122 reviżjonat tar-Regolament Finanzjarju jgħid illi r-rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja għandu jinkludi informazzjoni dwar ir-rata ta' implimentazzjoni ta' l-approprijazzjonijiet u informazzjoni f'forma ta' sommarju dwar it-trasferimenti. Madanakollu, l-Artikolu 185 tar-regoli ta' l-implimentazzjoni ma jiddefinix l-informazzjoni li għandha tiġi provduta, imma jiffissa rekwiżiti oħrajn — il-kisba ta' objettivi u avvenimenti b'influwenza fuq l-attivitajiet. Il-Qorti tirrakkomanda illi r-regoli ta' l-implimentazzjoni jkopru l-aspetti kollha tar-rappurtar.

27.

Minbarra l-punti kollha msemmija hawn fuq, it-tibdiliet magħmula lill-Artikoli 28a, 30a, 33, 72, 73a, 96 u 166.3(a) tar-Regolament Finanzjarju propost għandhom jiġu riflessi fir-regola implimentattiva korrispondenti f'Artikoli 23a, 23b, 78, 84, 85b, 134b u 233a.1(i).

Din l-Opinjoni ġiet adottat mill-Qorti ta' l-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-25 ta' Jannar 2007.

Għall-Qorti ta' l-Awdituri

Hubert WEBER

President


(1)  ĠU L 248, 16.9.2002.

(2)  Dokument tal-Kummissjoni COM(2006) 213 finali.

(3)  ĠU C 273, 9.11.2006, p. 2.

(4)  ĠU L 390, 30.12.2006.

(5)  ĠU C 107, 30.4.2004.

(6)  ĠU C 203, 25.8.2006, p. 1.

(7)  ĠU C 357, 31.12.2002.

(8)  ĠU L 227, 19.8.2006, p. 3.

(9)  Dokument tal-Kummissjoni SEC(2006) 866 finali.

(10)  Ir-regolament qafas ikompli juża t-titoli tal-perspettiva finanzjarja 2000-2006, mentri dawn ħadulhom posthom titoli ġodda fil-qafas finanzjarju 2007-2013.


ANNESS

Kriterji ta' eliġibiltà proposti għall-Artikolu 172a

“Spejjeż eliġibbli huma spejjeż realment imġarrba u mħallsa mill-benefiċjarju ta' għotja li jilħqu l-kundizzjonjiet li ġejjin:

a)

ġew imġarrba waqt kemm damet għaddejja l-azzjoni jew il-programm ta' ħidma, bl-eċċezzjoni ta' spejjeż relatati mal-preparazzjoni tar-rapporti finali u l-provvediment ta' ċertifikati tal-verifika, meta provduti fl-att ta' bażi;

b)

ġew imġarrba bl-iskop li jiġu miksuba l-objettivi ta' l-azzjoni jew tal-programm ta' ħidma li huwa s-suġġett ta' l-għotja;

c)

huma identifikabbli u verifikabbli, u partikolarment ikunu ġew irreġistrati fir-rekords tal-kontabilità tal-benefiċjarju u determinati skond l-istandards tal-kontabilità applikabbli tal-pajjiż fejn il-benefiċjarju jkun stabbilit u determinati skond il-prattiċi tal-kontabilità ta' l-ispejjeż tas-soltu, tal-benefiċjarju;

d)

jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tat-taxxa u soċjali applikabbli;

e)

huma raġonevoli, ġustifikati u konformi mar-rekwiżiti ta' ġestjoni finanzjarja solida, partikolarment rigward l-ekonomija u l-effiċjenza;

f)

jeskludu l-ispejjeż li ma jilħqux il-kundizzjonijiet li hemm referenza għalihom fil-punti a) sa e), inklużi taxxi indiretti rekuperabbli, dazji, interessi mħallsa, dispożizzjonijiet għal telf jew spejjeż futuri, spejjeż imġarrba għal proġetti oħra tal-Komunità u nefqa eċċessiva jew imwettqa bl-addoċċ.

L-ispejjeż iddikkjarati bħala kofinanzjament b'mod ieħor li mhux bil-flus minn benefiċjarji jew partijiet terzi għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

Baġit ġenerali li jiffissa l-ispejjeż eliġibbli stmati jiġi sottomess mal-proposta u, suġġett għal verifika mill-Kummissjoni, jiġi inkluż fil-ftehim ta' għotja jew fid-deċiżjoni.”


Top