EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005DC0597

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar effettività aħjar, interoperabilità u sinerġiji mtejba fost id-databases Ewropej fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Intern

/* KUMM/2005/0597 finali */

52005DC0597




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 24.11.2005

KUMM(2005) 597 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar effettività aħjar, interoperabilità u sinerġiji mtejba fost id-databases Ewropej fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Intern

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar effettività aħjar, interoperabilità u sinerġiji mtejba fost id- databases Ewropej fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Intern

1. KUNTEST

F’diversi okkażjonijiet, u fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-titjib tas-sigurtà interna, kemm il-Kunsill Ewropew kif ukoll il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea sejħu lill-Kummissjoni biex tissottometti proposti dwar effettività aħjar, interoperabilità u sinerġiji mtejba fost id- databases Ewropej (Dikjarazzjoni tal-25 ta’ Marzu 2004 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu[1], il-Programm ta’ The Hague[2], u d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2005 wara l-bombi f’Londra).Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill kemm-il darba saħqu wkoll dwar l-importanza ta’ l-użu tal-bijometrika fid- databases u fid-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar sabiex jitjieb il-livell ta’ sigurtà fl-Unjoni Ewropea.

2. DEFINIZZJONIJIET U L-ISKOP TA’ DIN IL-KOMUNIKAZZJONI

2.1. L-Iskop ta’ din il-Komunikazzjoni

Il-kuntest li fih saret it-talba biex tiġi abbozzata din il-Komunikazzjoni - il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità - jindika li l-iskop tagħha imur lilhinn mit-titjib sostanzjali ta’ l-interoperabilità teknika u tas-sinerġija tas-sistemi ta’ teknoloġija ta’ l-informatika (IT) fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Intern.

L-iskop ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tisħaq kif, lilhinn mill-iskopijiet attwali tagħhom, dawn is-sistemi jistgħu jkunu ta’ appoġġ aktar effettiv għall-politiki li għandhom x’jaqsmu mal-moviment liberu tal-persuni u jservu l-għan tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja.

Irid jinstab bilanċ delikat bejn li jintlaħqu dawn l-għanijiet u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali (b'mod speċjali l-ħarsien tad- data personali), kif misjuba fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet Umani u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. Wieħed għandu jżomm f'moħħu wkoll li s-sistemi ta' l-IT jistgħu jservu biex jipproteġu u jamplifikaw id-drittijiet fundamentali ta’ l-individwu.

Din il-Komunikazzjoni għandha tqajjem dibattitu serju dwar il-forma u l-arkitettura tas-sistemi ta’ l-IT għal tul ta’ żmien. Waqt li tidentifika x-xenarji possibbli, inklużi dawk li jistgħu jidhru diffiċli fl-ambizzjoni u l-impatt, din il-Komunikazzjoni ma tiġġudikax minn qabel ir-riżultati ta' dibattitu serju billi tgħaddi ġudizzju dwar jekk għandhomx jiġu implimentati dawn ix-xenarji, meta, u taħt liema kundizzjonijiet. Barra minn hekk, minħabba l-approċċ politiku u strateġiku tagħha, ma tindirizzax jew tqis fid-dettal l-impatt legali[3], tekniku, organizzattiv jew soċjali tas-soluzzjonijiet possibbli. Qabel ma tittieħed azzjoni leġiżlattiva, hemm bżonn li jsiru valutazzjonijiet fil-fond ta' l-impatt, speċjalment fir-rigward tal-proporzjonalità. Dawn il-valutazzjonijiet għandhom jindirizzaw ukoll l-impatt fuq mezzi ta’ kooperazzjoni eżistenti jew ippjanati bejn l-awtoritajiet responsabbli għas-sigurtà interna (eż. permezz ta’ l-Europol).

Din il-Komunikazzjoni tibda b’deskrizzjoni qasira tas-sitwazzjoni attwali tas-sistemi ta' l-IT pan-Ewropej eżistenti u tal-futur u n-nuqqasijiet identifikati fl-ilħuq ta' l-għanijiet tagħhom fil-preżent. Imbagħad, tippreżenta xenarji fejn dawn is-sistemi jintużaw b’mod aktar effiċjenti u fejn jinħolqu sistemi possibbli g ħall-futur. Fl-aħħar, titqies il-konsiderazzjoni dwar jekk il-possibbiltajiet tekniċi u operattivi humiex proporzjonati u kompatibbli mal-ħtieġa li jitħarsu d-drittijiet ta’ l-individwu.

Din il-Komunikazzjoni ma tipproponix miżuri għal aktar interoperabilità u sinerġija fuq livell nazzjonali. Għalkemm il-miżuri adottati fuq livell Ewropew x’aktarx ikollhom effett fuq is-sistemi nazzjonali, kull Stat Membru huwa liberu li janalizza kif is-sistemi nazzjonali jistgħu jinteraġixxu aħjar.

2.2. Kunċetti

Qabel ma jingħata aktar dettall, għandhom jiġu kkjarifikati l-kunċetti li ġejjin:

“ Interoperabilità ” hija l-“ħila tas-sistemi ta’ l-IT u tal-proċessi tan-negozju li dawn jappoġġjaw li jiskambjaw data u li jippermettu l-qsim ta’ l-informazzjoni u l-għarfien”[4]. L-“interoperabilità” huwa kunċett tekniku aktar milli legali jew politiku. M'għandux x'jaqsam mal-kwistjoni dwar jekk l-iskambju tad- data hux possibbli jew meħtieġ legalment jew politikament[5].

“ Konnettività ” huwa terminu ġeneriku għall-konnessjoni ta’ mezzi biex tiġi trasferita d- data .

“ Sinerġija ” tinkludi elementi tekniċi, ekonomiċi u organizzattivi. Teknikament “sinerġija” tfisser konġunzjoni ta’ diversi elementi reċiprokament vantaġġjużi. Ekonomikament, tfisser żieda fil-valur ta’ l-assi jew ekonomija fi skala kbira. Fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni, “sinerġija” tfisser it-tgħaqqid ta' riżorsi preċedentement distinti jew is-simplifikazzjoni razzjonalizzata ta' l-organizzazzjoni eżistenti biex tiżdied l-effiċjenza.

Il- “prinċipju tad-disponibbiltà” ifisser li fejn l-awtoritajiet responsabbli mis-sigurtà interna fi Stat Membru wieħed jew uffiċjali ta’ l-Europol ikunu jeħtieġu informazzjoni li tkun aċċessibbli fi Stat Membru ieħor dawn għandhom ikunu jistgħu jiksbuha.

3. L-ISTAT U L-ISKOP TAS-SISTEMI TA’ L-IT EżISTENTI U FUTURI

Din il-komunikazzjoni tiffoka fuq SIS II, VIS u EURODAC bħala s-sistemi li kienu partikolarment enfasizzati mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill fil-mandat tagħhom. Kull sistema għandha għan speċifiku; id- data personali li jipproċessaw mhux bilfors hija l-istess għaliex huma limitati għal dik id- data li tkun rilevanti għall-għan ta' sistema speċifika. Bl-istess mod, l-awtoritajiet li jistgħu jaċċedu għad- data personali mhux dejjem huma l-istess.

3.1. SIS II

Is-Sistema ta’ Informazzjoni Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) tiffaċilita l-qsim tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea mkabbra mingħajr ma tikkomprometti s-sigurtà. Din tippermetti lill-awtoritajiet fl-Istati Membri li jikkooperaw billi jiskambjaw informazzjoni sabiex joħolqu żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni. L-informazzjoni miksuba tintuża għal kontrolli tal-persuni fuq il-fruntieri esterni jew fit-territorju nazzjonali u għall-ħruġ ta’ viżi u permessi ta’ residenza, kif ukoll għal kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fi kwistjonijiet kriminali[6].

3.2. VIS

Is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Viża (VIS) ittejjeb il-proċeduri tal-ħruġ tal-viżi u jibbenefikaw minnha vjaġġaturi bona fide. Din ittejjeb l-amministrazzjoni tal-politika komuni dwar il-viża u l-kooperazzjoni konsulari sabiex: jiġu evitati t-theddid għas-sigurtà interna u x-‘xiri tal-viżi’; tiġi ffaċilitata l-ġlieda kontra l-frodi; tassisti fl-identifikazzjoni u r-ritorn ta’ immigranti illegali; u tiffaċilita l-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin[7]. Fis-7 ta’ Marzu 2005, il-Kunsill ikkonkluda li l-awtoritajiet responsabbli mis-sigurtà interna għandhom jingħataw aċċess għall-VIS. Il-Kummissjoni ser tippreżenta proposta li tippermetti kemm lill-Europol u kemm lill-awtoritajiet responsabbli mis-sigurtà interna li jkollhom aċċess għall-VIS għal raġunijiet speċifikati b’mod ċar.

3.3. EURODAC

L-iskop ta’ EURODAC huwa li tassisti biex jiġi determinat liema Stat Membru huwa responsabbli skond ir-Regolament Dublin II u li tiffaċilita l-applikazzjoni tiegħu. EURODAC hija essenzjali biex tiġi żgurata l-effiċjenza tas-Sistema Ewropea ta’ Kenn Politiku.

4. NUQQASIJIET INDENTIFIKATI

Għalkemm SIS II, VIS u EURODAC huma l-fulkru ta’ din il-Komunikazzjoni, qegħdin jiġu diskussi wkoll kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità.

4.1. In-nuqqas ta’ sfruttament massimu tas-sistemi eżistenti

Fil-preżent, is-sistemi eżistenti mhux qegħdin jiġu sfruttati biżżejjed. Dan jirrigwardja, ngħidu aħna, ċerti kategoriji ta’ twissijiet fis-SIS, bħalma huma twissijiet li jinħarġu għas-sorveljanza diskreta jew kontrolli speċifiċi użati b’mod limitat u eteroġenju. L-użu aktar mifrux u konsistenti ta’ dawn it-twissijiet jista’ jkun ta' siwi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu. Fl-aħħarnett, minbarra d- data pproċessata f’sistemi komuni, bosta Stati Membri jżommu listi separati għall-istess skop, per eżempju għar-rifjut tad-dħul, li jirriżultaw f'duplikazzjoni ta' l-isforzi għal ħafna Stati Membri.

Ir-Regolament EURODAC ukoll mhux jintuża biżżejjed. Għalkemm ir-Regolament EURODAC jobbliga lill-Istati Membri li jieħdu l-marki tas-swaba’ tal-persuni kollha minn 14-il sena 'l fuq li jaqsmu l-fruntieri tagħhom b’mod irregolari u li ma jistgħux jintbagħtu lura, il-kwantità ta’ din id- data li tintbagħat lil EURODAC hija biss parti sorprendentement żgħira tat-total tal-fluss migratorju.

4.2. Limitazzjonijiet fit-tiftix alfanumeriku

Tiftixa alfanumerika ma tistax tirnexxi jekk l-informazzjoni ma tkunx preċiża. Fir-rigward tal-persuni, il-probabbiltà li ma jinkisbux riżultati korretti tiżdied aktar ma jikber id- database . Aktar ma jkun hemm ismijiet fid- database , aktar ikun diffiċli li l-persuna tinstab u aktar ikun faċli li l-persuna tiġi identifikata ħażin. L-informazzjoni żbaljata (eż. isem jew data tat-twelid minn dokument iffalsifikat, jew trażlitterazzjoni differenti ta’ l-istess isem) tagħti riżultati foloz. Barra dan, tiftixa alfanumerika b’ data li ma tkunx unika ssir inqas preċiża aktar ma tinħażen data fid- database , u dan iwassal għal listi ta' "sejbiet" twal, li mbagħad iridu jiġu verifikati fi proċess ta’ ħidma intensiva li kultant ikun impossibbli li jitwettaq f’ambjent ta’ kontroll tal-fruntiera.

4.3. L-ebda benefiċċju għal vjaġġaturi bona fide frekwenti

Minn dawk kollha li japplikaw għal viża Schengen, 20% huma stmati li huma vjaġġaturi regolari, jiġifieri li japplikaw għal viżi li jippermettu dħul ripetut. Għal dawn il-vjaġġaturi, ftit hemm għalfejn jitħaffu ż-żminijiet ta’ l-ipproċessar tal-viża. Jekk jintilfu jew jinsterqu d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar, vjaġġaturi bona fide għandhom jgħaddu minn proċess ikkumplikat biex jiksbu dokumenti ta' l-ivvjaġġar ġodda.

4.4. L-identifikazzjoni ta’ l-immigranti illegali hija diffiċli

Bosta immigranti illegali li jinqabdu ma jkollhomx dokumenti ta’ identifikazzjoni jew inkella jużaw dokumentazzjoni falsifikata. F’dawn il-każijiet, il-proċess ta’ identifikazzjoni jieħu l-ħin u jqum il-flus. Jekk id-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar ikunu ġew distrutti, fil-preżent l-awtoritajiet m’għandhomx sistema biex jivverifikaw l-identità.

4.5. Ineffiċjenzi fl-applikazzjoni tar-Regolament Dublin II

Dan ir-Regolament jiddefinixxi l-kriterji biex jiġi determinat l-Istat responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet għall-kenn politiku. Kriterju bażiku huwa jekk l-Istat Membru ħariġx jew estendiex viża lill-persuna li tfittex kenn politiku. Bħalissa, l-Istati Membri m’għandhomx mezz effiċjenti biex jivverifikaw jekk applikant għall-kenn politiku kellux viża maħruġa minn Stat Membru ieħor, biex jivverifikaw l-identità tal-persuna u biex jiddeterminaw il-validità tal-viża.

4.6. L-ebda possibbiltà li tintuża data dwar il-kenn politiku, l-immigrazzjoni u l-viża għal raġunijiet ta’ sigurtà interna

Fir-rigward ta’ l-għan li jiġu miġġielda t-terroriżmu u l-kriminalità, il-Kunsill issa identifika n-nuqqas ta’ aċċess mill-awtoritajiet tas-sigurtà interna għad- data tal-VIS bħala dgħjufija. L-istess jista’ jingħad għad- data EURODAC jew ta’ l-immigrazzjoni fis-SIS II. Illum il-komunità ta’ l-infurzar tal-liġi tikkunsidra dan bħala nuqqas serju fl-identifikazzjoni tas-suspettati ħatja ta' reati serji.

4.7. Mhux il-kategoriji kollha ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu ċċekkjati

Il-VIS bħalissa tikkonċerna biss ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom l-obbligu tal-viża. Jista’ jkun aktar effiċjenti wkoll il-kontroll ta’ l-identità jew tal-legalità tad-dħul ta’ kategoriji oħra ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri ta’ spiss, eż. detenturi ta’ viża għal soġġorn fit-tul jew ta’ permess ta’ residenza, jew ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhux obbligati jiksbu viża. Dan ġie meqjus bħala nuqqas mill-komunitajiet tas-sigurtà interna u ta’ l-intelliġenza.

4.8. Monitoraġġ mhux komplut fid-dħul u l-ħruġ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi

Għalkemm il-VIS ser tippermetti l-kontroll ta’ l-applikazzjonijiet għall-viża fil-passat u jekk il-persuna li tippreżenta l-viża fuq il-fruntiera hix dik li lilha nħarġitilha, il-VIS ma tirreġistrax id-detenturi ta' viża minn pajjiżi terzi; lanqas ma tittraċċa jekk iċ-ċittadini minn pajjiż terz jitilqux qabel ma jintemm id-dritt tagħhom li jibqgħu. Fi kliem ieħor, l-ebda l-VIS (u lanqas SIS II, jekk niġu f’dan), ma tista’ tidentifika l-persuni li jibqgħu illegalment fl-UE.

4.9. Nuqqas ta’ għodda għall-identifikazzjoni biometrika

Ħtieġa bażika għall-awtoritajiet responsabbli mill-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu hija li jiġu identifikati persuni li għalihom hemm disponibbli biss informazzjoni biometrika, eż. ritratt, marka tas-swaba’ jew kodiċi tad-DNA. Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatizzata tal-Marki tas-Swaba’ (AFIS) u databases tad-DNA jippermettu li ssir din l-identifikazzjoni. Peress li llum jeżistu databases bħal dawn f’bosta Stati Membri, is-servizzi tal-Kummissjoni qegħdin jaħdmu fuq proposta biex jillinkjaw dawn id- databases nazzjonali tad-DNA bejniethom. Il-Kummissjoni hija intenzjonata wkoll li tippreżenta strument legali rigward il-marki tas-swaba’ s-sena d-dieħla. Kif żviluppat fil-mument, SIS II jippermetti l-introduzzjoni ta’ twissija biss jekk fis-sistema tista’ tidaħħal għallinqas informazzjoni alfanumerika bażika. Il-fatt li t-Trattat ta’ Prüm, iffirmat minn seba’ Stati Membri fis-27 ta’ Mejju 2005, ser jintroduċi skambju ta’ marki tas-swaba’ u data tad-DNA fuq bażi bilaterali, sakemm ikun adottat strument bħal dan fuq livell Ewropew, juri dan in-nuqqas.

4.10. L-ebda reġistrazzjoni taċ-ċittadini ta’ l-UE fuq livell Ewropew

L-identifikazzjoni taċ-ċittadini ta’ l-UE fuq il-bażi tad-dokumenti ta' l-ivvjaġġar u ta' identità dalwaqt ser tittejjeb permezz ta’ l-introduzzjoni ta’ identifikaturi biometriċi. Madankollu, minkejja li ħafna mill-Istati Membri ser ikollhom punt ċentrali fejn jinżammu dokumenti maħruġa u identifikaturi biometriċi relatati ma’ identità partikolari, tiftixa f’dak il-punt ċentrali tippermetti biss li jiġi verifikat jekk dokument kienx inħareġ preċedentement għall-istess persuna taħt isem ieħor fl-istess Stat Membru. Barra minn hekk, bħalissa mhux possibbli li titnieda tiftixa fuq persuna li tkun, ngħidu aħna, qegħda tiġi mfittxija fuq reat terroristiku, skond jekk dik il-persuna ikunx qatt inħarġilha dokument ta’ l-ivvjaġġar jew ta’ l-identità.

Dan ukoll ġie identifikat bħala nuqqas fil-ġlieda kontra s-serq ta’ l-identità li qiegħed jikkawża dejjem aktar tħassib fost l-awtoritajiet responsabbli mis-sigurtà interna u jiddanneġġa b’mod sostanzjali l-ekonomija Ewropea.

4.11. L-identifikazzjoni ta’ vittmi tad-diżastri u iġsma mhux identifikati

M’hemmx database komprensiv li jippermetti l-identifikazzjoni tal-vittmi ta’ diżastri u iġsma mhux identifikati. Fil-Kunsill ġiet diskussa l-possibbiltà li għal dan il-għan jintuża database ta’ l-Interpol. Madankollu, dan id- database ma jkunx kapaċi jkopri l-każijiet kollha.

5. ŻVILUPPI ULTERJURI POSSIBBLI

5.1. Użu aħjar tas-sistemi eżistenti

L-użu aktar effiċjenti tas-sistemi eżistenti jista’ jinkiseb l-ewwelnett billi jintużaw aħjar il-possibbiltajiet li jeżistu: kontroll aħjar tal-kwalità tad- data mdaħħla, aktar koerenza fir-rigward tad-dħul tal-kategoriji tad- data u aktar t-tħaffit ta' l-użu għall-utent. F’dan ir-rigward, ikun utli li ssir aktar konsultazzjoni diretta ma’ l-Istati Membri u l-iskambju ta’ l-aħjar prattiċi. Minkejja li din il-konsultazzjoni għandha tintlaħaq primarjament fil-gruppi u kumitati ta' ħidma eżistenti, jgħinu wkoll konferenzi ta’ l-utenti regolari. Din il-konsultazzjoni magħduda tista' tidentifika fejn hemm il-ħtieġa ta' titjib u r-riżultati spiss ikunu jistgħu jitwasslu fil-proċess leġiżlattiv u/jew fil-prassi ta' kuljum.

Barra dan, l-Istati Membri għandhom idaħħlu b’mod aktar konsistenti l-użu ta’ data partikolari (per eżempju twissijiet tas-SIS II dwar persuni li x’aktarx jistgħu jikkommettu reati kriminali u data EURODAC dwar persuni li jaqsmu l-fruntieri b’mod irregolari, eċċ.).

5.2. Żvilupp ulterjuri tas-sistemi eżistenti u tas-sistemi ppjanati

5.2.1. Tiftix biometriku fis-SIS II

L-identifikazzjoni tal-persuni f’ databases b’miljuni ta’ reġistrazzjonijiet ġiet slovuta fil-EURODAC u ser tiġi indirizzata fil-VIS bl-użu ta’ tiftix biometriku, li jippermettu preċiżjoni li ma kinitx teżisti fil-passat. Il-proposti għall-istrumenti legali dwar is-SIS II jippermettu l-ipproċessar ta’ informazzjoni biometrika (ritratti u marki tas-swaba’). Madankollu, bil-mod kif is-SIS II qiegħed jiġi żviluppat illum, il-biometrika ser tintuża biss biex tikkonferma l-identifikazzjoni tal-persuna mfittxija (persuni mfittxija jiġifieri “persuni li dwarhom tkun ħarġet twissija”, inklużi persuni li d-dħul tagħhom għandu jkun rifjutat) skond tiftixa alfanumerika.

Meta jkun disponibbli, it-tiftix biometriku ser jippermetti identifikazzjoni aktar preċiża tal-persuni mfittxija. Minkejja dan, is-SIS II ikun iżomm biss informazzjoni biometrika li tista’ tkun legalment relatata mat-twissija fis-SIS II.

5.2.2. Aċċess aktar komprensiv għall-VIS u s-SIS II mill-awtoritajiet għall-kenn politiku u l-immigrazzjoni

Il-proposti leġiżlattivi jipprevedu aċċess għall-VIS u s-SIS II mill-awtoritajiet għall-kenn politiku. Min-naħa waħda, il-VIS u s-SIS II ser ikun fihom data li tista’ tindika li ntlaħaq wieħed mill-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli: il-ħruġ tal-viża jew soġġorn illegali fi Stat Membru. Min-naħa l-oħra, il-VIS u s-SIS II jista' jkun fihom data li tikkompleta l-valutazzjoni ta' l-applikazzjoni għall-kenn politiku: id- data tal-viża tista’ tgħin biex tiġi valutata l-kredibilità ta’ talba għall-kenn politiku u d- data tas-SIS II tista’ tindika jekk il-persuna li titlob il-kenn politiku tikkostitwixxix theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali. Referenza għall-EURODAC, SIS II u VIS tippermetti lill-awtoritajiet għall-kenn politiku li jiċċekkjaw id- data fl-istess waqt fit-tliet sistemi.

L-aċċess għall-VIS u ċerta data biometrika tas-SIS II ikollha impatt sinifikanti fuq il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali. Il-migranti illegali mhux dokumentati jkunu jistgħu jiġu identifikati faċilment. Dan jgħin biex jiġi verifikat jekk il-persuni jkunux daħlu b'mod legali u anke biex tiġi dokumentata t-tkeċċija ta' persuni.

5.2.3. Aċċess mill-awtoritajiet responsabbli mis-sigurtà interna

Rigward il-VIS, qiegħed jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni abbozz ta’ strument legali li jestendi l-aċċess għall-awtoritajiet responsabbli mis-sigurtà interna għal skopijiet ta’ prevenzjoni, sejba u investigazzjoni ta’ reati terroristiċi.

Rigward data tas-SIS II relatata mar-rifjut tad-dħul, għandha tiġi maħsuba estensjoni ta’ l-aċċess għal skopijiet li għandhom x’jaqsmu mal-prevenzjoni, is-sejba u l-investigazzjoni ta’ reat għall-awtoritajiet responsabbli mis-sigurtà interna. Dan għandu jkun speċifikat fil-qafas ta’ possibbiltajiet eżistenti oħra sabiex tiġi pproċessata data li relatata ma' persuni li jirrappreżentaw theddida għas-sigurtà. Għandhom jiġu indirizzati wkoll kwistjonijiet speċifiċi bħalma hi r-reċiproċità ma’ Stati Membri li ma jieħdux sehem sħiħ fil-politiki relatati mal-moviment liberu tal-persuni.

Rigward EURODAC, l-unika informazzjoni disponibbli biex tiġi identifikata persuna tista’ tkun dik biometrika li tinsab fl-EURODAC jekk il-persuna ssuspettata li wettqet reat jew att terroristiku tkun ġiet reġistrata bħala persuna li qegħda tfittex kenn politiku iżda ma tkunx f’xi database ieħor jew tkun reġistrata biss b’ data alfanumerika iżda skorretta (per eżempju jekk dik il-persuna tkun tat identità ħażina jew tkun użat dokumenti falsifikati). Għaldaqstant, l-awtoritajiet responsabbli mis-sigurtà interna jista’ jkollhom aċċess għall-EURODAC f’każijiet definiti, meta jkun hemm suspett sostanzjat li l-ħati ta’ reat serju talab kenn politiku. Dan l-aċċess m’għandux ikun dirett iżda permezz ta’ l-awtoritajiet responsabbli mill-EURODAC.

L-aċċess għal dawn is-sistemi jista’ jikkontribwixxi wkoll għall-identifikazzjoni tal-vittmi ta’ diżastri u iġsma mhux identifikati.

5.3. Xenarji dewwiema u żviluppi ulterjuri

5.3.1. Il-ħolqien ta’ Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba’ Awtomatizzata (AFIS)

Lilhinn mill-proposta msemmija dwar it-tqabbil tal-profili tad-DNA, tista' tinħoloq AFIS Ewropea li tgħaqqad id-data kollha tal-marki tas-swba' li bħalissa hija disponibbli biss fis-sistemi AFIS kriminali nazzjonali. Din l-AFIS tista’ tkun jew AFIS Ewropea ċentralizzata jew soluzzjoni deċentralizzata (li tgħaqqad l-AFISes eżistenti) Din tkun tintuża għal skopijiet ta’ investigazzjonijiet tal-pulizija u tkun tmur lilhinn mit-tiftixa li tirriżulta jew ma tirriżultax f’numru ta’ sejbiet kif deskritt aktar ’il fuq għas-SIS II.

Għal darb’oħra tkun tikkontribwixxi fl-identifikazzjoni tal-vittmi ta’ diżastri u iġsma mhux identifikati.

5.3.2. Il-ħolqien ta’ sistema ta’ dħul u ħruġ u l-introduzzjoni ta’ skema li tiffaċilita l-qsim tal-fruntieri għal persuni li jaqsmu l-fruntieri ta’ spiss

L-għanijiet prinċipali ta’ sistema ta’ dħul u ħruġ huma li tiżġura li persuni li jaslu u li jitilqu jiġu eżaminati u li tiġbor informazzjoni dwar l-immigrazzjoni u l-istatus residenzjali tagħhom. Meta jidħlu u joħorġu mill-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jirreġistraw permezz ta’ identifikaturi biometriċi. Madankollu, ma tistax isseħħ l-estensjoni ta' din is-sistema ta' dħul u ħruġ għaċ-ċittadini ta' l-UE għaliex dan ikun inkompatibbli mal-prinċipju tal-moviment liberu.

Il-mistoqsija tista’ tqum ukoll dwar jekk tkunx vijabbli soluzzjoni bħal din, minħabba l-volum kbir ta’ vjaġġaturi li kuljum jaqsmu l-fruntieri ta’ l-Unjoni Ewropea. Sabiex jitnaqqsu l-kontrolli, jista’ jiddaħħal programm għal vjaġġaturi magħrufa li huma bona fide sabiex jiġi ffaċilitat u awtomatizzat il-proċess tal-qsim tal-fruntieri. Jeżisti programm simili li qiegħed jitħaddem bejn l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Messiku fejn il-vjaġġaturi bona fide, wara kontroll partikolarment attent ta’ l-ambjent li ġejjin minnu, tinħarġilhom “kard ta’ vjaġġatur fdat” li tippermetti l-qsim tal-fruntieri b’mod kważi totalment awtomatizzat. Ir-reġistrazzjoni fil-ħruġ tista’ ssir permezz ta’ proċedura fejn wieħed jirreġistra lilu nnifsu; l-inċentiv sabiex dan isir huwa li jekk wieħed ma jirreġistrax il-ħruġ tiegħu, ma jingħatalux permess jidħol fil-futur jew jingħatalu biss wara li jgħaddi minn proċedura speċifika.

Għalkemm sistema ta’ dħul u ħruġ tkun tippermetti kontrolli fuq il-fruntieri aktar effiċjenti u effettivi, dan ikun pass organizzattiv enormi u għalhekk jista' jkun ta' riskju u li jirrikjedi ħafna riżorsi biex jiġi implimentat. Madankollu, is-sitwazzjoni tista’ tiġi valutata mill-ġdid meta jiba jopera l-VIS.

Fi kwalunkwe każ, għandhom isiru valutazzjonijiet ta’ l-impatt jew miżuri simili sabiex jivvalutaw il-proporzjonalità ta’ dan ix-xenarju u xenarji oħrajn ippreżentati.

5.3.3. Reġistru/i Ewropew/j tad-dokumenti ta' l-ivvjaġġar u l-karti ta' l-identità

Ħafna mill-Istati Membri ser joħolqu databases tagħhom stess ta’ dokumenti ta’ l-ivvjaġġar u ta’ karti ta’ l-identità, inklużi identifikaturi biometriċi meħuda ma’ l-applikazzjoni. L-effettività ta’ dawn id- databases tista’ tittejjeb b’mod sinifikanti jekk jiġi stabbilit reġistru ta’ indiċi fuq livell Ewropew. Inkella, jistgħu jiġu llinkjati bejniethom id- databases nazzjonali. Tkun xi tkun is-soluzzjoni adottata, dawn ir-reġistri jista’ jkun fihom biss sett limitat ħafna ta’ data (in-numru tad-dokument u l-biometrika) iżda jkunu jippermettu verifika ta' l-awtentiċità ta’ kull dokument ta’ l-ivvjaġġar jew ta' l-identità maħruġ fi Stat Membru u li tiġi determinata, permezz ta’ informazzjoni biometrika, l-identità ta’ kull persuna li lilha jkun inħareġ dokument ta’ l-ivvjaġġar jew ta’ l-identità.

Dan l-approċċċ jista’ jikkontribwixxi wkoll fl-identifikazzjoni tal-vittmi ta’ diżastri u iġsma mhux identifikati.

5.4. Bidliet fl-arkitettura u l-organizzazzjoni

Mingħajr ma nidħlu f’analiżi dettaljata tal-bidliet tekniċi u organizzattivi meħtieġa biex jiġu implimentati x-xenarji msemmija hawn fuq, l-iżvilupp ta’ arkitettura tas-sistemi ta’ l-IT Ewropej orjentata lejn is-servizz tgħin biex jittejbu kemm jista’ jkun is-sinerġiji u jkun jinkludi investimenti fuq livell realistiku. Arkitettura orjentata lejn is-servizz hija mod kif jinqasmu l-funzjonijiet b’mod flessibbli u vijabbli mingħajr ma jingħaqdu s-sistemi eżistenti. F’termini konkreti, eżempju wieħed ikun l-użu tal-parti AFIS ta’ prestazzjoni tajba fil-futur, bħala parti mill-VIS, sabiex jingħataw servizzi relatati ma’ l-AFIS (jiġifieri tiftix biometriku għal applikazzjonijiet oħrajn, bħall-EURODAC jew, possibbilment, reġistru ta’ passaporti biometriċi). Il-ħażna tad- data u l-fluss tagħha xorta jistgħu jkunu strettament separati.

Fuq il-livell organizzattiv, m'hemmx għalfejn ngħidu li l-ġestjoni ta' kuljum (jiġifieri mhux bilfors il-ġestjoni strateġika jew politika) ta' dawn is-sistemi flimkien f'organizzazzjoni waħda ġġib magħha wkoll effetti sinifikanti fuq is-sinerġija. Il-ġestjoni ta’ l-applikazzjonijiet f’ambjent organizzattiv wieħed huwa għaldaqstant għażla li għandha tkun tkun eżaminata bħala għan għall-futur mhux daqstant qrib. Fejn jidħlu l-għanijiet tal-programm ta’ Libertà[8] propost, il-kwistjoni dwar jekk ħidmiet relatati mal-ġestjoni ta' sistemi ta' l-IT fuq skala kbira (EURODAC, SIS II, VIS) għandhomx jiġu fdati lill-Aġenzija tal-Fruntieri Esterni fi stadju aktar tard hija waħda mill-alternattivi li għandhom jiġu esplorati.

6. IL-KOMPATIBILITÀ TA’ MIżURI POSSIBBLI MAD-DRITTIJIET UMANI INKLUż IL-PROTEZZJONI TAD- DATA

RIGWARD L-IDENTIFIKAZZJONI AħJAR TA’ PERSUNI MFITTXIJA, FILWAQT LI L-ħAżNA TA’ data personali f’ databases kriminali hija ġustifikata minħabba l-imġiba fil-passat u reali jew dik suspettata ta’ l-individwu (li għandha tkun sostanzjata), dan mhuwiex il-każ għall-EURODAC jew VIS. La t-talba għall-kenn politiku u lanqas l-applikazzjoni għal viża ma jindikaw b’xi mod li l-individwu kieku meqjus innoċenti ser iwettaq att kriminali jew terroristiku.

Għaldaqstant, il-prinċipju tal-proporzjonalità jitlob li r-referenza għal dawn id- databases issir biss għal skop ta’ prevenzjoni u investigazzjoni ta’ reati kriminali jew terroristiċi serji jew biex jiġi identifikat il-ħati ta' att kriminali jew terroristiku suspettat ladarba jkun hemm tħassib akbar dwar is-sigurtà pubblika, jiġifieri jekk l-att kommess mill-kriminal jew terrorist li għandu jiġi identifikat huwa tant gravi li jiġġustifika r-referenza għad- database li jirreġistra l-persuni b'kondotta kriminali nadifa. Il-limitu għall-awtoritajiet responsabbli mis-sigurtà interna li jirreferu għall-EURODAC, għad- data dwar l-immigrazzjoni fis-SIS II jew għall-VIS, għaldaqstant, għandu jkun dejjem ogħla b'mod sinifikanti minn dak għar-referenza għal databases kriminali. Biex jiġi żgurat ir-rispett lejn id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 6, 7, 8, 48 u 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, l-ambitu għall-aċċess għandu għalhekk ikun limitat għal reati terroristiċi kif definiti fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill Nru 2002/475/JHA u għal reati li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Europol.

Fejn jidħol it-tqabbil tal-profili tad-DNA, il-limitu għal verifika ta' tiftixa li tirriżulta jew ma tirriżultax għas-sejbiet ta’ profil tad-DNA wieħed (katina alfanumerika ta’ numri mingħajr informazzjoni personali ulterjuri) tippermetti li jiġi rrispettat bis-sħiħ il-prinċipju tal-proporzjonalità.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità huwa ta’ rilevanza partikolari fejn jidħol il-ħolqien ta' reġistru Ewropew ta' dokumenti ta' l-ivvjaġġar u karti ta' l-identità. Ta' min jgħid li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad- data rilevanti kollha, inklużi dawk li jaqblu mal-ħolqien ta' reġistri nazzjonali, irrakkomandaw li ma jinħoloqx reġistru Ewropew minħabba l-potenzjal għall-abbużi. Il-ħolqien ta’ reġistru bħal dan għandu għalhekk jiġi maħsub biss jekk l-aċċess ikun strettament limitat u jekk it-tiftix fih ikun ġustifikat b’interess ta’ sigurtà pubblika straordinarja u ta’ bilfors.

L-aħħar u mhux l-anqas, rigward il-miżuri possibbli kollha, għandu jiġi enfasizzat li s-sorveljanza komprensiva minn entitajiet tal-protezzjoni tad- data kompetenti ser tkun indispensabbli. Fi kwalunkwe każ, meta tippreżenta proposti possibbli għall-futur, il-Kummissjoni ser tipproċedi, skond il-Komunikazzjoni COM (2005)172[9], b’valutazzjoni speċifika ta’ l-impatt fuq ir-rispett lejn id-drittijiet fundamentali.

[1] Dikjarazzjoni tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea Nru 7906/04 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu tad-29 ta’ Marzu 2004

[2] Il-Programm ta' The Hague: insaħħu l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, 10 ta’ Mejju 2005

[3] Inkluż l-ambitu tal-parteċipazzjoni ta' pajjiżi li ma jieħdux sehem (sħiħ) fl-" acquis ta' Schengen".

[4] Qafas ta’ Interoperabilità Ewropea għas-Servizzi ta’ eGovernment Pan-Ewropej, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, 2004, punt 1.1.2.

[5] Id-dettalji dwar kif l-organizzazzjonijiet jaqblu li jinteraġixxu teknikament ma' xulxin meta jiskambjaw id- data normalment ikun stipulat f'qafas ta' interoperabilità li jista’ jkun definit bħala sett ta' standards u linji gwida, ara l-Qafas ta’ Interoperabilità Ewropea għas-Servizzi ta’ eGovernment Pan-Ewropej, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, 2004, punt 1.1.2.

[6] Il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-ipproċessar tad- data personali jiġu definiti fl-istrumenti legali li jirregolaw is-SIS II.

[7] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-kenn politiku ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ĠU L50 tal-25.2.2003

[8] Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perjodu 2008-2013 bħala parti mill-programm Ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi Migratorji”

[9] Komunikazzjoni tas-27 ta’ April 2005 COM (2005)172 finali dwar il-Kompatibilità tal-proposti leġiżlattivi mal-karta tad-Drittijiet Fundamentali (li tistabbilixxi metodoloġija għall-kontroll intern tad-drittijiet fundamentali, l-integrazzjoni tagħhom fil-valutazzjoni ta’ l-impatt skond l-ambitu ta’ l-impatti l-aktar probabbli u l-inklużjoni ta’ premessa standard dwar il-Karta)

Top