EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020H2243

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2243 tat-22 ta’ Diċembru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għall-ivvjaġġar u t-trasport bi tweġiba għall-varjant tas-SARS-COV-2 innutat fir-Renju Unit

C/2020/9607

ĠU L 436, 28.12.2020, p. 72–76 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2020/2243/oj

28.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 436/72


IR-RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2243

tat-22 ta’ Diċembru 2020

dwar approċċ ikkoordinat għall-ivvjaġġar u t-trasport bi tweġiba għall-varjant tas-SARS-COV-2 innutat fir-Renju Unit

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li qieset it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-13 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 (1) dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19.

(2)

L-objettiv tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 huwa li tiġi żgurata koordinazzjoni akbar fost l-Istati Membri meta titqies l-adozzjoni ta’ miżuri, fil-livell nazzjonali, li jirrestrinġu l-moviment liberu għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika. Din ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi l-qafas meħtieġ biex tiġi kkoordinata l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi biex titrażżan il-firxa tal-COVID-19, li trid tkun proporzjonata u mhux diskriminatorja. Pereżempju, tipprovdi liema miżuri jistgħu jiġu applikati għal vjaġġaturi li jaslu minn żona ta’ riskju għoli u l-eċċezzjonijiet meħtieġa minn kwalunkwe miżura bħal din. Barra minn hekk, dan jirrikjedi l-għoti ta’ informazzjoni f’waqtha u aġġornata lill-pubbliku ġenerali dwar miżuri introdotti ġodda.

(3)

Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 hija indirizzata lill-Istati Membri kollha. Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, previst fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2), u skont l-Artikolu 127 ta’ dan il-Ftehim, id-dritt tal-Unjoni, inkluża r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 jibqa’ japplika għar-Renju Unit. Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, iċ-ċittadini tar-Renju Unit għandhom jitqiesu bħala ċittadini tal-UE u r-residenti tar-Renju Unit għandhom jitqiesu bħala residenti tal-Unjoni, b’mod partikolari għall-fini li jibbenefikaw mil-libertà ta’ moviment skont id-dritt tal-Unjoni u għall-fini ta’ dik ir-Rakkomandazzjoni.

(4)

Fl-2020 il-Kummissjoni adottat għadd ta’ dokumenti ta’ gwida dwar il-Korsiji Ħodor, inkluża l-Komunikazzjoni tagħha tat-28 ta’ Ottubru 2020 li taġġorna l-kunċett ta’ Korsiji Ħodor biex ma jiġux koperti biss it-toroq imma anki l-ferroviji, il-merkanzija fuq l-ilma u l-merkanzija bl-ajru, biex jiġi żgurat li l-ktajjen tal-provvista essenzjali jkomplu jiffunzjonaw u biex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil tal-merkanzija u tal-loġistika fl-UE fit-tieni mewġa tal-pandemija.

(5)

Fit-30 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 (3) dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni. F’din ir-Rakkomandazzjoni, il-Kunsill adotta approċċ komuni fir-rigward tar-restrizzjoni temporanja ta’ vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE kif miftiehem mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE fis-17 ta’ Marzu 2020 u t-tneħħija gradwali ta’ tali restrizzjoni.

(6)

Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 għandha żewġ Annessi: L-Anness I li jelenka l-pajjiżi terzi li r-residenti tagħhom ma għandhomx jiġu affettwati minn restrizzjoni temporanja fil-fruntieri esterni fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, u l-Anness II li jelenka kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali.

(7)

Wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (4), ir-Renju Unit għandu jitqies bħala pajjiż terz għall-fini tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912. Sakemm ma titteħidx deċiżjoni biex ir-Renju Unit jiġi inkluż fil-lista ta’ pajjiżi terzi fl-Anness I ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jew sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit minn qabel, l-ivvjaġġar mhux essenzjali mir-Renju Unit lejn l-Unjoni Ewropea mhux se jkun possibbli mill-1 ta’ Jannar 2021. Fl-istess ħin, iċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu fir-Renju Unit jenħtieġ li jkomplu jibbenefikaw mir-regoli u s-salvagwardji previsti fil-punt 5 (a) tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 wara l-1 ta’ Jannar 2021.

(8)

Matul l-aħħar ftit ġimgħat, ir-Renju Unit iffaċċja żieda rapida fil-każijiet ta’ COVID 19 fix-Xlokk tal-Ingilterra, li wasslet għal investigazzjonijiet epidemjoloġiċi u viroloġiċi mtejba. Analiżi tad-data tas-sekwenza tal-ġenoma virali identifikat proporzjon kbir ta’ każijiet li jappartjenu għal varjant ġdid ta’ SARS-CoV-2, definit minn mutazzjonijiet multipli tal-proteina spike preżenti kif ukoll mutazzjonijiet f’reġjuni ġenomiċi oħra. Filwaqt li huwa magħruf u mistenni li l-viruses jinbidlu kontinwament permezz ta’ mutazzjoni li twassal biex jitfaċċaw varjanti ġodda, l-analiżi preliminari fir-Renju Unit tissuġġerixxi li dan il-varjant huwa ferm aktar trażmissibbli minn varjanti li kienu jiċċirkolaw qabel, bi stima ta’ żieda fit-trażmissibbiltà sa 70 %. F’dan il-punt ma hemm l-ebda indikazzjoni ta’ żieda fis-severità tal-marda assoċjata mal-varjant il-ġdid.

(9)

Dan il-varjant ġdid feġġ fi żmien tas-sena meta tradizzjonalment kien hemm żieda fil-kuntatti familjari u soċjali. B’reazzjoni għal dawn l-iżviluppi, fid-19 ta’ Diċembru 2020, il-Gvern tar-Renju Unit ħabbar restrizzjonijiet aktar iebsa għal partijiet kbar tax-Xlokk tal-Ingilterra, inkluż parir li n-nies ma għandhomx jivvjaġġaw lejn jew barra minn dawk iż-żoni, u li l-persuni f’dawn iż-żoni ma għandhomx jivvjaġġaw barra mill-pajjiż, ħlief għal eċċezzjonijiet limitati.

(10)

Xi każijiet bil-varjant il-ġdid sa issa ġew irrappurtati mill-Belġju, id-Danimarka, l-Italja u n-Netherlands. Pajjiżi oħra li rrappurtaw każijiet bħal dawn jinkludu l-Iżlanda u l-Awstralja. Filwaqt li huwa probabbli li l-varjant diġà qed jiċċirkola fi Stati Membri oħra tal-UE, hija meħtieġa aktar riċerka epidemjoloġika u viroloġika biex jiġi ddeterminat it-tixrid attwali ta’ dan il-varjant fl-UE.

(11)

Fid-dawl tar-riskju ta’ importazzjoni ulterjuri ta’ dan il-varjant, b’konsegwenzi f’termini ta’ għadd akbar ta’ każijiet u għalhekk ta’ dħul fl-isptar, l-Istati Membri ħadu miżuri prekawzjonarji temporanji fir-rigward tal-ivvjaġġar mir-Renju Unit, sakemm ikun hemm approċċ komuni. Jekk Stat Membru, fil-kuntest speċifiku tas-sitwazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit u fil-jiem li ġejjin, ikollu bżonn testijiet tal-antiġeni rapidi għall-ħaddiema tat-trasport, jenħtieġ li dan ma jwassalx għal interruzzjonijiet fit-trasport. Fl-UE, l-approċċ tal-Korsiji Ħodor jibqa’ jkollu importanza fundamentali.

(12)

Fil-laqgħa tar-Rispons Politiku Integrat f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (Integrated Political Crisis Response, IPCR) tal-21 ta’ Diċembru 2020, ħafna Stati Membri appellaw għal approċċ ikkoordinat.

TIRRAKOMANDA li:

1.

Sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru 2020, jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu japplikaw il-prinċipji u l-mekkaniżmi stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 meta jadottaw miżuri li jirrestrinġu l-moviment liberu mir-Renju Unit lejn l-Unjoni Ewropea.

Skont il-punt 17 tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475, jenħtieġ li l-Istati Membri fil-prinċipju ma jirrifjutawx id-dħul ta’ persuni li jivvjaġġaw minn Stati Membri oħra jew, matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, mir-Renju Unit.

2.

B’mod partikolari, l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jimplimentaw il-punti minn 19 sa 21 tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 dwar il-qafas komuni dwar miżuri possibbli għal vjaġġaturi li ġejjin minn żoni ta’ riskju ogħla. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jiskoraġġixxu l-ivvjaġġar mhux essenzjali kollu lejn u mir-Renju Unit sakemm jingħata avviż ieħor. Madankollu, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475, il-gruppi li ġejjin għandhom jiġu eżentati minn kull restrizzjoni temporanja addizzjonali, dment li jsirilhom test RT PCR jew, alternattivament, test tal-antiġeni rapidu fi żmien 72 siegħa qabel it-tluq, jew jirrispettaw għaxart ijiem ta’ kwarantina u jgħaddu minn test tar-RT-PCR fl-għaxar jum b’riżultat negattiv:

(a)

Ċittadini tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20(1) TFUE u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, skont ftehimiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u dawk il-pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra, igawdu drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadini tal-Unjoni, li jivvjaġġaw lejn l-Istat Membru jew il-pajjiż tan-nazzjonalità tagħhom;

(b)

Ċittadini tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20(1) TFUE, ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, skont ftehimiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u dawn il-pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra, igawdu drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadini tal-Unjoni, u ċittadini tar-Renju Unit, li jivvjaġġaw lejn l-Istat Membru jew il-pajjiż ta’ residenza tagħhom;

(c)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul skont id-Direttiva dwar ir-Residenza fit-Tul, persuni li jiksbu d-dritt tagħhom li jirrisjedu minn Direttivi oħra tal-UE, mil-liġi nazzjonali jew li jkollhom viżi nazzjonali fit-tul, li jivvjaġġaw lejn l-Istat Membru ta’ residenza tagħhom;

(d)

il-membri tal-familja tal-persuni msemmija fil-punti minn (a) sa (c).

3.

Il-vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali kif definit fil-punt 19 tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475, bl-eċċezzjoni tal-ħaddiema tat-trasport, jenħtieġ li jintalbu jagħmlu test RT PCR, jew, alternattivament, test tal-antiġeni rapidu fi żmien 72 siegħa qabel it-tluq, iżda ma għandhomx ikunu meħtieġa jgħaddu minn kwarantina waqt li jkunu qed jeżerċitaw din il-funzjoni essenzjali.

4.

It-tranżitu tal-passiġġieri, speċjalment għal dawk li jivvjaġġaw b’mod essenzjali, jenħtieġ li jiġi ffaċilitat mingħajr kwarantina. F’każ li jkun meħtieġ riżultat negattiv tat-test tar-RT-PCR għat-tranżitu, il-vjaġġaturi jenħtieġ li jiġu infurmati b’dan ir-rekwiżit qabel ma jibdew il-vjaġġ tagħhom jew jiġu offruti ttestjar matul il-layover tagħhom mingħajr dewmien żejjed.

5.

Fid-dawl tal-bżonn li jiġi żgurat it-trasport tal-persuni li jaqgħu fil-kategoriji msemmija hawn fuq, il-projbizzjoni ta’ servizzi tat-trasport, bħall-projbizzjoni ta’ titjiriet jew vjaġġi bil-ferrovija, jenħtieġ li tintemm (5).

6.

Jenħtieġ li l-persunal tat-trasport, inklużi s-sewwieqa tat-trakkijiet u tal-ferroviji, l-ekwipaġġi tal-vapuri u tal-ajru, jiġu eżentati minn xi tip ta’ projbizzjoni fuq vjaġġar fi kwalunkwe fruntiera. B’mod simili, l-ivvjaġġar u t-tranżitu tal-baħħara jenħtieġ li jiġi faċilitat. Jenħtieġ li l-persunal tat-trasport u l-baħħara jiġu eżentati mir-rekwiżiti tal-ittestjar u tal-kwarantina meta jaqsmu fruntiera lejn u minn bastiment, vettura, jew inġenju tal-ajru, għalkemm jenħtieġ li jirrispettaw il-miżuri ta’ protezzjoni ġenerali u ta’ distanza li japplikaw lokalment. Jekk Stat Membru, fil-kuntest speċifiku tas-sitwazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit u fil-jiem li ġejjin, ikollu bżonn testijiet tal-antiġeni rapidi għall-ħaddiema tat-trasport, jenħtieġ li dan ma jwassalx għal interruzzjonijiet fit-trasport. Finalment, jenħtieġ li l-konnettività għall-ivvjaġġar essenzjali, inkluż ir-ritorn taċ-ċittadini u tar-residenti lura d-dar, tiġi ppreservata filwaqt li jiġu rrispettati l-miżuri ta’ prekawzjoni rilevanti.

7.

Il-flussi tal-merkanzija wkoll iridu jkomplu mingħajr interruzzjoni, f’konformità mal-Komunikazzjoni dwar il-Korsiji Ħodor u l-Merkanzija bl-Ajru (6), mhux l-inqas biex tiġi żgurata d-distribuzzjoni fil-ħin tal-vaċċini kontra l-COVID-19 u l-provvisti anċillari, pereżempju.

8.

Jenħtieġ li kwalunkwe miżura ġdida meħuda mill-Istati Membri fir-rigward tar-Renju Unit tiddikjara b’mod espliċitu li tiskadi fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, jiġifieri fil-31 ta’ Diċembru 2020.

9.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li tingħata informazzjoni komprensiva, aġġornata u fil-ħin lill-pubbliku ġenerali permezz tal-kanali ta’ komunikazzjoni kollha li huma disponibbli.

10.

Jenħtieġ li, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u l-laboratorji tal-Istati Membri:

(a)

Iżidu l-isforzi ta’ sekwenzjar u janalizzaw l-iżolati tal-virus fil-ħin biex jidentifikaw malajr il-każijiet tal-varjant il-ġdid, b’mod partikolari iżolati tal-virus minn każijiet li jinvolvu persuni li reċentement żaru jew għandhom rabta mal-pajjiżi fejn il-varjant huwa preżenti;

(b)

Jidentifikaw immedjatament il-każijiet li jinvolvu persuni li vjaġġaw lejn jew mir-Renju Unit fl-aħħar 14-il jum biex isiru testijiet skont l-RT-PCR, l-iżolat, u jiġu soġġetti għal traċċar tal-kuntatti aktar qawwi. L-iżolati tal-virus minn dawn il-każijiet jenħtieġ li jiġu sekwenzjati b’mod f’waqtu biex jiġu identifikati l-każijiet tal-varjant il-ġdid.

(c)

Jidentifikaw immedjatament każijiet li jinvolvu persuni li huma kuntatti mill-qrib ta’ każ ikkonfermat tal-varjant il-ġdid jew bi storja tal-ivvjaġġar lejn ir-Renju Unit sabiex jiġu ttestjati, iżolati jew segwiti l-kuntatti tagħhom u biex jitwaqqaf it-tixrid tal-varjant il-ġdid. L-iżolati tal-virus minn dawn il-każijiet jenħtieġ li jiġu sekwenzjati b’mod f’waqtu biex jiġu identifikati l-każijiet tal-varjant il-ġdid.

11.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, l-Istati Membri japplikaw ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 fuq ir-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (7) fir-rigward taċ-ċittadini tar-Renju Unit ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi residenti fir-Renju Unit li kienu jibbenefikaw mid-dritt ta’ moviment liberu fil-qafas tad-dritt tal-Unjoni sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Dan ifisser li jista’ jsir biss vjaġġar essenzjali mir-Renju Unit lejn iż-żona Schengen sakemm ir-Renju Unit ma jitpoġġiex fil-lista tal-Anness I ta’ dik ir-Rakkomandazzjoni.

12.

F’konformità mal-punt 5 tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912, jenħtieġ li l-kategoriji li ġejjin ta’ persuni jiġu eżentati mir-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar, indipendentement mill-iskop tal-ivvjaġġar, bil-kundizzjoni li jsirilhom test tal-RT-PCR jew, b’mod alternattiv, test tal-antiġeni rapidu fi żmien 72 siegħa qabel it-tluq, jew iħarsu 10 ijiem ta’ kwarantina u jagħmlu test tal-RT-PCR fl-10 jum b’riżultat negattiv:

(a)

ċittadini tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20(1) TFUE u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, skont ftehimiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u dawk il-pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra, igawdu drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll il-membri tal-familja rispettivi tagħhom;

(b)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul skont id-Direttiva dwar ir-Residenza fit-Tul (8), u persuni li jiksbu d-dritt tagħhom li jirrisjedu minn Direttivi oħra tal-UE jew mil-liġi nazzjonali jew li jkollhom viżi nazzjonali għal soġġorn twil, kif ukoll il-membri tal-familja rispettivi tagħhom. Jenħtieġ li dan ikun ikopri wkoll persuni li jiksbu d-dritt tagħhom li jirrisjedu fl-UE mill-Ftehim dwar il-Ħruġ.

13.

In-nazzjonali tar-Renju Unit li mhumiex residenti legalment fl-UE mhumiex koperti mill-eżenzjoni tal-punt 5(b) tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 mill-1 ta’ Jannar 2021. Dan ifisser li n-nazzjonali tar-Renju Unit li mhumiex protetti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ u li mhumiex residenti legalment fl-Unjoni u lanqas ma huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni ma jistgħux jinvokaw il-punt 5(b) tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912. Madankollu, dawn in-nazzjonali tar-Renju Unit jistgħu xorta waħda jkunu koperti mill-eċċezzjoni dwar l-ivvjaġġar essenzjali (funzjoni jew ħtieġa essenzjali), kif stabbilit fl-Anness II tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912.

14.

Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen jieħdu l-miżuri kollha b’mod koordinat u koerenti u jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe miżura li jkunu ħadu mill-aktar fis possibbli. Jenħtieġ li jikkomunikaw kwalunkwe miżura futura qabel id-dħul fis-seħħ tagħha. Ir-restrizzjonijiet fuq is-servizzi tal-ajru jridu jiġu notifikati f’konformità mal-Artikoli 21 u 21a tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Ylva JOHANSSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3.

(2)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 tat-30 ta’ Ġunju 2020 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (ĠU L 208 I, 1.07.2020, p. 1).

(4)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(5)  Huwa mfakkar li, fi kwalunkwe każ, ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3) jillimita b’mod strett ħafna l-possibbiltà li l-Istati Membri jipprojbixxu t-titjiriet; ara l-Artikolu 21, kif ukoll l-Artikolu 21a (applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2020).

(6)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea — Linji gwida: L-iffaċilitar tal-Operazzjonijiet tal-Merkanzija bl-Ajru waqt it-tifqigħa tal-COVID-19, C/2020/2010 (ĠU C 100 I, 27.3.2020, p. 1).

(7)  Ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44).


Top