Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0679

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/679 tal-10 ta' April 2017 li jtemm rinvestigazzjoni ta' assorbiment li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-azzar inossidabbli rrumblati ċatti fil-kiesaħ f'fuljetti li joriġinaw mit-Tajwan mingħajr ma jemenda l-miżuri fis-seħħ

    C/2017/2168

    ĠU L 98, 11.4.2017, p. 10–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/679/oj

    11.4.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 98/10


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/679

    tal-10 ta' April 2017

    li jtemm rinvestigazzjoni ta' assorbiment li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-azzar inossidabbli rrumblati ċatti fil-kiesaħ f'fuljetti li joriġinaw mit-Tajwan mingħajr ma jemenda l-miżuri fis-seħħ

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament Bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) u 12 tiegħu,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    1.1.   Il-miżuri fis-seħħ

    (1)

    Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1429 (2) il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' prodotti tal-azzar inossidabbli rrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan. Ir-rata ta' dazju applikabbli għal kumpaniji Tajwaniżi kollha kien ta' 6,8 % bl-eċċezzjoni ta' produttur esportatur wieħed b'rata ta' dazju żero.

    1.2.   Talba għal rinvestigazzjoni ta' assorbiment

    (2)

    Fit-28 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni rċeviet talba għal rinvestigazzjoni ta' assorbiment tal-miżuri fis-seħħ skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku.

    (3)

    It-talba tressqet mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar (“Eurofer”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' prodotti tal-azzar mgħattan mingħajr tisħin f'fuljetti.

    (4)

    L-Eurofer issottomettiet biżżejjed evidenza li turi li, wara l-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali u qabel u wara l-impożizzjoni ta' dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, il-prezzijiet tal-esportazzjoni kienu naqsu. Dan ma wassalx għal effetti ta' rimedju intenzjonati tal-miżuri fis-seħħ.

    (5)

    L-evidenza li hemm fit-talba wriet li t-tnaqqis fil-prezzijiet ta' esportazzjoni ma setax jiġi spjegat minn bidliet fil-prezzijiet tal-prodott bażiku, l-ispejjeż tal-enerġija, l-ispejjeż tax-xogħol, ir-rati ta' dazju jew rati tal-kambju.

    (6)

    Barra minn hekk, il-Eurofer ipprovdiet evidenza li turi li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat komplew jidħlu fl-Unjoni f'volumi sinifikanti.

    1.3.   Il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni antidumping

    (7)

    Fl-11 ta' Awwissu 2016, il-Kummissjoni ħabbret il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni tal-antidumping (3), permezz ta' avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    1.4.   Il-partijiet interessati

    (8)

    Fin-notifika ta' ftuħ mill-ġdid, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fir-rinvestigazzjoni. Barra minn dan, il-Kummissjoni speċifikament infurmat lil Eurofer, lill-esportaturi, lill-produtturi esportaturi u lill-importaturi magħrufa li huma kkonċernati u lill-awtoritajiet tal-pajjiż konċernat dwar il-bidu ta' rinvestigazzjoni ta' assorbiment u stednithom biex jipparteċipaw.

    (9)

    Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità jagħtu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali. L-ebda waħda mill-partijiet interessati ma ppreżentat ruħha u talbet seduta ta' smigħ.

    1.5.   Kampjunar tal-importaturi

    (10)

    Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni staqsiet lill-importaturi mhux relatati biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-notifika ta' ftuħ mill-ġdid.

    (11)

    Għaxar importaturi mhux relatati pprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jkunu inklużi fil-kampjun. Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta' tlieta fuq il-bażi tal-akbar volum ta' importazzjonijiet lejn l-Unjoni. F'konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, l-importaturi kollha magħrufa kkonċernati ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma waslu l-ebda kummenti.

    1.6.   Teħid ta' kampjuni ta' esportaturi u produtturi esportaturi fit-Tajwan

    (12)

    Biex tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-esportaturi u lill-produtturi esportaturi kollha magħrufa fit-Tajwan biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-notifika ta' ftuħ mill-ġdid. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet tal-pajjiż konċernat biex jidentifikaw u/jew jikkuntattjaw esportaturi u produtturi esportaturi oħrajn, f'każ li kien hemm, li jistgħu jkunu interessati jieħdu sehem fl-investigazzjoni.

    (13)

    Ħames esportaturi u sitt produtturi esportaturi fit-Tajwan ipprovdew it-tagħrif mitlub u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Il-Kummissjoni ddeċidiet li t-teħid ta' kampjuni ma kienx meħtieġ peress li dawk l-esportaturi u produtturi esportaturi setgħu jiġu investigati b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli.

    1.7.   Tweġibiet għall-kwestjonarju

    (14)

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lil ħames esportaturi u sitt produtturi esportaturi. Waslu tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand żewġ produtturi esportaturi u grupp wieħed li jikkonsisti f'żewġ produtturi esportaturi u żewġ esportaturi.

    (15)

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lit-tliet importaturi fil-kampjun u rċeviet tweġibiet mingħand tnejn minnhom.

    1.8.   Żjarat ta' verifika

    (16)

    Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat it-tagħrif kollu li qieset meħtieġ għall-għan ta' din ir-rinvestigazzjoni. Iż-żjarat ta' verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

    Jie Jin Material Science, Tainan city, Taiwan

    Tang Eng Iron Works Co., Ltd., Kaohsiung city, Taiwan

    Yieh United Steel Corporation, Kaohsiung city, Taiwan

    Yuan Long Stainless Steel, Kaohsiung city, Taiwan

    1.9.   Perjodi rilevanti koperti mir-rinvestigazzjoni ta' assorbiment

    (17)

    Il-perjodu rinvestigazzjoni ta' assorbiment (“AIP”) kien mill-1 ta' Lulju 2015 sat-30 ta' Ġunju 2016. Il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali (“OIP”) kien mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2013.

    2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

    (18)

    Il-prodott soġġett għar-rinvestigazzjoni ta' assorbiment huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali u huwa definit bħala prodotti tal-azzar inossidabbli rrumblati ċatti fil-kiesaħ, mhux maħdumin aktar ħlief irrumblati bil-kesħa (imnaqqsin bil-kesħa) li joriġinaw fit-Tajwan u li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM 7219 31 00, 7219 32 10, 7219 32 90, 7219 33 10, 7219 33 90, 7219 34 10, 7219 34 90, 7219 35 10, 7219 35 90, 7220 20 21, 7220 20 29, 7220 20 41, 7220 20 49, 7220 20 81 u 7220 20 89 (“il-prodott konċernat”).

    (19)

    Il-prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ jintużaw f'għażla wiesgħa ta' applikazzjonijiet, pereżempju fil-produzzjoni tal-apparati domestiċi (ngħidu aħna, in-naħa ta' ġewwa tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u tal-platti), tubi wweldjati u tagħmir mediku kif ukoll fl-ipproċessar tal-ikel u fl-industriji tal-karozzi.

    (20)

    Ir-rinvestigazzjoni wriet li l-prodott ikkonċernat u l-prodott immanifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tat-Tajwan għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi. Il-Kummissjoni ddeċidiet li dawn il-prodotti huma għaldaqstant prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

    3.   IS-SEJBIET

    (21)

    Rinvestigazzjoni ta' assorbiment skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku għandha l-għan li tistabbilixxi jekk il-prezzijiet ta' esportazzjoni naqsux u jekk kienx hemm biżżejjed moviment fil-prezzijiet ta' bejgħ mill-ġdid jew fil-prezzijiet tal-bejgħ sussegwenti fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat mindu saret l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali. Bħala t-tieni pass, fejn instab tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjoni, għandu jiġi kkalkulat marġni tad-dumping ġdid.

    3.1.   Tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjoni

    (22)

    Meta stabbilixxiet jekk kienx hemm tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni stabbilxxiet għal kull produttur esportatur eżaminat il-prezzijiet tal-esportazzjoni tiegħu matul l-AIP u qabblet dawn il-prezzijiet korrispondenti mal-prezzijiet tal-esportazzjoni ddeterminati fl-OIP.

    (23)

    Il-produtturi esportaturi esportaw lejn l-Unjoni jew direttament lil konsumaturi indipendenti jew permezz ta' kumpaniji relatati fit-Tajwan.

    (24)

    Il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz attwalment imħallas jew li jista' jitħallas għall-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

    (25)

    Il-Kummissjoni qabblet għall-produtturi esportaturi kollha il-prezzijiet tal-prodotti mibjugħa fl-AIP mal-istess tipi ta' prodott mibjugħa fl-OIP u kkalkulat livell medju ponderat ta' prezzijiet tal-esportazzjoni.

    (26)

    Il-paragun imsemmi hawn fuq sar fl-euro, bl-użu ta' rati tal-kambju pprovduti lill-esportaturi u lill-produtturi esportaturi fil-kwestjonarji tal-antidumping.

    (27)

    It-tqabbil tal-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni fuq bażi ta' ex fabbrika, wera li għall-produtturi esportaturi/gruppi kollha l-prezzijiet tal-esportazzjoni naqsu. It-tnaqqis tal-prezzijiet tal-esportazzjoni f'euro kien kif ġej:

    Tabella 1

    Tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjoni

    Il-produttur esportatur/grupp

    L-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta' esportazzjoni mill-OIP sal-AIP

    Jie Jin Material Science

    – 3,3 %

    Tang Eng Iron Works Co., Ltd. u Yieh United Steel Corporation

    – 11,2 %

    Yuan Long Stainless Steel

    – 2,3 %

    3.2.   Id-dumping

    (28)

    Wara li kien stabbilit it-tnaqqis tal-prezzijiet ta' esportazzjoni għall-produtturi esportaturi kollha li kkooperaw, il-marġnijiet tad-dumping ġew ikkalkolati mill-ġdid, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

    (29)

    Il-produtturi esportaturi kollha li kkooperaw talbu eżami mill-ġdid tal-valuri normali tagħhom skont l-Artikolu 12(5) tar-Regolament bażiku.

    3.2.1.   Il-valur normali

    (30)

    Il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali ta' bejgħ domestiku ta' kull produttur esportatur li kkoopera kienx rappreżentattiv, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku jkun rappreżentattiv jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili lill-klijenti indipendenti fis-suq domestiku tal-produttur esportatur jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ għall-esportazzjoni tiegħu tal-prodott ikkonċernat lill-Unjoni matul l-AIP. Fuq il-bażi ta' dan, il-bejgħ totali minn kull produttur esportatur tal-prodott simili fuq is-suq domestiku kien rappreżentattiv.

    (31)

    Imbagħad, il-Kummissjoni identifikat it-tipi ta' prodotti mibjugħin fuq livell domestiku li kienu identiċi jew paragunabbli għat-tipi ta' prodotti mibjugħin għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni għall-produtturi esportaturi b'bejgħ domestiku rappreżentattiv.

    (32)

    Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat jekk il-bejgħ domestiku ta' kull produttur esportatur li kkoopera fis-suq domestiku tiegħu għal kull tip ta' prodott li huwa identiku jew komparabbli ma' tip ta' prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni kienx rappreżentattiv, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta' tip ta' prodott huwa rappreżentattiv jekk il-volum totali ta' bejgħ domestiku ta' dak it-tip ta' prodott lil konsumaturi indipendenti matul il-perjodu ta' investigazzjoni jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni tat-tip ta' prodott identiku jew komparabbli.

    (33)

    Imbagħad, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-proporzjon tal-bejgħ bi profitt lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull tip ta' prodott matul l-AIP sabiex tiddeċiedi jekk tużax il-bejgħ domestiku reali għall-kalkolu tal-valur normali, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

    (34)

    Il-valur normali kien ikkalkulat bħala l-medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu matul l-AIP jew bħala l-medja ponderata tal-bejgħ profittabbli biss. Il-valuri kollha meta l-konverżjoni tal-valuta kienet meħtieġa ġew ikkonvertiti f'dollari tat-Tajwan bl-użu jew tar-rati mensili pprovduti mill-Kummissjoni fil-kwestjonarju dwar l-antidumping jew bl-użu tar-rati tal-kambju interni tal-produtturi esportaturi bbażati fuq ir-rati doganali tat-Tajwan. Ma kienx hemm differenza materjali bejn dawn iż-żewġ rati fl-AIP.

    (35)

    Fejn ma kienx hemm biżżejjed bejgħ jew ma kienx hemm bejgħ ta' ċerti tipi ta' prodott tal-prodott simili fil-perkors normali tan-negozju, il-Kummissjoni ħolqot il-valur normali skont l-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku.

    (36)

    Il-valur normali nħadem billi żdied dan li ġej mal-ispiża medja tal-produzzjoni tal-prodott simili tal-produttur esportatur li kkoopera matul l-AIP:

    il-kostijiet tal-bejgħ medji ponderati, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”- selling, general and administrative expenses) imġarrbin mill-produttur esportatur li kkoopera fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fl-andament normali tal-kummerċ, matul l-AIP; kif ukoll

    il-profitt medju ponderat li jsir mill-prodottur esportatur li kkoopera mill-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fl-andament normali tal-kummerċ, matul l-AIP.

    (37)

    Produttur esportatur wieħed kien qed ibigħ parti mill-prodott ikkonċernat permezz taċ-ċentru ta' servizzi relatati tiegħu, li kien jipprovdi xi modifiki speċifiċi għall-klijent (qtugħ, ippolixxjar, eċċ.). Sabiex jiġi kkalkulat il-kost tal-produzzjoni kkonsolidat għal dan il-produttur esportatur, dawk l-ispejjeż addizzjonali ġew miżjuda mal-ispejjeż rispettivi tat-tip ta' prodott bl-użu tal-metodu medju ponderat.

    (38)

    Bħal fl-investigazzjoni oriġinali, xi bejgħ tal-prodott simili fis-suq Tajwaniż saru lid-distributuri, li mbagħad ikomplu jesportawh.

    (39)

    Biex tindirizza din il-kwistjoni, il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-bejgħ kollu lill-akbar distributur/ċentru ta' servizz Tajwaniż, li skont ir-rispons mit-teħid tal-kampjuni l-maġġoranza vasta tal-prodotti ġew proċessati ulterjorment. Barra minn hekk, il-Kummissjoni injorat il-bejgħ domestiku li jew ġew imwassla f'maħżen doganali jew port internazzjonali għall-esportazzjoni.

    (40)

    Produttur esportatur wieħed jopera wkoll bħala ċentru ta' servizz għall-prodott ikkonċernat u l-prodott simili mixtri minn produtturi esportaturi oħra. Il-Kummissjoni kkunsidrat biss prodotti internament irrumblati bil-kesħa biex jiġi kkalkulat il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni għal dan il-produttur esportatur.

    3.2.2.   Il-prezz tal-esportazzjoni

    (41)

    Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezz tal-esportazzjoni mill-AIP kif spjegat fil-premessi (22) sa (24) hawn fuq.

    3.2.3.   Paragun

    (42)

    Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi fuq il-bażi tal-prezz mill-fabbrika.

    (43)

    Fejn kien iġġustifikat bil-ħtieġa ta' tqabbil ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezz, b'konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għat-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġjar, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, l-ippakkjar, il-kreditu, it-tariffi tal-bank u l-kummissjonijiet.

    3.2.4.   Marġnijiet tad-dumping

    (44)

    Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat għal kull tip tal-prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, b'konformità mal-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

    (45)

    Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta' dumping medji peżati, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

    Tabella 2

    Marġini tad-dumping, it-Tajwan

    Il-produttur esportatur/grupp

    Marġni tad-dumping fl-AIP

    Jie Jin Material Science

    2,6 %

    Tang Eng Iron Works Co., Ltd. and Yieh United Steel Corporation

    L-ebda dumping

    Yuan Long Stainless Steel

    L-ebda dumping

    4.   KONKLUŻJONI

    (46)

    Il-kalkolu mill-ġdid tal-marġni tad-dumping wera li l-marġni tad-dumping għall-grupp ta' kumpaniji investigati fl-investigazzjoni oriġinali naqas. Iż-żewġ kumpaniji l-oħra li kkooperaw, li ma kkooperawx fl-investigazzjoni oriġinali, il-marġni tad-dumping huwa inqas mir-rata tad-dazju attwalment applikabbli.

    (47)

    Bħala konklużjoni r-rinvestigazzjoni ta' assorbiment għandha tintemm bla ma jiġu emendati l-miżuri fis-seħħ.

    (48)

    Is-sejbiet tar-rinvestigazzjoni ġew divulgati lill-partijiet interessati. Eurofer biss issottomettiet kummenti.

    (49)

    Eurofer fis-sottomissjonijiet tagħha u wara seduta ta' smigħ esprimiet id-diżappunt tagħha b'dawn ir-riżultati tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Eurofer qalet li l-Kummissjoni ma kkunsidratx sew l-allegati distorsjonijiet fis-suq domestiku Tajwaniż.

    (50)

    L-ewwel distorsjoni allegata minn Eurofer kienet tikkonċerna l-esportazzjonijiet min-negozjanti/distributuri Tajwaniżi u l-iskema ta' esportazzjoni-skont. Eurofer provdiet evidenza addizzjonali f'dan ir-rigward.

    (51)

    It-tieni allegata distorsjoni kienet tikkonċerna r-relazzjoni bejn il-fabbriki Tajwaniżi u uħud min-negozjanti/distributuri tagħhom. Eurofer argumentat li l-Kummissjoni għandha tikkonkludi fuq l-eżistenza ta' non-kooperazzjoni u toqgħod fuq il-fatti negattivi disponibbli.

    (52)

    Il-Kummissjoni kellha fehim sod tas-suq Tajwaniż bħala riżultat tal-investigazzjoni oriġinali u fuq il-bażi tad-dejta miġbura u verifikata matul l-investigazzjoni mill-ġdid. Il-Kummissjoni użat l-informazzjoni kollha disponibbli biex tiddetermina b'mod preċiż il-valur normali kif deskritt fil-premessi (39) u (40) hawn fuq.

    (53)

    Il-Kummissjoni applikat il-metodoloġija provduta fir-Regolament bażiku, konsistentement mal-investigazzjoni oriġinali u ħadet kont dovut tal-ispeċifitajiet tas-suq domestiku Tajwaniż. B'mod partikolari kkonkludiet li l-esklużjoni ta' numru ta' bejgħ lil ċerti entitajiet mill-kalkolu tal-valur, kif deskritt fil-premessi (39) u (40), huwa aktar oġġettiv mill-applikazzjoni tal-fatti negattivi disponibbli fil-każ preżenti. Peress li l-istqarrija ta' Eurofer ma ġabet ebda informazzjoni fundamentali ġdida biex tinbidel il-metodoloġija użata, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni stabbilita fil-premessa (47) hawn fuq.

    (54)

    Dan ir-Regolament huwa konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-rinvestigazzjoni ta' assorbiment li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mit-Tajwan skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2016/1036 huwa b'dan terminata mingħajr ma jiġu emendati l-miżuri fis-seħħ.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta' April 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  ĠU L 224, 27.8.2015, p. 10.

    (3)  ĠU C 291, 11.8.2016, p. 7.


    Top