EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0938

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 938/2012 tat- 12 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi r-rati tal-imgħax li għandhom jintużaw sabiex jiġu kkalkulati l-ispejjeż għall-finanzjament tal-miżuri ta’ intervent, li jikkonsistu fix-xiri, il-ħżin u r-rimi tal-ħażniet għas-sena ta’ kontabbiltà tal-2013 tal-FAEG

ĠU L 280, 13.10.2012, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/938/oj

13.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 280/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 938/2012

tat-12 ta’ Ottubru 2012

li jistabbilixxi r-rati tal-imgħax li għandhom jintużaw sabiex jiġu kkalkulati l-ispejjeż għall-finanzjament tal-miżuri ta’ intervent, li jikkonsistu fix-xiri, il-ħżin u r-rimi tal-ħażniet għas-sena ta’ kontabbiltà tal-2013 tal-FAEG

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 884/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 rigward il-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) tal-miżuri ta’ intervent taħt forma ta’ operazzjonijiet ta’ ħżin pubbliku u l-kontabbiltà tal-operazzjonijiet ta’ ħżin pubbliku mill-aġenziji tal-ħlas tal-Istati Membri (2), jistipula li l-infiq marbut mal-ispejjeż ta’ finanzjament li jġarrbu l-Istati Membri biex jimmobilizzaw il-fondi għax-xiri tal-prodotti għandu jiġi determinat skont il-metodi stabbiliti fl-Anness IV ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Skont l-ewwel paragrafu tal-punt I.1 tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 884/2006 il-kalkolu tal-ispejjeż ta’ finanzjament konċernati jsir abbażi ta’ rata tal-imgħax uniformi għall-Unjoni stabbilita mill-Kummissjoni fil-bidu ta’ kull sena ta’ kontabbiltà. Din ir-rata tal-imgħax tikkorrispondi għall-medja tar-rati bil-quddiem tal-Euribor għal terminu ta’ tliet xhur u ta’ tnax-il xahar, reġistrati matul is-sitt xhur ta’ qabel in-notifika mill-Istati Membri stipulata fl-ewwel paragrafu tal-punt I.2 tal-Anness IV imsemmi qabel, u b’ponderazzjoni (b’valur) ta’ terz u żewġ terzi rispettivament. Din ir-rata trid tiġi stabbilita fil-bidu ta’ kull sena ta’ kontabbiltà tal-FAEG.

(3)

Madankollu, jekk ir-rata tal-imgħax innotifikata minn Stat Membru tkun inqas mir-rata tal-imgħax uniformi stabbilita għall-Unjoni, f’konformità mat-tieni paragrafu tal-punt I.2 tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 884/2006, ir-rata tal-imgħax għandha tiġi stabbilita fil-livell tar-rata nnotifikata.

(4)

Barra minn hekk, f’konformità mat-tielet paragrafu tal-punt I.2 tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 884/2006, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe notifika minn Stat Membru, fl-għamla u sal-iskadenza msemmija fl-ewwel paragrafu tal-punt I.2 tal-Anness IV imsemmi, ir-rata tal-imgħax imġarrba minn dak l-Istat Membru għandha titqies li hija ta’ 0 %. Jekk Stat Membru jiddikjara li ma ġarrab l-ebda spejjeż tal-imgħax għaliex ma kellux prodotti agrikoli mqegħda fil-ħżin pubbliku matul il-perjodu ta’ referenza, ir-rata tal-imgħax uniformi stabbilita mill-Kummissjoni għandha tapplika għal dak l-Istat Membru. L-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja, il-Portugal, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja ddikjaraw li ma ġarrbu l-ebda spejjeż tal-imgħax billi ma kellhomx prodotti agrikoli fil-ħżin pubbliku matul il-perjodu ta’ referenza.

(5)

Fid-dawl tan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni, ir-rati tal-imgħax applikabbli għas-sena ta’ kontabbiltà tal-2013 tal-FAEG għandhom jiġu stabbiliti billi jitqiesu dawn id-diversi fatturi.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan-nefqa marbuta mal-ispejjeż ta’ finanzjament imġarrba mill-Istati Membri fil-mobilizzazzjoni tal-fondi għax-xiri ta’ prodotti li għandhom jitħallsu mis-sena ta’ kontabbiltà 2013 tal-Fondi Agrikoli Ewropej ta’ Garanzija (FAEG), ir-rati tal-imgħax previsti fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 884/2006 skont l-Artikolu 4(1)(a) tal-istess Regolament għandhom ikunu ta’:

(a)

0,2 % fil-każ tar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fil-Finlandja

(b)

0,3 % fil-każ tar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fil-Ġermanja

(c)

0,5 % fil-każ tar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fir-Renju Unit u fl-Irlanda

(d)

0,9 % fil-każ tar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fil-Belġju

(e)

1,0 % fil-każ tar-rata tal-imgħax uniformi għall-Unjoni applikabbli fl-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Ottubru 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(2)  ĠU L 171, 23.6.2006, p. 35.


Top