EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0712

Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/712/PESK tad- 19 ta’ Novembru 2012 dwar il-Konferenza ta’ Reviżjoni 2013 tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħżin u l-Użu ta’ Armi Kimiċi u dwar il-Qerda Tagħhom (CWC)

ĠU L 321, 20.11.2012, p. 68–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/712/oj

20.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/68


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/712/PESK

tad-19 ta’ Novembru 2012

dwar il-Konferenza ta’ Reviżjoni 2013 tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħżin u l-Użu ta’ Armi Kimiċi u dwar il-Qerda Tagħhom (CWC)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikoli 29 u 31(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ April 1997, daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħżin u l-Użu ta’ Armi Kimiċi u dwar il-Qerda Tagħhom (CWC). Il-CWC timmira li telimina kategorija sħiħa ta’ armi ta’ qerda massiva billi tipprojbixxi l-iżvilupp, il-produzzjoni, l-akkwist, il-ħażna, iż-żamma, it-trasferiment jew l-użu ta’ armi kimiċi.

(2)

L-Unjoni Ewropea tikkunsidra l-CWC bħala komponent prinċipali tal-qafas ta’ non-proliferazzjoni u diżarm u strument uniku ta’ diżarm u non-proliferazzjoni li l-integrità u l-applikazzjoni stretta tiegħu għandhom jiġu ggarantiti bis-sħiħ. L-Istati Membri kollha huma Stati Partijiet għall-CWC.

(3)

Barra min hekk, l-Unjoni, tikkunsidra li l-CWC uriet li hija strument validu ħafna meta wieħed iqis li kważi ntlaħqet l-adeżjoni universali u l-istati possessuri diġà qerdu parti kbira tal-istokkijiet tal-armi kimiċi tagħhom. Fl-istess ħin, u filwaqt li l-qerda tibqa’ prijorità għall-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi (OPCW) stabbilita skont il-CWC, jirriżultaw sfidi ġodda u theddidiet li għalihom l-OPCW trid tadatta ruħha sabiex tippreserva u tipproteġi l-integrità tal-CWC.

(4)

L-Unjoni temmen ukoll li l-impenn fuq bażi regolari tal-OPCW viċin is-soċjetà ċivili, inkluż fil-perijodu ta’ qabel u matul il-Konferenza ta’ Reviżjoni, ikun ta’ benefiċċju għall-ħidma tal-OPCW.

(5)

Fis-17 ta’ Novembru 2003, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/805/PESK dwar l-universalizzazzjoni u r-rinfurzar ta’ ftehim multilaterali fil-qasam tan-non-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda tal-massa u l-mezzi ta’ kunsinna (1). Taħt dik il-Pożizzjoni Komuni l-CWC hija inkluża bħala wieħed minn dawk il-ftehimiet multilaterali.

(6)

Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Distruzzjoni tal-Massa, li tirriafferma l-impenn tal-Unjoni għas-sistema ta’ trattat multilaterali, u tissottolinja, inter alia, ir-rwol kruċjali tas-CWC u l-OPCW fil-ħolqien ta’ dinja ħielsa mill-armi kimiċi.

(7)

Fit-28 ta’ April 2004, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta b’mod unanimu r-Riżoluzzjoni 1540 (2004) li tafferma mill-ġdid il-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ forniment tagħhom bħala theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Sussegwentement, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjonijiet 1673 (2006), 1810 (2008) u 1977 (2011) li tennew l-objettivi tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) u urew l-interess tal-Kunsill tas-Sigurtà li jintensifika l-isforzi tiegħu sabiex jippromwovi l-implimentazzjoni sħiħa ta’ dik ir-Riżoluzzjoni. L-implimentazzjoni tal-CWC u l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) u r-Riżoluzzjonijiet relatati sussegwenti jirrinfurzaw lil xulxin.

(8)

Fit-22 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-ewwel Azzjoni Konġunta 2004/797/PESK dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (2). Dik l-Azzjoni Konġunta kienet segwita minn Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/913/PESK (3), adottata fit-12 ta’ Diċembru 2005, Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/185/PESK (4), adottata fid-19 ta’ Marzu 2007, Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/569/PESK (5), adottata fis-27 ta’ Lulju 2009 u Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/166/PESK (6), adottata fit-23 ta’ Marzu 2012.

(9)

Fit-8 ta’ Settembru 2006, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat l-Istrateġija Globali Kontra t-Terroriżmu fejn l-Istati Membri tan-NU ddeċidew, inter alia, li jimplimentaw ir-riżoluzzjonijiet kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU relatati mat-terroriżmu internazzjonali u li jikkooperaw bis-sħiħ mal-korpi sussidjarji kontra t-terroriżmu tal-Kunsill tas-Sigurtà fit-twettiq tal-kompiti tagħhom. L-Istrateġija inkoraġġiet ukoll lill-OPCW sabiex ikompli bl-isforzi tiegħu, skont il-mandat tiegħu, bl-għajnuna tiegħu lill-Istati sabiex jibnu kapaċità li tipprevjeni t-terroristi milli jaċċedu għal materjali kimiċi, sabiex jiżguraw sigurtà fil-faċilitajiet relatati, u sabiex jirrispondu b’mod effettiv f’każ ta’ attakk bl-użu ta’ materjali bħal dawn.

(10)

Fit-2 ta’ Diċembru 2011, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat, b’konsensus, riżoluzzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-CWC.

(11)

Bil-ħsieb tat-Tielet Konferenza ta’ Reviżjoni li ġejja tas-CWC matul l-2013 ("it-Tielet Konferenza ta’ Reviżjoni"), huwa xieraq li jiġi definit l-approċċ tal-Unjoni li ser jiggwida lill-Istati Membri tagħha f’dik il-konferenza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-objettiv tal-Unjoni Ewropea għandu jkun li ssaħħaħ il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna u l-Użu ta’ Armi Kimiċi u dwar il-Qerda Tagħhom (CWC) billi tibni fuq il-progress miksub s’issa fir-rigward tal-qerda tal-ħażniet iddikjarati tal-armi kimiċi u l-prevenzjoni tal-feġġ mill-ġdid tagħhom, inter alia, permezz tat-tisħiħ tar-reġim ta’ verifika tal-CWC, it-titjib tal-implimentazzjoni nazzjonali kif ukoll l-isforzi lejn il-kisba tal-universalità.

2.   L-Unjoni għandha wkoll timmira li ssaħħaħ il-CWC billi tadatta l-implimentazzjoni tal-CWC fid-dawl tal-ambjent tas-sigurtà u l-iżviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija dejjem jinbidlu kif ukoll billi tenfasizza li t-Tielet Konferenza ta’ Reviżjoni tipprovdi appoġġ politiku u gwida wiesgħa għall-ħidma li għandha ssir fil-perijodu intersessjonali dwar il-prijoritajiet futuri tal-OPCW.

3.   Sabiex tilħaq l-objettiv stabbilit f’dan l-Artikolu, l-Unjoni għandha tressaq proposti konkreti lit-Tielet Konferenza ta’ Reviżjoni.

Artikolu 2

Għall-finijiet tal-objettiv stabbilit fl-Artikolu 1, l-Unjoni għandha:

(a)

tikkontribwixxi għal reviżjoni sħiħa tal-operat tas-CWC fit-Tielet Konferenza ta’ Reviżjoni, b’kont meħud partikolari tal-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi, kif ukoll għall-bini ta’ pedamenti sodi sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li ser tiffaċċja l-CWC fil-futur;

(b)

tgħin tibni kunsens għal eżitu ta’ suċċess tat-Tielet Konferenza ta’ Reviżjoni u tippromwovi, inter alia, il-kwistjonijiet essenzjali li ġejjin:

(i)

riaffermazzjoni tan-natura komprensiva tal-projbizzjoni tal-armi kimiċi kif stabbilit fil-Kriterju ta’ Fini Ġenerali, billi:

tirrikonferma li l-projbizzjonijiet tal-CWC japplikaw għal kwalunkwe kimika tossika, ħlief fejn tali kimika hija maħsuba għal kwalunkwe fini mhux projbita mill-paragrafu 9 tal-Artikolu II u dment li t-tipi u l-kwantitajiet huma konsistenti ma’ tali finijiet, u għalhekk jieħdu kont ta’ l-iżviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija mit-Tieni Konferenza ta’ Reviżjoni fl-2008;

tissottolinja l-obbligu tal-Istati Partijiet li jirriflettu l-Kriterju ta’ Fini Ġenerali fil-leġislazzjoni ta’ implimentazzjoni nazzjonali tagħhom u fil-prattika ta’ infurzar amministrattiv;

(ii)

tenfasizza l-implimentazzjoni sħiħa u fil-ħin mill-Istati Partijiet għall-obbligi ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikolu III tal-Konvenzjoni, speċjalment dawk relatati mal-armi kimiċi, u inklużi dawk ukoll relatati mal-aġenti għall-kontroll tal-irvellijiet;

(iii)

jiġu żviluppati u implimentati mis-Segretarjat Tekniku tal-CWC ("is-Segretarjat Tekniku") approċċi mmirati, mfassla apposta rigward il-kisba tal-universalità tal-CWC, f’koordinazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Partijiet, bil-ħsieb ukoll tal-fatt li tal-anqas Stat wieħed mhux Partijiet għall-CWC, is-Sirja, ammettiet, f’Lulju 2012 li kienet fil-pussess ta’ armi kimiċi;

(iv)

tirriafferma l-obbligu ta’ stati li jippossjedu armi kimiċi sabiex jeqirdu l-armi kimiċi tagħhom u r-rikonoxximent tal-kisbiet s’issa fl-eliminazzjoni tal-armi kimiċi permezz billi:

tilqa’ l-isforzi u l-progress li saru mill-istati possessuri li jeqirdu l-istokkijiet dikjarati u tenfasizza l-fatt li ninsabu sew fit-triq lejn dinja ħielsa mill-armi kimiċi;

tirrikonoxxi l-indirizzar b’suċċess tal-kwistjoni tal-iskadenzi finali estiżi għall-qerda tal-armi kimiċi mill-istati possessuri;

tappella lill-istati li jippossjedu armi kimiċi sabiex jeqirdu għal kollox l-istokkijiet tal-armi kimiċi tagħhom fl-iqsar żmien possibbli f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-CWC u l-Anness ta’ Verifika tagħha kif ukoll id-deċiżjoni tas-Sittax-il Sessjoni tal-Konferenza tal-Istati Partijiet dwar il-kwistjoni tal-iskadenzi finali estiżi għall-qerda tal-istokkijiet li fadal;

tisħaq dwar l-importanza tal-verifika sistematika tal-qerda mis-Segretarjat Tekniku kif preskritt mill-CWC u l-Anness ta’ Verifika tagħha;

tenfasizza li filwaqt li għandhom jinżammu l-għarfien espert u l-kapaċità li tittratta l-armi kimiċi kif ukoll l-armi kimiċi qodma u l-armi kimiċi abbandunati, l-OPCW trid tkompli wkoll l-adattament tagħha għall-ambjent ta’ sigurtà ġdid;

(v)

tisħiħ tar-reġim ta’ verifika fir-rigward tal-attivitajiet mhux projbiti taħt il-CWC, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-prevenzjoni tal-feġġ mill-ġdid tal-armi kimiċi billi:

jiġi enfasizzat l-obbligu tal-Istati Partijiet kollha li jippreżentaw dikjarazzjonijiet adegwati u fil-ħin skont l-Artikolu VI;

jitwettaq għadd suffiċjenti ta’ spezzjonijiet skont l-Artikolu VI b’kopertura ġeografika u frekwenza adatta, f’konformità mal-linji gwida maqbula;

tiżdied ir-rilevanza tal-ispezzjoniiet skont l-Artikolu VI fir-rigward tal-forma u l-fini tal- CWC u bl-iżgurar tal-għażla effettiva tas-siti, inkluż permezz tal-evalwazzjoni tar-riżultati mill-Faċilitajiet Oħrajn ta’ Produzzjoni Kimika interim fir-rigward tal-metodoloġija għall-għażla tas-siti;

titjieb il-bażi ta’ informazzjoni għall-verifika industrijali billi, inter alia, is-Segretarjat Tekniku jiġi inkoraġġit juża informazzjoni diġà disponibbli, inkluża informazzjoni ppreżentata b’mod volontarju mill-Istati Partijiet u informazzjoni minn rapporti ta’ spezzjonijiet preċedenti kif ukoll informazzjoni adatta disponibbli pubblikament;

jiġi enfasizzat li l-Iskedi tas-Sustanzi Kimiċi ("l-Iskedi") tal-CWC tfasslu primarjament għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ verifika differenti;

ħidma dwar iż-żamma tar-rilevanza tal-Iskedi fid-dawl tal-iżviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija billi, inter alia, jiġu eżaminati l-merti tar-reviżjoni tal-Iskedi f’intervalli regolari bejn il-Konferenzi ta’ Reviżjoni;

jkun hemm promozzjoni akbar ta’ impenn u interazzjoni mal-industrija tal-kimika u l-appoġġ tal-isforzi tas-Segretarjat Tekniku f’dik id-direzzjoni;

jkun hemm kunsiderazzjoni ta’ miżuri addizzjonali ta’ kwalità u effiċjenza għall-proċess ta’ spezzjoni bħal żidiet adatti fil-flessibbiltà u s-simplifikazzjoni tat-twettiq tal-ispezzjonijiet;

jkun hemm l-iżgurar tal-kapaċità tas-Segretarjat Tekniku fir-rigward tat-teħid u l-analiżi effettiva ta’ kampjuni matul l-ispezzjonijiet tal-industrija;

(vi)

titjib kontinwu ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali u tfakkir li l-konformità sħiħa ma’ l-Artikolu VII hija fattur vitali għall-effiċjenza attwali u futura tar-reġim tas-CWC, inkluż permezz ta’:

l-adottar ta’ approċċ immirat u mfassal apposta fir-rigward tal-inkoraġġiment u l-assistenza ta’ Stati Partijiet li għad iridu jimplimentaw adegwatament is-CWC;

l-għoti ta’ assistenza lil Stati Partijiet li jkollhom bżonn, kif muri mill-Azzjonijiet Konġunti u d-Deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-attivitajiet tal-OPCW;

it-tisħiħ tal-kontrolli nazzjonali tal-esportazzjoni u l-importazzjoni li huma meħtieġa sabiex jipprevjenu l-akkwist ta’ armi kimiċi u t-titjib tal-kapaċità tal-OPCW li tassisti fl-istabbiliment ta’ mekkaniżmi nazzjonali għall-kontroll ta’ trasferimenti internazzjonali;

l-implimentazzjoni ta’ miżuri adatti biex itejbu s-sikurezza u s-sigurtà tal-kimika;

l-esplorar ta’ sinerġiji potenzjali bejn l-OPCW u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-appoġġ u l-bini tal-kapaċitàjiet;

(vii)

l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-CWC dwar konsultazzjonijiet, il-kooperazzjoni u s-sejbien ta’ fatti, partikolarment il-mekkaniżmu ta’ spezzjoni-sfida li jibqa’ għodda vijabbli u utilizzabbli tar-reġim ta’ verifika tal-OPCW, li jenfasizza d-dritt legali tal-Istati Partijiet li jitolbu spezzjoni-sfida mingħajr konsultazzjoni minn qabel u l-inkoraġġiment tal-użu tal-mekkaniżmu kif mitlub għall-ikkjarifikar u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe mistoqsija rigward in-nuqqas ta’ konformità possibbli mal-CWC; f’dan ir-rigward, tiġi sottlinjata l-importanza li s-Segretarjat Tekniku iżomm u jiżviluppa aktar il-kapaċitajiet tekniċi, l-għarfien espert u t-tħejjija meħtieġa sabiex jitwettqu spezzjonijiet-sfida kif ukoll l-obbligu tal-Istati Partijiet li jkunu dejjem lesti u f’pożizzjoni li jirċievu spezzjonijiet-sfida;

(viii)

appoġġ kontinwu b’saħħtu tal-attivitajiet tal-OPCW relatati mal-assistenza u l-protezzjoni, partikolarment iż-żamma tal-kapaċitajiet u l-għarfien espert tal-OPCW u t-tisħiħ tal-kapaċità tas-Segretarjat Tekniku u l-Istati Partijiet li jipprevjenu, jirrispondu għal u jtaffu l-użu ħażin jew l-attakki bl-involviment ta’ sustanzi kimiċi tossiċi, partikolarment billi:

jinkoraġġixxu lill-Istati Partijiet kollha sabiex jippreżentaw dikjarazzjonijiet skont l-Artikolu X b’mod adegwat u fil-ħin kif mitlub mill-CWC u jinkoraġġixxu tal-Istati Partijiet sabiex iżidu l-offerti ta’ assistenza;

jenfasizzaw l-importanza li s-Segretarjat Tekniku iżomm il-kapaċitajiet u l-għarfien espert kif ukoll iż-żamma u l-iżvilupp ulterjuri tat-tħejjija meħtieġa sabiex jitwettqu investigazzjonijiet tal-użu allegat;

l-jissottolinjaw l-importanza tal-appoġġ kontinwu tal-OPCW għall-programmi nazzjonali għal finijiet protettivi u t-tisħiħ tal-abbiltà tal-OPCW li toffri medjazzjoni ta’ għarfien espert u assistenza;

jinkoraġġixxu l-OPCW sabiex tassisti l-Istati fil-bini ta’ kapaċità għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni ta’ attakki terroristiċi bl-użu ta’ armi kimiċi, inter alia, permezz ta’ pariri dwar it-tisħiħ tas-sikurezza u s-sigurtà kimika;

jenfasizzaw l-importanza ta’ aktar kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali, inkluż bil-parteċipazzjoni fi sforzi internazzjonali dwar l-istabbiliment ta’ ċentri ta’ eċċellenza reġjonali għall-assistenza u l-protezzjoni, u l-konsiderazzjoni li dan jiġi kkombinat mal-isforzi taħt Artikoli VII u XI, f’konformità mad-deċiżjoni dwar l-Artikolu XI meħuda waqt is-Sittax-il Sessjoni tal-Konferenza tal-Istati Partijiet;

jikkunsidraw modi sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-OPCW li tittratta sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u ta’ wara l-kunflitt bl-involviment ta’ armi kimiċi;

is-Segretarjat Tekniku jintalab isaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra fir-rigward ta’ rispons f’każ ta’ emerġenza għall-użu jew it-theddida ta’ użu ta’ armi kimiċi, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt jew ta’ wara l-kunflitt, speċjalment dwar kooperazzjoni man-NU fir-rigward tal-investigazzjoni ta’ użu possibbli ta’ armi kimiċi;

(ix)

it-trawwim ta’ kooperazzjoni internazzjonali f’konformità mal-Konvenzjoni billi:

jintlaqgħu proposti konkreti u prattiċi li jieħdu kont ta’ inizjattivi attwali, kif muri mill-Azzjonijiet Konġunti u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, partikolarment proposti li jirrigwardaw kwistjonijiet bħas-sikurezza u s-sigurtà kimika u l-ġestjoni ta’ sustanzi kimiċi, f’konformità mad-deċiżjoni dwr l-Artikolu XI meħuda waqt is-Sittax-il Sessjoni tal-Konferenza tal-Istati Partijiet;

is-Segretarjat Tekniku jiġi inkoraġġit jassisti lill-Istati Partijiet fl-implimentazzjoni tal-obbligi nazzjonali permezz ta’ assistenza teknika mfassla apposta u sostenibbli, sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni internazzjonali msaħħa fil-qasam tal-kimika;

is-Segretarjat Tekniku jiġi inkoraġġit jaħdem f’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħra u jevalwa l-programmi tiegħu sabiex jiżgura li għandhom l-impatt mixtieq u sabiex jiġu massimizzati r-riżorsi;

(x)

it-tisħiħ tal-kontribut tal-OPCW għall-isforzi globali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu billi:

titkompla u tiġi intensifikata l-ħidma fil-Grupp ta’ Ħidma Miftuħ OPCW dwar it-Terroriżmu;

tiġi enfasizzata l-konformità mal-obbligi taħt ir-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kif ukoll Riżoluzzjonijiet rilevanti oħra tan-NU, b’mod partikolari li tappella għal kooperazzjoni prattika bejn l-OPCW u l-organizzazzjonijiet rilevanti bil-għan li jiġi eliminat ir-riskju li jinkisbu armi kimiċi jew li jintużaw għal finijiet terroristiċi, inkluż l-aċċess possibbli tat-terroristi għal materjal, tagħmir, u għarfien li jkunu jistgħu jintużaw fl-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ armi kimiċi;

tiġi sottolinjata l-ħtieġa ta’ ħidma lejn it-tisħiħ tas-sikurezza u s-sigurtà globali tal-kimika u l-kontroll nazzjonali tat-trasferimenti internazzjonali, inkluża l-assistenza lill-Istati Partijiet fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ miżuri prattiċi u mmirati li fl-istess ħin jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fir-rigward tal-użu paċifiku tal-kimika, l-assistenza u l-protezzjoni.

Artikolu 3

Azzjoni meħuda mill-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 2 għandhom jinkludu:

(a)

fejn adatt, proċeduri:

(i)

bil-ħsieb li tiġi promossa adeżjoni universali mas-CWC;

(ii)

għall-promozzjoni tal-implementazzjoni nazzjonali effettiva tas-CWC mill-Istati Partijiet;

(iii)

biex tħeġġeġ lill-Istati Partijiet sabiex jappoġġaw u jieħdu sehem f’reviżjoni effettiva u sħiħa tas-CWC u b’hekk itennu l-impenn tagħhom għal din in-norma internazzjonali fundamentali kontra l-armi kimiċi;

(iv)

biex jippromwovu l-proposti fl-Artikolu 2 li huma mmirati biex isaħħu aktar is-CWC;

(b)

dikjarazzjonijiet u dokumenti ta’ ħidma qabel, u matul, it-Tielet Konferenza ta’ Reviżjoni għall-konsiderazzjoni tal-Istati Partijiet.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 302, 20.11.2003, p. 34.

(2)  ĠU L 349, 25.11.2004, p. 63.

(3)  ĠU L 331, 17.12.2005, p. 34.

(4)  ĠU L 85, 27.3.2007, p. 10.

(5)  ĠU L 197, 29.7.2009, p. 96.

(6)  ĠU L 87, 24.3.2012, p. 49.


Top