EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0230

2012/230/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 18 ta’ April 2012 li testendi l-perjodu msemmi fl-Artikolu 114(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mal-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, notifikat mir-Renju tal-Isvezja skont l-Artikolu 114(5) tat-TFUE (notifikata bid-dokument numru C(2012) 2461) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 116, 28.4.2012, p. 29–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/230(1)/oj

28.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 116/29


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta’ April 2012

li testendi l-perjodu msemmi fl-Artikolu 114(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mal-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, notifikat mir-Renju tal-Isvezja skont l-Artikolu 114(5) tat-TFUE

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 2461)

(It-test bl-Isvediż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/230/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114(6) tiegħu,

Billi:

I.   FATTI

(1)

Fis-17 ta’ Ottubru 2011, ir-Renju tal-Isvezja nnotifika lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 114(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), bl-intenzjoni tiegħu li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali biex jitnaqqas l-kontenut tal-kadmju permissibbli fil-fertilizzanti bil-fosfru għal-livell massimu ta' 46 gramma ta' kadmju għal kull tunnellata ta' fosfru (ekwivalenti għal 20 mg Cd/kg P2O5). Dawk il-miżuri jidderogaw mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 dwar il-fertilizzanti (1) u se jbaxxu l-livell massimu ta’ 100 gramma ta’ kadmju għal kull tunnellata ta’ fosfru (ekwivalenti għal 44 mg Cd/kg P2O5) li għalih diġà saret deroga għar-Renju tal-Isvezja.

1.   L-Artikolu 114(5) u (6) tat-TFUE

(2)

L-Artikolu 114, paragrafi (5) u (6) tat-TFUE jistipula:

“5.   Jekk, wara l-adozzjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq prova xjentifika ġdida li għandha x’taqsam mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta' xi problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina mill-adozzjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet li jkollu l-ħsieb jintroduċi kif ukoll bil-bażi għall-introduzzjoni tagħhom.

6.   Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur min-notifika, tapprova jew tirrifjuta d-dispożizzjonijiet nazzjonali involuti, wara li tkun ivverifikat jekk humiex, jew le mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew ta' restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u jekk joħolqux, jew le ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern.

Fin-nuqqas ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni f'dan it-terminu ta' żmien, id-dispożizzjonijiet nazzjonali previsti fil-paragrafi (…) 5 għandhom jitqiesu li ġew approvati.

Meta tkun iġġustifikata mill-komplessità tal-materja u meta m'hemmx periklu għas-saħħa umana, il-Kummissjoni tista’ tgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat li l-perjodu msemmi f’dan il-paragrafu jista’ jittawwal b’perjodu ieħor sa sitt xhur.”

2.   Il-Leġiżlazzjoni tal-UE

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 76/116/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma' fertilizzanti (2), stipulat ir-rekwiżiti li l-fertilizzanti għandhom jilħqu sabiex jitqiegħdu fis-suq bid-deżinjazzjoni “fertilizzant KE”.

(4)

L-Anness I tad-Direttiva 76/116/KEE stipula d-deżinjazzjoni tat-tip u r-rekwiżiti korrispondenti, pereżempju fir-rigward tal-kompożizzjoni tagħhom, li kull fertilizzant kellu jilħaq sabiex ikun eleġibbli biex jingħata d-deżinjazzjoni “fertilizzant KE”. Id-deżinjazzjonijiet tat-tip f’din il-lista huma mqassmin f’kategoriji, skont il-kontenut tan-nutrijenti primarji, jiġifieri l-elementi nitroġenu, fosfru u potassju.

(5)

Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 76/116/KEE (3) l-Istati Membri ma ngħatawx permess, għal raġunijiet ta’ kompożizzjoni, identifikazzjoni, tikkettjar u ppakkjar, li jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu l-kummerċjalizzazzjoni tal-fertilizzanti li huma mmarkati “fertilizzant KE” li huma f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/399/KE tal-24 ta’ Mejju 2002 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mir-Renju tal-Isvezja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat KE rigward il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti (4), tat deroga mid-Direttiva 76/116/KEE, bl-approvazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Isvezja li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ fertilizzanti li jkollhom iktar minn 100 gramma kadmju għal kull tunnellata fosfru. Din id-deroga kienet valida sal-31 ta’ Diċembru 2005.

(7)

Id-Direttiva 76/116/KEE ġiet sostitwita mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 dwar il-fertilizzanti.

(8)

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 jistipula li d-derogi mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 76/116/KEE li ngħataw mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 95(6) tat-Trattat KE, għandhom jitqiesu bħala derogi mill-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament u għandhom ikomplu jipproduċu l-effetti tagħhom minkejja d-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

(9)

Il-premessa 15 tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tħabbar li l-Kummissjon beħsiebha tittratta l-kwistjoni dwar il-kontenut ta’ kadmju mhux intenzjonat f’fertilizzanti minerali u, fejn huwa xieraq, se tħejji proposta għal Regolament u tressaqha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni wettqet xogħol preparatorju estensiv iżda minħabba l-kumplessità tad-diversi fatturi li għandhom jitqiesu għadha ma adottatx proposta.

(10)

Minħabba li d-deroga tal-Isvezja ngħatat biss sal-31 ta’ Diċembru 2005, f'Ġunju 2005 l-Isvezja talbet għal estensjoni tad-deroga eżistenti. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/347/KE tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mir-Renju tal-Isvezja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat KE rigward il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti (5) tippermetti li l-awtoritajiet Svediżi jżommu l-miżuri nazzjonali sakemm jiġu applikati miżuri armonizzati dwar il-kadmju fil-fertilizzanti fil-livell tal-UE.

3.   Dispożizzjonijiet nazzjonali

(11)

“L-Ordinanza tal-Prodotti Kimiċi (Il-Projbizzjonijiet tal-Ġarr, l-Importazzjoni u l-Esportazzjoni)” (1998:944) (6) fiha dispożizzjonijiet li jikkonċernaw, inter alia, il-kontenut massimu permissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, inklużi l-fertilizzanti li jingħataw id-deżinjazzjoni KE. Il-paragrafu 1 tat-Taqsima 3, jistipula li l-fertilizzanti li huma koperti bin-numri tat-tariffi tad-dwana 25.10, 28.09, 28.35, 31.03 u 31.05 li fihom aktar minn 100 gramma kadmju għal kull tunnellata fosfru, ma jistgħux jiġu offruti għall-bejgħ jew trasferiti.

(12)

Il-miżura nazzjonali prevista nnotifikata skont l-Artikolu 114(5) TFUE tbaxxi l-kontenut ta’ kadmju permissibbli fil-fertilizzanti bil-fosfru, mil-livell massimu attwali ta’ 100 gramma kadmju għal kull tunnellata fosfru għal 46 gramma kadmju għal kull tunnellata fosfru (46 mg Cd/kg P, ekwivalenti għal 20 mg Cd/kg P2O5).

II.   IL-PROĊEDURA

(13)

Fl-ittra tas-17 ta’ Mejju 2011, ir-Renju tal-Isvezja nnotifika lill-Kummissjoni li, skont l-Artikolu 114(5) TFUE, kien qed jitlob approvazzjoni għall-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali biex jitnaqqas il-kontenut ta’ kadmju permissibbli fil-fertilizzanti bil-fosfru għal konċentrazzjoni massima ta' 46 gramma għal kull tunnellata fosfru. L-awtoritajiet Svediżi għalhekk jitolbu li jitnaqqas il-kontenut tal-kadmju permissibbli bid-deroga prevista mid-Deċiżjoni 2006/347/KE.

(14)

Fl-ittra tas-17 ta’ Ottubru 2011, l-awtoritajiet Svediżi bagħtu informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni biex jipprovdu t-test tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ li jirrifletti l-emendi introdotti mill-Ordinanzi 2008:255 u 2009:654 (7).

(15)

Fl-ittra tal-14 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Svediżi li l-perjodu ta’ sitt xhur biex tiġi eżaminata t-talba skont l-Artikolu 114(6) beda fit-18 ta’ Ottubru 2011.

(16)

Fl-ittra tas-17 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn dwar it-talba li rċeviet mill-Isvezja. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll avviż dwar it-talba f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (8) biex tgħarraf lil partijiet interessati oħra dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-Isvezja beħsiebha tintroduċi, kif ukoll dwar ir-raġunijiet li hemm għal dan. B’reazzjoni għal dan, il-Latvja appoġġjat it-talba tal-Isvezja. Il-Kummissjoni ma rċevietx kummenti oħra.

III.   VALUTAZZJONI

1.   Kunsiderazzjoni tal-ammissibbiltà

(17)

L-Artikolu 114(5) TFUE jikkonċerna każijiet fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jiġu nnotifikati fir-rigward ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni tal-UE, fejn il-miżuri nazzjonali għandhom jiġu introdotti wara li tkun ġie adottata u infurzata l-miżura ta’ armonizzazzjoni u fejn il-miżura nazzjonali l-ġdida tkun inkompatibbli mal-miżura ta' armonizzazzjoni tal-UE. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali ġew innotifikati fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003, li ġie adottat abbażi tal-eks Artikolu 95 tat-Trattat KE, u li jistabbilixxi regoli armonizzati rigward il-kompożizzjoni, l-identifikazzjoni, it-tikkettar u l-ippakkjar tal-fertilizzanti KE. Skont l-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri ma jistgħux jintroduċu ostakoli għall-moviment ħieles tal-fertilizzanti abbażi ta' kwalunkwe waħda minn dawn ir-raġunijiet.

(18)

Barra minn hekk, l-Artikolu 114(5) TFUE jirrikjedi li n-notifika tal-miżuri nazzjonali previsti tkun ibbażata fuq evidenza xjentifika ġdida marbuta mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol abbażi ta’ problema speċifika għall-Istat Membru notifikanti, li tinħoloq wara l-adozzjoni tal-miżura armonizzata u din għandha tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni tar-raġunijiet għall-introduzzjoni tal-miżuri nazzjonali previsti.

(19)

Bħala sfond għat-talba tagħhom għal limitu aktar baxx għall-kadmju fil-fertilizzanti bil-fosfat, l-awtoritajiet Svediżi ressqu valutazzjoni nazzjonali tar-riskju u għadd ta' studji. Din il-valutazzjoni tqis il-valutazzjoni ġenerali tar-riskju tal-UE tal-kadmju u tal-ossidu tal-kadmju, magħmula fl-2007 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 (9), opinjoni xjentifika min-naħa tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel dwar il-kadmju fl-ikel (10), kif ukoll dejta qadima u ġdida marbuta mal-valutazzjoni tar-riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent mill-kadmju fil-fertilizzanti fl-Isvezja. Il-valutazzjoni tar-riskju tal-Isvezja hija ppublikata fuq l-Internet (11).

(20)

Skont l-awtoritajiet Svediżi, il-valutazzjoni tar-riskju l-ġdida turi l-ħtieġa li jitnaqqas l-esponiment għall-kadmju sabiex titħares is-saħħa tal-popolazzjoni Svediża fit-tul. L-esponiment jiddependi mill-konsum ta' ikel li jkun fih il-kadmju, prinċipalment mill-pjanti, u għaldaqstant huwa neċessarju li jitnaqqas ir-riskju ta' livelli għolja ta' kadmju fl-għelejjel. Il-ħamrija tajba għaż-żrigħ ġeneralment hija iktar aċiduża fl-Isvezja milli fl-Ewropa Ċentrali u din is-sitwazzjoni speċifika tagħmel il-kadmju disponibbli b’mod aktar faċli għall-pjanti.

(21)

Barra minn hekk, it-tnaqqis tal-limitu nazzjonali ta’ 100 gramma kadmju għal kull tunnellata fosfru għal 46 gramma kadmju għal kull tunnellata fosfru, hija miżura maħsuba biex tnaqqas l-akkumulazzjoni ta' kadmju fil-ħamrija u anki r-riskji għal annimali akkwatiċi f’ilmijiet neqsin mill-minerali (rotob), bħal dawk tal-Isvezja.

(22)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Kummissjoni tikkunsidra bħala ammissibbli l-applikazzjoni mressqa mir-Renju tal-Isvezja għal approvazzjoni sabiex inaqqas il-kontenut tal-kadmju fil-fertilizzanti għal livell massimu ta’ 46 gramma kadmju għal kull tunnellata fosfru.

2.   Rikors għat-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 114(6) TFUE

2.1.   Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-kumplessità tal-kwistjoni

(23)

Biex tappoġġja t-talba tagħha, l-Isvezja wettqet valutazzjoni tar-riskju ġdida, li ġiet iffinalizzata f’Jannar 2011, fejn qabblet il-konċentrazzjonijiet ta’ bla effett previst (PNECs) għall-organiżmi li jirrappreżentaw diversi kumpartimenti ambjentali mal-konċentrazzjonijiet tal-kadmju fl-ambjent Svediż. Fin-notifika tagħhom, issir referenza wkoll għal ċerti studji li saru disponibbli fil-qafas tat-talbiet preċedenti mressqin quddiem il-Kummissjoni skont l-Artikolu 114(4) tat-Trattat, kif ukoll għal valutazzjoni tar-riskju tal-UE dwar il-kadmju u l-ossidu tal-kadmju.

(24)

Il-konċentrazzjonijiet ta’ bla effett previst għall-ilma ħelu jiddependu mill-ammont ta' minerali fl-ilma. Billi l-Isvezja għandha ilma ħelu "artab" ħafna, huwa mistenni li l-organiżmi akkwatiċi jkunu esposti għat-tossiċità f’konċentrazzjonijiet iktar baxxi ta’ kadmju, meta mqabbel ma’ partijiet oħra tal-Ewropa. L-awtoritajiet Svediżi, għalhekk, jikkunsidraw li huwa probabbli l-organiżmi akkwatiċi fl-ilmijiet Svediżi, b’mod ġenerali, huma iktar sensittivi għall-kadmju addizzjonali meta mqabbla mal-ilmijiet fl-Ewropa Ċentrali u fin-Nofsinhar tal-Ewropa.

(25)

Ir-riżultati tal-programmi ta’ monitoraġġ tal-ilmijiet tal-wiċċ fl-Isvezja fl-2006 u l-2009 juru li madwar 1 % tax-xmajjar u 7 % tal-ilmijiet kostali għandhom konċentrazzjonijiet ta’ kadmju ogħla mill-valuri għall-konċentrazzjonijiet ta’ bla effett previst. Reviżjoni mwettqa fl-2008 ikkonkludiet li fir-rigward ta' bosta metalli, il-miżuri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet wasslu għal tnaqqis sinifikanti fil-konċentrazzjonijiet fl-organiżmi akkwatiċi, iżda għall-kadmju s-sitwazzjoni mhix daqstant ċara. Jidher li t-tendenza ta’ effetti miżjuda fuq is-sistema immunoloġika fil-ħut (eelpout) tul l-aħħar snin tikkorrelata mal-konċentrazzjonijiet li qed jiżdiedu ta’ kadmju fil-ħut. Inħareġ rapport ieħor fl-2011 bl-għan li jiddeskrivi x-xejriet futuri tal-kadmju fil-ħamrija tajba għaż-żrigħ u fl-għelejjel, biex tinħareġ stima tal-konċentrazzjonijiet f'100 sena u r-riżultati ntużaw f'xenarji tal-agħar każ, biex jiġi stmat ir-riskju għall-organiżmi akkwatiċi li jgħixu fl-ilmijiet qrib għelieqi fertilizzati tul il-100 sena li ġejjin.

(26)

L-awtoritajiet Svediżi, fil-valutazzjoni tagħhom jikkonkludu li jista’ jkun hemm riskju miżjud għall-organiżmi akkwatiċi li jgħixu f’ilmijiet tassew “rotob” (livell inqas minn 5 mg CaCO3/l) fit-tul. Iżda dan huwa probabbli biss f’nixxigħat żgħar b’dilwizzjoni baxxa tal-ilma li jissaffa mill-ħamrija agrikola. L-awtoritajiet Svediżi ma identifikawx riskji ambjentali oħra li jirriżultaw mill-użu tal-kadmju fil-fertilizzanti.

(27)

Fid-dawl tal-kumplessità tar-relazzjonijiet tal-preżenza tal-kadmju permezz tal-fertilizzanti, l-akkumulazzjonijiet possibbli u r-riskji ambjentali, kif diġà ntwera waqt il-valutazzjoni ta’ talbiet simili għal deroga mill-Awstrija, il-Finlandja u r-Repubblika Ċeka, kif ukoll fit-talbiet li saru qabel mill-Isvezja, il-Kummissjoni talbet lill-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u l-Ambjent (SCHER) għal opinjoni dwar il-kwalità ġenerali tal-valutazzjoni tar-riskju tal-Isvezja, kull nuqqas sinifikanti, l-adegwatezza tax-xenarji studjati u s-suppożizzjonijiet li saru, kif ukoll dwar l-affidabbiltà u l-validità tal-konklużjonijiet rigward ir-riskji ambjentali identifikati.

(28)

L-SCHER adotta l-opinjoni tiegħu fis-27 ta' Frar 2012 (12). L-SCHER ikkonkluda li r-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju mħejji mill-awtoritajiet Svediżi huwa ta’ kwalità xjentifika tajba u li, b'mod ġenerali, ix-xenarji studjati huma adegwati, kif ukoll li ħafna mill-valuri ta' parametru użati fix-xenarji huma aċċettabbli. Madankollu, l-SCHER jikkunsidra li għadd ta’ dikjarazzjonijiet u/jew suppożizzjonijiet fir-rapport mhumiex appoġġjati minn biżżejjed evidenza. Pereżempju, l-osservazzjonijiet mogħtija fl-istudji ta’ monitoraġġ tal-ħut jassumu relazzjoni ta’ kawża u effett li mhijiex pruvata. Eżempju ieħor huwa s-suppożizzjoni (ċentrali għall-valutazzjoni tar-riskju) importanti ta’ fattur ta’ dilwizzjoni ta’ 1/2 użat biex tiġi kkalkulata l-konċentrazzjoni tal-kadmju fl-ilmijiet tal-wiċċ fin-nixxigħat. Ma tingħata l-ebda evidenza jew ġustifikazzjoni xjentifika biex tappoġġja dan il-fattur. L-SCHER jinnota wkoll li għal ċerti xenarji pjuttost intużaw il-kundizzjonijiet fl-agħar każijiet. Pereżempju, il-kalkoli għall-applikazzjonijiet li jużaw il-fosfat fil-ħamrija agrikola jużaw rati ta’ applikazzjoni li fil-fatt huma validi għal inqas minn kwart tal-ħamrija fl-Isvezja. Il-kalkoli tal-konċentrazzjonijiet fl-ilmijiet tal-wiċċ fin-nixxigħat wara t-tisfija jidhru problematiċi u l-livelli proposti ma jikkorrespondux mal-konċentrazzjonijiet imkejla li jingħataw f'parti oħra tar-rapport. Il-PNECs li ntużaw fil-valutazzjoni tar-riskju tal-Isvezja huma dawk issuġġeruti fir-rapport ta' valutazzjoni tar-riskju tal-UE u jistgħu jiġu appoġġjati mill-SCHER. Il-proporzjonijiet ta’ karatterizzazzjoni tar-riskju (RCR) preżentati huma għalhekk esklużivament dipendenti fuq il-valutazzjoni tal-esponiment, jiġifieri l-konċentrazzjonijiet ta’ kadmju previsti għall-ilmijiet tal-wiċċ fl-Isvezja. Dawn tal-aħħar huma dipendenti fuq il-fattur ta’ dilwizzjoni – mhux sostanzjat – fil-ħamrija/nixxigħat. Barra minn hekk, l-SCHER ma jaqbilx mas-suppożizzjoni li fil-ħamrija ma jkunx hemm adsorbiment tal-kadmju. Dan iseħħ biss jekk il-ħamrija tkun diġà kkontaminata ħafna u fi stat stabbli ma jseħħx adsorbiment nett, li mhuwiex il-każ fl-Isvezja. Ir-rapport tal-Isvezja jassumi wkoll li f’ħamrija li tkun f’fond ta’ iktar minn 30 cm ma jsirx adsorbiment tal-kadmju, li lanqas huwa l-każ. Konsegwentement, l-SCHER ma jappoġġjax ir-riżultati ppreżentati mill-awtoritajiet Svediżi għan-nixxigħat, li huma l-uniċi kumpartiment ambjentali li għalih l-awtoritajiet Svediżi identifikaw ir-riskji.

(29)

Madankollu, l-SCHER ifakkar fil-valutazzjoni li saret aktar kmieni tas-CSTEE fl-2002, li evalwat li l-konċentrazzjonijiet tal-kadmju fil-ħamrija mhumiex mistennija li jiżdiedu f’ħafna mill-ħamrija fl-Ewropa, b’limitu ta' 46 mg Cd/kg P. L-SCHER jikkonferma li tali stima jista' jkun li għadha applikabbli anki għall-ħamrija agrikola tal-Isvezja u jinnota li d-derivazzjoni kienet ibbażata fuq "prinċipju ta' stat kostanti", mhux fuq valutazzjoni tar-riskju bħal dik li wettqu l-awtoritajiet Svediżi fil-ġustifikazzjoni attwali tagħhom.

(30)

Għalkemm, fl-opinjoni tiegħu tas-27 ta’ Frar 2012, l-SCHER jikkunsidra li r-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju mħejji mill-awtoritajiet Svediżi huwa ta’ kwalità xjentifika tajba u jinkludi dejta ġdida u rilevanti, jibqa' ċerti inċertezzi fir-rigward ta' ċerti suppożizzjonijiet ewlenin użati mill-awtoritajiet Svediżi biex jikkonkludu li hemm riskju għall-organiżmi akkwatiċi fin-nixxigħat iż-żgħar fl-Isvezja. Dan jeħtieġ kjarifika addizzjonali mill-awtoritajiet Svediżi biex il-Kummissjoni tkun tista’ tadotta pożizzjoni finali.

2.2.   Nuqqas ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem

(31)

Fil-ġustifikazzjoni tagħhom, l-awtoritajiet Svediżi jidentifikaw riskji għal gruppi sensittivi tal-popolazzjoni (persuni dijabetiċi, dawk li jbatu mill-osteoporożi jew nuqqas ta’ ħadid). Dawn ir-riskji huma kkawżati minn esponiment fit-tul għall-kadmju permezz tad-dieta. Għaldaqstant, m’hemmx periklu għas-saħħa tal-bniedem marbut ma’ Deċiżjoni biex tiġi estiża l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Isvezja għal perjodu addizzjonali ta’ sitt xhur. Dan il-perjodu addizzjonali se jippermetti li l-Kummissjoni tqis kjarifiki oħra li għandhom jingħataw mill-awtoritajiet tal-Isvezja sabiex tieħu deċiżjoni finali.

(32)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kundizzjonijiet stipulati fit-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 114(6) huma ssodisfati biex hi jista' jkollha rikors għall-possibbiltà li testendi l-perjodu ta' sitt xhur, li fihom trid tapprova jew tiċħad id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mill-Isvezja.

IV.   KONKLUŻJONI

(33)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, jista’ jiġi konkluż li t-talba tar-Renju tal-Isvezja għall-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 hija ammissibbli.

(34)

Madankollu, minħabba l-kumplessità tal-kwistjoni u minħabba n-nuqqas ta' periklu għas-saħħa tal-bniedem bl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li jkun ġustifikat jekk il-perjodu msemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 114(6) TFUE, jiġi mtawwal sat-18 ta' Ottubru 2012.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 114(6) TFUE, il-perjodu għall-approvazzjoni jew iċ-ċaħda tad-dispożizzjonijiet nazzjonali previsti dwar il-kadmju fil-fertilizzanti nnotifikati mir-Renju tal-Isvezja fis-17 ta’ Ottubru 2011 skont l-Artikolu 114(5) TFUE, huwa estiż sat-18 ta’ Ottubru 2012.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Isvezja.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ April 2012.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU L 304, 21.11.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 24, 30.1.1976, p. 21, sostitwita mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003.

(3)  Sostitwit bl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003.

(4)  ĠU L 138, 28.5.2002, p. 24.

(5)  ĠU L 129, 17.5.2006, p. 19.

(6)  Il-Kodiċi tal-Istatut Svediż (SFS Svensk Förattningssamling) tal-14 ta’ Lulju 1998.

(7)  Il-Kodiċi tal-Istatut Svediż (SFS Svensk Förattningssamling) tal-4 ta’ Ġunju 2009

(8)  ĠU C 309, 21.10.2011, p. 8 u ĠU C 339, 19.11.2011, p. 24.

(9)  UE RAR, ECB 2007: European Union Risk Assessment Report cadmium oxide and cadmium metal, Volum 72, Il-Kummissjoni Ewropea, Iċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka, l-Istitut għas-Saħħa u l-Protezzjoni tal-Konsumatur.

(10)  EFSA (2009). L-Opinjoni Xjentifika tal-Bord dwar il-kontaminanti fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kadmju fl-ikel. Il-Ġurnal EFSA (2009) 980, 1-139.

(11)  Disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/chemicals/documents/specific-chemicals/fertilisers/cadmium/risk-assessment_en.htm

(12)  http://ec.europa.eu/health/scientific_committees/environmental_risks/docs/scher_o_156.pdf


Top