EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011H0716(04)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat- 12 ta’ Lulju 2011 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 ta' Ċipru u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabilità aġġornat ta' Ċipru, 2011-2014

ĠU C 210, 16.7.2011, p. 12–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

16.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 210/12


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Lulju 2011

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 ta' Ċipru u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabilità aġġornat ta' Ċipru, 2011-2014

2011/C 210/04

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010 adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (2), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3)

Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(4)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Hu saħaq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibilità fiskali, lit-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

(5)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin għall-inklużjoni fil-Programmi ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

(6)

Fis-6 ta' Mejju 2011, Ċipru ssottometta l-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 tiegħu u fis-7 ta' Mejju 2011 l-aġġornament tal-Programm ta' Stabilità 2011 tiegħu li jkopri l-perjodu 2010-2014. Sabiex jitqiesu l-konnotazzjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(7)

L-ekonomija ta' Ċipru qed tirkupra b'mod moderat wara li fl-2009 esperjenzat l-ewwel tnaqqis ekonomiku li qatt kellha f'dawn l-aħħar 35 sena, meta l-PDG reali niżel b'1,7 %. Is-suq tax-xogħol sofra mir-reċessjoni bil-qgħad jilħaq 6,5 % fl-2010. Il-finanzi pubbliċi wkoll ġew iddeterjorati. Minn surplus, il-baġit tal-amministrazzjoni pubblika naqas għal defiċit ta' 6 % tal-PDG fl-2009, xprunat minn stabilizzaturi awtomatiċi, miżuri diskrezzjonarji ta' stimulu fiskali biex jegħlbu t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, u effetti pjuttost kbar li huma r-riżultat ta' kompożizzjoni ta' tkabbir ibbażat anqas fuq it-taxxa. L-attività ekonomika tjiebet b'mod moderat fl-2010 bit-tkabbir ikun dak ta' 1 %, immexxi l-aktar minn akkumulu tal-inventarju, wara li żvojtaw l-ħażniet fl-2009, fl-istess waqt li l-konsum privat kien qed jerġa' jibda bil-mod. Il-perspettiva ekonomika ta' tisħiħ hija mistennija li tkun ta' benefiċċju għas-suq tax-xogħol, huwa mbassar li x-xogħol jirkupra bil-mod filwaqt li l-qgħad għandu jibda nieżel b'mod gradwali mill-ogħla livell li qiegħed fih fl-aħħar tal-2010.

(8)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Stabilità aġġornat skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill jaħseb li x-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-proġettazzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli sal-2012, iżda pjuttost favorevoli minn hemm 'il quddiem, hekk kif ivvalutat meta mqabbel mat-tbassir għar-Rebbiegħa 2011 li sar mis-servizzi tal-Kummissjoni. Il-Programm ta' Stabilità għandu l-għan li jnaqqas id-defiċit baġitarju għal 4 % tal-PDG fl-2011 u 2,6 % fl-2012, bi qbil mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2010, u li wara jkompli l-konsolidazzjoni. Il-programm ibassar li l-proporzjon tad-dejn jilħaq l-ogħla livell fl-2012 u jonqos minn hemm 'il quddiem. It-titjib medju annwali fil-bilanċ strutturali għall-perjodu 2011-2012 huwa 1,5 % tal-PDG, bi qbil mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2010. Madankollu, it-titjib strutturali ma jlaħħaqx mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir kemm fl-2013 kemm fl-2014. L-objettiv ta' terminu medju (OTM), li huwa kkonfermat bħala baġit ibbilanċjat f'termini strutturali, mhux se jintlaħaq fil-perjodu tal-programm. Filwaqt li l-adattament ġenerali huwa pjanat li se jkun ibbażat fuq restrizzjoni fin-nefqa, il-maġġoranza tal-miżuri fl-2011 jikkonċernaw id-dħul. B'mod ġenerali, hemm riskji negattivi għall-perkors ta’ konsolidazzjoni ippjanat fil-programm, relatat mal-ibbilanċjar mill-ġdid dejjem jitkompla u li jwassal għal mudell ta' tkabbir anqas ibbażat fuq it-taxxa, għall-prattika li jiġu adottati baġits supplimentari u għall-implimentazzjoni f'waqtha tal-miżuri li għadu jrid isir qbil dwarhom mal-imsieħba soċjali u oħrajn li għadhom iridu jiġu speċifikati (eż. trażżin tan-nefqa li qed issir bħalissa). Minħabba dawn ir-riskji, jista' jkun hemm il-bżonn li jiġu adottati miżuri addizzjonali jekk l-iżviluppi makroekonomiċi jew baġitarji jkunu agħar milli mistenni.

(9)

Minkejja t-tnaqqis ta' madwar 8 % tal-PDG fl-2010, id-defiċit fil-kont kurrenti għadu kbir u probabbli li jillimita t-tkabbir ekonomiku fuq terminu medju. Ħruġ għoli mis-settur pubbliku jeħtieġ li jkun iffinanzjat jew mid-dejn barrani jew minn livell ogħla ta' tfaddil privat domestiku. Dan tal-aħħar jimplika anqas tkabbir fil-prodott billi jkunu spjazzati l-konsum privat jew l-investiment. F'terminu ta' żmien medju, id-defiċit ikompli jitjieb, iżda b'rata moderata. Fit-13 ta' Lulju 2010, fil-kuntest tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv, il-Kunsill irrakkomanda lill-awtoritajiet ta' Ċipru biex isaħħu wkoll in-natura vinkolanti tal-qafas baġitarju ta’ terminu medju tagħhom. Sa issa, ma kien irrapurtat l-ebda progress. Skont il-Programm ta' Stabilità, il-qafas baġitarju ta' terminu medju għandu jkun implimentat b'mod sħiħ mis-sena fiskali 2014 'il quddiem, aktar milli fl-2012, hekk kif kien għadu mistenni sa dan l-aħħar. Għaldaqstant, l-impatt tiegħu jinħass biss fit-terminu medju. Implimentazzjoni f'waqtha tal-qafas ġdid tkun importanti għal konsolidazzjoni b'suċċess u durabbli tal-finanzi pubbliċi.

(10)

Is-settur bankarju salva mill-kriżi finanzjarja globali u dik tad-dejn sovran fiż-żona tal-euro b'mod tajjeb, mingħajr il-ħtieġa ta' intervenzjoni min-naħa tal-gvern. Madankollu, bl-assi jkunu aktar minn sitt darbiet aktar mill-PDG, meta s-sussidjarji u l-fergħat tal-banek barranin huma esklużi, u disa' darbiet aktar mill-PDG meta jkunu inklużi, is-settur bankarju huwa kbir meta mqabbel mal-ekonomija. Barra minn hekk, huwa relattivament konċentrat, bis-suq iddominat minn tliet gruppi domestiċi li għandhom madwar 55 % tat-total tal-assi bankarji kkonsolidati, eskluż il-banek kooperattivi. Ir-riskji li għadhom preżenti fis-swieq finanzjarji internazzjonali jitolbu kontinwazzjoni fl-immaniġjar konservattiv tal-karta tal-bilanċ kif ukoll superviżjoni prudenti. Hemm żewġ superviżuri differenti: il-Bank Ċentrali ta' Ċipru għall-banek kummerċjali u l-Awtorità għas-Superviżjoni u l-Iżvilupp tas-Soċjetajiet Kooperattivi (CSSDA) għall-istituzzjonijiet ta' kreditu kooperattivi. Il-Gvern jippromwovi l-prattiki ta' armonizzazzjoni fiż-żewġ korpi Superviżorji. Sadattant, jeħtieġ li t-trasparenza tas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu kooperattivi tittejjeb bħala pass lejn l-unifikazzjoni tas-superviżjoni.

(11)

L-impatt baġitarju mbassar għal terminu twil li jħalli t-tixjiħ huwa ferm aktar għoli mill-medja tal-UE, l-aktar bħala riżultat ta' żieda relattivament qawwija fin-nefqa fuq il-pensjonijiet bħala sehem mill-PDG fid-deċennji li ġejjin. Skont il-valutazzjoni l-aktar riċenti tal-Kummissjoni, ir-riskji fir-rigward tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi publiċi jidhru għoljin. F'April 2009 ġiet introdotta riforma tal-pensjonijiet. Hija l-aktar immirata lejn id-dħul u tnaqqas xi ftit mir-ritmu taż-żieda fin-nefqa fuq il-pensjonijiet. Il-progress fir-riforma tas-saħħa, immirat lejn it-trażżin taż-żieda fin-nefqa mbassra permezz ta' twaqqif ta' sistema nazzjonali tas-saħħa u tat-trasformazzjoni tal-isptarijiet pubbliċi f'entitajiet awtonomi, kien limitat ħafna.

(12)

L-adattament tal-kumpens awtomatiku għall-għoli tal-ħajja (COLA) li jingħata darbtejn f'sena huwa marbut b'mod dirett mat-tibdil fil-perċentwal medju fl-indiċi tal-prezzijiet tal-konsumatur (CPI) tal-aħħar sitt xhur meta mqabbel mas-sitt xhur ta' qabel. Dan għandu appoġġ qawwi mis-sħab soċjali u baqa' mhux negozjabbli waqt il-proċess ta' negozjar kollettiv. Madankollu, l-applikazzjoni uniformi tagħha ma tippermettix li l-pagi jirriflettu d-differenzi fil-produttività bejn is-setturi kollha. Id-defiċenzi tal-COLA huma, l-ewwel nett, li l-pagi huma relatati mal-prezzijiet tal-prodotti biss u mhux mal-gwadanji fil-produttività. It-tieni nett, dawk li qed jibbenefikaw l-iktar minn din is-sistema huma dawk li għandhom introjti ogħla. It-tielet nett, il-COLA għandha wkoll impatt sinifikanti fuq il-finanzi pubbliċi hekk kif, lil hinn mill-pagi u s-salarji, hija wkoll karatteristika integrali tal-pensjonijiet, benefiċċji u gratifiki oħrajn.

(13)

Filwaqt li l-parteċipazzjoni fix-xogħol f'Ċipru hija akbar mill-medja tal-UE, is-suq tax-xogħol fih żbilanċi kbar bejn is-sessi. Disparitajiet bejn is-sessi fl-impjiegi, il-kost u d-disponibilità tal-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal, l-iskarsezza ta' forom flessibbli ta' impjiegi u d-disparità kbira u persistenti fil-paga bejn is-sessi huma ddikkjarati mill-Programm Nazzjonali ta' Riforma bħala li joħolqu xkiel serju li jtellef l-iżvilupp tal-impjiegi u t-tkabbir. F'dan ir-rigward, ġew ippreżentati miżuri relatati fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma. Filwaqt illi huma bosta li jiksbu edukazzjoni fil-livell sekondarju u dak universitarju f'Ċipru, l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET) ma jidhirx bħala għażla li tiġbed lejha ħafna nies. Il-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ ikkumbinat ma' proporzjon għoli ta' persuni li kisbu livell għoli ta' edukazzjoni fil-qgħad totali huwa sinjal li hemm diskrepanza sinifikanti ta' ħiliet fl-ekonomija ta' Ċipru. Barra dan, is-sehem fit-tagħlim tul il-ħajja huwa baxx meta wieħed iqis li dan huwa pajjiż li ġeneralment għandu livelli tajbin ta' edukazzjoni, b'mod partikolari għal ċerta gruppi (ħaddiema bi ftit kompetenzi professjonali, nies ta' età akbar u dawk qiegħda). Sabiex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma jipprevedi numru ta' miżuri inkluż it-twaqqif ta' serje ta' istituzzjonijiet ġodda postsekondarji għall-VET kif ukoll sistema ġdida ta' apprentistat mill-2012-2013 'il quddiem. B'mod ġenerali, l-objettiv strateġiku tal-pajjiż li minn impjiegi bi produttività baxxa jersaq għal dawk bi produttività għolja għandu jibbenefika ferm mill-orjentazzjoni mill-ġdid tas-sistema ta' edukazzjoni u taħriġ li ġġib magħha taħlita aħjar ta' ħiliet, skont id-domanda tas-suq tax-xogħol.

(14)

Ċipru adotta regola ġenerali għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi f'Lulju 2010. Xi leġislazzjoni speċifika għas-settur ġiet ukoll adottata u mibgħuta riċentement lill-Kummissjoni Ewropea permezz tan-notifika ta' miżura ta' eżekuzzjoni nazzjonali fil-bidu ta' Ġunju 2011. Madankollu, hemm tħassib dwar kemm it-traspożizzjoni hija kompluta hekk kif għad hemm xi ostakoli għat-twaqqif u l-provvediment ħieles tas-servizzi f'xi leġislazzjoni speċifika għas-settur, fejn għadhom ma saru l-ebda emendi. Dawn l-ostakoli jvarjaw minn dawk li huma ġeneralment applikabbli, bħall-awtorizzazzjonijiet meħtieġa mill-awtoritajiet lokali għat-twaqqif ta' kwalunkwe attività ta' negozju jew dewmien limitat ta' awtorizzazzjonijiet irrispettivament mis-settur tas-servizzi u r-riskji involuti, għal dawk speċifiċi ħafna bħal tariffi fissi applikabbli fis-servizzi tat-turiżmu, testijiet tal-ħtiġijiet ekonomiċi fl-awtorizzazzjonijiet għal kiri ta' karozzi, trattament diskriminatorju tal-kumpaniji ta' kostruzzjoni minn Stati Membri oħrajn, arkitetti u inġiniera pprojbiti milli jwettqu l-professjoni tagħhom bħala persuni ġuridiċi.

(15)

B'mod ġenerali, limitazzjonijiet ambjentali u kwistjonijiet relatati mar-riżorsi u l-użu ta' enerġija jistgħu joħolqu xkiel għat-tkabbir. Dawn huwa relatati mas-sit ġeografiku speċifiku u mal-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima f'forma ta' nixfa fit-tul. Għadu kif tlesta u ġie ppubblikat studju dwar il-kosteffiċjenza tal-iskemi ta' appoġġ għall-enerġija rinovabbli, li abbażi tiegħu ġew riveduti l-iskemi ta' appoġġ. Il-funzjonament tas-settur tal-enerġija jista' jkun imtejjeb b'mod sinifikanti, permezz tal-introduzzjoni tal-gass naturali u l-iffaċilitar tal-investimenti fl-infrastruttura għall-enerġija rinnovabbli.

(16)

Ċipru ħa numru ta' impenji skont il-Patt Euro Plus. Mil-lat fiskali, il-Patt jimpenja ruħu li jsaħħaħ is-sostenibilità fiskali billi jħejji qafas ta' liġi biex jingħelbu l-kriżijiet finanzjarji u jitwaqqaf Fond għal Stabilità Finanzjarja li jkun kompletament indipendenti. Barra dan, qed iseħħ djalogu dwar ir-ristrutturar tas-sistema ta' pensjonijiet tas-settur pubbliku u għandu jkun konkluż sal-aħħar tal-2011. Il-miżuri dwar l-impjieg jiffukaw fuq il-ġlieda kontra x-xogħol illegali u mhux iddikjarat, l-indirizzar tad-diskrepanza tal-ħiliet u ż-żieda fil-kompetittività tal-impriżi. Il-miżuri dwar il-kompetittività jkopru t-trażżin tal-pagi fis-settur pubbliku (tfassil mill-ġdid tal-mekkaniżmu ta' indiċizzar tal-pagi), it-tisħiħ tal-kompetittività tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, il-finalizzazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali Diġitali sal-2011, u l-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika u s-sorsi enerġitiċi rinovabbli. Dawn l-impenji jirriflettu l-erba' oqsma tal-Patt. Jipprovdu għall-kontinwità tal-aġenda aktar wiesgħa ta' riforma deskritta fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma u ta' Stabilità u jikkonfermaw pjanijiet diġà mħabbra li jkun hemm riformi li jindirizzaw id-dgħjufijiet strutturali tal-pajjiż, mingħajr ma jkun speċifikat qafas ta' żmien f'dan l-istadju, sabiex ikunu indirizzati kwistjonijiet bħall-pagi u sistema tal-pensjoni tas-settur pubbliku. Dawn l-impenji ġew ivvalutati u kkunsidrati fir-rakkomandazzjonijiet.

(17)

Il-Kummissjoni vvalutat il-Programm ta' Stabilità u l-Programm ta' Riforma Nazzjonali, inkluż l-impenji tal-Patt Euro Plus. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika f'Ċipru imma qieset ukoll kemm jikkonformaw mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkunsidra li jeħtieġu aktar sforzi biex jintlaħaq l-għan tad-defiċit baġitarju 2011 u li għandhom ikunu speċifikati miżuri ta' konsolidazzjoni addizzjonali għall-2012 u aktar 'il quddiem. Sabiex titjieb is-sostenibilità fuq terminu twil ta' żmien tal-finanzi pubbliċi, hemm il-ħtieġa ta' aktar azzjoni fir-rigward tas-sistema tal-pensjoni u l-kura tas-saħħa. Għandhom ukoll jittieħdu aktar passi sabiex jissaħħaħ il-qafas prudenzjali tas-superviżjoni bankarja, tkun aġġustata s-sistema ta' indiċizzazzjoni tal-pagi, u jittejbu l-edukazzjoni vokazzjonali, it-taħriġ u l-ħiliet, l-ambjent tan-negozju u l-effiċjenza enerġetika.

(18)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, filwaqt li titqies ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2010 skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-Programm ta' Stabilità ta' Ċipru għall-2011 u l-opinjoni tiegħu (3) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (3) tiegħu aktar 'l isfel. Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ta' Ċipru,

JIRRAKKOMANDA li Ċipru jieħu azzjoni fil-perjodu 2011-2012 biex:

1.

Jadotta l-miżuri meħtieġa ta' natura permanenti biex tinkiseb il-mira baġitarja fl-2011 u l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2012, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill taħt il-PDE. Jieħu miżuri biex iżomm kontroll strett fuq in-nefqa u jagħmel użu minn kwalunkwe żviluppi baġitarji li jkunu aħjar milli mistenni għal tnaqqis aktar malajr tad-defiċit u d-dejn. Jiżgura l-progress lejn objettiv ta' terminu medju b'mill-inqas 0,5 % tal-PDG annwali u jpoġġi l-proporzjon ta' dejn pubbliku fi triq 'l isfel. Jaċċellera d-dħul gradwali ta' qafas multiannwali li jista' jkun infurzat b'bażi statutorja vinkolanti u mekkaniżmi korrettivi, sa mill-preparazzjoni tal-Baġit 2012. Il-Baġitjar abbażi ta' Programmazzjoni u Prestazzjoni għandu jiġi implimentat mill-aktar fis possibbli.

2.

Isaħħaħ aktar il-qafas prudenzjali għas-superviżjoni ta' banek u soċjetajiet kooperattivi ta' kreditu biex jiżgura detezzjoni bikrija tar-riskji.

3.

Itejjeb is-sostenibilità fuq terminu twil ta' żmien tal-finanzi pubbliċi permezz tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta' riforma sabiex tkun ikkontrollata n-nefqa fuq il-pensjonijiet u l-kura tas-saħħa biex b'hekk titrażżan iż-żieda mbassra fin-nefqa marbuta mal-età. Fir-rigward tal-pensjonijiet, jestendi s-snin ta' kontribuzzjoni, jorbot l-età tal-irtirar mal-istennija tal-għomor jew jadotta miżuri oħra b'effett baġitarju ekwivalenti, filwaqt li jieħu ħsieb jindirizza r-rata għolja ta' riskju ta' faqar għal dawk akbar fl-età. Fir-rigward tal-kura tas-saħħa, jieħu aktar passi sabiex jaċċellera l-implimentazzjoni tas-sistema ta' assigurazzjoni nazzjonali tas-saħħa.

4.

F'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u f'konformità mal-prattiki nazzjonali, jieħu passi sabiex jirriforma s-sistema ta' negozjar tal-paga u indiċizzazzjoni tal-paga sabiex ikun żgurat li ż-żieda fil-paga tirrifletti aħjar l-iżviluppi tal-produttività u l-kompetittività tax-xogħol.

5.

Jieħu aktar passi, fir-riformi ppjanati għas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, biex jiġu allinjati aħjar l-eżiti tal-edukazzjoni mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, inkluż billi jitwaqqfu istituti postsekondarji għall-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali. Jieħu miżuri sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tas-sistema ta' taħriġ vokazzjonali billi jiżdiedu l-inċentivi u jitjieb l-aċċess għall-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, speċjalment għall-ħaddiema b'ħiliet baxxi, dawk nisa u dawk akbar fl-età.

6.

Ineħħi għal kollox l-ostakoli li għad hemm għat-twaqqif u l-forniment ħieles tas-servizzi fil-leġiżlazzjoni speċifika għas-settur sa Diċembru 2011 sabiex jinħolqu aktar opportunitajiet għal tkabbir u impjiegi fis-settur tas-servizzi.

7.

Jintroduċi miżuri li jżidu d-diversità tat-taħlita ta' enerġija u l-espansjoni tas-Sorsi ta' Enerġija Rinnovabbli. Jistabbilixxi, sal-2012, pjan għall-immaniġjar tal-ilma u skema għall-iffissar tal-prezzijiet li jirriflettu l-kwistjonijiet dwar il-kosteffiċjenza u l-ekwità u b'hekk ikun żgurat mmaniġjar aktar sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Miżmuma għall-2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta’ Mejju 2011 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 138, 26.5.2011, p. 56).

(3)  Previst fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top