EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0945

2009/945/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-riforma tal-mod ta’ finanzjament tal-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-RATP (Għajnuna Statali C 42/07 (ex N 428/06)) li Franza fi ħsiebha tagħti lill-RATP (notifikata bid-dokument numru C(2009) 5505) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 327, 12.12.2009, p. 21–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/945/oj

12.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 327/21


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Lulju 2009

dwar ir-riforma tal-mod ta’ finanzjament tal-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-RATP (Għajnuna Statali C 42/07 (ex N 428/06)) li Franza fi ħsiebha tagħti lill-RATP

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 5505)

(it-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/945/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u partikolarment il-punt a) tal-Artikolu 62(1) tiegħu,

wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom skont dawn l-Artikoli (1), u wara li ġew ikkunsidrati dawn il-kummenti,

billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

B’ittra tad-29 ta’ Ġunju 2006, Franza nnotifikat lill-Kummissjoni bir-riforma tal-mod ta’ finanzjament tal-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-RATP. Bagħtet informazzjoni kumplimentari lill-Kummissjoni permezz tal-ittri tad-29 ta’ Settembru 2006, tal-15 ta’ Diċembru 2006 u tal-4 ta’ April 2007.

(2)

B’ittra tal-10 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni informat lil Franza bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-miżura nnotifikata (minn hawn ‘il quddiem “id-deċiżjoni tal-bidu għall-proċedura”).

(3)

Id-Deċiżjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-15 ta’ Jannar 2008 (2).

(4)

L-awtoritajiet Franċiżi ressqu l-kummenti tagħhom fit-22 ta’ Jannar 2008.

(5)

Fid-19 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti minn parti interessata. Il-Kummissjoni bagħtithom lil Franza biex din ikollha l-opportunità li tikkummenta dwarhom, u rċeviet dawn il-kummenti permezz ta’ ittra tat-3 ta’ April 2008.

(6)

Fit-23 ta’ April 2008, l-awtoritajiet Franċiżi infurmaw lill-Kummissjoni bil-fatt li l-gvern Franċiż ta bidu, fil-Ħarifa tal-2007, għar-riforma tal-iskemi speċjali tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-intrapriżi pubbliċi u partikolarment l-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-persunal tal-RATP.

(7)

Fis-6 ta’ Jannar 2009 il-Kummissjoni talbet għat-tagħrif kumplimentari lill-awtoritajiet Franċiżi li bagħtu tweġiba bil-posta fit-3 ta’ Marzu 2009.

2.   DESKRIZZJONI TAL-BENEFIĊJARJU

(8)

Ir-Régie Autonome des Transports Parisiens (minn hawn ‘il quddiem l-“RATP”) hija impriża Franċiża li hi għal kollox tal-Istat Franċiż. Ġiet stabbilita bil-liġi Nru 48-506 tal-21 ta’ Marzu 1948 dwar ir-riorganizzazzjoni u l-koordinazzjoni tat-trasport tal-passiġġieri fir-reġjun ta’ Pariġi (3) u l-għan soċjali tagħha huwa “it-tħaddim tan-netwerks u tal-linji tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri” (4)

(9)

Il-liġi llimitat l-attivitajiet tal-RATP għat-trasport pubbliku fir-reġjun ta’ Pariġi. Skont l-Artikolu 7 tal-liġi Nru 48-506 tal-21 ta’ Marzu 1948, l-RATP tieħu ħsieb “it-tħaddim tan-netwerks tat-trasport pubbliku tal-belt ta’ Pariġi, u tad-dipartiment tas-Seine, u tal-linji Seine-et-Oise u Seine-et-Marne konċessi jew affermati minn qabel lill-Kumpanija tal-ferrovija metropolitana jew il-Kumpanija tat-trasport pubbliku tar-reġjun ta’ Pariġi”. Din is-sitwazzjoni reġgħet ġiet affermata bl-ordinanza Nru 59-151 tas-7 ta’ Jannar 1959 imsemmija hawn fuq.

(10)

Madankollu, l-RATP għandha l-possibbiltà li, permezz tal-filjali, toffri s-servizzi barra mill-Ile-de-France (5). Il-filjali tal-RATP, li jiffurmaw kumpaniji b’responsabbiltà limitata, illum huma miġbura fi tliet pilastri importanti, li jħaddmu madwar 2 050 persuna li minnhom 170 huma mħaddma mill-kumpanija ewlenija:

il-qasam tat-Trasport, immexxi mill-RATP Développement SA, li tirrappreżenta fatturat konsolidat ta’ EUR 57 miljun għas-sena finanzjarja 2005, li minnhom EUR 4.7 miljuni kienu għat-trasport internazzjonali u EUR 3.1 miljuni għat-trasport reġjonali (Franza minbarra l-Ile-de-France);

il-qasam tal-Inġinerija, immexxi mill-RATP International SA, li l-fatturat konsolidat tagħha tela’ għal EUR 86 miljun fl-2005 u li kważi 80 % tal-attività tagħha hija internazzjonali minħabba li l-bilanċ fi Franza kien prinċipalment barra l-Ile-de-France;

il-qasam tal-Valorizzazzjoni tal-ispazji, li essenzjalment jiġbor il-filjali li jieħdu ħsieb l-iżvilupp tal-proprjetà (fuq artijiet ġestiti mill-RATP), il-valorizzazzjoni tal-ispazji kummerċjali fl-istazzjonijiet tal-metro u attivitajiet ta’ telekommunikazzjoni u li l-fatturat konsolidat tiegħu fl-2005 tela’ għal EUR 33 miljun, esklussivament fl-Ile-de-France.

(11)

Il-grupp RATP jimpjega total ta’ madwar 46 050 persuna, li minnhom 44 000 huma impjegati mill-RATP bħala uffiċjali b’kuntratt u l-bqija ta’ 2 050 persuna jaħdmu fil-filjali tal-RATP.

(12)

Il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-uffiċjali b’kuntratt huma stabbiliti b’regolament fl-istatut tal-aġenti tal-RATP (6). Min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-2 050 persuna impjegata mal-filjali tal-RATP huma stabbiliti mill-konvenzjonijiet kollettivi u għalhekk mhumiex suġġetti għall-kuntratt tal-uffiċjali tal-RATP.

3.   DESKRIZZJONI TAS-SUQ TAT-TRASPORT PUBBLIKU ĠEWWA L-ILE-DE-FRANCE

(13)

Sa llum, is-suq tat-trasport pubbliku fl-Ile-de-France mhuwiex miftuħ għall-kompetizzjoni. Il-liċenzji għat-tħaddim tal-linji tat-trasport pubbliku ngħataw bis-segwitu tal-proċedura prevista bid-digriet Nru 59-157 tas-7 ta’ Jannar 1959 dwar l-organizzazzjoni tat-trasport tal-passiġġieri fir-reġjun tal-Ile-de-France (7), li qassam is-suq tat-trasport pubbliku ġewwa l-Ile-de-France bejn l-RATP u l-għadd kbir ta’ operaturi privati storiċi żgħar preżenti fl-Ile-de-France dak iż-żmien.

(14)

Apparti l-RATP, madwar mitt impriża jipprovdu servizzi tat-trasport pubbliku ġewwa l-Ile-de-France. Dawn l-intrapriżi huma l-SNCF kif ukoll operaturi privati miġbura fi ħdan l-assoċjazzjoni OPTILE (madwar 95 impriża li minnhom tlieta ewlenin tat-trasport bix-xarabank: Veolia Transport, Keolis u Transdev).

(15)

Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u 1Nru 107/70 (kif jidher hawn taħt: “ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007”) (8) jipprevedi l-ftuħ gradwali tas-suq tat-trasport komuni. Għandu jidħol fis-seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2009 skont l-Artikolu 12 tiegħu.

4.   PRESTAZZJONIJIET TAL-ISKEMA SPEĊJALI TAL-PENSJONIJIET TAL-IRTIRAR TAL-UFFIĊJALI TAL-RATP QABEL U WARA R-RIFORMA NNOTIFIKATA

(16)

L-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-RATP hija prevista bl-Artikolu 31 tal-liġi Nru 48-506 tal-21 ta’ Marzu 1948 imsemmija hawn fuq, komplut bid-digriet Nru 59-1091 tat-23 ta’ Settembru 1959 li għandu l-istatut tal-RATP (9).

(17)

L-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali tal-RATP hija skema speċjali fis-sens tal-Artikoli L 711-1 u R 711-1 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, li għandhom il-vantaġġi tagħhom meta mqabbla ma’ skemi tal-liġi ordinarja. Din hija skema regolamentarja, jiġifieri stabbilita mill-Istat b’mezz amministrattiv. Barra minn hekk, l-evoluzzjoni tal-parametri, tal-kontribuzzjonijiet u l-prestazzjonijiet b’mod partikolari hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet regolamentari.

(18)

Sal-15 ta’ Jannar 2008, l-ispeċifikazzjonijiet prinċipali tal-iskema speċjali tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali tal-RATP meta mqabbla mal-iskemi tal-liġi ordinarja kienu jikkonċernaw il-modalitajiet ta’ kalkolu tad-dritt għall-pensjoni u ta’ likwidazzjoni tal-pensjonijiet.

(19)

F’dan ir-rigward, l-iskemi tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-liġi ordinarja jipprevedu li l-ammont tal-pensjoni huwa kkalkulat abbażi tas-salarju medju tal-karriera kollha jew ta’ parti minnha. Huwa wkoll skont it-tul tal-assigurazzjoni jew skont l-età, minħabba li jiġu applikati t-tnaqqis jew soprataxxa meta l-valuri stabbiliti fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kriterji ma jinkisbux jew ma jinqabżux. B’hekk, fl-iskema ġenerali, il-pensjoni tiġi kkalkulata abbażi tas-salarju medju (il-primjums inklużi) tal-aħjar 25 sena tal-karriera (fil-limitu ta’ salarju annwali) u r-rata applikabbli għal dan is-salarju hija ta’ 50 % (rata sħiħa) jekk il-persuna assigurata tiġġustifika mill-inqas 40 sena ta’ assigurazzjoni.

(20)

Min-naħa l-oħra, l-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-RATP, tipprevedi li l-uffiċjali b’kuntratt għandhom dritt, għal kull sena ta’ assigurazzjoni, għal 2 % tas-salarju bażiku mingħajr primjum waqt l-aħħar sitt xhur ta’ attività fil-limitu ta’ 37.5 imħallsa kull sena. Konsegwentement, wara 37.5 sena ta’ xogħol, impjegat tal-RATP jirċievi pensjoni li tikkorrispondi għal 75 % tal-aħħar salarju tiegħu, mingħajr primjum, jiġifieri bejn wieħed u ieħor 64.5 % tal-aħħar salarju tiegħu bil-primjum inkluż.

(21)

Il-prinċipji fundamentali tar-riforma implimentata bil-liġi tal-21 ta’ Awwissu 2003 (10) tal-iskemi Franċiżi tal-pensjoni tal-irtirar bażika kważi kollha ġew estiżi għal skema speċjali ta’ pensjonijiet tal-irtirar tal-RATP bid-digrieti 2008-48 tal-15 ta’ Jannar 2008 (11), 2008-637 tat-30 ta’ Ġunju 2008 (12) u 2008-1514 tat-30 ta’ Diċembru 2008 (13). Wieħed mill-għanijiet ta’ din ir-riforma huwa l-armonizzazzjoni tal-iskemi speċjali fuq ir-regoli tal-liġi ordinarja tal-iskemi bażiċi tal-impjegati fis-settur privat u tal-uffiċċjali. Fil-każ tal-iskema speċjali tal-RATP, iż-żmien tal-kontribuzzjonijiet meħtieġa kull sena biex tinkiseb pensjoni tal-irtirar b’rata sħiħa qed jiżdied progressivament għal 40 sena sal-2012 u minn hemm ‘il quddiem jiżdied b’rata ekwivalenti ta’ tliet xhur fl-ewwel ta’ Lulju ta’ kull sena sakemm jintlaħaq iż-żmien mitlub skont l-iskema ġenerali u skont dik pubblika (għalhekk iż-żmien ta’ 41 sena applikabbli fl-2012 fl-iskema ġenerali u f’dik pubblika irid jintlaħaq sal-2016 fl-iskema speċjali).

5.   FINANZJAMENT TAL-ISKEMA TAL-PENSJONIJIET TAL-IRTIRAR TAL-UFFIĊJALI TAL-RATP QABEL U WARA R-RIFORMA NNOTIFIKATA

(22)

L-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali tal-RATP hija skema ta’ pensjoni ta’ tqassim fejn il-kontribuzzjonijiet li jagħtu l-ħaddiema skont l-assigurazzjoni tax-xjuħija jintużaw mill-ewwel biex jitħallsu l-pensjonijiet ta’ min jirtira (14).

(23)

Sal-31 ta’ Diċembru 2005, l-RATP kienet legalment responsabbli mill-impenji tal-pensjoni tal-irtirar tal-iskema speċjali. Skont l-Artikolu 20 tal-liġi tal-1948 imsemmija hawn fuq, l-RATP trid tieħu ħsieb li tiggarantixxi l-bilanċ finanzjarju tal-iskema speċjali tal-pensjonijiet tal-irtirar tagħha.

(24)

Il-ġestjoni ta’ din l-iskema speċjali tal-pensjonijiet tal-irtirar ġiet assigurata mis-servizz tal-pensjonijiet tal-RATP, li kien parti mill-entità legali tal-RATP. Dan is-servizz jinnota l-kontribuzzjonijiet tal-uffiċjali attivi tal-RATP u tal-RATP innifisha bħala impjegatur u jagħti l-pensjonijiet lill-benefiċjarji tal-iskema. Ir-rati tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tal-irtirar (7,85 % fil-każ tal-kontribuzzjonijiet tal-impjegati u 15,34 % tal-impjegatur) kienu inferjuri għal dawk tal-liġi ordinarja (12 % fil-każ tal-kontribuzzjonijiet tal-impjegati u 18 % tal-impjegatur).

(25)

Għal bosta snin, l-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-RATP irreġistrat defiċit strutturali minħabba raġunijiet marbutin man-nuqqas ta’ bilanċ demografiku bejn il-ħaddiema u dawk li jirtiraw, b’vantaġġi għaliha meta tqabbilha mal-iskema ġenerali u, sal-31 ta’ Diċembru 2005, mal-iffissar standardizzat tar-rati tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjonijiet tal-irtirar. Dawn id-defiċits suċċessivi tal-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-RATP ġew ittrattati mill-Istat li intervjena abbażi tal-Artikolu 2 tal-ordinanza tas-7 ta’ Jannar 1959 u tad-digriet tas-7 a’ Jannar 1959 imsemija qabel.

(26)

Fid-29 ta’ Ġunju 2006, Franza nnotifikat ir-riforma tal-mod ta’ finanzjament tal-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-RATP. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, din ir-riforma tagħmel parti mill-evoluzzjoni tal-kuntest istituzzjonali tat-trasport urban fl-Ile-de-France li ilha attiva għal dawn l-aħħar għaxar snin u tat-tħejjija għall-bidu tal-kompetizzjoni tat-trasport urban.

(27)

Ir-riforma notifikata għandha żewġ stadji.

5.1.   IL-ĦOLQIEN TA’ FOND GĦALL-PENSJONIJIET TAL-IRTIRAR TAL-PERSUNAL TAL-RATP FL-1 TA’ JANNAR 2006

(28)

L-ewwel Artikolu tad-Digriet Nru 2005-1635 tas-26 ta’ Diċmebru 2005 (15) stabbilixxa fond għall-pensjonijiet tal-irtirar tal-persunal tal-RATP (minn hawn ‘il quddiem “CRP-RATP”) fl-1 ta’ Jannar 2006.

(29)

Il-CRP-RATP għandu l-istatut ta’ organu ta’ sigurtà soċjali tad-dritt privat, u għandu personalità legali u awtonomija ġuridika u finanzjarja fil-konfront tal-RATP. Skont l-Artikolu L 711-1 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, il-CRP-RATP għandu l-attributi kollha stabbiliti fl-Artikolu L 111-1 tal-kodiċi msemmi li, b’mod partikolari jfakkar li l-organizzazzjoni tas-sigurtà soċjali hija bbażata fuq il-prinċipju tas-solidarjetà nazzjonali. Huwa soġġett għar-regoli tal-kodiċi tas-sigurtà soċjali applikabbli għall-fondi awtonomi tal-pensjonijiet tal-irtirar kollha. Huwa soġġett ukoll għall-kontroll tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat li huma rrappreżentati mill-kummissarji tal-Gvern.

(30)

Mid-data tal-ħolqien tiegħu, il-CRP sar, minflok l-RATP, l-uniku debitur ġuridiku ta’ pensjonijiet tal-irtirar ta’ uffiċjali impjegati b’kuntratt.

(31)

F’dan id-dawl, il-CRP-RATP iressaq, wara l-1 ta’ Jannar 2006, kontribuzzjoni liberatorja tal-RATP li tikkorrispondi għall-kontribuzzjonijiet tal-filjali attivi fl-iskema speċjali u għall-kontribuzzjoni tagħha bħala impjegatur. Barra minn hekk, minn wara l-istess data, il-livell ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet għola għal-livell tal-liġi ordinarja (16). Barra l-kontribuzzjonijiet soċjali tal-irtirar, il-CRP-RATP jirċievi ħlas mill-Istat maħsub biex jibbilanċja l-kontijiet tiegħu. Din il-kontribuzzjoni ta’ bilanċ tiffinanzja kemm id-defiċit demografiku tal-iskema speċjali kif ukoll id-drittijiet tal-irtirar ta’ din l-iskema. Fl-2006 u fl-2007, l-Istat ħallas sussidju ta’ bilanċ ta’ EUR 390.11 u 414-il miljun rispettivament.

5.2.   IT-TQARRIB FINANZJARJU TAD-DRITTIJIET BAŻIĊI TAL-ISKEMA SPEĊJALI TAL-RATP GĦALL-ISKEMI TAL-LIĠI ORDINARJA

(32)

L-Artikolu 18 tad-Digriet Nru 2005-1635 tas-26 ta’ Diċembru 2005 imsemmi hawn fuq jipprevedi l-possibbiltà għall-CRP-RATP li jqarreb finanzjarjement parti mid-drittijiet tal-irtirar tal-iskema speċjali tal-uffiċjali tal-RATP għall-iskemi tad-ritt komuni (CNAV (17) u ARGIC (18)/ARRCO (19)) (20), jiġifieri li l-operazzjonijiet tal-irtirar tal-CRP-RATP jiġu ttrasferiti teknikament lejn skemi tal-liġi ordinarja (minn hawn ‘il quddiem “l-iskemi riċevituri”).

(33)

It-tqarrib ta’ parti mid-drittijiet għall-irtirar tal-iskema speċjali tal-RATP għall-iskemi tal-liġi ordinarja għandu l-għan li jħaddem il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà interġenerazzjonali u interprofessjonali fuq bażi demografika mwessgħa b’mod konsiderevoli kif ukoll li jiggarantixxi l-perennità tal-finanzjament tal-iskemi tal-irtirar obbligatorji ffinanzjati skont il-prinċipju tat-tqassim.

Id-drittijiet bażiċi miksuba fid-data tal-operazzjoni ta’ tqarrib

(34)

Skont l-Artikolu L 222-6 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, it-tqarrib tal-iskema speċjali tal-pensjonijiet tal-irtirar jew ta’ kwalunkwe skema oħra ta’ pensjonijiet tal-irtirar għall-iskemi tal-liġi ordinarja jista’ jsir għall-prestazzjonijiet tal-assigurazzjoni tax-xjuħija għall-ħaddiema impjegati tal-iskema ġenerali.

(35)

Fil-qafas ta’ skema tal-pensjonijiet tal-irtirar bit-tqassim, it-teħid tad-drittijiet fil-passat miksuba fi skema oħra mill-iskema li tirċievi (u għalhekk skont kriterji oħrajn) jitwettaq bil-kalkolu ta’ dawn id-drittijiet miksuba abbażi tar-regoli tal-iskema li tirċievi bħallikieku l-benefiċjarji (l-irtirati, attivi u l-esklużi) wettqu l-karriera kollha tagħhom fi ħdan l-iskema li tirċievi.

(36)

F’dan il-każ, l-awtoritajiet Franċiżi kkalkulaw id-drittijiet bażiċi, jiġifieri li jikkorrispondu għall-prestazzjonijiet tal-irtirar ikkalkulati skont ir-regoli tal-iskemi riċevituri u li se jittieħdu minn dawn l-iskemi (21). Id-drittijiet bażiċi ddefiniti b’dan il-mod biss huma suxxettibbli li jittieħdu mill-iskemi riċevituri.

(37)

Barra minn hekk l-Artikolu 222-6 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali jippreskrivi li t-tqarrib tal-iskema speċjali għandha tirrispetta l-prinċipju ta’ newtralità finanzjarja stretta tal-operazzjoni għall-persuni assigurati tal-iskema li tirċievi. Fi kliem ieħor, it-tqarrib finanzjarju ta’ skema speċjali tal-pensjonijiet tal-irtirar għall-iskemi tal-liġi ordinarja ma jista fl-ebda każ idgħajjef is-sitwazzjoni finanzjarja tal-iskemi riċevituri.

(38)

F’dan l-istadju l-koeffiċjent li jiddetermina liema proporzjon ta’ dawn id-drittijiet għall-irtirar ta’ qabel huwa fil-fatt vvalidat meta jsir it-tqarrib b’mod li jirrispetta strettament il-prinċipju tan-newtralità finanzjarja msemmija qabel. Kunċettwalment, il-koeffiċjent iqabbel ir-rapport tal-infiq tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-grupp imqarreb mar-rapport tal-infiq tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-iskema li tirċievi (22). L-iskema li tirċievi tiddetermina liema proporzjon tat-teħid tad-drittijiet ta’ qabel li ġew rikostitwiti jiżgura l-ugwaljanza ta’ dawn ir-rapporti tal-infiq: b’din ir-rata ta’ validazzjoni, id-drittijiet għall-irtirar jittieħdu “bla ħlas” mill-iskema li tirċievi.

(39)

Jekk ir-rata ta’ validazzjoni mill-iskema li tirċievi d-drittijiet miksubin u li ġew rikostitwiti hija inqas minn 100 %, din l-iskema tista’ tipproponi lill-iskema mqarrba biex tivvalida 100 % dawn id-drittijiet billi tagħti kontribuzzjoni medja għaż-żamma tad-drittijiet (jew “saldu”).

(40)

Il-metodu ta’ kalkolu ta’ dan is-saldu għandu l-għan li ma jbiddilx is-sitwazzjoni ta’ previżjoni ex ante tal-iskema li tirċievi. Jekk il-koeffiċjent ikun previżjonali, l-ammont tas-saldu jkun daqs il-valur attwali nett tad-drittijiet tad-dħul annwali. Id-dritt tad-dħul annwali huwa dak li, kull sena, għad-drittijiet supplimentari (jiġifieri li jmorru lil hinn mid-drittijiet li jittieħdu bla ħlas) li jittieħdu mill-iskema li tirċievi, iġib indaqs ir-rapporti tal-infiq bejn l-iskema integrata u l-iskema li tirċievi.

(41)

Jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tal-iskema li tirċievi għandha nuqqas strutturali, il-metodu ta’ kalkolu jitlob li dan in-nuqqas ta’ bilanċ tendenzjali ma jiggravax iktar u li ma jnaqqsux billi jitlob bilanċ tekniku previżjonali mill-grupp trasferit.

(42)

F’dan il-każ, l-istruttura demografika tal-RATP, ladarba kienet inqas tajba mill-istruttura demografika tal-impriża medja Franċiża affiljati fi skemi tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-liġi ordinarja, it-tqarrib sħiħ tad-drittijiet bażiċi tal-iskema speċjali tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali tal-RATP lejn l-iskemi tal-liġi ordinarja jeħtieġ il-kontribut għall-iskemi riċevituri tas-saldu, jiġifieri l-kontribuzzjonijiet eċċezzjonali, globali u liberatorji.

(43)

L-awtoritajiet Franċiżi ddettaljaw il-metodi tal-kalkolu ta’ dan is-saldu. Il-kalkoli se jsiru skont il-valuri tal-parametri fis-seħħ fil-ħin tal-implimentazzjoni. Dawn il-parametri huma:

ir-rati tal-kontribuzzjoni tal-bażijiet li jippermettu l-kalkolu tad-dotazzjoni għar-riżervi previsti mill-iskemi kumplimentari;

ir-rati ta’ attwalizzazzjoni u eventwalment it-tabella tal-mortalità, li tvarja skont iċ-ċirkustanzi ekonomiċi.

(44)

L-awtoritajiet Franċiżi jikkalkolaw li f’dan l-istadju s-saldu li għandu jitħallas huwa dan li ġej:

Is-saldu lill-Caisse nationale d’assurance vieillesse (CNAV) li tiġġestixxi l-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali jrid jogħla għal ammont ta’ madwar [bejn EUR 400 u 800] (*) miljun;

Is-saldu lill-iskemi kumplementari tal-liġi ordinarja ġestita minn AGRIC-ARRCO, fil-forma ta’ parteċipazzjoni fir-riżervi tekniċi ta’ dawn l-iskemi, irid jogħla għal ammont ta’ madwar [bejn EUR 80 u 300] miljun.

(45)

Il-Gvern Franċiż jipprevedi li jieħu ħsieb, minflok il-CRP-RATP, il-kontribut ta’ dan is-saldu għall-iskemi tal-liġi ordinarja b’mod li jiżgura n-newtralità finanzjarja tat-tqarrib tal-iskema speċjali tal-RATP għal dawn l-iskemi riċevituri.

Id-drittijiet bażiċi miksuba wara id-data tal-operazzjoni ta’ tqarrib

(46)

Fil-każ tad-drittijiet bażiċi miksuba wara l-operazzjoni tat-tqarrib, huwa previst li l-RATP u l-uffiċċjali tagħha jħallsu l-kontribuzzjonijiet tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-liġi ordinarja bħala kontroparti tal-intervent tal-iskema ġenerali u tal-iskemi kumplimentari.

6.   RAĠUNIJIET LI WASSLU GĦALL-ADDOZZJONI TAD-DEĊIŻJONI TAL-BIDU TAL-PROĊEDURA

(47)

Fid-Deċiżjoni tagħha tal-bidu tal-proċedura, il-Kummissjoni uriet id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tar-riforma nnotifikata mas-suq komuni. Il-Kummissjoni semmiet li l-għan tal-proċedura hu li tiddetermina jekk ir-riforma nnotifikata tinvolvix għajnuna lill-RATP.

(48)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni saqsiet lilha nnifisha dwar ir-rabta mill-qrib bejn il-ħolqien tal-CRP-RATP u l-operazzjoni tat-tqarrib mal-iskemi tal-liġi ordinarja u rat li hu meħtieġ tivverifika jekk it-tqarrib tad-drittijiet bażiċi jinvolvix għajnuna mill-Istat favur l-RATP.

(49)

Wara dan, il-Kummissjoni uriet id-dubji tagħha fuq il-proposta li l-finanzjament mill-Istat tad-drittijiet speċifiċi tal-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-RATP jinvolvix għajnuna mill-Istat, u jekk ikun il-każ, li dan ikun kumpatibbli mas-suq komuni.

(50)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni uriet id-dubji tagħha dwar il-ħtieġa tar-riforma nnotifikata u l-proporzjonalità tagħha fir-rigward tal-interess komuni. Fil-każ tal-ħtieġa tar-riforma nnotifikata, il-Kummissjoni saqsiet lilha nnifisha dwar il-bidu reali u effettiv tas-suq tat-trasport pubbliku fir-reġjun ta’ Pariġi kif ukoll dwar it-tneħħija tal-elementi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni legali u fattwali tal-RATP u li jistgħu jostakolaw il-kompetizzjoni effettiva. Il-Kummissjoni uriet ukoll id-dubji tagħha dwar il-proporzjonalità tar-riforma nnotifikata speċjalment minħabba l-fatt li din tirrigwarda wkoll l-impenji speċjali tal-pensjoni tal-irtirar tal-impjegati li se jiġu impjegati wara l-implimentazzjoni tagħha.

(51)

Fid-Deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-finanzjament mill-Istat tad-defiċit tal-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-RATP għall-perjodu 1995-2005 jinvolvi għajnuna mill-Istat eżistenti skont l-Artikolu 1(iii)(b), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (23) (ara l-premessa 15 ta’ din id-Deċiżjoni).

(52)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE ma kienx applikabbli għall-CRP-RATP ladarba din tal-aħħar mhix impriża (il-premessa 67 tad-Deċiżjoni msemmija).

(53)

Fl-aħħar nett il-Kummissjoni kkalkolat li l-garanzija mogħtija mill-Istat Franċiż lill-benefiċjarji tal-iskema speċjali tiffavorixxi direttament lill-impjegati tal-RATP, u mhux lill-RATP innifisha, u li, ma kinitx se tkun ta’ vantaġġ ekonomiku għall-impriża (il-premessa 70 tad-Deċiżjoni msemmija).

7.   ARGUMENTI TAL-AWTORITAJIET FRANĊIŻI WARA LI BDIET IL-PROĊEDURA

Kumment preliminari

(54)

Fl-ittra tagħhom tat-22 ta’ Jannar 2008, l-awtoritajiet Franċiżi jfakkru li, fil-fehma tagħhom, ir-riforma nnotifikata tistituzzjonalizza għajnuna għall-persuna u mhux għall-impriża RATP u li għalhekk ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur l-RATP. Barra minn hekk, anke jekk il-benefiċjarju reali tar-riforma nnotifikata tkun l-RATP, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li r-riforma msemmija mhix suxxettibbli li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, u lanqas li tiffalsifika l-kompetizzjoni meta l-RATP hija attiva f’suq wieħed biss, dak tat-trasport pubbliku urban fl-Ile-de-France li għadu mhux miftuħ għall-kompetizzjoni u fejn ir-riforma ma taffettwax l-attivitajiet tal-filjali tal-RATP jew is-swieq fejn dawn il-filjali huma attivi.

It-tqarrib tad-drittijiet bażiċi

(55)

L-awtoritajiet Franċiżi jqisu li fin-nuqqas tal-vantaġġ għall-RATP, it-tqarrib tal-CRP-RATP għall-iskema ġenerali ma jinvolvix l-elementi ta’ għajnuna mill-Istat favur l-RATP.

(56)

L-ewwel u qabel kollox, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li, kif innutat il-Kummissjoni nnifisha fil-punt 69 tad-Deċiżjoni tal-bidu, “it-tieni stadju tar-riforma, jiġifieri l-ħlas tas-saldu u t-trasferiment tal-finanzjament tad-drittijiet bażiċi tal-CRP-RATP għall-CNAV u l-AGIRC-ARRCO ma jaffettwawx iktar is-sitwazzjoni ekonomika tal-RATP”.

(57)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi jikkunsidraw li l-obbligi tal-RATP li jikkorrispondu għad-drittijiet bażiċi ma jinvolvux l-ispejjeż li normalment jaggravaw il-baġit tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza Komunitarja. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, ir-riżorsi finanzjarji tal-intrapriżi Franċiżi huma normalment mgħobbija b’kontribuzzjonijiet liberatorji mħallsa lill-fond għall-pensjonijiet tal-irtirar tal-liġi ordinarja iżda mhux b’obbligu ta’ ħlas tal-pensjonijiet fir-rigward tal-impjegati attivi u dawk irtirati, kif kien il-każ għall-RATP li sa żmien ir-riforma nnotifikata kienet tieħu ħsieb is-servizz tal-pensjonijiet tal-irtirar. Konsegwentement, meta jkunu akkumpanjati mill-ħlas ta’ kontribut liberatorju livell mal-liġi ordinarja, it-tqarrib tal-CRP-RATP għall-iskema ġenerali kif ukoll il-ħlas tas-saldu mill-Istat lill-iskema ġenerali ma jħallux lill-RATP tevita l-ispejjeż li normalment jaggravaw ir-riżorsi finanzjarji tal-impriża.

(58)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li ladarba l-iskema speċjali ġiet imposta mill-Istat meta ġiet imwaqqfa l-RATP fl-1948, ma tkunx ħaġa normali li l-impriża jkollha ġġarrab l-ispiża tas-saldu li jirrappreżenta l-kontroparti tat-tqarrib tal-CRP-RATP għall-iskema ġenerali.

Il-finanzjament tad-drittijiet speċifiċi

(59)

L-ewwel nett, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-ġurisprudenza, li skontha l-infiq li jirriżulta minn kuntratt kollettiv jinvolvi nfiq li normalment jaggrava l-baġit tal-impriża – indipendentament mill-fatt li l-impriża aċċettat dan il-kuntratt volontarjament jew li ġie estiż b’mod regolamentari jew leġiżlattiv (24) – ma tapplikax għall-każ in kwistjoni għax l-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali tal-RATP ma nħarġitx minn kuntratt kollettiv.

(60)

It-tieni nett, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-eżistenza tad-drittijiet speċifiċi ma bl-ebda mod ma huma ta’ vantaġġ għall-RATP. Il-fatt li l-RATP ikompli jimpjega uffiċjali b’kuntratt li jibbenefikaw mid-drittijiet speċifiċi ma jurix li l-eżistenza tad-drittijiet speċifiċi tinvolvi vantaġġ ekonomiku għall-RATP.

(61)

It-tielet nett, l-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li l-finanzjament pubbliku tad-drittijiet speċifiċi jinvolvi l-kumpens strett tal-infiq li mhux normali mwieżen mill-RATP. L-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-konklużjoni li skontha l-finanzjament tad-drittijiet speċifiċi għall-pensjonijiet tal-irtirar ma jinvolvux għajnuna mill-Istat ġejja mill-prinċipji stabbiliti bil-ġurisprudenza komunitarja sa mill-oriġini tal-Komunità, li s-sentenzi tagħha Combus  (25) u Enirisorse  (26) mhumiex ħlief l-iktar illustrazzjonijiet reċenti.

Il-kompatibbiltà tar-riforma nnotifikata mas-suq komuni

(62)

Anke jekk il-Kummissjoni tqis li r-riforma nnotifikata tinkludi elementi ta’ għajnuna mill-Istat, l-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li din ir-riforma għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni fi kwalunkwe każ.

(63)

L-awtoritajiet Franċiżi jsostnu l-pożizzjoni tagħhom li skontha r-riforma nnotifikata tikkonforma mat-teorija tal-ispejjeż li ma ġewx irkuprati u hija favur il-kompetizzjoni.

(64)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-finanzjament ġdid tad-drittijiet tal-pensjonijiet tal-irtirar mill-2006 huwa meħtieġ u proporzjonat biex jinkiseb funzjonament kompetittiv tas-suq.

(65)

L-awtoritajiet Franċiżi jqisu li r-riforma nnotifikata hija meħtieġa ladarba tiġi qabel il-ftuħ tal-kompetizzjoni tas-settur tat-trasport urban fl-Ile-de-France previst fir-Regolament (KE) Nru 1370/2007. Minn naħa, hija tipprevjeni t-tagħwiġ tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi pubbliċi u privati u, min-naħa l-oħra, tikkanċella definittivament il-barriera fid-dħul li kienet tikkostitwixxi l-mod ta’ finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-RATP.

(66)

Dwar in-natura proporzjonata tar-riforma nnotifikata, l-awtoritajiet Franċiżi għarrfu lill-Kummissjoni, permezz tal-ittra tat-23 ta’ April 2008, bir-riforma tal-iskema speċjali tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-RATP imqabbda mill-gvern Franċiż, riforma li tarmonizza l-iskema speċjali tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-RATP mar-regoli li jeżistu fil-liġi ordinarja.

8.   RIMARKI TAL-PARTIJIET INTERESSATI WARA LI BDIET IL-PROĊEDURA

(67)

Bl-ittra tat-13 ta’ Frar 2008, is-sindikat SUD tal-RATP oġġezzjona għall-proġett innotifikat mill-awtoritajiet Franċiżi minħabba li l-uniku għan ta’ dan il-proġett hu li jbiddel l-RATP fi grupp internazzjonali kbir imċaqlaq mill-profitt. F’din l-ittra, it-trejdjunjin SUD tal-RATP ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq il-fatt li, fil-fehma tiegħu, l-istatut tal-uffiċċjali tal-RATP mhuwiex dak ta’ impjegati bil-liġi privata soġġetti għall-kodiċi tax-xogħol.

(68)

Barra minn hekk, it-trejdjunjin SUD tal-RATP isostni li r-riforma tal-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-RATP kellha tiġi elaborata minn kummissjoni mħallta konġunta ladarba jinvolvi negozjati kollettivi bejn il-partijiet soċjali.

9.   KUMMENTI TA’ FRANZA FUQ IR-RIMARKI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(69)

Fil-każ tal-iskema ġuridika applikabbli għall-uffiċjali tal-RATP, l-awtoritajiet Franċiżi jippreċiżaw fl-ittra tagħhom tat-3 ta’ April 2008 li d-dispożizzjonijiet tal-kodiċi tax-xogħol jiġu applikati għall-uffiċċjali tal-RATP li għandhom kuntratt, ħlief jekk il-kodiċi tax-xogħol jew il-ġurisprudenza jeskludu ċarament li d-dispożizzjonijiet tagħhom japplikaw għal dawn l-uffiċjali. Skont Franza, dawn l-eċċezzjonijiet mhumiex biżżejjed biex jiġi stabbilit li l-uffiċjali tal-RATP se jitpoġġew f’relazzjoni ta’ xogħol tal-liġi pubblika.

(70)

Franza wriet ukoll li d-digriet Nru 60-1362 tad-19 ta’ Diċembru 1960, li jagħti kompetenza lill-kummissjoni mħallta konġunta tal-RATP fir-rigward tal-istatut tal-persunal, ma jevokax l-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, l-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-RATP ma tirriżultax min-negozjati kollettivi, iżda ġiet imposta fuq l-RATP mill-Istat permezz tal-ammnistrazzjoni.

10.   AMBITU GĦAL DIN ID-DEĊIŻJONI

(71)

Din id-deċiżjoni tirrigwarda l-kompatibbiltà tas-sistema l-ġdida ta’ finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar mar-regoli komunitarji li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat.

(72)

Il-bidu għal din il-proċedura tal-10 ta’ Ottubru 2007 u, b’mod partikolari, il-kummenti tal-awtoritajiet Franċiżi taw possibbiltà lill-Kummissjoni biex tippreċiża l-modalitajiet tal-implimentazzjoni tar-riforma nnotifikata u tidentifika tliet miżuri suxxettibbli li jinvolvu l-elementi ta’ għajnuna mill-Istat.

(73)

L-ewwel nett, mill-1 ta’ Jannar 2006, il-CRP-RATP sar l-uniku debitur ġuridiku ta’ pensjonijiet tal-irtirar ta’ uffiċjali impjegati b’kuntratt, minflok l-RATP.

(74)

It-tieni nett, mill-1 ta’ Jannar 2006, l-Istat iħallas sussidju lill-CRP-RATP maħsub biex jibbilanċja l-kontijiet tagħha. Dan is-sussidju pubbliku jkopri d-defiċit demografiku u l-ispejjeż addizzjonali tal-iskema speċjali tal-RATP.

(75)

It-tielet nett, ir-riforma nnotifikata tipprevedi l-possibbiltà għall-CRP-RATP li tqarreb id-drittijiet bażiċi tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-iskema speċjali għall-iskemi tal-liġi ordinarja. L-Istat se jieħu ħsieb il-ħlas tas-saldu maħsub biex jirrispetta l-prinċipju tan-newtralità finanzjarja stretta tat-tqarrib minflok il-CRP-RATP.

11.   EVALWAZZJONI TAL-EWWEL MIŻURA: IL-ĦOLQIEN TAL-CRP-RATP

(76)

Il-Kummissjoni tosserva li mill-1 ta’ Jannar 2006 il-CRP-RATP sar l-uniku debitur ġuridiku tal-pensjonijiet tal-irtirar ta’ uffiċjali impjegati b’kuntratt, minflok l-RATP. Il-Kummissjoni tosserva li, simultanjament, il-kontribuzzjoni mħallsa mill-RATP lill-CRP-RATP għall-pensjonijiet tal-irtirar saret liberatorja.

(77)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, fil-qafas tas-sistema stabbilita qabel l-1 ta’ Jannar 2006, l-RATP kienet debitur legali tal-impenji tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-iskema speċjali. Għalhekk, is-sistema ta’ finanzjament tal-iskema speċjali tal-uffiċjali tal-RATP tidderoga mil-liġi ordinarja: l-RATP tiggarantixxi l-bilanċ finanzjarju tal-iskema kkonċernata, ladarba ma kellhiex il-kontribuzzjoni “impjegatur” mħallsa mill-RATP għall-iskema speċjali.

(78)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-effett prinċipali tad-dispożizzjonijiet previsti mir-riforma nnotifikata kien li jikkonferixxi natura liberatorja għall-kontribuzzjoni “impjegatur” imħallsa mill-RATP għall-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali tagħha, u b’hekk jeħilsuha mill-obbligu storiku li tiggarantixxi l-bilanċ tal-iskema speċjali. Fi kliem ieħor, ir-riforma nnotifikata ttrasferiet ir-responsabbiltà tal-bilanċ finanzjarju tal-iskema speċjali ikkonċernata tal-RATP għall-CRP-RATP u fl-aħħar nett għall-Istat.

(79)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li fin-nuqqas tar-riforma nnotifikata, l-obbligu tal-bilanċ finanzjarju tal-iskema speċjali li kellha l-RATP kellu jinbidel f’impenn fir-rigward tal-Istat li kellu jiddaħħal fil-kontijiet fil-ħin tat-tranżizzjoni għall-istandards IFRS (International Financial Reporting Standard, Standards Internazzjonali ta’ Informazzjoni Finanzjarja), li mit-30 ta’ Ġunju 2007 huma applikabbli għall-RATP (27).

(80)

F’dan l-istadju, il-Kummissjoni tisħaq li l-mistoqsija li tirriżulta mill-ħolqien tal-CRP-RATP hija identika għall-problematika mqajma fil-qafas tar-riforma tal-mod ta’ finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali tal-Istat impjegati ma’ La Poste (28). Konsegwentement, il-Kummissjoni vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-miżura ikkonċernata tinvolvi l-elementi ta’ għajnuna mill-Istat billi tadotta l-istess proċedura tad-Deċiżjoni msemmija hawn fuq.

11.1.   L-EŻISTENZA TA’ GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(81)

L-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE jipprevedi li, “l-għajnuna fi kwalunkwe forma li tkun mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti intrapriżi jew ċerti produzzjonijiet għandha tkun inkompatibbli mas-suq komuni, ħlief għad-derogi prevsti f‘dan it-Trattat”.

(82)

Skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat il-kwalifika ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat tinvolvi li l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin ikunu sodisfatti, jiġifieri: 1) il-miżura kkonċernata għandha vantaġġ ekonomiku selettiv, 2) dan il-vantaġġ għandu jkun iffinanzjat permezz ta’ riżorsi mill-Istat; 3) dan il-vantaġġ ifixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni u, fl-aħħar nett; 4) dan il-vantaġġ jaffettwa l-iskambji bejn Stati Membri.

(83)

Huwa importanti li jiġu esposti r-raġunijiet li jqisu l-miżura kkonċernata tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi u, li għalhekk tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur l-RATP skont l-Artikoli 87(1) tat-Trattat.

11.1.1.   EŻISTENZA TA’ VANTAĠĠ EKONOMIKU SELETTIV FAVUR L-RATP

(84)

Sabiex wieħed japprezza jekk il-miżura kkonċernata tinkludix elementi ta’ għajnuna mill-Istat, huwa importanti li wieħed jiddetermina jekk din il-miżura hix ta’ vantaġġ ekonomiku għall-RATP minħabba li din tippermettilha li tevita li ġġarrab l-ispejjeż li normalment kienu jtaqqlu r-riżorsi finanzjarji proprji tal-impriża u għalhekk tellfu lill-forzi preżenti fis-suq milli jipproduċu l-konsegwenzi normali tagħhom (29).

(85)

F’dan il-kuntest, skont ġurisprudenza kostanti, infiq normali huwa spiża normali inerenti għall-ġestjoni ta’ kuljum jew għall-attivitajiet kurrenti ta’ impriża (30). Barra minn hekk, skont il-Qorti għajnuna tikkonsisti fit-tħaffif tal-ispejjeż li normalment jgħabbu l-baġit tal-impriżi waqt li titqies in-natura jew l-ekonomija tas-sistema tal-ispejjeż ikkonċernati, filwaqt li spiża speċjali hija spiża addizzjonali meta titqabbel mal-ispejjeż normali (31).

(86)

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti, u skont il-prattika tagħha tat-teħid tad-deċiżjonijiet (32), il-Kummissjoni tqis li l-kwalifika ta’ spiża “normali” jew “speċjali” timplika d-definizzjoni ta’ qafas ta’ referenza, jew kumparatur, mal-għan li jidentifika l-impriżi li jkunu f’sitwazzjoni ġuridika u fattwali paragunabbli fir-rigward tal-għan imfittex mill-miżura kkonċernata.

(87)

F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, biex jiġi applikat l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, huwa meħtieġ li jiġi determinat jekk, fil-qafas ta’ skema ġuridika mogħtija, miżura statali tiffavorixxix “ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat meta mqabbla ma’ impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli fir-rigward tal-għan imfittex mill-miżura kkonċernata.

(88)

B’mod iktar preċiż, il-Qorti tindika li l-għażla ta’ sistema ta’ referenza ssegwi approċċ maqsum f’żewġ stadji: l-ewwel, id-determinazzjoni ta’ sistema ta’ spejjeż ikkonċernata mill-miżura kkonċernata u, it-tieni, id-determinazzjoni ta’ skema ġenerali applikabbli għas-sistema tal-ispejjeż ikkonċernati.

(89)

Fl-ipoteżi li jista’ jiġi identifikat kumparatur eżoġenu rilevanti b’referenza fejn l-eżistenza ta’ spejjeż “mhux normali” tista’ tiġi definita, il-miżura kkonċernata ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat. F’każ kuntlarju, il-miżura kkonċernata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.

11.1.1.1.    Nuqqas ta’ kumparatur eżoġenu fil-każ ikkonċernat

(90)

Bl-applikazzjoni ta’ din il-metodoloġija f’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li s-sistema ta’ spejjeż ikkonċernata mill-miżura kkonċernata tinkludi kontribuzzjonijiet soċjali mġarrba mill-impjegatur fil-qafas tal-assigurazzjoni obbligatorja tax-xjuħija tal-impjegati tiegħu.

(91)

Fit-teorija, il-Kummissjoni tiddistingwi bejn żewġ oqfsa potenzjali ta’ referenza:

id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-assigurazzjoni obbligatorja tax-xjuħija li japplikaw għall-iskemi tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-liġi ordinarja, jiġifieri tas-sigurtà soċjali ġestita mill-CNAV u mill-iskemi kumplimentari ġestiti mill-AGIRC u mill-ARRCO;

Id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-assigurazzjoni obbligatorja tax-xjuħija li japplikaw għal stabbilimenti pubbliċi oħrajn.

(92)

Fil-każ tal-ewwel kumparatur, jiġifieri l-iskemi tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-liġi ordinarja, il-Kummissjoni tara li mill-1 ta’ Jannar 2006 l-RATP twettaq il-kontribuzzjoni soċjali li qiegħda fl-istess livell tal-kontribuzzjoni soċjali li jwettqu l-impriżi bil-fond għall-pensjonijiet tal-irtirar li tiġġestixxi l-iskemi tal-liġi ordinarja. Madankollu, il-Kummissjoni tara li mill-1 ta’ Jannar 2006, il-prestazzjonijiet li jitħallsu lill-benefiċjarji tal-RATP mill-iskema speċjali ġestita mill-CRP-RATP huma superjuri għall-prestazzjonijiet li jibbenefikaw minnhom l-impjegati affiljati fi skemi tal-liġi ordinarja.

(93)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-affiljati fi skemi tal-liġi ordinarja huma impjegati b’kuntratt tal-liġi privata waqt illi l-impjegati tal-RATP huma uffiċjali b’kuntratt. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-istatut tal-persunal tal-RATP huwa derogatorju għal-liġi ordinarja (ara n-nota ta’ qiegħ nru 6).

(94)

Il-Kummissjoni tqis, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ qabel u tal-prattika tat-teħid tad-deċiżjoni tagħha (33), li d-dispożizzjonijiet applikabbli għal-iskemi tal-liġi ordinarja fir-rigward tal-assigurazzjoni obbligatorja tax-xjuħija ma jistgħux jitqiesu bħala kumparatur fl-analiżi tal-Kummissjoni biex tiddetermina l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

(95)

F’dak li jirrigwarda t-tieni kumparatur possibbli, jiġifieri l-istabbilimenti pubbliċi, il-Kummissjoni ma setgħetx tidentifika grupp ta’ operaturi ekonomiċi li jiffurmaw grupp omoġenu, li jista’ jservi bħala kumparatur. L-RATP fil-fatt tinsab fi Franza f’sitwazzjoni ġuridika u fattwali partikolari ħafna (34).

(96)

Biex nikkonkludu, il-Kummissjoni tqis li ma jeżisti l-ebda element ta’ kumparatur eżoġenu li jippermetti d-definizzjoni ta’ kontribuzzjoni “normali” mġarrba minn impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni ġuridika u fattwali li tista’ titqabbel ma’ dik tal-RATP fir-rigward tal-għan imfittex mill-miżura kkonċernata.

(97)

Id-Deċiżjoni Enirisorse  (35) kkwotata minn Franza, ma tbiddilx il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-eżistenza ta’ vantaġġ favur l-RATP. Bl-istess mod, fis-sentenza Enirisorse, il-Qorti tibbaża l-konklużjoni tagħha fuq il-paragun bejn il-miżura kontenzjuża ma’ “sitwazzjoni normali”, li l-Qorti setgħet tiddefinixxi iżda li ma teżistix b’mod simili f’din il-kwistjoni.

(98)

Fin-nuqqas ta’ kumparatur eżoġenu rilevanti, il-Kummissjoni tqis li, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1), tat-Trattat tal-KE, il-qafas ta’qabel l-għoti tal-miżura.

11.1.1.2.    Eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku

(99)

Kif jidher qabel, fil-qafas tas-sistema stabbilita qabel l-1 ta’ Jannar 2006, l-RATP kienet debitur legali tal-impenji tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-iskema speċjali. Skont dan, l-RATP tiggarantixxi l-bilanċ finanzjarju tal-iskema kkonċernata, ladarba ma kellhiex il-kontribuzzjoni “impjegatur” mħallsa mill-RATP għall-iskema speċjali.

(100)

Il-Kummissjoni sostniet li d-dispożizzjonijiet previsti mir-riforma nnotifikata kellhom prinċipalment jikkonferixxu n-natura liberatorja għall-kontribuzzjoni “impjegatur” imħallsa mill-RATP għall-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċċjali tagħha.

(101)

Għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri kkonċernati jeħilsu lill-RATP mill-ispejjeż li kien ikollha tħalas skont il-liġi tal-1948 imsemmija qabel.

(102)

Fil-kuntest ta’ analiżi tan-natura normali jew le tal-ispejjeż tal-pensjonijiet tal-irtirar għall-RATP innifisha, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-obbligi li trid tassumi l-impriża skont il-leġiżlazzjoni tax-xogħol jew ta’ kuntratti kollettivi konklużi mat-trejdjunjins fir-rigward ta’ ħlas tas-sensja u/jew ta’ irtirar kmieni huma parti mill-ispejjeż normali li impriża trid tiffinanzja mir-riżorsi tagħha stess (36).

(103)

Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-ispejjeż li trid tħallas l-RATP skondTil-liġi tal-1948 huma spejjeż normali. Għalhekk, ladarba l-miżura kkonċernata tippermetti li wieħed jevita li jġarrab spejjeż li normalment kienu jtaqqlu r-riżorsi finanzjarji propji tal-RATP, il-Kummissjoni tqis li din il-miżura tagħti vantaġġ ekonomiku lill-operatur fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat. Dan il-vantaġġ huwa selettiv minħabba li jirrigwarda benefiċjarju wieħed biss.

(104)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li fin-nuqqas tar-riforma nnotifikata, l-obbligu tal-bilanċ finanzjarju tal-iskema speċjali li kellha l-RATP kellu jinbidel f’impenn fir-rigward tal-Istat li kellu jiddaħħal fil-kontijiet fil-ħin tat-tranżizzjoni għall-istandards IFRS (International Financial Reporting Standard, Standards Internazzjonali ta’ Informazzjoni Finanzjarja), li mit-30 ta’ Ġunju 2007 japplikaw għall-RATP.

(105)

Dan l-element jikkonferma li l-ħolqien tal-CRP-RATP iħaffef lill-RATP mill-ispejjeż li normalment kien ikollha ġġarrab.

11.1.1.3.    L-inapplikabbiltà tal-ġursiprudenza Combus f’dan il-każ

(106)

L-awtoritajiet Franċiżi jirrefereu b’mod dettaljat għas-sentenza Combus  (37), fejn il-Qorti qieset bħala spejjeż li mhumiex normali dwak li jirriżultaw mill-istat derogatorju tal-persunal ta’ impriża li, wara riforma, tinsab f’sitwazzjoni ta’ liġi ordinarja, u għalhekk identika għal dik tal-kompetituri tagħha, fir-rigward tal-ġestjoni tal-persunal tagħha. Għalhekk il-Qorti ddikjarat: “il-miżura kkonċernata kellha l-għan li tissostitwixxi l-istat privileġġjat u għoli tal-uffiċjali impjegati ma’ Combus b‘kuntratt li jista’ jitqabbel ma’ dak tal-impjegati ta’ impriżi oħra għat-trasport bil-karrozza tal-linja li huma l-kompetituri ta’ Combus. Għalhekk kien il-każ li Combus tiġi meħlusa minn żvantaġġ strutturali meta mqabbla mal-kompetituri privati tagħha. Madankollu, l-Artikolu 87(1) KE għandu biss l-għan li jipprojbixxi l-vantaġġi li jjiffavorixxu ċerti impriżi, fejn l-idea ta’ għajnuna tkopri biss interventi li jħaffu l-ispejjeż li normalment itaqqlu l-baġit ta’ impriża u li jridu jitqiesu bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża li tibbenefika minnu ma knitx tikseb f‘kundizzjonijiet normali tas-suq. […]. Barra minn hekk, l-Istat Daniż seta‘, minflok iħallas is-somma ta’ 100 miljun DKK direttament lill-uffiċjali impjegati ma’ Combus, jikseb l-istess riżultat billi jerġa‘ jimpjega lil dawn l-uffiċjali fl-amministrazzjoni pubblika, mingħajr ma jħallas sussidju speċifiku, u dan jippermetti li Combus timpjega immedjatament lil aġenti kuntrattwali li jaqgħu taħt il-liġi privata.”

(107)

B’mod ġenerali, jaqbel li wieħed ifakkar l-ewwel nett li l-ġurisprudenza Combus ma ġietx ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ċerti elementi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkontradixxu l-ipoteżi li skontha l-kumpens ta’ żvantaġġ strutturali jeskludi l-kwalifikazzjoni ta’ għajnuna. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem indikat li l-eżistenza ta’ għajnuna kellha tkun apprezzata fir-rigward tal-effetti u mhux skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi mill-Istat (38). Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll li l-idea ta’ għajnuna tkopri l-vantaġġi mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi li, taħt forom differenti, iħaffu l-ispejjeż li normalment itaqqlu l-baġit ta’ impriża (39). Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll b’mod ċar li l-ispejjeż marbuta mar-remunerazzjoni tal-impjegati tagħhom huma ta’ piż, min-natura tagħhom, fuq il-baġit tal-impriżi, indipendentement mill-kwistjoni li wieħed ikun jaf jekk l-ispejjeż humiex ġejjin jew le minn obbligi legali jew minn ftehimiet kollettivi (40). F’dan il-qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-fatt li l-miżuri tal-Istat kellhom l-għan li jikkumpensaw għas-soprataxxi ma jeżentahomx milli jikkwalifikaw għall-għajnuna (41). F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet Franċiżi jirreferu għall-applikazzjoni tal-prinċipju enunċjat mill-Qorti fis-sentenza Combus, waqt li affermaw li r-riforma nnotifikata teħles lill-RATP minn spiża li mhix normali.

(108)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tisħaq li l-elementi materjali importanti jagħmlu differenza bejn il-kwistjoni Combus u din il-kwistjoni:

il-kumpens ser jitħallas direttament lill-uffiċjali impjegati minn Combus fil-waqt li l-miżuri li huma s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni jikkonċernaw il-kontribuzzjonijiet tal-impjegatur tal-RATP;

il-miżura tal-istat rilevanti tal-Istat fil-kwistjoni Combus kellha l-għan li tissostitwixxi l-istat privileġġjat u għoli tal-uffiċjali impjegati ma’ Combus bi stat ta’ aġent kuntrattwalili jista’ jitqabbel ma’ dak ta’ impjegati ta’ impriżi oħrajn tat-trasport bil-karrozza tal-linja li huma kompetituri ta’ Combus. Min-naħa l-oħra, l-istat u d-drittijiet tal-uffiċjali tal-RATP baqgħu ma nbidlux minħabba l-miżuri kkonċernati. Dan l-istatut u dawn id-drittijiet huma differenti minn dawk tal-impjegati, b’kuntratt tal-liġi privata, tal-impriżi affiljati fi skemi tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-liġi ordinarja;

il-kuntest ta’ kompetizzjoni tal-attivitajiet ta’ Combus kien differenti minn dak li fih evolviet l-RATP. Il-kumpanija b’responsabbiltà limitata Combus A/S kellha tiġġestixxi l-attività tat-trasport fuq bażi kummerċjali u topera fuq is-suq fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jitqabblu ma’ dawk ta’ kumpaniji privati ta’ karrozzi tal-linja. F’dan il-kuntest, is-soċjetajiet pubbliċi ta’ ġestjoni tat-trasport, wara sejħa għall-offerti, iċedu t-twettiq tat-trasport bil-karrozza tal-linja lill-impriżi privati u pubbliċi. Skont ir-regoli li jirregolaw is-sejħa għall-offerti, is-swieq jingħataw lill-“offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament”, mingħajr ma jkun hemm lok li wieħed jikkunsidra n-natura privata jew pubblika ta’ min jagħmel l-offerta. L-RATP għandha settur kbir mhux liberalizzat li r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 se jressaq għall-kompetizzjoni gradwalment ħafna u li fih restrizzjonijiet ekonomiċi li jidhru f’modi varji ħafna.

(109)

Il-Kummissjoni tqis li d-differenzi fattwali bejn il-kwistjoni Combus u dan il-każ huma suffiċjenti biex jiġġustifikaw raġunament differenti għaż-żewġ kwistjonijiet.

11.1.2.   PREŻENZA TA’ RIŻORSI TAL-ISTAT

(110)

Il-Kummissjoni tqis li l-miżura eżaminata timplika riżorsi tal-Istat favur l-RATP fejn ir-responsabbiltà aħħarija għall-ibbilanċjar tal-iskema speċjali tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċċjali tal-RATP ma tibqax ta’ din tal-aħħar iżda ssir tal-Istat. Fil-fatt, mill-implimentazzjoni tar-riforma, l-Istat jiggarantixxi l-bilanċ finanzjarju tal-CRP-RATP bil-ħlas ta’ sussidju ta’ bilanċ lill-entità tas-sigurtà soċjali li, fin-nuqqas tar-riforma, kellha tkun koperta mill-RATP.

(111)

Għalhekk, il-Kummissjoni ikkonkludiet li l-miżura li qiegħda tiġi eżaminata timplika riżorsi mill-Istat skont l-Artikolu 87(1), tat-Trattat.

11.1.3.   DISTORSJONIJIET TAL-KOMPETIZZJONI U L-PREĠUDIZZJI GĦALL-ISKAMBJI

(112)

Kif kien indikat minn qabel, l-RATP, il-benefiċjarja tal-miżura kkonċernata, hija l-kumpanija ewlenija ta’ grupp ta’ impriżi, il-grupp RATP, li jopera fis-setturi tat-trasport u tas-servizzi assoċjati. Dawn l-operaturi flimkien huma attivi fis-swieq komunitarji tas-setturi msemmija hawn fuq.

(113)

F’dan il-kuntest, huwa importanti li jiġi mfakkar li l-għajnuna li għandha l-għan li teħles lill-impriża mill-ispejjeż li normalment kien ikollha ġġarrab fil-qafas tal-ġestjoni attwali tagħha jew tal-attivitajiet normali tagħha, tfixkel, fil-prinċipju, il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (42). Fil-fatt tqies li kwalunkwe għajnuna mogħtija lil impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-suq komunitarju hija suxxettibbli li tikkawża tagħwiġ ta’ kompetizzjoni u li taffettwa l-iskambji bejn l-Istati Membri (43). Barra minn hekk, il-Qorti indikat li mhu eskluż bl-ebda mod li sussidju pubbliku mogħti lil impriża li tipprovdi biss servizzi tat-trasport lokali jew reġjonali u ma tipprovdix servizzi tat-trasport barra mill-Istat ta’ oriġini tagħha, jista’ jaffettwa l-iskambji bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti sussidju pubbliku lil impriża, il-provvista tas-servizzi tat-trasport mill-impriża msemmija tista’ tinżamm jew tiżdied, bil-konsegwenza li ċ-ċans li impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra jipprovdu servizzi tat-trasport fis-suq ta’ dan l-Istat jonqos (44).

(114)

F’dan il-każ, il-grupp RATP jinsab f’pożizzjoni privileġġata meta titqabbel kemm mal-kompetituri nazzjonali (45) u kemm mal-kompetituri tagħha fi Stati Membri oħra li ma jistgħux jibbenefikaw mill-miżura kkonċernata.

(115)

F’dan ir-rigward jeħtieġ li wieħed isemmi li r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jipprevedi l-bidu għall-kompetittività gradwali tas-swieq ikkonċernati u li l-bidu tal-kompetizzjoni ta’ settur ikkonċernat jimplika li għajnuna mogħtija mill-Istat lil impriża li tinsab f’dan is-settur għandha tkun suxxettibbli li taffettwa l-iskambji intrakomunitarji u li tfixkel il-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat.

(116)

Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-miżura kkonċernata taffettwa l-iskambji bejn l-Istati Membri u tfixkel il-kompetizzjoni bejn dawn l-operaturi.

11.2.   L-ILLEGALITÀ TAL-GĦAJNUNA

(117)

Skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, l-Istat Membru huwa mitlub li jinnotifika kwalunkwe proġett li jistabbilixxi jew ibiddel l-għajnuna. L-Istat Membru kkonċernat ma jistax idaħħal fis-seħħ il-miżuri proposti tiegħu qabel ma din il-proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali.

(118)

F’dan il-każ, b’ittra tad-29 ta’ Ġunju 2006 l-awtoritajiet Franċiżi nnotifikaw ir-riforma tal-mod ta’ finanzjament tal-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-RATP. F’din l-ittra, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li dan ma jidhirx li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li għandha tkun l-għan ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE.

(119)

Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li l-għajnuna mill-Istat ikkonċernata ġiet implimentata minn Franza mill-1 ta’ Jannar 2006, jiġifieri qabel ma l-Kummissjoni adottat deċiżjoni finali. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li Franza mxiet b’mod illegali billi poġġiet fis-seħħ l-għajnuna kkonċernata bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE.

11.3.   KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA MAS-SUQ KOMUNI

(120)

Il-miżura kkonċernata li tikkostitwixi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, trid tiġi eżaminata l-kumpatibbiltà eventwali tagħha fid-dawl tad-derogi previsti mit-Trattat imsemmi.

(121)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li l-bażi ġuridika l-iktar xierqa hija l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE, li skonthu għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet tista’ tiġi ddikjarata kumpatibbli mas-suq komuni meta hi stess ma tbiddilx il-kundizzjonijiet tal-iskambji b’mod li jmur kontra l-interess komuni.

(122)

Filwaqt li titqies in-natura u l-effetti tar-riforma, il-Kummissjoni tqis li l-evalwazzjoni tal-kumpatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata għandha ssir abbażi l-ħolqien ta’ ambjent ekwu b’ kundizzjonijiet ugwali fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet soċjali obbligatorji bejn l-RATP u l-kompetituri attwali tagħha, kemm potenzjali kif ukoll futuri fis-suq tat-trasport pubbliku u urban fl-Ile-de France.

Il-livell tal-kontribuzzjonijiet tal-RATP imqabbla mal-kompetituri tagħha fis-sistema rriformata

(123)

Biex wieħed janalizza l-effetti tal-għajnuna u jevalwa l-intensità tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni trid l-ewwelnett teżamina l-livell tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-RATP meta mqabbla mal-kompetituri tagħha fis-sistema rriformata. Wara, il-Kummissjoni ser tidentifika s-sitwazzjoni kif se tiġi ppreżentata jekk l-RATP ma bbenefikatx mill-għajnuna kkonċernata. Fl-aħħar nett l-effetti pożittivi tal-għajnuna jiġu analizzati, kif ukoll l-effetti negattivi tagħhom qabel ma twaqqaf bilanċ globali ta’ kumpatibbiltà.

(124)

B’mod preliminarju, il-Kummissjoni li,qabel l-1 ta’ Jannar 2006, il-finanzjament tal-iskema speċjali tal-pensjonijiet tal-iritirar tal-RATP jiddistingwi ruħu mill-finanzjament tal-iskemi tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-liġi ordinarja għal żewġ raġunijiet: in-natura mhux liberatorja tal-kontribuzzjonijiet u r-rati tal-kontribuzzjoni “impjegatur”.

(125)

Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna kkonċernata ġabet soluzzjoni għall-ewwel element ta’ diverġenza bejn l-iskema speċjali tal-RATP u l-iskemi tal-liġi ordinarja. Fil-fatt, qabel l-1 ta’ Jannar 2006, l-RATP ma kinitx tħallas kontribuzzjonijiet ta’ natura liberatorja iżda kienet mitluba mil-liġi biex tibbilanċja l-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar għall-uffiċċjali tagħha. Ir-riforma nnotifikata introduċiet il-ħlas ta’ kontribuzzjoni liberatorja, li tikkaratterizza l-kontribuzzjonijiet imħallsa minn impjegatur tal-liġi ordinarja lill-fond li jiġġestixxi skema ta’ pensjonijiet tal-irtirar f’sistema ta’ tqassim. Fil-każ tat-tieni element ta’ diverġenza, il-Kummissjoni tosserva li r-riforma nnotifikata kellha l-effett li tugwalizza l-livelli tal-ispejjeż obbligatorji tal-assigurazzjoni tax-xjuħija bejn l-RATP u l-impriżi li jaqgħu taħt il-liġi ordinarja tal-prestazzjonijiet tal-irtirar.

Ix-xenarju mingħajr l-għotja tal-għajnuna

(126)

Fin-nuqqas tar-riforma nnotifikata, l-RATP kellha tagħmel proviżjoni, għas-snin finanzjarji wara s-sena finanzjarja 2006, l-impenji tal-irtirar tal-uffiċjali tagħha. Din il-proviżjoni kellha tirriżulta direttament mill-fatt li l-kontribuzzjonijiet “tal-impjegatur” għall-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali tal-RATP ma kinux liberatorji.

(127)

Min-naħa l-oħra, il-kontribuzzjonijiet tal-RATP għall-assigurazzjoni tax-xjuħija biex jiggarantixxu l-bilanċ finanzjarju tal-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar ma ġewx allinjati għal-livell imħallas mill-kompetituri potenzjali tagħha.

(128)

Għaldaqstant, fin-nuqqas tar-riforma nnotifikata, l-RATP kellha tieħu ħsieb l-ispiża annwali supplimentari ta’ diversi mijiet ta’ miljuni ta’ ewro fir-rigward tal-iskema rriformata.

(129)

Konsegwentement, fil-kuntest ta’ suq liberalizzat l-RATP kellha żvantaġġ mill-fatt li kellha l-ispejjeż tagħha tal-pensjonijiet tal-irtirar u dan affettwa l-attivitajiet tagħha b’mod sinifikanti.

L-effetti pożittivi tal-għajnuna

(130)

Minn dan jirriżulta li skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007, li jipprevedi l-bidu eventwali tas-suq tat-trasport pubbliku urban, l-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar applikabbli għall-RATP skont il-liġi tal-1948 għandha karatteristiċi speċifiċi li, weħedhom, joħolqu tagħwiġ tal-kompetizzjoni b’detriment għall-RATP u għall-grupp li tagħmel parti minnu. L-effett essenzjali tal-għajnuna kkonċernata huwa li tallinja l-kontribuzzjonijiet tal-RATP ma’ dawk imġarrba mill-kompetituri tagħha u l-kompetituri tal-grupp RATP, biex b’hekk telimina t-tagħwiġ tal-kompetizzjoni speċifika li taffetwa lill-RATP u lill-grupp RATP.

(131)

Barra minn hekk, ir-riforma tippermetti lill-RATP li taġixxi progressivament bħala investitur privat li jħabbat wiċċu ma’ ristrezzjonijiet kummerċjali normali. Dan huwa wieħed mill-għanijiet tar-riforma msemmija.

(132)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-miżura kkonċernata hija adattata għall-għan ta’ interess komunitarju li hija qed tfittex. L-ebda strument ieħor ma seta’ jitratta l-kwistjoni b’mod aktar effikaċi. Mingħajr dubju l-kumpens tas-servizz pubbliku seta’ ngħata, iżda approċċ bħal dan ma kien ikun la adattat u lanqas sostenibbli fit-tul minħabba n-natura strutturali tal-problema.

(133)

F’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tal-miżuri, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mogħtija hija limitata għall-minimu strett. Mill-1 ta’ Jannar 2006, l-RATP twettaq l-ispejjeż tal-pensjonijiet tal-irtirar identiċi għal dawk imħallsa minn impriża li l-impjegati tagħha huma affiljati fi skemi tal-liġi ordinarja.

(134)

Fl-aħħar nett, il-kummissjoni tqis li l-miżura kkonċernata tippermett l-assigurazzjoni tal-perennità ta’ sistema ta’ rtirar li l-finanzjament tagħha waqa’. Barra minn hekk il-Kummissjoni tqis li r-riforma impenjata bil-prestazzjonijiet tal-irtirar ipprovduti mill-iskema speċjali (46) tikkostitwixxi b’dan element supplimentari determinanti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li dawn il-miżuri jidħlu għalhekk fil-qafas aktar ġenerali tar-riforma tas-sistemi ta’ rtirar tal-Istati Membri, riforma mixtieqa kemm mill-Kunsill u kemm mill-Kummissjoni (47).

Effetti negattivi tal-għajnuna

(135)

F’analiżi tal-Istat, il-Kummissjoni tqis minn naħa li t-tagħwiġ tal-kompetizzjoni li l-miżura kkonċernata ġabet fuq is-suq tat-trasport pubbliku urban fl-Ile-de-France huwa limitat ħafna fl-immedjatezza tiegħu, għax fid-dawl tal-passat tal-RATP u tal-attivitajiet tagħha, jidher ċar li l-impenji tal-irtirar li jikkonċernaw ir-riforma jirreferu għal attivitajiet li storikament saru f’suq mhux liberalizzat fejn sa llum il-kompetizzjoni hija dgħajfa. Min-naħa l-oħra, fil-każ tas-swieq li fihom il-grupp RATP huwa attiv permezz ta’ filjali tal-impriża RATP, il-Kummissjoni tqis li l-miżura kkonċernata ma għandhiex ħlief effett minuri. Fil-fatt, dawn is-swieq jiġu affettwati indirettament biss mill-miżura kkonċernata ladarba, barra mis-separazzjoni ġuridika stretta tal-kontijiet u dik finanazjarja bejn il-kumpanija ewlenija u l-filjali tagħha, ir-riforma nnotifikata ma tikkonċernax il-persunal impjegat minn dawn il-filjali.

(136)

F’analiżi dinamika, li bla dubju hija aktar xierqa fid-dawl tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, il-Kummissjoni tqis li għalkemm teoretikament il-miżura kkonċernata tista’ tippermetti lill-RATP li tibqa’ f’pożizzjoni dominanti, dan ir-riskju huwa minimu. Din il-konklużjoni tirriżulta mill-fatt li l-miżura tillimita ruħha għall-allinjament tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-RATP ma’ dawk tal-kompetituri tagħha u li, wara r-riforma tal-iskema speċjali tal-pensjonijiet tal-irtirar introdotta fl-2008, l-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-RATP mhix ta’ interess partikolari għall-impriża.

Bilanċ ta’ kumpatibbiltà ġenerali

(137)

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-effetti negattivi tal-għajnuna mogħtija lill-RATP se jkunu moderati. Ir-riforma nnotifikata tillimita ruħha għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ugwali f’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni obbligatorja tax-xjuħija, ittemm it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni li kienet tkun ta’ żvantaġġ għall-RATP, u konsegwentement ma tbiddilx il-kundizzjonjiet tal-iskambji b’mod li jmur kontra l-interess komuni.

(138)

Jirriżulta li l-għajnuna kkonċernata hija kumpatibbli mas-suq komuni bil-kundizzjoni li r-riforma tal-iskema speċjali tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-RATP, maħsuba biex tarmonizza din l-iskema mar-regoli tal-liġi ordinarja tal-iskemi ta’ bażi tal-impjegati tas-settur privaat u tal-uffiċjali, tiġi implimentata bis-sħiħ.

(139)

Il-Kummissjoni tqis li l-konklużjoni ta’ hawn fuq ma tiġix diskussa bis-soluzzjoni li nstabet fid-Deċiżjoni tagħha 2005/145/KE fil-każ EDF (48).

(140)

F’dan ir-rigward huwa importanti li jiġi mfakkar li fid-deċiżjoni tagħha l-Kummissjoni awtorizzat l-għajnuna mill-Istat li teħles lill-impriżi minn settur ta’ obbligi ta’ pensjonijiet speċifiċi, li jeċċedu dawk li jirriżultaw mill-iskema ġenerali tal-pensjonijiet tal-irtirar u li ġew definiti matul il-perjodu ta’ monopolju. F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni qieset li t-tħaffif parzjali tal-ispiża li tirriżulta mill-mekkaniżmu ta’ finanzjament tad-drittijiet speċifiċi ta’ rtirar miksuba qabel id-data tar-riforma kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat li seta’ jiġi ddikjarat kumpatibbli mas-suq komuni. Il-Kummissjoni qieset fl-analiżi ta’ kumpatibbiltà tagħha li s-sitwazzjoni ta’ EDF ma kinitx daqshekk differenti fin-natura tagħha minn dik tal-“ispejjeż li ma ġewx irkuprati” fil-qasam tal-enerġija. Fil-fatt kien il-każ ta’ għajnuna maħsuba biex tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn settur tal-enerġija kompetittiv. Il-Kummissjoni qieset li hu xieraq li tassimila l-għajnuna lill-EDF ma’ kumpens tal-ispejjeż li ma ġewx irkuprati (49), u ħabbret li din kienet qed issegwi dan l-approċċ fl-analiżi tagħha ta’ każijiet simili.

(141)

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tqis li, f’dan il-każ, l-għajnuna mill-Istat teħles lill-RATP mill-obbligi tal-pensjonijiet li jeċċedu dawk li jirriżultaw mill-iskema ġenerali tal-pensjonijiet tal-irtirar u li ġew definiti qabel ma ġie liberalizzat is-suq. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni żiedet li r-riforma tal-iskemi speċjali tal-pensjonijiet tal-irtirar implimentata mill-RATP fil-bidu tas-sena 2008 tallinja l-iskema speċjali tal-uffiċjali tal-RATP dwar ir-regoli tal-liġi ordinarja tal-iskemi bażiċi tal-impjegati tas-settur privat u tal-uffiċjali.

11.4.   KONKLUŻJONI

(142)

Il-Kummissjoni tqis li l-miżura kkonċernata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1), tat-Trattat. Din l-għajnuna hija illegali, iżda kumpatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat.

12.   EVALWAZZJONI TAT-TIENI U T-TIELET MIŻURA

(143)

Kif kien jidher qabel, ir-riforma nnotifikata tipprevedi li, mill-1 ta’ Jannar 2006, l-Istat iħallas sussidju lill-CRP-RATP maħsub biex jibbilanċja l-kontijiet tagħha.

(144)

Barra minn hekk, ir-riforma nnotifikata tipprevedi l-possibbiltà għall-CRP-RATP li tqarreb id-drittijiet bażiċi tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-iskema speċjali għall-iskemi tal-liġi ordinarja. Sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju ġenerali tan-newtralità finanzjarja, dan it-tqarrib jeħtieġ il-ħlas tas-saldu lill-iskemi riċevituri, saldu li l-Istat se jieħu ħsieb minflok il-CRP-RATP.

(145)

Għaldaqstant irid jiġi determinat jekk dawn il-miżuri jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

(146)

F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi mfakkar li l-Artikolu 87 tat-Trattat ma japplikax ħlief għall-impriżi fis-sens tal-liġi komunitarja tal-kompetizzjoni. Skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti, il-qasam tal-protezzjoni soċjali, meta titwaqqaf fuq is-solidarjetà, ma jikkostitwixxix attività ekonomika fis-sens tat-Trattat (ara l-punt 67 tad-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura tal-10 ta’ Ottubru 2007) (50).

(147)

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tqis li la l-CRP-RATP u lanqas il-fondi għall-pensjonijiet tal-irtirar li jilqgħu lill-impjegati attivi u rtirati tal-RATP, jiġifieri il-CNAV u l-AGIRC-ARRCO, ma huma impriżi fis-sens tal-liġi ordinarja tal-kompetittività għar-raġunijiet li ġejjin.

(148)

F’dan il-każ, il-Kummissjoni tosserva l-ewwel nett li l-uffiċjali tal-RATP huma soġġetti għal protezzjoni soċjali obbligatorja li tinvolvi skema awtonoma ta’ assigurazzjoni tax-xjuħija li b’għan soċjali. Hija timmira biex tiggarantixxi li l-persuni kollha jiġu koperti bir-riskju tax-xjuħija, indipendentement mis-sitwazzjoni ekonomika tagħhom u mill-istat ta’ saħħa tagħhom fil-ħin tal-affiljazzjoni tagħhom.

(149)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis din l-iskema timxi mal-prinċipju tas-solidarjetà fis-sens li l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-ħaddiema attivi jiffinanzjaw il-pensjonijiet tal-ħaddiema rtirati.

(150)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-ġestjoni tal-iskema kkonċernata ngħatat bil-liġi lill-CRP-RATP li l-attività tagħha hija soġġetta għall-kontroll mill-Istat. B’dan, hija tkopri l-prodott tal-kontribuzzjonijiet dovuti mill-impjegati tal-RATP u mill-RATP u tiggarantixxi l-likwidazzjoni u s-servizz tal-pensjonijiet. Il-Kummissjoni tikkummenta li, skont l-Artikolu L 711-1 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, il-CRP-RATP għandu l-attributi kollha stabbiliti fl-Artikolu L 111-1 tal-kodiċi msemmi li, b’mod partikolari jfakkar li l-organizzazzjoni tas-sigurtà soċjali hija bbażata fuq il-prinċipju tas-solidarjetà nazzjonali.

(151)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li, fit-twettiq tal-missjoni tiegħu, il-CRP-RATP japplika l-liġi u ma għandu l-ebda possibbiltà li jinfluwenza l-ammont tal-kontribuzzjonijiet, l-użu tal-fondi jew id-determinazzjoni tal-livell tal-prestazzjonijiet. Il-prestazzjonijiet imħallsa huma legali u indipendednti mill-ammont tal-kontribuzzjonijiet.

(152)

Ladarba l-CRP-RATP mhix impriża fis-sens tal-liġi komunitarja tal-kompetittività, il-Kummissjoni tqis li l-ħlas ta’ sussidju ta’ bilanċ mill-Istat għall-CRP-RATP u l-finanzjament mill-Istat tas-saldu minflok il-CRP-RATP ma jikkostitwixxix l-għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

L-ewwel Artikolu

Il-ħolqien tal-Fondi għall-pensjonijiet tal-irtirar tal-persunal tal-RATP (CRP-RATP) jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li jaqa’ taħt l-Artikolu 87(1), tat-trattat tal-KE, mogħtija illegalment minn Franza bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE.

Din l-għajnuna mill-Istat hija kumpatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3) c) tat-trattat bil-kundizzjoni li r-riforma tal-iskema speċjali tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-RATP, maħsuba biex tarmonizza din l-iskema mar-regoli tal-liġi ordinarja tal-iskemi ta’ bażi tal-impjegati tas-settur privaat u tal-uffiċjali, tiġi implimentata bis-sħiħ..

It-twettiq ta’ din l-għajnuna hija awtorizzata skont dan.

Artikolu 2

Il-ħlas ta’ sussidju ta’ bilanċ mill-Istat għall-CRP-RATP u l-finanzjament mill-Istat tas-saldu minflok l-CRP-RATP fit-tqarrib tad-drittijiet bażiċi tal-iskema speċjali mal-iskemi tal-liġi ordinarja ma jikkostitwixxix l-għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

Artikolu 3

Ir-Repubblika Franċiża hija d-destinatarju ta’ din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU C 9, 15.1.2008, p. 13.

(2)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1.

(3)  Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża tas-26 ta’ Marzu u tat-3 ta’ April 1948..

(4)  Artikolu 2 tal-ordinanza Nru 59-151 tas-7 ta’ Jannar 1959 emendata dwar l-organizzazzjoni tat-trasport tal-passiġġieri fir-reġjun ta’ Pariġi (Journal Officiel de la République française tal-10 ta’ Jannar 1959), li emenda l-liġi tal-1948 imsemmija qabel.

(5)  Il-leġiżlazzjoni tissottometti din il-possibbiltà għall-kundizzjonijiet li ġejjin: “Barra r-reġjun tal-Ile-de-France u barra minn Franza, ir-Régie autonome des trasports parisiens tista’ wkoll, permezz tal-filjali, tibni, tibdel u tħaddem in-netwerks u l-linji tat-trasport pubbliku skont ir-regoli tal-kompetizzjoni. Dawn il-filjali għandhom l-istatut ta’ kumpanija b’responsabbiltà limitata. Il-ġestjoni tagħhom hija awtonoma fuq il-livell finanzjarju fil-qafas tal-għanijiet tal-grupp; b’mod partikulari ma jistgħux igawdu mis-sussidji mogħija mill-Istat, mis-u awtoritajiet pubbliċi oħra skont il-funzjonament u l-investiment tat-trasport fir-reġjun tal-Ile-de-France”.

(6)  L-istatut tal-persunal tal-RATP jiddefinixxi l-prinċipji tal-klassifikazzjoni tal-impjegati kif ukoll id-dispożizzjonijiet marbutin ma’ ċerti sitwazzjonijiet li fosthom dawk prinċipali huma:

It-twaqqif tal-attività li jispeċifika r-regoli li għandhom jiġu applikati f’każ ta’ riżenja, sensja jew tkeċċija;

il-btajjel (btajjel annwali, permessi speċjali għall-btala minħabba raġunijiet familjari...);

il-modalitajiet ta’ ħlas antiċipat.

Qabel ir-riforma tal-iskema speċjali tal-pensjoni, l-istatut tal-persunal tal-RATP jistipula fl-Artikolu 51 tiegħu, il-kundizzjonijiet għall-pensjoni, b’referenza għar-Regolament tal-pensjonijiet. Dan tal-aħħar ġie revokat fl-1 ta’ Lulju 2008 (Artikolu 52 tad-Digriet Nru 2008-637 tat-30 ta’ Ġunju 2008).

(7)  Journal officiel de la République française tal-10 ta’ Jannar 1959.

(8)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1.

(9)  Journal officiel de la République française tal-24 ta’ Settembru 1959.

(10)  Il-Liġi Nru 2003-775 tal-21 ta’ Awwissu 2003 dwar ir-riforma tal-pensjonijiet.

(11)  Id-Digriet Nru 2008-48 tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar l-iskema speċjali tal-pensjoni tal-persunal tar-Régie autonome des transports parisiens.

(12)  Id-Digriet Nru 2008-637 tat-30 ta’ Ġunju 2008 dwar ir-Regolament tal-pensjonijiet tal-persunal tar-Régie autonome des transports parisiens.

(13)  Id-Digriet Nruo 2008-1514 tat-30 ta’ Diċembru 2008 dwar ċerti skemi speċjali ta’ sigurtà soċjali u dwar l-iskema tal-irtirar kumplimentari tal-assigurazzjonijiet soċjali favur aġenti mhux titolari tal-istat u tal-kollettivitajiet pubbliċi.

(14)  Il-finanzjament tal-iskema tal-pensjoni bit-tqassim jiddependi fuq solidarjetà importanti bejn il-ġenerazzjonijiet. Il-bilanċ finanzjarju jiddependi fuq ir-relazzjoni bejn l-għadd ta’ dawk li jħallsu l-kontribuzzjonijiet u dawk li jirtiraw. Ir-rati taż-żieda fid-dħul u tal-popolazzjoni li taħdem huma ż-żewġ fatturi prinċipali ta’ evoluzzjoni.

(15)  Id-Digriet Nru 2005-1635 tas-26 ta’ Diċembru 2005 dwar il-fond għall-pensjonijiet tal-persunal tar-Régie autonome des transports parisiens.

(16)  Digriet no 2005-1638 tas-26 ta’ Diċembru 2005 li jiffissa r-rati tal-kontribuzzjonijiet dovuti għall-fond għall-pensjonijiet tal-irtirar tal-persunal tar-Régie autonome des transports parisiens

(17)  CNAV: Caisse Nationale d’Assurance Vieillesse.

(18)  AGIRC: Association générale des institutions de retraite des cadres.

(19)  ARRCO: Association pour le régime de retraite complémentaire des salariés.

(20)  It-tqarrib finanzjarju jżomm l-iskema speċjali u r-regoli tagħha kif inhi. L-għan imfittex hu li jinħarġu l-impenji tal-irtirar mill-bilanċ tal-intrapriżi kkonċernati mill-operazzjoni. It-tqarrib, b’differenza għall-integrazzjoni, jeskludi kull relazzjoni diretta bejn l-iskemi tal-liġi ordinarja u l-intrapriżi, l-impjegati u l-irtirati tal-grupp imqarreb. Permezz ta’ struttura “skrin” installata bejn l-intrapriżi u l-impjegati tas-settur imqarreb minn naħa, u l-iskemi tal-liġi ordinarja min-naħa l-oħra, it-tqarrib ma jorganizzax ħlief flussi finanzjarji globali fuq il-bażi ta’ operazzjonijiet “virtwali”. Virtwali fis-sens li l-persunal ma għandu l-ebda rabta ġuridika jew amministrattiva diretta mal-istituzzjonijiet tal-iskema li tirċievi u li r-regolamentazzjoni tal-iskema speċjali tibqa’ l-unika waħda li tapplika għall-persunal, għad-determinazzjoni tad-drittijiet tiegħu għall-irtirar u l-valorizzazzjoni mill-ġdid tal-pensjonijiet imħallsa.

(21)  Id-drittijiet tal-iskema speċjali jew id-drittijiet “speċifiċi” jikkorrispondu għad-differenza bejn id-drittijiet għall-pensjoni miksuba li tagħti l-iskema speċjali tal-RATP u l-parti korrispondenti għall-prestazzjonijiet li tagħti l-liġi ordinarja jew id-drittijiet bażiċi. Id-drittijiet “speċifiċi” tal-iskema speċjali tal-RATP jikkorrispondu għalhekk għad-drittijiet tal-irtirar li jmorru lil hinn mid-drittijiet li normalment jagħtu l-iskemi tal-liġi ordinarja. Id-drittijiet tal-iskema speċjali, li min-naħa l-oħra huma mwassla biex jisparixxu progressivament fil-qafas tar-riforma tal-iskemi speċjali tal-pensjonijiet tal-irtirar (ara l-premessa 21 ta’ din id-deċiżjoni) jibqa’ inkarigat minnhom il-CRP-RATP.

(22)  Id-differenzi bejn ir-rapporti tal-ispejjeż taż-żewġ skemi jiddependu, minn naħa, mid-differenzi fil-livell ta’ struttura tar-remunerazzjonijiet (li jinfluwenzaw l-ispejjeż tal-irtirar) u, min-naħa l-oħra, mid-differenzi demografiċi (per eżempju bażi ta’ persuni li jagħtu l-kontribuzzjonijiet li hija proporzjonalment iżgħar tinfluwenza t-total tal-kontribuzzjonijiet).

(*)  Tagħrif kopert mis-sigriet professjonali.

(23)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(24)  Sentenza tal-Qorti tal-5 ta’ Ottubru 1999, Franza/il-Kummissjoni, C-251/97, Ġabra. p. I-6639, punt 40.

(25)  Sentenza tat-Tribunal tas-16 ta’ Marzu 2004, Danske Busvognmænd/Il-Kummissjoni, T-157/01, Ġabra p. II-917.

(26)  Sentenza tal-Qorti tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse SpA/SotaCRP-RATPbo SpA, C-237/04, Rec. I-2843.

(27)  Skont ir-rapport ta’ informazzjoni tas-Senatur Bertrand AUBAN, magħmul f’isem il-kummissjoni tal-finanzi, tal-kontroll buġetarju u tal-kontijiet ekonomiċi tan-Nazzjon fid-9 ta’ Lulju 2008, dawn l-impenji tal-pensjonijiet tal-irtirar huma vvalutati għal EUR 21 miljun.

(28)  Deċiżjoni Nru 2008/204/KE tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2007 rigward l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza f’dak li jikkonċerna r-riforma tal-metodu ta’ finanzjament għall-pensjonijiet għall-uffiċjali tas-servizz pubbliku impjegati ma’ La Poste (ĠU L 63, 7.3.2008, p. 16).

(29)  Każ C-301/87, Franza vs Il-Kummissjoni, [1990] Ġabra p.I-307, il-paragrafu 41.

(30)  F’dan is-sens ara d-Deċiżjoni tat-Tribunal tal-20 ta’ Settembru 2000, Spanja/il-Kummissjoni, T-55/99. Rec. p. II-3207, il-punt 82.

(31)  Każ C-390/98, H.J. Banks & Co. Ltd vs The Coal Authority et Secretary of State for Trade and Industry, [2001] Ġabra p. I-6117, il-punt 33.

(32)  F’dan is-sens ara d-Deċiżjoni Nru 2008/204/KE tal-10 ta’ Ottubru 2007 imsemmija qabel u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2007 li tikonċerna r-riforma tal-finanzjament tal-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar fis-settur bankarju fil-Greċja (ĠU C 308 tad-19.12.2007, p. 9).

(33)  F’dan is-sens ara d-Deċiżjonijiet imsemmija f’qiegħ il-paġna 32 ta’ din id-Deċiżjoni.

(34)  F’dan is-sens ara t-taqsimiet 2 u 3 ta’ din id-Deċiżjoni.

(35)  Każ C-34/01, Enirisorse SpA vs Ministero delle Finanze, [2003] Ġabra. I-14243.

(36)  Ara l-punt 63 tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar tal-Impriżi f’Diffikultà, (ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2).

(37)  Sentenza tas-16 ta’ Marzu 2004, Danske Busvognmænd vs Il-Kummissjoni, T-157/01, Ġabra p. II-917.

(38)  Sentenza tal-Qorti tat-2 ta’ Lulju 1974, 173/73, L-Italja/Il-Kummissjoni, Ġabra p. 709, il-punt 13; sentenza tal-Qorti tal-24 ta’ Frar 1987, C-310/85, Deufil/Il-Kummissjoni, Ġabra p. 901, il-punt 8; sentenza tal-Qorti tas-26 ta’ Settembru 1996, C-241/94, Franza/Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-4551, il-punt 20.

(39)  Sentenza tal-Qorti tal-15 ta’ Marzu 1994, C-387/92, Banco Exterior, Ġabra p. I-877, il-punt 13; sentenza diġà msemmija fil-kwistjoni C-241/94, il-punt 34.

(40)  Sentenza tal-Qorti tat-12 ta’ Diċembru 2002, C-5/01, Il-Belġju/Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-1191, il-punt 39.

(41)  Sentenza tal-Qorti tat-23 ta’ Frar 1961, 30/59, Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg/Haute Autorité, Ġabra p. 3, il-punti 29 u 30; sentenza msemmija qabel fil-kwistjoni C-173/73, il-punti 12 u 13; sentenza msemmija qabel fil-kwistjoni C-241/94, il-punti 29 u 35; sentenza tal-Qorti tal-5 ta’ Ottubru 1999, C-251/97, Franza/Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-6639, il-punti 40, 46 u 47.

(42)  Ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, il-Ġermanja/il-Kummissjoni, C-156/98, Ġabra p. I-6857, il-punt 30, u l-ġurisprudenza kkwotata.

(43)  Ara, partikularment, is-sentenza tal-Qorti tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris/il-Kummissjoni Ġabra p. 2671, il-punti 11 u 12; u s-sentenza tat-Tribunal tat-30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest/il-Kummissjoni, T-214/95, Ġabra p. II-717, il-punti 48 sa 50).

(44)  Sentenza tat-Tribunal tal-11 ta’ Ġunju 2009, L-Italja/il-Kummissjoni, T-222/04, il-punt 45.

(45)  Ta’ min wieħed ifakkar li mhux meħtieġ li l-impriża benefiċjarja tieħu sehem hija stess fl-iskambji intrakomunitarji. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriża, l-attività interna tista’ tinżamm jew tiżdied, bil-konsegwenza li ċ-ċans li impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra jippenetraw fis-suq ta’ dan l-Istat Membru jonqos. Barra minn hekk, it-tisħiħ ta’ impriża li, sa dakinhar, ma ħaditx sehem fl-iskambji intrakomunitarji jista’ jpoġġiha f’sitwazzjoni li tippermiettilha tippenetra fis-suq ta’ Stat Membru ieħor (ara, partikularment, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2002, l-Italja/il-Kummissjoni, Ġabra p.I-2289, il-punt 84).

(46)  Ara l-premessa 21 ta’ din id-deċiżjoni.

(47)  F’dan is-sens ara r-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar il-pensjonijiet vijabbli u adegwati (CS/7165/03) tat-18 ta’ Marzu 2003.

(48)  ĠU L 49, 22.2.2005, p. 9.

(49)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodoloġija tal-analiżi tal-għajnuna mill-Istat marbuta mal-ispejjeż li ma ġewx irkuprati (Ittra tal-Kummissjoni SG (2001) D/290869 tas-6.8.2001).

(50)  Hekk, il-Qorti ddeċidiet fil-każijiet konġunti C-159 u C-160/91, Poucet u Pistre: “il-fondi għall-mard jew l-entitajiet li jikkompetu għall-ġestjoni tas-servizz pubbliku tas-sigurtà soċjali għandhom funzjoni ta’ natura esklussivament soċjali. Din l-attività hija fil-fatt ibbażata fuq il-prinċipju tas-solidarjetà nazzjonali u ma għandha l-ebda skop ta’ qligħ. Il-prestazzjonijiet imħallsa huma legali u indipendednti mill-ammont tal-kontribuzzjonijiet. Konsegwentement, din l-attività mhix attività ekonomika u għalhekk l-entitajiet li jieħdu ħsiebha ma jikkostitwixxux impriżi fis-sens tal-Artikoli (81) u (82) tat-Trattat”.


Top