EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005H0637

2005/637/KE: Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta’ Awwissu 2005 dwar il-miżuri li jridu jittieħdu mid-detentur ta' l-awtorizzazzjoni biex jipprevjeni kwalunkwe ħsara possibbli għas-saħħa u għall-ambjent fil-każ li jseħħ it-tixrid aċċidentali ta' kolza (Brassica napus L., linja GT73 - MON-00073-7) ġenetikament modifikata biex titqawwa t-tolleranza tagħha għall-erbiċida glyphosate (notifikata taħt dokument numru  C(2005) 3073)

ĠU L 349M, 12.12.2006, p. 324–325 (MT)
ĠU L 228, 3.9.2005, p. 19–20 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2005/637/oj

12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

324


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta’ Awwissu 2005

dwar il-miżuri li jridu jittieħdu mid-detentur ta' l-awtorizzazzjoni biex jipprevjeni kwalunkwe ħsara possibbli għas-saħħa u għall-ambjent fil-każ li jseħħ it-tixrid aċċidentali ta' kolza (Brassica napus L., linja GT73 - MON-00073-7) ġenetikament modifikata biex titqawwa t-tolleranza tagħha għall-erbiċida glyphosate

(notifikata taħt dokument numru C(2005) 3073)

(It-test bl-Olandiż biss huwa oriġinali)

(2005/637/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 211, it-tieni inċiż,

tiegħu,

(1)

Billi fis-16 ta' Jannar 2003, f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13 it-tielet inċiż u l-Artikolu 14(2) it-tieni inċiż tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/18/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (1), il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodott ibbażat fuq kolza ġenetikament modifikata (Brassica napus L., linja GT73 - MON-00073-7), flimkien ma' rapport ta' evalwazzjoni favorevoli maħruġ mill-awtorità kompetenti tar-Renju ta' l-Olanda.

(2)

Billi l-Kummissjoni bagħtet ir-rapport ta' evalwazzjoni lill-Istati Membri l-oħra kollha, u li xi wħud minnhom fasslu u sostnew xi oġġezzjonijiet għar-rapport imsemmi fir-rigward ta' l-istruttura molekulari, li potenzjalment tikkawża reazzjonijiet allerġiċi, tas-sorveljanza, tat-tikkettar u tar-reperibbiltà tal-prodott. F'ċirkostanzi bħal dawn, il-Kummissjoni, f'konformità ma' l-Artikolu 18 l-ewwel inċiż tad-Direttiva 2001/18/KE, jeħtiġilha tieħu deċiżjoni b'applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva, li għaliha japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE (2), skond id-dispożizzjnijiet ta' l-Artikolu 8 ta' din ta' l-aħħar.

(3)

Billi fi Frar 2005, L-Istitut Ġappuniż għall-Istudji Ambjentali ppubblika rapport li jsemmi l-preżenza aċċidentali ta' kolza ġenetikament modifikata biex titqawwa t-tolleranza tagħha għal erbiċida madwar is-sitt installazzjonijiet tal-port li minnhom kienu ttieħdu l-kampjuni.

(4)

Billi jidher li jeħtieġ li ma jitħallewx iqumu sitwazzjonijiet identiċi fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari li jiġi evitat kwalunkwe dannu potenzjali għas-saħħa u għall-ambjent fil-każ tat-tixrid aċċidentali tal-kolza MON-00073-7 waqt it-trasport, il-ħażna, il-manipulazzjoni fil-beraħ u t-trasformazzjoni fi prodotti derivati.

(5)

Billi f'din il-qagħda huwa d-detentur ta' l-awtorizzazzjoni li jinsab fl-aħjar qagħda biex lill-operaturi u l-utenti jagħtihom direttament tagħrif dwar in-nuqqas ta' periklu u l-karatteristiċi ġenerali tal-prodott, kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet tas-sorveljanza, b'mod partikolari l-miżuri ta' ġestjoni li għandhom jittieħdu fil-każ li jseħħ it-tixrid aċċidentali taż-żrieragħ.

(6)

Billi l-Kummissjoni jidhrilha għaldaqstant preferibbli li d-deċiżjoni dwar it-tqegħid fis-suq tal-kolza MON-00073-7 tiġi kkompletata permezz ta' linji ta' gwida tekniċi speċifiċi maħsuba biex jipprevjenu kwalunkwe ħsara potenzjali għas-saħħa u l-ambjent fil-każ li jseħħ it-tixrid aċċidentali ta' dan il-prodott.

B’ DAN TIRRAKKOMANDA:

Artikolu 1

Meta jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(2) tad-deċiżjoni li titqiegħed fis-suq kolza (Brassica napus L., linja GT73 - MON-00073-7) ġenetikament modifikata biex titqawwa t-tolleranza tagħha għall-erbiċida glyphosate, għandhom jitqiesu l-miżuri elenkati fl-Anness.

Artikolu 2

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lir-Renju ta' l-Olanda.

Magħmul fi Brussell, nhar is-16 ta’ Awwissu 2005.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24).

(2)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


ANNESS

1.

Jeħtieġ li d-detentur ta' l-awtorizzazzjoni jgħarraf lill-operaturi tal-Komunità li jaħdmu u jittrasformaw taħlitiet bl-ingrossa importati ta' żrieragħ tal-kolza li jista' jkun fihom il-kolza MON-00073-7:

(a)

ingħatat awtorizzazzjoni għall-importazzjoni u l-użu fil-Komunità tal-kolza MON-00073-7, f'konformità mad-definizzjoni li tidher fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni, u

(b)

li l-istabbiliment ta' pjan ta' sorveljanza ġenerali bil-għan li jintgħarfu kwalunkwe effetti ħżiena li potenzjalment jirriżultaw mit-tqegħid fis-suq tal-kolza MON-00073-7 għall-użi msemmija hawn fuq huwa kundizzjoni għall-awtorizzazzjoni.

2.

Jeħtieġ li d-detentur ta' l-awtorizzazzjoni jikkomunika lill-operaturi l-isem ta' interlokutur fil-pajjiż tiegħu li lilu għandhom isiru r-rapporti ta' effetti ħżiena li jistgħu jinqalgħu.

3.

Jeħtieġ li d-detentur ta' l-awtorizzazzjoni jgħarraf lill-operaturi li l-Awtorità Ewropea tas-Sikurezza Alimentari (EFSA), fil-kuntest ta' l-użi prevedibbli tal-kolza MON-00073-7, evalwat il-possibbiltà ta' tixrid aċċidentali tagħha u tal-konsegwenzi ta' dan it-tixrid. Id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għandu jżomm kuntatt regolari ma' l-operaturi bil-għan li jiżgura li dawn ikunu mgħarrfa bi kwalunkwe tibdil fil-prattika kurrenti li jkun jista' jibdel il-konklużjonijiet ta' l-evalwazzjoni tar-riskji ambjentali.

4.

Jeħtieġ li d-detentur ta' l-awtorizzazzjoni jiżgura ruħu li l-operaturi jkunu jafu li tixrid aċċidentali taż-żrieragħ importati tal-kolza fil-portijiet u fl-istallazzjonijiet tat-tħin jista' jkollu l-konsegwenza li jinbtu u jistabbilixxu rwieħhom pjanti selvaġġi, b'mod partikolari pjanti selvaġġi tal-kolza MON-00073-7.

5.

Fil-każ li fost il-pjanti selvaġġi tal-kolza jkun hemm il-kolza MON-00073-7, jeħtieġ li d-detentur ta' l-awtorizzazzjoni:

(a)

jinforma lill-operaturi li dawn il-pjanti jkunu jridu jiġu meqruda biex l-effetti ħżiena potenzjali tal-kolza MON-00073-7 jitnaqqsu kemm jista' jkun, u

(b)

iforni lill-operaturi pjanijiet adegwati għall-eliminazzjoni ta' pjanti selvaġġi tal-kolza li fosthom ikun hemm il-kolza MON-00073-7.

6.

L-Istati Membri, skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/81/KE u tal-punt C.1.6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/811/KE tat-3 ta' Ottubru 2002 li tistabilixxi noti ta’ gwida li jissupplimentaw l-Anness VII tad-Direttiva 2001/18/KE (1), jistgħu jwettqu verifiki u/jew sorveljanza supplementari fir-rigward ta' tixrid aċċidentali ta' żrieragħ tal-kolza MON-00073-7, kif ukoll ta' l-effetti ħżiena li potenzjalment jirriżultaw minn dan it-tixrid.


(1)  ĠU L 280, 18.10.2002, p. 27.


Top