EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02011R0405-20130728

Consolidated text: Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 405/2011 tad- 19 ta’ April 2011 li jimponi dazju kompensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti staneg u vireg tal-azzar li ma jsaddadx li joriġinaw mill-Indja

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/405/2013-07-28

2011R0405 — MT — 28.07.2013 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 405/2011

tad-19 ta’ April 2011

li jimponi dazju kompensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti staneg u vireg tal-azzar li ma jsaddadx li joriġinaw mill-Indja

(ĠU L 108, 28.4.2011, p.3)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 721/2013 tat-22 ta’ Lulju 2013

  L 202

2

27.7.2013




▼B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 405/2011

tad-19 ta’ April 2011

li jimponi dazju kompensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti staneg u vireg tal-azzar li ma jsaddadx li joriġinaw mill-Indja



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea ( 1 ) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:PROĊEDURA Miżuri provviżorji

(1)

Il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 1261/2010 ( 2 ) (“ir-Regolament proviżorju”) imponiet dazju kompensatorju provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ ċerti staneg tal-azzar li ma jsaddadx li joriġinaw mill-Indja.

(2)

Il-proċediment ingħata bidu wara ilment imressaq fil-15 ta’ Frar 2010 mill-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji tal-Ħadid u l-Azzar (Eurofer) (“il-kwerelant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon ewlieni, f’dan il-każ ta’ aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti staneg tal-azzar li ma jissaddadx.

(3)

Kif stabbilit fil-premessa (23) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni ta’ sussidju u dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ April 2009 sal-31 ta’ Marzu 2010 (il-“perjodu ta’ investigazzjoni” jew il-“PI”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti gћall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-2007 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu meqjus”).

Proċedura sussegwenti

(4)

Wara li saru magħrufa l-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom ġie deċiż li jiġu imposti miżuri kompensatorji provviżorji (“żvelar provviżorju”), ħafna partijiet interessati issottomettew bil-miktub il-fehmiet tagħhom dwar il-konklużjonijiet provviżorji. Il-partijiet li għamlu dan ingħataw l-opportunità li jinstemgħu. Il-Kummissjoni kompliet tfittex informazzjoni li qieset meħtieġa għar-riżultati definittivi tagħha. Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub sottomessi mill-partijiet interessati ġew kkunsidrati u meqjusa, fejn kien xieraq.

(5)

Il-partijiet kollha ġew infurmati bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien hemm ħsieb li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti staneg tal-azzar li ma jsaddadx li joriġinaw fl-Indja u l-ġbir definittiv tal-ammonti żgurati permezz tad-dazju provviżorju. Il-partijiet ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jressqu l-ilmenti tagħhom wara dan l-iżvelar finali.

Il-partijiet ikkonċernati mill-proċediment

(6)

Fin-nuqqas ta’ kummenti fir-rigward tal-partijiet ikkonċernati mill-proċediment, il-premessi (5) sa (22) tar-Regolament provviżorju huma b’dan kkonfermati.

Il-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI Il-prodott ikkonċernat

(7)

Ta’ min ifakkar li, kif stabbilit fil-premessa (24) tar-Regolament provviżorju, “il-prodott ikkonċernat” huwa ddefinit bħala staneg u vireg tal-azzar li ma jsaddadx, mhux maħduma aktar milli safejn iffurmati fil-kesħa jew irfinuti fil-kesħa, minbarra staneg u vireg ta’ taqsima trasversali ċirkulari ta’ dijametru ta’ 80 mm jew aktar, li joriġinaw mill-Indja li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM 7222 20 21, 7222 20 29, 7222 20 31, 7222 20 39, 7222 20 81 u 7222 20 89.

(8)

Produttur esportatur fl-Indja stqarr li l-istanga tal-azzar li ma jsaddadx ta’ taqsima trasversali ċirkulari ta’ dijametru ta’ anqas minn 80 mm iżda lil hinn mill-medda ta’ tolleranza ta’ H6 sa H11 għandha titħalla barra mill-investigazzjoni billi ma taqax fl-ambitu tal-prodott.

(9)

Dan l-argument ma ġiex aċċettat billi l-ambitu tal-prodott ma jagħmilx referenzi għat-tolleranzi. Il-Numru tal-Kontroll tal-Prodott (NKP) fil-kwestjonarju veru li fih taqsima għat-tolleranzi limitati għal medda minn H6 sa H11 iżda dan għal għanijiet ta’ tqabbil biss u ma għandu ebda konsegwenzi ta’ rabta għall-prodott investigat. Għaldaqstant il-konklużjoni hi li l-prodotti li huma lil hinn mill-medda ta’ tolleranza ta’ H6 sa H11 ma għandhomx jitħallew barra.

(10)

Ta’ min jinnota li għall-kalkolu tal-marġnijiet provviżorji ta’ sussidju u dannu, tqiesu l-prodotti li huma lil hinn mill-medda ta’ tolleranza ta’ H6 sa H11.

Il-prodott simili

(11)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-prodott simili, il-premessa (25) tar-Regolament provviżorju hija b’dan kkonfermata.

GĦOTI TA’ SUSSIDJU Introduzzjoni

(12)

Fil-premessa (26) tar-Regolament provviżorju, saret referenza għall-iskemi li ġejjin, li allegatament jinvolvu l-għoti ta’ sussidji:

(a) L-Iskema tal-Passbook għall-Intitolar tad-Dazji;

(b) L-Iskema ta’ Awtorizzazzjoni bil-Quddiem;

(c) L-Iskema tal-Oġġetti Kapitali għall-Promozzjoni tal-Esportazzjoni;

(d) L-Iskema ta’ Unitajiet Orjentata lejn l-Esportazzjoni;

(e) L-Iskema ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni.

(13)

L-industrija tal-Unjoni staqsiet jekk il-Kummissjoni kinitx naqset milli tqis għadd ta’ skemi ta’ sussidju, u minħabba f’hekk ħasbet li s-sussidji li rċevew il-produtturi Indjani kienu ssottovvalutati.

(14)

Bi tweġiba għal dan, ta’ min jinnota li l-ilment kien fih għadd kbir ta’ skemi nazzjonali u lokali, li kienu inklużi fil-kwestjonarju li sar lill-produtturi esportaturi fl-Indja u li ġew investigati mill-Kummissjoni. Iżda, għall-iskemi elenkati fil-premessa (12) hawn fuq biss instab li l-produtturi esportaturi investigati fil-kampjun kienu rċevew sussidji.

(15)

L-industrija tal-Unjoni argumentat ukoll li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni jikkontradixxu konklużjoni tad-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti (US DOC) fi proċediment kompensatorju reċenti dwar ċerti esportazzjonijiet tal-azzar mill-Indja fejn instabu sussidji ħafna ogħla. Iżda, ta’ min jinnota li din il-konklużjoni hija marbuta ma’ prodott differenti u tkopri perjodu ta’ investigazzjoni differenti. Għaldaqstant, dan l-argument mhuwiex milqugħ.

(16)

Billi m’hemm l-ebda kumment ieħor, il-premessi (26) sa (28) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

L-Iskema tal-Passbook għall-Intitolar tad-Dazji (“DEPBS”)

(17)

Bosta partijiet argumentaw li d-DEPBS ma għandhiex titqies bħala sussidju li jaqa’ fir-reġim kompensatorju, billi l-għan tal-iskema huwa li jitpaċew id-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet. Kif ġie spjegat fil-premessa (38) tar-Regolament provviżorju din l-iskema ma tistax titqies bħala sistema awtorizzata għall-irtirar ta’ dazju jew sistema sostituta ta’ rtirar fil-kuntest tat-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku billi ma tikkonformax mar-regoli stabbbiliti fl-Anness I, punt (i), l-Anness II (definizzjoni u regoli għall-irtirar) u l-Anness III (definizzjoni u regoli għas-sistema ta’ sostituzzjoni ta’ rtirar) tar-Regolament bażiku. Partikolarment, esportatur ma għandu l-ebda obbligu li fil-fatt jikkonsma fil-proċess tal-produzzjoni l-prodotti importati bla ħlas ta’ dazju u l-ammont ta’ kreditu mhuwiex ikkalkulat b’konnessjoni mal-inputs li fil-fatt jintużaw fil-produzzjoni. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda sistema jew proċedura stabbilita għall-konferma ta’ liema inputs jiġu kkunsmati fil-proċess tal-produzzjoni tal-prodott esportat jew jekk ħlas żejjed tad-dazji tal-importazzjoni seħħx fil-kuntest tat-tifsira tal-punt (i) tal-Anness I, u l-Annessi II u III tar-Regolament bażiku. Fl-aħħar nett, esportatur huwa eliġibbli għall-benefiċċji DEPBS irrispettivament minn jekk jimportax xi inputs jew le. Sabiex jinkiseb il-benefiċċju, huwa biżżejjed li esportatur sempliċiment jesporta prodotti mingħajr ma juri li kwalunkwe materjal ta’ input kien importat. Għalhekk, anki esportaturi li jakkwistaw l-inputs tagħhom kollha lokalment u ma jimportaw ebda prodott li jista’ jkun użat bħala input, jibqgħu intitolati għall-benefiċċji mid-DEPBS. Għalhekk, dawn l-argumenti mhumiex milqugħa.

(18)

Fil-każ tal-bejgħ tal-liċenzja DEPB, waħda mill-partijiet argumentat li l-prezz attwali tal-bejgħ kien inqas mil-valur tal-liċenzja u għalhekk il-benefiċċju kien inqas. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li l-benefiċċju taħt din l-iskema ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-ammont ta’ kreditu mogħti fil-liċenjza kemm jekk il-liċenzja ntużat biex tpaċi d-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet kemm jekk il-liċenzja fil-fatt inbiegħet. Kull bejgħ ta’ liċenzja bi prezz inqas mill-valur nominali jitqies bħala deċiżjoni purament kummerċjali li ma tbiddilx l-ammont ta’ benefiċċju li wieħed jirċievi taħt din l-iskema. Għaldaqstant dan l-argument mhuwiex milqugħ.

(19)

Parti oħra ġabet argument ieħor li anke jekk id-DEPBS titqies bħala li taqa’ fir-reġim kompensatorju, il-benefiċċju li wieħed jirċievi taħt l-iskema ma għandux jissejjes fuq il-valur ta’ esportazzjoni iżda aktar fuq l-użu attwali tal-liċenzja DEPB. F’dan ir-rigward ta’ min ifakkar li skont l-Artikoli 3(2) u 5 tar-Regolament bażiku, l-ammont ta’ sussidji li jaqgħu fir-reġim kompensatorju ġie kkalkolat f’termini ta’ benefiċċju mogħti lid-destinatarju, li jinstab matul il-PI. F’dan ir-rigward tqies li l-benefiċċju jingħata lid-destinatarju fil-mument meta ssir tranżazzjoni ta’ esportazzjoni taħt din l-iskema. F’dak il-mument, il-GTI (GTI) huwa obbligat li jċedi d-dazji doganali, u dan jikkostitwixxi kontribuzzjoni finanzjarja fil-kuntest tat-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(i) tar-Regolament bażiku. Ladarba l-awtoritajiet doganali joħorġu polza tal-esportazzjoni li turi, inter alia, l-ammont ta’ kreditu DEPBS li għandu jingħata għal dik it-tranżazzjoni ta’ esportazzjoni, il-GTI ma għandux diskrezzjoni rigward jekk jagħtix is-sussidju jew le. Minħabba l-fatt li kumpanija tkun taf li se tirċievi sussidju skont id-DEPBS, il-kumpanija għandha pożizzjoni ta’ aktar vantaġġ billi tista’ tagħmel mod li s-sussidji jiġu riflessi permezz ta’ offerta ta’ prezzijiet iktar baxxi. Il-mument tal-esportazzjoni huwa deċiżiv biex jiġi stabbilit l-għoti ta’ benefiċċju, mhux l-użu sussegwenti, billi esportatur li diġà għandu dan id-dritt akkwistat jinsab f’vantaġġ f’termini finanzjarji. Għaldaqstant, din it-talba mhijiex milqugħa.

(20)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra rigward din l-iskema, il-premessi (29) sa (41) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

L-Iskema ta’ Awtorizzazzjoni bil-Quddiem (Advance Authorisation Scheme, “AAS”)

(21)

Waħda mill-partijiet argumentat li l-AAS għandha titqies bħala sistema ta’ rtirar ta’ dazju, billi l-materjali ta’ importazzjoni jintużaw biex jipproduċu prodotti esportati. Bi tweġiba għal dan l-argument, ġie spjegat fil-premessa (54) tar-Regolament provviżorju li s-sottoskema użata fil-każ preżenti ma tistax titqies bħala sistema permissibbli ta’ rtirar ta’ dazju jew sistema ta’ sostituzzjoni ta’ rtirar ta’ dazju fil-kuntest tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Din ma tikkonformax mar-regoli stabbiliti fl-Anness I, punt (i), l-Anness II (definizzjoni u regoli għall-irtirar tad-dazju) u l-Anness III (definizzjoni u regoli għal sostituzzjoni ta’ rtirar ta’ dazju) tar-Regolament bażiku. Il-GTI ma applikax effettivament sistema jew proċedura ta’ verifika biex jikkonferma jekk u f’liema ammonti l-materja għall-produzzjoni kinitx ikkunsmata fil-produzzjoni tal-prodott esportat (Anness II(II)(4) tar-Regolament bażiku u, fil-każ ta’ skemi ta’ sostituzzjoni għall-irtirar ta’ dazju, l-Anness (III)(II)(2) tar-Regolament bażiku). Qed jitqies ukoll li n-Normi Standard ta’ Input-Output (SIONs) għall-prodott ikkonċernat ma kinux preċiżi biżżejjed u li huma stess ma jistgħux jikkostitwixxu sistema ta’ verifika tal-konsum attwali minħabba li t-tfassil ta’ dawk in-normi standard ma jippermettix lill-GTI jivverifika bi preċiżjoni biżżejjed liema ammonti ta’ materja għall-produzzjoni kienu kkunsmati fil-produzzjoni tal-esportazzjoni. Barra minn hekk, il-GTI ma għamilx eżami addizzjonali bbażat fuq l-inputs effettivament użati fil-produzzjoni, għalkemm dan normalment jeħtieġ li jsir fin-nuqqas ta’ sistema ta’ verifika applikata b’mod effettiv (l-Anness II(II)(5) u l-Anness III(II)(3) tar-Regolament bażiku). Is-sottoskema għaldaqstant taqa’ fir-reġim kompensatorju, u l-argument mhuwiex milqugħ.

(22)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-kalkolu tal-ammont ta’ sussidju, u bil-kontra ta’ dak li ntqal minn parti waħda, il-benefiċċju AAS ġġenerat minn prodott għajr dak ikkonċernat kellu jitqies meta jiġi stabbilit l-ammont tal-benefiċċju li jaqa’ fir-reġim kompensatorju. Ma teżisti ebda obbligazzjoni skont l-AAS li tillimita l-użu tal-benefiċċju għall-importazzjoni bla dazju ta’ materjal użat fil-produzzjoni ta’ prodott partikolari. Bħala konsegwenza ta’ dan, il-prodott ikkonċernat jista’ jibbenefika mill-krediti kollha tal-AAS iġġenerati.

(23)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra rigward din l-iskema, il-premessi (42) sa (58) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

L-Iskema tal-Oġġetti Kapitali għall-Promozzjoni tal-Esportazzjoni (“EPCGS”)

(24)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward din l-iskema, il-premessa (59) tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata.

L-Iskema tal-Unitajiet Orjentati għall-Esportazzjoni (“EOUS”)

(25)

Qabel ma jiġu indirizzati għad ta’ kummenti mill-kumpanija fil-kampjun li kellha l-istatus ta’ EOU, ta’ min ifakkar li obbligu kruċjali tal-EOU kif stabbilit fil-politika ta’ Kummerċ Ħieles 2004-2009 u l-politika ta’ Kummerċ Ħieles 2009-2014 huwa li jinkiseb qligħ nett ta’ valuta barranija (net foreign exchange – “NFE”), jiġifieri f’perjodu ta’ referenza (ħames snin) il-valur totali ta’ esportazzjonijiet irid ikun ogħla mill-valur totali ta’ prodotti importati. L-intrapriżi kollha li, fil-prinċipju, jintrabtu li jesportaw l-manifattura ta’ prodotti jew servizzi kollha tagħhom jistgħu jkunu stabbiliti skont l-EOUS.

(26)

Talli jagħmlu dan, l-unitajiet orjentati għall-esportazzjoni huma intitolati għal għad ta’ konċessjonijiet skont il-premessa (66) tar-Regolament provviżorju. Fil-liġi huma kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni, u għalhekk huma meqjusa bħala speċifiċi u li jaqgħu fir-reġim kompensatorju taħt l-Artikolu 4(4), l-ewwel sottoparagrafu, punt (a) tar-Regolament bażiku. L-għan ta’ esportazzjoni tal-EOU kif stabbilit fil-kapitolu 6.1 tal-politika-FT 2009-2014 huwa kundizzjoni sine qua non biex jinkisbu s-sussidji.

(27)

L-eżenzjonijiet li EOU tgawdi huma kollha kontinġenti fil-liġi fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni. L-EOUS ma tistax titqies bħala sistema ta’ rtirar tad-dazju permissibbli jew sistema ta’ rtirar ta’ sostituzzjoni fil-kuntest tat-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Hija mhix konformi mar-regoli stretti preskritti fl-Anness I (punti (H) u (i), fl-Anness II (definizzjoni u regoli għall-irtirar ta’ dazju) u fl-Anness III (definizzjoni u regoli għas-sistema ta’ sostituzzjoni ta’ rtirar ta’ dazju) tar-Regolament bażiku.

(28)

Barra dan, ma ġiex ikkonfermat li l-GTI għandu sistema jew proċedura ta’ verifika biex tikkonferma jekk u f’liema ammonti inputs mixtrija bla dazju jew bla taxxa fuq il-bejgħ ġew kkunsmati fil-produzzjoni tal-prodott esportat (Anness II(II)(4) tar-Regolament bażiku, u fil-każ tal-iskemi ta’ sostituzzjoni għall-irtirar tad-dazju, l-Anness III(II)(2) tar-Regolament bażiku). Is-sistema attwali ta’ verifika għandha l-għan li tissorvelja l-obbligu ta’ qligh tal-NFE u mhux il-konsum ta’ importazzjonijiet fir-rigward tal-produzzjoni ta’ prodotti esportati.

(29)

Fil-fehma tal-parti bi status ta’ EOU, il-kompensabbiltà ta’ kwalunkwe benefiċċju hija suġġetta għal żewġ kondizzjonijiet: (i) nuqqas ta’ sistema ta’ verifika; u (ii) li jkun hemm remissjoni żejda. Bi tweġiba għal dan ta’ min jinnota li huwa essenzjali għall-GTI li jipprova li stabbilixxa sistema ta’ verifika xierqa biex jiddetermina liema inputs ġew ikkunsmati fil-proċess ta’ produzzjoni u f’liema ammonti. In-nuqqas ta’ sistema xierqa ta’ verifika se terġa’ tiġi indirizzata aktar 'l isfel. Għal dak li għandu x’jaqsam ma' remissjoni żejda, din hija rilevanti biss f’każ fejn ikun iddetermina li skema, f’dan il-każ l-EOUS, hija skema ta’ rtirar ta’ dazju bona fide li tilħaq ir-rekwiżiti tal-Anness I, II u III tar-Regolament bażiku. Kif diġà spjegat fil-premessa (27) hawn fuq, l-EOUS ma tistax titqies bħala sistema ta’ rtirar ta’ dazju permissibbli jew sistema ta’ rtirar ta’ sostituzzjoni fil-kuntest tat-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku.

(30)

Il-parti enfasizzat aktar in-natura ta’ nuqqas ta’ għażla tas-sistema tal-EOU bħala waħda li tippermetti importazzjonijiet bla dazju ta’ materja prima għall-esportazzjonijiet ta’ prodotti finali. Il-parti argumentat li s-sistema tal-EOU tista’ ssir parti mill-proċedura doganali speċjali tas-sistema ta’ titjib attiv, u mhux tal-irtirar ta’ dazju. Hija stqarret li minkejja li r-riżultat aħħari ta’ dawn iż-żewġ sistemi fit-teorija huwa l-istess (esportazzjoni ta’ prodotti li jinkorporaw materja prima li fuq l-importazzjoni tagħha jintilef id-dazju), xorta hemm differenzi sostanzjali bejniethom. B’sostenn tal-istqarrija tagħha, il-parti argumentat li f’sistema ta’ rtirar ta’ dazju, l-esportatur għandu l-jedd li jitlob ir-rifużjoni jew id-dazji għall-materja prima inkorporata fil-prodotti finali. Fis-sistema ta’ titjib attiv, l-esportatur huwa eżentat minn kull dazju fuq l-importazzjoni iżda għandu l-obbligu legali li jħallas id-dazju għal kwalunkwe prodott finali li jinbiegħ fis-suq domestiku. Il-parti argumentat li ma jistax ikun hemm xi ħlas lura żejjed skont din is-sistema.

(31)

Bi tweġiba għal dan, ta’ min l-ewwel nett jinnota li jista’ jiġi ddeterminat jekk seħħx ħlas żejjed f’każijiet biss fejn ikun hemm sistema ta’ verifika li għandha l-għan li tissorvelja l-konsum tal-importazzjonijiet fir-rigward tal-produzzjoni ta’ prodotti esportati. Għal dik li hija l-istqarrija tal-parti li l-EOU mhix skema ta’ rtirar ta’ dazju, ta’ min jinnota li n-nota 2 f’qiegħ il-paġna tal-Anness I tar-Regolament bażiku tistipula b’mod ċar li għall-finijiet tar-Regolament bażiku, “remissjoni jew irtirar” tinkludi l-eżenzjoni sħiħa jew parzjali jew id-differiment ta’ tariffi ta’ importazzjoni. Għandu jkun ċar li l-kunċett bażiku li japplika għall-iskemi ta’ rifużjoni jew eżenzjoni ta’ rtirar ta’ dazju huwa l-istess, jiġifieri li d-dazji ta’ importazzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ materja prima jew ma jkunux pagabbli jew rifondibbli bil-kondizzjoni li din il-materja prima tintuża fil-manifattura ta’ prodotti, li konsegwentement jiġu esportati. Fl-aħħar nett, għandu jkun ċar li biex tiddetermina jekk EOUS titqiesx bħala skema ta’ rtirar ta’ dazju bona fide, għandha tissodisfa r-rekwiżiti tal-Annessi I, II u III tar-Regolament bażiku.

(32)

Il-parti stqarret ukoll li EOU hija suġġetta għal sistema ta’ verifika xierqa u miżuri ta’ aktar verifika fir-rigward kemm tal-esportazzjoni kif ukoll tal-bejgħ domestiku tagħha. Hija stqarret li mhux biss il-Politika ta’ Kummerċ Barrani (“PKB”) u l-Ktejjeb ta’ Proċedura (“KTP”), li jistabbilixxi l-liġijiet u l-proċeduri għall-EOU, kienu rilevanti. Għandu jiġi investigat ukoll jekk hemmx liġijiet u Regolamenti Indjani oħra li jistabbilixxu sistema raġonevoli u effettiva ta’ verifika. B’appoġġ għall-istqarrija tagħha, il-parti argumentat li, skont it-Taqsima 6.10.1 tal-KTP, hija għandha obbligu legali li żżomm il-kontijiet kif xieraq u għandha tarkivja rapporti trimestrali u annwali ffirmati elettronikament dwar il-progress fir-rigward tal-importazzjonijiet, ix-xiri domestiku, l-esportazzjoni u l-bejgħ domestiku. Il-parti argumentat ukoll li, skont l-Att tas-Sisa Ċentrali, 1944, hija u tagħmel bejgħ domestiku, għandha l-obbligu legali li toħroġ fattura fiskali li fiha, pereżempju, jiġu indikati b’mod ċar it-taxxi pagabbli. L-Att tas-Sisa Ċentrali jistabbilixxi wkoll rekwiżiti ta’ kull xahar li skonthom il-parti trid tibgħat lill-awtoritajiet dettalji sħaħ dwar il-bejgħ domestiku tagħha. Barra minn hekk, skont l-Att dwar il-Kumpaniji, 1956, u l-istandards ta’ kontabbiltà applikabbli, il-parti hija legalment obbligata li tipprovdi informazzjoni ddettaljata dwar l-importazzjonijiet u x-xiri domestiku, kif ukoll l-esportazzjoni u l-bejgħ domestiku fl-istqarrijiet finanzjarji vverifikati tagħha.

(33)

Bi tweġiba għal dan, ma hemm ebda kwistjoni dwar li l-Att dwar il-Kumpaniji jista’ jipprovdi l-qafas għall-istandards ta’ kontabbiltà fl-Indja. Iżda, fil-valutazzjoni tal-kompensabbiltà tal-EOU, il-kwistjoni rilevanti hija jekk il-Gvern għandux sistema li tista’ tikkonferma jekk u f’liema ammonti l-inputs ħielsa mid-dazju jew taxxa ġewx ikkonsmati fil-produzzjoni tal-prodotti esportati.

(34)

Ir-rekwiżiti skont l-Att tas-Sisa Ċentrali għandhom għan kompletament differenti, jiġifieri biex jiżguraw li jitħallsu t-taxxi applikabbli f’każ ta’ bejgħ fis-suq domestiku fl-Indja. Ma jivverifikax il-materjal importat mingħajr dazju, u ma jikkontrollax ir-rabta bejn l-inputs mingħajr dazju u l-prodotti għall-esportazzjoni li jirriżultaw biex jikkwalifikaw bħala skemi ta’ rtirar ta’ dazju.

(35)

Fir-rigward ta’ installar ta’ aktar miżuri ta’ verifika, ta’ min ifakkar, kif jissemma fil-premessa (69) tar-Regolament provviżorju, li EOU fl-ebda mument mhi mitluba li tikorrelata kull kunsinna ta’ importazzjoni mad-destinazzjoni tal-prodott riżultanti li jikkorrispondi. Kontrolli tal-kunsinni bħal dawn biss, iżda, jipprovdu lill-awtoritajiet Indjani b’tagħrif biżżejjed dwar id-destinazzjoni finali tal-inputs biex jivverifikaw li l-eżenzjonijiet fiskali ta’ dazju/bejgħ ma jisbqux l-inputs għall-produzzjoni għall-esportazzjoni.

(36)

Għaldaqstant, minkejja l-konsiderazzjonijiet bir-reqqa tas-sottomissjoni li saret minn din il-parti, ġie kkonfermat li l-GTI ma għandux sistema jew proċedura effettiva ta’ verifika biex tikkonferma jekk u f’liema ammonti materji għall-produzzjoni mixtrija bla dazju u/jew taxxa fuq il-bejgħ ġewx ikkunsmati fil-produzzjoni tal-prodott esportat (l-Anness II(II)(4) tar-Regolament bażiku u, fil-każ tal-iskemi alternattivi ta’ rtirar ta’ dazju, l-Anness III(II)(2) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, il-GTI ma wettaqx eżami ieħor bbażat fuq l-inputs attwali involuti, għalkemm normalment dan ikun meħtieġ fin-nuqqas ta’ sistema ta’ verifika effettiva (l-Anness II(II)(5) u l-Anness III(II)(3) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, ma ngħatatx evidenza mill-GTI li ma kienx hemm remissjoni eċċessiva.

(37)

Il-parti argumentat li għall-fini tal-kalkolu tas-sussidju l-Kummissjoni kellha tqis id-dazji doganali mħallsa fuq il-bejgħ domestiku tal-prodotti lesti. Bi tweġiba ta’ dan l-argument, ta’ min jinnota li għalkemm l-iskop għat-twaqqif ta’ unità EOU huwa li tikseb qligħ Nett ta’ Valuta Barranija (“NFE”), l-unità EOU għandha l-possibbiltà li tbiegħ parti mill-produzzjoni tagħha fis-suq domestiku. Skont l-EOUS, il-prodotti jiġu ttrattati bħala prodotti importati għalkemm trid titħallas biss rata ta’ dazju konċessjonali ta’ 50 %. Għalhekk, EOU mhijiex f’sitwazzjoni differenti mill-kumpaniji l-oħrajn li joperaw fis-suq domestiku, jiġifieri d-dazji/t-taxxi applikabbli jkollhom jitħallsu fuq prodotti mixtrija. F’dan il-kuntest, għandu jkun ċar li deċiżjoni tal-GTI li jintaxxa l-prodotti għall-konsum fis-suq domestiku ma tfissirx li l-eżenzjoni ta’ unità EOU mid-dazji tal-importazzjoni u r-rifużjoni tat-taxxi fuq il-bejgħ mhijiex benefiċċju fir-rigward tal-bejgħ f’esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, il-bejgħ fis-suq domestiku ma għandux impatt fuq il-valutazzjoni aktar ġenerali tal-adegwatezza ta’ jekk hemmx sistema ta’ verifika xierqa fis-seħħ jew le.

(38)

Il-parti argumentat ukoll li l-Kummissjoni tuża denominatur ħażin meta tikkalkola l-ammont tas-sussidju. Hija stqarret li d-denominatur t-tajjeb huwa l-fatturat kollu tal-bejgħ u mhux il-fatturat tal-bejgħ ta’ esportazzjoni. Din l-istqarrija ma tistax tintlaqa’. Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, l-ammont tas-sussidju (in-numeratur) kkalkolat skont l-iskema ġie allokat fuq il-fatturat totali tal-esportazzjoni matul il-PI bħala denominatur xieraq billi s-sussidju huwa kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni. Il-possibbiltà li EOU tbiegħ parti mill-produzzjoni tagħha fis-suq domestiku ma jbiddilx il-fatt li l-EOU għandha għan ta’ esportazzjoni ċar.

(39)

Fl-aħħarnett, il-parti argumentat li l-benefiċċju mogħti lill-kumpanija għandu jkun daqs l-ispejjeż ta’ kreditu mġarrba mill-GTI miż-żmien li fih il-materja prima tiġi importata saż-żmien meta l-istaneg finali tal-azzar li ma jsaddadx jiġu esportati mill-Indja. B’appoġġ għall-istqarrija tagħha, il-parti rreferiet għal konklużjoni preliminari reċenti tal-US DOC f’reviżjoni kontra s-sussidju ta’ kunsinna ġdida fejn id-dazji mhux imħallsa tqiesu bħala self mingħajr imgħax magħmul lill-kumpanija dakinhar tal-importazzjoni. Bi tweġiba għal dan, ta’ min jinnota li l-Kummissjoni mhix marbuta b’xi metodoloġija ta’ kalkolu applikata mill-US DOC iżda mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. Fil-każ preżenti, il-metodoloġija ta’ kalkolu użata hija spjegata fil-premessi (75) u (76) tar-Regolament provviżorju. F’kull każ, dan l-argument huwa validu biss kieku d-dazji ġew sempliċement ddifferiti (In-nota 3 ta’ qiegħ il-paġna tal-Anness I tar-Regolament bażiku) aktar milli eżentati, kif inhu l-każ hawn.

(40)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-premessi (60) sa (77) tar-Regolament provviżorju huma b’dan kkonfermati.

Skema tal-Kreditu għall-Esportazzjoni (“ECS”)

(41)

Parti waħda wriet l-għarfien tagħha li kienet irċeviet kreditu preferenzjali għall-esportazzjoni tagħha iżda argumentat li din ir-rata kienet ogħla b’mod konsiderevoli mir-rati ta’ kreditu kurrenti fl-UE u għalhekk ma għandhiex titqies bħala benefiċċju.

(42)

Bi tweġiba għal dan, ta’ min jinnota li l-ammont tas-sussidju ġie kkalkolat abbażi tad-differenza bejn l-imgħax imħallas għall-krediti ta’ esportazzjoni u l-ammont li kien ikun pagabbli għall-krediti kummerċjali ordinarji użati mill-kumpanija kkonċernata fl-Indja. F’dan il-każ intuża kriterju ta’ tqabbil domestiku biex jiġi kkalkolat l-ammont ta’ sussidju. Għaldaqstant dan l-argument mhuwiex milqugħ.

(43)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra rigward din l-iskema, il-premessi (78) sa (86) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

Ammont ta’ sussidji li jaqgħu fir-reġim kompensatorju

(44)

L-ammont ta’ sussidji li jaqgħu fir-reġim kompensatorju skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, espressi ad valorem, ivarja minn 3,3 % sa 4,3 %. Billi dawn huma fl-istess livell kif stabbilit fil-premessa (87) tar-Regolament provviżorju, din il-premessa hija għalhekk ikkonfermata.



SKEMA→

DEPBS (1)

AAS (1)

EOU (1)

ECS (1)

Total

KUMPANIJA

 
 
 
 
 

Chandan Steel Ltd.

1,5 %

1,5 %

 

0,4 %

3,4 %

Venus group

2,6 % sa 3,4 %

0 sa 0,8 %

 
 

3,3 % (2)

Viraj Profiles Vpl. Ltd.

 
 

4,3 %

 

4,3 %

(1)   Sussidji mmarkati b’asterisk huma sussidji ta’ esportazzjoni

(2)   Medja differenzjata għall-Grupp

(45)

Il-metodoloġija għall-istabbilment tal-marġini tas-sussidji għall-kumpaniji li kkooperaw u li mhumiex fil-kampjun, ġiet stipulata fil-premessa (88) tar-Regolament provviżorju. Bi qbil mal-Artikolu 15(3) tar-Regolament bażiku, il-marġini ta’ sussidju għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, kkalkolat fuq il-bażi tal-marġini medju differenzjat ta’ sussidju stabbilit għall-kumpaniji li kkoperaw fil-kampjun, huwa ta’ 4,0 %. Għaldaqstant, il-premessa (88) tar-Regolament provviżorju hi kkonfermata.

(46)

Il-bażi għall-istabbiliment ta’ marġini ta’ sussidji għall-pajjiż kollu ġiet stabbilita fil-premessa (89) tar-Regolament provviżorju. Fin-nuqqas ta’ kummenti f’dan ir-rigward, il-premessa (89) tar-Regolament provviżorju hija b’dan kkonfermata.

L-INDUSTRIJA TAL-UNJONI

(47)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi (90) sa (93) tar-Regolament provviżorju huma b’dan kkonfermati.

DANNU

(48)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward id-dannu, il-premessi (94) sa (122) tar-Regolament provviżorju huma b’dan kkonfermati.

KAWŻALITÀ

(49)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-kawżalità, il-premessi (123) sa (136) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

L-INTERESS TAL-UNJONI

(50)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward l-interess tal-Unjoni, il-konklużjonijiet fil-premessi (137) sa (148) tar-Regolament provviżorju huma b’dan kkonfermati.

MIŻURI KOMPENSATORJI DEFINITTIVI Livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu

(51)

Parti waħda stqarret li l-marġini medju ta’ qligħ qabel it-taxxa ta’ 9,5 %, li kien imsejjes fuq il-qagħda fis-sena 2007, użat għall-kalkolu tal-prezz mhux ta’ dannu biex jiġi stabbilit il-marġini ta’ dannu, ma kienx rappreżentattiv għall-marġini ta’ qligħ qabel it-taxxa tal-industrija fuq medda twila ta’ żmien. Sar l-argument li s-sena li fuqha ssejjes dan il-qligħ kienet sena eċċezzjonali u li s-snin 2005-2006 kienu aktar rappreżentattivi billi dawn kienu snin normali ta’ negozju b’marġini ta’ qligħ li jvarja minn 4 sa 6 %.

(52)

Il-qligħ mixtieq użat fi stadju provviżorju kien imsejjes fuq il-medja differenzjata tal-marġini ta’ qligħ miksub mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun fl-2007. Din is-sena tqieset bħala l-aktar sena rappreżentattiva meta l-produtturi tal-Unjoni ma ġarrbux sussidju ta’ dannu. Il-kumment għaldaqstant ma ntlaqax, il-marġini ta’ qligħ użat fi stadju provviżorju huwa b’dan ikkonfermat.

(53)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn dwar il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu, il-premessi minn (149) sa (153) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

Konklużjoni dwar il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu

(54)

Il-metodoloġija użata fir-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata.

Livell tad-dazji

(55)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi impost dazju definittiv kompensatorju f’livell għoli biżżejjed biex titneħħa l-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet sussidjati mingħajr ma jinqabeż il-marġini ta’ sussidjar misjub.

(56)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-rati ta’ dazju kompensatorju ġew stabbiliti bit-tqabbil bejn il-marġnijiet ta’ eliminazzjoni ta’ dannu u l-marġnijiet ta’ sussidju. Għaldaqstant, ir-rati ta’ dazju kompensatorju proposti huma kif ġej:



Kumpanija

Marġini ta’ sussidju

Marġini ta’ dannu

Rata ta’ dazju kompensatorju

Chandan Steel Ltd.

3,4 %

28,6 %

3,4 %

Venus group

3,3 %

45,9 %

3,3 %

Viraj Profiles Vpl. Ltd.

4,3 %

51,5 %

4,3 %

Kumpaniji li kkoperaw li ma kinux fil-kampjun

4,0 %

44,4 %

4,0 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

4,3 %

51,5 %

4,3 %

(57)

Ir-rati ta’ dazju kompensatorju ta’ kumpanija individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-konklużjonijiet ta’ din l-investigazzjoni. B’hekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju (għall-kuntrarju tad-dazju mal-pajjiż kollu applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”) huma għalhekk applikabbli esklużivament għal importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-Indja u prodotti mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet ġuridiċi speċifiċi msemmija. Il-prodotti importati magħmulin minn xi kumpanija oħra mhux speċifikament imsemmija fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija b’mod speċifiku, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom jiġu suġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

(58)

Kwalunkwe talba gћall-applikazzjoni ta’ din ir-rata ta’ dazju kompensatorju gћal kumpaniji individwali (eż. wara bdil fl-isem tal-entità jew wara li jiġu stabbiliti entitajiet ġodda ta’ produzzjoni jew ta’ bejgћ) gћandha tiġi indirizzata minnufih lill-Kummissjoni ( 3 ) bit-tagħrif kollu rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, mal-bejgћ domestiku u ma’ dak tal-esportazzjoni u li jkunu assoċjati, pereżempju, ma’ dik il-bidla fl-isem jew ma’ dik il-bidla fl-entitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgћ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament se jiġi emendat skont il-każ billi tiġi aġġornata l-lista ta’ kumpaniji li jgawdu mir-rati tad-dazju individwali.

Il-ġbir definittiv ta’ dazji provviżorji

(59)

Fid-dawl tad-daqs tal-marġini ta’ sussidju misjub u fid-dawl tad-dannu kkważat lill-industrija tal-Unjoni, jitqies li hu meħtieġ li l-ammonti assigurati bis-saħħa tad-dazju kompensatorju provviżorju impost bir-Regolament provviżorju għandhom jinġabru definittivament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

1.  B’dan huwa impost dazju kompensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ staneg u vireg tal-azzar li ma jsaddadx, mhux maħduma aktar milli safejn iffurmati fil-kesħa jew irfinuti fil-kesħa, minbarra staneg u vireg ta’ taqsima trasversali ċirkulari ta’ dijametru ta’ 80 mm jew aktar, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM 7222 20 21, 7222 20 29, 7222 20 31, 7222 20 39, 7222 20 81 u 7222 20 89 u li joriġinaw mill-Indja.

▼M1

2.  Ir-rata ta’ dazju kompensatorju definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fuq il-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u mmanifatturat mill-kumpaniji mniżżla hawn taħt għandha tkun:



Kumpanija

Dazju (%)

Kodiċi addizzjonali TARIC

Chandan Steel Ltd., Mumbai

3,4

B002

Venus Wire Industries Pvt. Ltd, Mumbai;

Precision Metals, Mumbai;

Hindustan Inox Ltd., Mumbai;

Sieves Manufacturer India Pvt. Ltd., Mumbai

3,3

B003

Viraj Profiles Vpl. Ltd., Thane

0

B004

Il-kumpaniji elenkati fl-Anness

4,0

B005

Il-kumpaniji l-oħra kollha

4,0

B999

▼B

3.  Sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-ammonti ddepożitati permezz ta’ dazji kompensatorji provviżorji skont ir-Regolament (UE) Nru 1261/2010 fuq importazzjonijiet ta’ staneg u vireg tal-azzar li ma jsaddadx, mhux maħduma aktar milli safejn iffurmati fil-kesħa jew irfinuti fil-kesħa, minbarra staneg u vireg ta’ taqsima trasversali ċirkulari ta’ dijametru ta’ 80 mm jew aktar, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM 7222 20 21, 7222 20 29, 7222 20 31, 7222 20 39, 7222 20 81 u 7222 20 89 u li joriġinaw mill-Indja, għandhom jinġabru b’mod definittiv.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS



PRODUTTURI ESPORTATURI INDJANI LI KKOOPERAW LI MHUMIEX PARTI MILL-KAMPJUN

KODIĊI ADDIZZJONALI TARIC B005

Isem il-kumpanija

Belt

Ambica Steel Ltd.

New-Delhi

Bhansali Bright Bars Pvt. Ltd.

Navi-Mumbai

Chase Bright Steel Ltd.

Navi-Mumbai

D.H. Exports Pvt. Ltd.

Mumbai

Facor Steels Ltd.

Nagpur

Global smelters Ltd.

Kanpur

Indian Steel Works Ltd.

Navi-Mumbai

Jyoti Steel Industries Ltd.

Mumbai

Laxcon Steels Ltd.

Ahmedabad

Meltroll Engineering Pvt. Ltd.

Mumbai

Mukand Ltd.

Thane

Nevatia Steel & Alloys Pvt. Ltd.

Mumbai

Panchmahal Steel Ltd.

Kalol

Raajratna Metal Industries Ltd.

Ahmedabad

Rimjhim Ispat Ltd.

Kanpur

Sindia Steels Ltd.

Mumbai

SKM Steels Ltd.

Mumbai

Parekh Bright Bars Pvt. Ltd.

Thane

Shah Alloys Ltd.

Gandhinagar



( 1 ) ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

( 2 ) ĠU L 343, 29.12.2010, p. 57.

( 3 ) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat-Ġenerali gћall-Kummerċ, id-Direttorat H, 1049 Brussell, il-Belġju.

Top