EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02010R0912-20140523

Consolidated text: Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Settembru 2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta' strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/912/2014-05-23

02010R0912 — MT — 23.05.2014 — 001.003


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

▼C1

REGOLAMENT (UE) Nru 912/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Settembru 2010

li jistabbilixxi l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta' strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

▼B

(ĠU L 276 20.10.2010, p. 11)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) Nru 512/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-16 ta’ April 2014

  L 150

72

20.5.2014


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 342, 29.12.2015, p.  64 (912/2010)




▼B

▼C1

REGOLAMENT (UE) Nru 912/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Settembru 2010

li jistabbilixxi l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta' strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

▼B



KAPITOLU I

SUĠĠETT, KOMPITI, KORPI

Artikolu 1

Suġġett

▼C1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja, imsejħa l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea (minn hawn 'il quddiem “l-Aġenzija”).

▼M1

Artikolu 2

Kompiti

Il-kompiti tal-Aġenzija għandhom jiġu stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ).

Artikolu 3

Korpi

1.  Il-korpi tal-Aġenzija għandhom ikunu:

(a) il-Bord Amministrattiv;

(b) id-Direttur Eżekuttiv;

(c) Il-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għas-sistemi Ewropej GNSS (il- “Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà”).

2.  Il-korpi tal-Aġenzija għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom, kif speċifikat fl-Artikoli 6, 8 u 11, rispettivament.

3.  Il-Bord Amministrattiv u d-Direttur Eżekuttiv, il-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà u l-President tiegħu, għandhom jikkooperaw sabiex jiżguraw l-operat tal-Aġenzija u l-koordinazzjoni tal-korpi tagħha f’konformità mal-proċeduri stabbiliti mir-regoli interni tal-Aġenzija, bħar-regoli ta’ proċedura tal-Bord Amministrattiv, ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà, ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija, ir-regoli ta’ implimentazzjoni tal-istatut tal-persunal u r-regoli li jirregolaw l-aċċess għad-dokumenti.

Artikolu 4

Status legali, uffiċċji lokali

1.  L-Aġenzija għandha tkun korp tal-Unjoni. Hija għandu jkollha personalità ġuridika.

2.  F’kull wieħed mill-Istati Membri, l-Aġenzija għandu jkollha l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva li tingħata lill-persuni ġuridiċi skont il-liġijiet tagħhom. Hija tista’, b’mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċedimenti legali.

3.  L-Aġenzija tista’ tiddeċiedi li tistabbilixxi uffiċċji lokali fl-Istati Membri, soġġett għall-kunsens tagħhom, jew f’pajjiżi terzi li jipparteċipaw fil-ħidma tal-Aġenzija, f’konformità mal-Artikolu 23.

4.  L-għażla tal-post ta’ dawk l-uffiċċji għandha ssir abbażi ta’kriterji oġġettivi definiti sabiex jiżguraw l-operat mingħajr xkiel tal-Aġenzija.

Id-dispożizzjonijiet marbuta mal-istabbiliment u l-operat tal-Aġenzija fl-Istati Membri ospitanti u f’pajjiżi terzi ospitanti u dawk marbuta mal-vantaġġi mogħtija minnhom lid-Direttur Eżekuttiv, lill-membri tal-Bord Amministrattiv u lill-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà u lill-persunal tal-Aġenzija u lill-membri tal-familji tagħhom huma soġġetti għal arranġamenti speċifiċi magħmula mill-Aġenzija ma’ dawk l-Istati Membri u pajjiżi. L-arranġamenti speċifiċi għandhom jiġu approvati mill-Bord Amministrattiv.

5.  L-Istati Membri ospitanti u l-pajjiżi terzi ospitanti għandhom jipprovdu, permezz tal-arranġamenti speċifiċi msemmija fil-paragrafu 3, il-kondizzjoniiet meħtieġa għall-operat mingħajr xkiel tal-Aġenzija.

6.  Soġġett għall-punt (f) tal-Artikolu 11a (1), l-Aġenzija għandha tkun irrappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha.

Artikolu 5

Bord Amministrattiv

1.  B’dan huwa stabbilit Bord Amministrattiv sabiex iwettaq il-kompiti elenkati fl-Artikolu 6.

2.  Il-Bord Amministrattiv għandu jkun magħmul minn:

(a) rappreżentant wieħed maħtur minn kull Stat Membru;

(b) erba’ rappreżentanti maħtura mill-Kummissjoni;

(c) rappreżentant wieħed mingħajr dritt għall-vot maħtur mill-Parlament Ewropew.

Il-membri tal-Bord Amministrattiv u dawk tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għandhom jinħatru fuq il-bażi tal-livell tal-esperjenza u l-għarfien espert rilevanti tagħhom.

Il-mandat tal-membri tal-Bord Amministrattiv għandu jkun dak ta’ erba’ snin, u jista’ jiġġedded darba. Il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jillimitaw it-tibdil tar-rappreżentanti tagħhom fil-Bord Amministrattiv.

Il-President jew il-Viċi President tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà, rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà (ir-“RGħ”) u rappreżentant tal-(“ESA”) għandhom ikunu mistiedna biex jattendu għal-laqgħat tal-Bord Amministrattiv bħala osservaturi, skont il-kondizzjonijiet stipulati fir-regoli ta’ proċedura tal-Bord Amministrattiv.

3.  Fejn ikun il-każ, il-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali u l-kondizzjoniet tagħha għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehimiet imsemmijin fl-Artikolu 23(1) u għandhom ikunu konformi mar-regoli ta’ proċedura tal-Bord Amministrattiv.

4.  Il-Bord Amministrattiv għandu jaħtar b’vot President u Viċi President minn fost il-membri tiegħu. Il-Viċi President għandu awtomatikament jieħu post il-President meta dan ma jkunx jista’ jaqdi dmirijietu/ha. Il-mandat tal-President u dak tal-Viċi President għandu jkun ta’ sentejn, li jkun jista’ jiġġedded darba, u għandu jiskadi meta tali persuna ma tibqax membru tal-Bord Amministrattiv.

Il-Bord Amministrattiv għandu jkollu s-setgħa li jneħħi mill-kariga lill-President, lill-Viċi President jew lit-tnejn.

5.  Il-laqgħat tal-Bord Amministrattiv għandhom jissejħu mill-President tiegħu.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu normalment jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet, sakemm il-President ma jiddeċidix mod ieħor.

Il-Bord Amministrattiv għandu jkollu laqgħa ordinarja darbtejn fis-sena. Barra minn hekk, hu għandu jiltaqa’ fuq l-inizjattiva tal-President tiegħu jew fuq it-talba ta’ mill-inqas terz tal-membri tiegħu.

Il-Bord Amministrattiv jista’ jistieden lil kwalunkwe persuna li l-opinjoni tagħha tista’ tkun ta’ interess sabiex tattendi l-laqgħat tiegħu bħala osservatur. Il-membri tal-Bord Amministrattiv jistgħu, soġġett għar-regoli ta’ proċedura tiegħu, jiġu assistiti minn konsulenti jew esperti.

Is-segretarjat tal-Bord Amministrattiv għandu jkun ipprovdut mill-Aġenzija.

6.  Ħlief jekk dan ir-Regolament jipprovdi mod ieħor, il-Bord Amministrattiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu bmaġġoranza assoluta tal-membri tiegħu li jkollhom id-dritt tal-vot.

Għandh tkun meħtieġa maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri kollha li jkollhom id-dritt tal-vot għall-ħatra u t-tneħħija mill-kariga tal-President u l-Viċi President tal-Bord Amministrattiv kif imsemmi fil-paragrafu 4, u għall-adozzjoni tal-baġit u tal-programmi ta’ ħidma.

7.  Kull rappreżentant tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni għandu jkollu vot wieħed. Id-Direttur Eżekuttiv ma għandux jivvota. Id-deċiżjonijiet ibbażati fuq il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 6(5), bl-eċċezzjoni tal-materji koperti mill-Kapitolu III, ma għandhomx jiġu adottati mingħajr vot favorevoli tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni.

Ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord Amministrattiv għandhom jistabbilixxu arranġamenti iktar dettaljati tal-votazzjoni, b’mod partikolari l-kondizzjonijiet sabiex membru jaġixxi f’isem membru ieħor.

Artikolu 6

Kompiti tal-Bord Amministrattiv

1.  Il-Bord Amministrattiv għandu jiżgura li l-Aġenzija twettaq il-ħidma fdata lilha, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, u għandu jieħu kwalunkwe deċiżjoni meħtieġa għal dak il-għan, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi fdati lill-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għall-attivitajiet li jaqgħu taħt il-Kapitolu III.

2.  Il-Bord Amministrattiv għandu wkoll:

(a) jadotta, sat-30 ta’ Ġunju tal-ewwel sena tal-qafas finanzjarju pluriennali previst fl-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-programm ta’ ħidma pluriennali tal-Aġenzija għall-perijodu kopert mill-qafas finanzjarju pluriennali wara li tkun ġiet inkluża fih, mingħajr ebda tibdil, il-parti żviluppata mill-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 11(4) u wara li jkun irċieva l-opinjoni tal-Kummissjoni. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi kkonsultat dwar dan il-programm ta’ ħidma pluriennali, dment li l-għan ta’ din il-konsultazzjonijiet ikun skambju ta’ fehmiet u l-eżitu ma jkunx vinkolanti fuq l-Aġenzija;

(b) jadotta, sal-15 ta’ Novembru ta’ kull sena, il-programm ta’ ħidma tal-Aġenzija għas-sena ta’ wara, wara li tkun ġiet inkluża fih, mingħajr ebda tibdil, il-parti żviluppata mill-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 11(4) u wara li jkun irċieva l-opinjoni tal-Kummissjoni;

(c) iwettaq il-funzjonijiet baġitarji stipulati fl-Artikolu 13(5), (6), (10) u (11) u l-Artikolu 14(5);

(d) jissorvelja l-operat taċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tas-Sigurtà Galileo kif imsemmi fil-punt (a)(ii) tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013;

(e) jadotta arranġamenti għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 ), f’konformità mal-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament;

(f) japprova l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 23(2), wara li jikkonsulta mal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà dwar dawk id-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-arranġamenti dwar l-akkreditament ta’ sigurtà;

(g) jadotta l-proċeduri tekniċi meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tiegħu;

(h) jadotta r-rapport annwali dwar l-attivitajiet u l-prospetti tal-Aġenzija, wara li tkun ġiet inkluża fih mingħajr ebda tibdil il-parti abbozzata mill-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 11(4) u jibagħtu, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju, lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, u l-Qorti tal-Awdituri;

(i) jiżgura s-segwitu adegwat tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-valutazzjonijiet u l-awditjar msemmija fl-Artikolu 26, kif ukoll dawk li jirriżultaw mill-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF) u tar-rapporti kollha tal-awditjar intern jew estern u jittrasmetti lill-awtorità baġitarja kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar ir-riżultati tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni;

(j) jiġi kkonsultat mid-Direttur Eżekuttiv dwar il-ftehimiet ta’ delega msemmija fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 qabel ma jiġu ffirmati;

(k) japprova, fuq il-bażi ta’ proposta mid-Direttur Eżekuttiv, l-arranġamenti ta’ ħidma bejn l-Aġenzija u l-ESA msemmija fl-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013;

(l) japprova, fuq il-bażi ta’ proposta tad-Direttur Eżekuttiv, strateġija kontra l-frodi;

(m) japprova, fejn meħtieġ, u fuq il-bażi ta’ proposti mid-Direttur Eżekuttiv, l-istrutturi organizzattivi tal-Aġenzija;

(n) jadotta u jippubblika r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

3.  Fir-rigward tal-persunal tal-Aġenzija, il-Bord Amministrattiv għandu jeżerċita s-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ( 9 ) (“Regolamenti tal-Persunal”) fuq l-awtorità tal-ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg tal-Aġenti Oħrajn fuq l-awtorità mogħtija s-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti tal-impjieg (“is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra”).

Il-Bord Amministrattiv jadotta f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq l-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-Impieg għall-aġenti l-oħra li tiddelega is-setgħat ta’ ħatra rilevanti lid-Direttur Eżekuttiv u tiddefinixxi l-kondizzjonijiet li bihom din id-delegazzjoni tal-kompetenzi tista’ tiġi sospiża. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrapporta lura lill-Bord Amministrattiv dwar l-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat delegati. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun awtorizzat li jissottodelega dawn is-setgħat.

Skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Bord Amministrattiv jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jissospendi temporanjament id-delega tas-setgħat tal-awtorita’ tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u ta’ dawk sottodelegati minn dan tal-aħħar, u jeżerċitahom hu stess jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil xi membru tal-persunal ieħor minbarra d-Direttur Eżekuttiv.

Madankollu, b’deroga mit-tieni subparagrafu, il-Bord tad-Diretturi għandu jiddelega lill-president tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà s-setgħat imsemmija fl-ewwel paragrafu f’dak li jirrigwarda r-reklutaġġ, il-valutazzjoni u l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-persunal involut fl-attivitajiet koperti mill-Kapitolu III kif ukoll il-miżuri dixxiplinarji li għandhom jittieħdu kontra tali persunal.

Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni tar-Regolament tal-Persunal u l-kondizzjonijiet applikabbli għall-aġenti l-oħrajn skont il-proċedura prevista mill-Artikolu 110 tar-Regolament tal-Persunal. F’dak li jirrigwarda r-reklutaġġ, l-evalwazzjoni, ir-riklassifikazzjoni tal-persunal involut fl-attivitajiet koperti fil-Kapitolu III u l-miżuri dixxiplinari li għandhom jittieħdu fil-konfront tiegħu, għandu qabel jitqiesu l-osservazzjonijiet tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà.

Għandu jadotta wkoll deċiżjoni li tistipula regoli dwar l-issekondar ta’ esperti nazzjonali lill-Aġenzija. Qabel ma jadotta dik id-deċiżjoni, il-Bord Amministrattiv għandu jikkonsulta mal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà fir-rigward tal-issekondar ta’ esperti nazzjonali involuti fl-attivitajiet tal-akkreditament ta’ sigurtà msemmija fil-Kapitolu III u għandu jqis b’mod dovut l-osservazzjonijiet tiegħu.

4.  Il-Bord Amministrattiv għandu jaħtar id-Direttur Eżekuttiv u jista’ jestendi jew itemm il-mandat tiegħu skont l-Artikolu 15b(3) u (4).

5.  Il-Bord Amministrattiv għandu jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuq id-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tal-prestazzjoni tiegħu/tagħha, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ sigurtà li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Aġenzija, ħlief fir-rigward ta’ attivitajiet imwettqa f’konformità mal-Kapitolu III.

Artikolu 7

Direttur Eżekuttiv

L-Aġenzija għandha tiġi ġġestita mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, li għandu jwettaq dmirijietu taħt is-superviżjoni tal-Bord Amministrattiv, mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija skont l-Artikoli 11 u 11a lill-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà u lill-President tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà rispettivament.

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni u tal-Bord Amministrattiv, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun indipendenti fit-twettiq tad-doveri tiegħu jew tagħha u la għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet mingħand xi gvern jew minn xi korp ieħor.

Artikolu 8

Kompiti tal-Direttur Eżekuttiv

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

(a) jirrappreżenta lill-Aġenzija, bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet u d-deċiżjonijiet meħuda f’konformità mal-Kapitoli II u III u jiffirma l-ftehimiet ta’ delega msemmija fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013, f’konformità mal-punt (j) tal-Artikolu 6(2)ta’ dan ir-Regolament;

(b) iħejji l-arranġamenti ta’ ħidma bejn l-Aġenzija u l-ESA msemmija fl-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 u jippreżentahom lill-Bord Amministrattiv f’konformità mal-punt (k) tal-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-Regolament u jiffirmahom wara li jirċievi l-approvazzjoni tal-Bord Amministrattiv;

(c) jipprepara l-ħidma tal-Bord Amministrattiv u jipparteċipa, mingħajr id-dritt tal-vot, fil-ħidma tal-Bord Amministrattiv, soġġett għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5);

(d) jimplimenta d-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord Amministrattiv;

(e) jipprepara l-programmi ta’ ħidma pluriennali u annwali tal-Aġenzija u jippreżentahom lill-Bord Amministrattiv għall-approvazzjoni, minbarra l-partijiet ippreparati u adottati mill-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà f’konformità mal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 11(4);

(f) jimplimenta l-programmi ta’ ħidma pluriennali u annwali, minbarra l-partijiet implimentati mill-President tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 11a(1);

(g) jipprepara rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali u, fejn rilevanti, tal-programm ta’ ħidma pluriennali għal kull laqgħa tal-Bord Amministrattiv, li jkun fih, mingħajr ebda tibdil, is-sezzjoni mħejjija mill-President tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà, f’konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 11a(1);

(h) jipprepara r-rapport annwali dwar l-attivitajiet u l-prospetti tal-Aġenzija minbarra s-sezzjoni ppreparata u adottata mill-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 11(4) dwar l-attivitajiet koperti mil-Kapitolu III, u jippreżentah lill-Bord Amministrattiv għall-approvazzjoni;

(i) jieħu l-miżuri kollha meħtieġa, inkluż l-adozzjoni ta’ struzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta’ avviżi, sabiex jiżgura li l-funzjonament tal-Aġenzija f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(j) ifassal abbozz ta’ dikjarazzjoni tad-dħul pproġettat u l-ħruġ tal-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 13, u jimplimenta l-baġit f’konformità mal-Artikolu 14;

(k) jiżgura li l-Aġenzija, bħala l-operatur taċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tas-Sigurtà Galileo, tkun kapaċi tirrispondi għal struzzjonijiet previsti skont l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/552/PESK ( 10 ) u li twettaq ir-rwol tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1104/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 11 );

(l) jiżgura ċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni kollha rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà, bejn il-korpi tal-Aġenzija msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament;

(m) jikkomunika lill-Kummissjoni l-fehma tal-Aġenzija dwar speċifikazzjonijiet tekniċi u operattivi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-evoluzzjonijiet tas-sistemi msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013, inkluża għad-definizzjoni tal-proċeduri ta’ aċċettazzjoni u rieżami, u l-attivitajiet ta’ riċerka li jappoġġaw dawk l-evoluzzjonijiet;

(n) iħejji, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-President tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà dwar materji marbuta ma’ attivitajiet ta’ akkreditament ta’ sigurtà koperti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament, l-istrutturi organizzattivi tal-Aġenzija u jippreżentahom għall-approvazzjoni lill-Bord Amministrattiv;

(o) jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tal-Aġenzija, is-setgħat imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3), sal-punt li dawk is-setgħat għandhom jiġu ddelegati lilu f’konformità mat-tieni subparagrafu tiegħu;

(p) jadotta, wara approvazzjoni mill-Bord Amministrattiv, il-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi uffiċċji lokali fl-Istati Membri jew f’pajjiżi terzi f’konformità mal-Artikolu 4(3);

(q) jiżgura li jiġu pprovduti s-segretarjat u r-riżorsi kollha meħtieġa għall-funzjonament adatt lill-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà, lill-korpi msemmija fl-Artikolu 11(11) u lill-President tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà;

(r) jipprepara pjan ta’ azzjoni għall-iżgurar tas-segwitu tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjonijiet u l-awditjar msemmija fl-Artikolu 26, bl-eċċezzjoni tat-taqsima tal-pjan ta’ azzjoni dwar l-attivitajiet kopert mill-Kapitolu III, u jippreżenta, wara li jkun inkorpora, mingħajr ebda tibdil, it-taqsima mfassla mill-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà, rapport ta’ progress darbtejn fis-sena lill-Kummissjoni, li għandu wkoll jiġi ppreżentat lill-Bord Amministrattiv għall-informazzjoni;

(s) jieħu l-miżuri li ġejjin għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni:

(i) miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-frodi, il-korruzzjoni jew kwalunkwe attività oħra illegali u għandu jagħmel użu minn miżuri superviżorji effikaċi;

(ii) fejn jinstabu l-irregolaritajiet, jirkupra l-ammonti li ma kellhomx jitħallsu u, fejn ikun il-każ, japplikaw penalitajiet amministrattivi u finanzjarji effikaċi, proporzjonati u diżważivi;

(t) ifassal strateġija kontra l-frodi għall-Aġenzija li hija proporzjonata għar-riskju ta’ frodi, li tieħu f’kunsiderazzjoni analiżi bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati u li tieħu kont tas-sejbiet u r-rakomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-investigazzjonijiet tal-OLAF u jippreżentaha lill-Bord Amministrattiv għall-approvazzjoni.

▼M1

Artikolu 8a

Programmi ta’ ħidma u rapport annwali

1.  Il-programm ta’ ħidma pluriennali tal-Aġenzija msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 6(2) għandu jistabbilixxi l-azzjonijiet li għandhom jitwettqu mill-Aġenzija matul il-perijodu kopert mill-qafas finanzjarju pluriennali previst fl-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-azzjonijiet marbuta mar-relazzjonijiet internazzjonali u mal-komunikazzjoni li tagħhom hija responsabbli. Dan il-programm għandu jistabbilixxi programmar strateġiku ġenerali, inkluż l-objettivi, l-istadji l-aktar importanti, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi tal-prestazzjoni, u l-programmar tar-riżorsi, inklużi r-riżorsi umani u finanzjarji allokati għal kull attività. Għandu jqis l-evalwazzjonijiet u l-awditjar msemmija fl-Artikolu 26 ta’ dan ir-Regolament. Għal finijiet ta’ informazzjoni, il-programm ta’ ħidma pluriennali għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni tat-trasferiment ta’ kompiti fdati lill-Aġenzija mill-Kummissjoni, inklużi l-kompiti tal-ġestjoni tal-programm imsemmija fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013.

2.  Il-programm ta’ ħidma annwali msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-Regolament għandu jkun ibbażat fuq il-programm ta’ ħidma pluriennali. Huwa għandu jistabbilixxi l-azzjonijiet li għandhom jitwettqu mill-Aġenzija matul is-sena li ġejja, inklużi l-azzjonijiet marbuta mar-relazzjonijiet internazzjonali u mal-komunikazzjoni li tagħhom hija responsabbli. Il-programm ta’ ħidma pluriennali għandu jinkludi objettivi dettaljati u riżultati mistenniija, inklużi indikaturi tal-prestazzjoni. Huwa għandu jindika b’mod ċar liema huma l-kompiti li żdiedu, inbidlu jew tħassru bi tqabbil mas-sena finanzjarja ta’ qabel u t-tibdiliet fl-indikaturi tal-prestazzjoni u l-valuri tal-miri tagħhom. Dan il-programm għandu wkoll jistabbilixxi r-riżorsi umani u finanzjarji allokati għal kull attività. Għal finijiet ta’ informazzjoni, għandu jinkludi l-kompiti fdati lill-Aġenzija mill-Kummissjoni permezz ta’ ftehim ta’ delega, skont il-każ, skont l-Artikolu 14(2) tar- Regolament (UE) Nru 1285/2013.

3.  Wara l-adozzjoni mill-Bord Amministrattiv, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat il-programmi ta’ ħidma pluriennali u annwali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, u għandu jippublika sommarju eżekuttiv tagħhom.

4.  Ir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 8(h) ta’ dan ir-Regolament għandu jinkludi informazzjoni dwar:

(a) l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ħidma pluriennali u annwali, inkluż fir-rigward tal-indikaturi tal-prestazzjoni;

(b) l-implimentazzjoni tal-baġit u l-pjan ta’ politika dwar il-persunal;

(c) is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll intern tal-Aġenzija u l-progress miksub fl-implimentazzjoni tas-sistemi u t-tekniki ta’ ġestjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 11(e) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013;

(d) kwalunkwe miżura biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tal-Aġenzija;

(e) is-sejbiet tal-awditu intern u estern u s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-awditu u għar-rakkomandazzjoni tar-rilaxx;

(f) id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv.

Sommarju eżekuttiv tar-rapport annwali għandu jsir pubbliku.

▼B



KAPITOLU II

ASPETTI RELATATI MAS-SIGURITÀ TAL-UNJONI EWROPEA JEW TAL-ISTATI MEMBRI TAGĦHA

Artikolu 9

Azzjoni Konġunta

▼M1

1.  F’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013, kull meta s-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tista’ tiġi affettwata mill-funzjonament tas-sistemi, għandhom japplikaw il-proċeduri stabbiliti fl-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK.

▼B

2.  Id-deċiżjonijiet dwar l-akkreditazzjoni tas-sigurtà meħuda f’konformità mal-Kapitolu III, kif ukoll ir-riskji residwi identifikati, għandhom jiġu komunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill għall-informazzjoni.



KAPITOLU III

AKKREDITAZZJONI TAS-SIGURTÀ GĦAS-SISTEMI TAL-GNSS EWROPEJ

▼M1

Artikolu 10

Prinċipji Ġenerali

L-attivitajiet ta’ akkreditament ta’ sigurtà għas-sistemi tal-GNSS Ewropej imsemmija f’dan il-Kapitolu għandhom jitwettqu f’konformità mal-prinċipji li ġejjin:

(a) attivitajiet u deċiżjonijiet dwar l-akkreditament ta’ sigurtà għandhom jitwettqu f’kuntest ta’ responsabbiltà kollettiva għas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri;

(b) għandhom isiru sforzi sabiex id-deċiżjonijiet jittieħdu bil-kunsens;

(c) l-attivitajiet dwar l-akkreditament ta’ sigurtà għandhom jitwettqu bl-użu ta’ approċċ tal-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju, filwaqt li jiġu kkunsidrati r-riskji għas-sigurtà tas-sistemi Ewropej GNSS kif ukoll l-impatt fuq l-ispejjeż jew l-iskeda ta’ kwalunkwe miżura biex jiġu mitigati r-riskji, b’kont meħud tal-objettiv li ma jitnaqqasx il-livell ġenerali tas-sigurtà tas-sistemi;

(d) id-deċiżjonijiet dwar l-akkreditament ta’ sigurtà għandhom jitħejjew u jitwettqu minn professjonisti li huma debitament kwalifikati fil-qasam tal-akkreditament ta’ sistemi kumplessi, li jkollhom livell adegwat ta’ approvazzjoni tas-sigurtà, u li għandhom jaġixxu b’mod oġġettiv;

(e) għandhom isiru sforzi sabiex jiġu kkonsultati l-partijiet rilevanti kollha b’interess fi kwistjonijiet ta’ sigurtà;

(f) l-attivitajiet ta’ akkreditament ta’ sigurtà għandhom jitwettqu mill-partijiet interessati rilevanti kollha skont strateġija ta’ akkreditament ta’ sigurtà mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Kummissjoni Ewropea kif definit fir-Regolament (UE) Nru 1285/2013;

(g) id-deċiżjonijiet dwar l-akkreditament ta’ sigurtà, b’segwitu għall-proċess definit fl-istrateġija rilevanti għall-akkreditament ta’ sigurtà, għandhom ikunu bbażati fuq deċiżjonijiet lokali dwar l-akkreditament ta’ sigurtà meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali għall-akkreditament ta’ sigurtà rispettivi tal-Istati Membri;

(h) proċess ta’ monitoraġġ permanenti, trasparenti u li jinftiehem kompletament għandu jiżgura li r-riskji tas-sigurtà għal sistemi tal-GNSS Ewropej ikunu magħrufa, li l-miżuri tas-sigurtà huma definiti biex inaqqsu tali riskji sa livell aċċettabbli fid-dawl tal-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u għat-tmexxija mingħajr xkiel tal-programmi u li dawk il-miżuri jiġu applikati f’konformità mal-kunċett tad-difiża profonda. L-effettività ta’ tali miżuri għandha tiġi evalwata kontinwament. Il-proċess relatat mal-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju għandu jitmexxa bħala proċess iterattiv b’mod konġunt mill-partijiet interessati tal-programmi;

(i) id-deċiżjonijiet tal-akkreditament ta’ sigurtà għandhom jittieħdu b’mod strettament indipendenti, inkluż fir-rigward tal-Kummissjoni u ta’ korpi oħra responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programmi u għall-provvista ta’ servizzi, kif ukoll fir-rigward tad-Direttur Eżekuttiv u l-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija;

(j) l-attivitajiet tal-akkreditament ta’ sigurtà għandhom jitwettqu b’konsiderazzjoni xierqa għall-ħtieġa ta’ koordinament adegwat, bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-provvisti tas-sigurtà;

(k) l-informazzjoni klassifikata tal-UE għandha tiġi ttrattata u mħarsa mill-partijiet interessati kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-programmi f’konformità mal-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi stabbiliti mir-regoli rispettivi ta’ sigurtà tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE.

Artikolu 11

Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà

1.  Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għas-sistemi tal-GNSS Ewropej (il-“Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà”) huwa b’dan stabbilit biex iwettaq il-kompiti elenkati f’dan l-Artikolu.

2.  Il-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għandu jwettaq il-kompiti tiegħu mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà li ġiet inkarigata biha l-Kummissjoni bir-Regolament (UE) Nru 1285/2013, b’mod partikolari għal kwistjonijiet relatati mas-sigurtà, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-akkreditament ta’ sigurtà.

3.  Bħala awtorità ta’ akkreditament ta’ sigurtà, il-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għandu, fir-rigward tal-akkreditament ta’ sigurtà għas-sistemi tal-GNSS Ewropej, ikun responsabbli:

(a) li jiddefinixxi u japprova strateġija ta’ akkreditament ta’ sigurtà li tistabbilixxi:

(i) l-ambitu tal-attivitajiet meħtieġa biex jitwettaq u jinżamm l-akkreditament tas-sistemi tal-GNSS Ewropej u l-interkonnessjoni potenzjali tagħhom ma’ sistemi oħrajn;

(ii) proċess ta’ akkreditament ta’ sigurtà għas-sistemi tal-GNSS Ewropej b’livell ta’ dettall li jkun jaqbel mal-livell meħtieġ ta’ assigurazzjoni u li jiddikjara b’mod ċar il-kondizzjonijiet ta’ approvazzjoni; dak il-proċess għandu jitwettaq f’konformità mar-rekwiżiti rilevanti, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013;

(iii) ir-rwol tal-partijiet interessati rilevanti involuti fil-proċess ta’ akkreditament;

(iv) skeda ta’ akkreditament f’konformità mal-fażijiet tal-programmi, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-infrastruttura, il-provvista ta’ servizzi u l-evoluzzjoni;

(v) il-prinċipji tal-akkreditament ta’ sigurtà għan-netwerks konnessi mas-sistemi u t-tagħmir tal-PRS konness mas-sistema stabbilita skont il-programm Galileo li għandu jsir mill-entitajiet nazzjonali tal-Istati Membri kompetenti fi kwistjonijiet ta’ sigurtà;

(b) li jieħu deċiżjonijiet dwar l-akkreditament ta’ sigurtà, b’mod partikolari dwar l-approvazzjoni tal-illanċar ta’ satelliti, l-awtorizzazzjoni biex jiġu operati s-sistemi fil-konfigurazzjonijiet differenti tagħhom u għad-diversi servizzi sa u inkluż is-sinjal fl-ispazju, u l-awtorizzazzjoni għall-funzjonament tal-istazzjonijiet tal-art. Fir-rigward tan-netwerks u t-tagħmir tal-PRS konnessi mas-sistema stabbilita skont il-programm Galileo, il-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għandu jieħudeċiżjonijiet biss dwar l-awtorizzazzjoni ta’ korpi li jiżviluppaw u jiffabrikaw riċevituri tal-PRS jew moduli ta’ sigurtà tal-PRS, b’kont meħud tal-parir ipprovdut mill-entitajiet nazzjonali kompetenti fil-kwistjonijiet ta’ sigurtà u r-riskji ġenerali ta’ sigurtà;

(c) jeżamina u, minbarra fir-rigward ta’ dokumenti li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 u l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Nru 1104/2011/UE, japprova d-dokumentazzjoni kollha relatata mal-akkreditament ta’ sigurtà;

(d) jagħti parir, fil-qasam tal-kompetenza tiegħu, lill-Kummissjoni fl-elaborazzjoni tal-abbozz ta’ testi għal atti msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 u l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Nru 1104/2011/UE, inkluż għall-istabbiliment ta’ proċeduri operattivi ta’ sigurtà (SecOps), u jipprovdi dikjarazzjoni bil-pożizzjoni tal-għeluq tiegħu;

(e) jeżamina u japprova l-valutazzjoni tar-riskju għas-sigurtà żviluppata f’konformità mal-proċess ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 10(h), b’kont meħud tal-konformità mad-dokumenti msemmija fil-punt (2c) ta’ dan il-paragrafu u dawk żviluppati f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 u l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Nru 1104/2011/UE; jikkoopera mal-Kummissjoni biex jiġu ddefiniti l-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji;

(f) jivverifika l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà relatati mal-akkreditament ta’ sigurtà tas-sistemi tal-GNSS Ewropej billi jwettaq jew jisponsorja valutazzjonijiet ta’ sigurtà, ispezzjonijiet jew analiżi, f’konformità mal-Artikolu 12(b) ta’ dan ir-Regolament;

(g) japprova l-għażla tal-prodotti approvati u l-miżuri li jipproteġu kontra s-smiegħ bil-moħbi elettroniku (TEMPEST) u tal-prodotti kriptografiċi approvati użati biex tiġi pprovduta sigurtà għas-sistemi tal-GNSS Ewropej;

(h) japprova, jew fejn ikun rilevanti, jipparteċipa fl-approvazzjoni konġunta, flimkien mal-entità rilevanti kompetenti fi kwistjonijiet ta’ sigurtà, tal-interkonnessjoni tas-sistemi tal-GNSS Ewropej ma’ sistemi oħrajn;

(i) jaqbel mal-Istat Membru rilevanti dwar il-mudell għall-kontroll tal-aċċess imsemmi fl-Artikolu 12(c);

(j) abbażi tar-rapporti dwar ir-riskju msemmija fil-paragrafu 11 ta’ dan l-Artikolu, jinforma lill-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni ta’ riskju tiegħu u jagħti parir lill-Kummissjoni dwar għażliet għat-trattament ta’ riskju residwu għal deċiżjoni partikolari ta’ akkreditament ta’ sigurtà;

(k) jassisti lill-Kunsill, f’kollegament mill-qrib mal-Kummissjoni, fl-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK fuq talba speċifika tal-Kunsill;

(l) iwettaq il-konsultazzjonijiet meħtieġa sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu.

4.  Il-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għandu wkoll:

(a) iħejji u japprova dik il-parti tal-programm ta’ ħidma pluriennali msemmija fl-Artikolu 8a(1), dwar l-attivitajiet operazzjonali koperti minn dan il-Kapitolu u dwar ir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa għat-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet, u jippreżentaha f’ħin adegwat lill-Bord Amministrattiv sabiex din tista’ tiġi integrata fil-programm ta’ ħidma pluriennali;

(b) iħejji u japprova l-parti tal-programm ta’ ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 8a(2), dwar l-attivitajiet operazzjonali koperti minn dan il-Kapitolu u dwar ir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa għat-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet, u jippreżentaha f’ħin adegwat lill-Bord Amministrattiv sabiex din tista’ tiġi integrata fil-programm ta’ ħidma annwali;

(c) iħejji u japprova dik il-parti tar-rapport annwali msemmija fil-punt (h) tal-Artikolu 6(2) dwar l-attivitajiet u l-prospettivi tal-Aġenzija koperti minn dan il-Kapitolu u dwar ir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa għat-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet u prospettivi, u jippreżentaha f’ħin adegwat lill-Bord Amministrattiv sabiex din tista’ tiġi integrata fir-rapport annwali;

(d) jadotta u jippubblika r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

5.  Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà kontinwament infurmat dwar l-impatt ta’ kwalunkwe deċiżjoni prevista mill-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà dwar it-tmexxija tajba tal-programmi u l-implimentazzjoni ta’ pjani għat-trattament ta’ riskju residwu. Il-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għandu jieħu nota ta’ kwalunkwe opinjoni ta’ dan it-tip tal-Kummissjoni.

6.  Id-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għandhom ikunu indirizzati lill-Kummissjoni.

7.  Il-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru, minn rappreżentant wieħed mill-Kummissjoni u minn rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għandhom jagħmlu ħilithom biex jillimitaw it-tibdil tar-rappreżentanti rispettivi tagħhom fil-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà. Il-mandat tal-membri tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għandu jkun ta’ erba’ snin u għandu jkun jista’ jiġġedded. Għandu jiġi mistieden rappreżentant tal-ESA biex jattendi l-laqgħat tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà bħala osservatur. Fuq bażi eċċezzjonali, rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu wkoll jiġu mistiedna jattendu dawn il-laqgħat bħala osservaturi għal kwistjonijiet relatati direttament ma’ dawk il-pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. L-arranġamenti għal tali parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u l-kondizzjoniet għaliha għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 23(1) u għandhom ikunu konformi mar-regoli ta’ proċedura tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà.

8.  Il-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għandu jaħtar President u Viċi President minn fost il-membri tiegħu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri kollha li għandhom id-dritt tal-vot. Il-Viċi President għandu awtomatikament jieħu post il-President meta il-President ma jkunx jista’ jaqdi dmirijietu/ma tkunx tista’ taqdi dmirijietha.

Il-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għandu jkollu s-setgħa li jneħħi mill-kariga lill-President, lill-Viċi President, jew lit-tnejn. Huwa għandu jadotta d-deċiżjoni ta’ tneħħija b’maġġoranza ta’ żewġ terzi.

Il-mandat tal-President u tal-Viċi President tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għandu jkun ta’ sentejn u jista’ jiġġedded għal darba waħda. Il-mandat ta’ kwalunkwe persuna minn dawn għandu jintemm jekk ma tibqax membru tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà.

9.  Il-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għandu jkollu aċċess għar-riżorsi umani u dawk materjali kollha meħtieġa biex jipprovdi funzjonijiet ta’ appoġġ amministrattiv adatti u biex ikun jista’, flimkien mal-korpi msemmija fil-paragrafu 11, iwettaq il-kompiti tiegħu b’mod indipendenti, b’mod partikolari meta jittratta fajls, jagħti bidu għal u jimmonitorja l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ sigurtà u jwettaq awditjar tas-sigurtà ta’ sistema, iħejji deċiżjonijiet u jorganizza l-laqgħat tiegħu. Għandu wkoll ikollu aċċess għal kull informazzjoni li jkollha l-Aġenzija li hija meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-prinċipji ta’ awtonomija u ta’ indipendenza msemmija fl-Artikolu 10(i).

10.  Il-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà u l-persunal tal-Aġenzija li jkun taħt is-superviżjoni tiegħu għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod li jiżgura l-awtonomija u l-indipendenza fil-konfront ta’ attivitajiet oħrajn tal-Aġenzija, b’mod partikolari fil-konfront tal-attivitajiet operazzjonali marbuta mal-isfruttar tas-sistemi, f’konformità mal-objettivi tal-programm. Għal dak il-għan, għandha tiġi stabbilita fi ħdan l-Aġenzija diviżjoni effettiva fl-organizzazzjoni bejn il-persunal involut f’attivitajiet koperti minn dan il-Kapitolu u l-persunal l-ieħor tal-Aġenzija. Il-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għandu jinforma minnufih lid-Direttur Eżekuttiv, lill-Bord Amministrattiv u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe ċirkostanza li tista’ tfixkel l-awtonomija u l-indipendenza tiegħu. Fil-każ li ma jinstab l-ebda rimedju fi ħdan l-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha teżamina s-sitwazzjoni, b’konsultazzjoni mal-partijiet rilevanti. Abbażi tal-eżitu ta’ dak l-eżami, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri adatti ta’ mitigazzjoni li għandhom jiġu implimentati mill-Aġenzija, u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’dan.

11.  Il-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għandu jistabbilixxi korpi subordinati speċjali, li jaġixxu fuq l-istruzzjonijiet tiegħu, sabiex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi. B’mod partikolari, filwaqt li jiżgura l-kontinwità meħtieġa tal-ħidma, huwa għandu jistabbilixxi panel biex iwettaq eżamijiet ta’ analiżi tas-sigurtà u testijiet biex jipproduċi r-rapporti rilevanti dwar ir-riskju sabiex jassistih fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet tiegħu. Il-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà jista’ jistabbilixxi u jżarma gruppi ta’ esperti sabiex jikkontribwixxu għall-ħidma ta’ dan il-panel.

12.  Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri u l-kompitu tal-Aġenzija msemmija fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013, matul il-fażi ta’ implimentazzjoni tal-programm Galileo, għandu jiġi stabbilit grupp ta’ esperti tal-Istati Membri taħt is-superviżjoni tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà biex iwettaq il-kompiti tal-Awtorità tad-Distribuzzjoni Kriptografika (CDA) relatati mal-ġestjoni tal-materjal kriptografiku tal-UE b’mod partikolari għal:

(i) il-ġestjoni tal-kodiċijiet tat-titjiriet u kodiċijiet oħra meħtieġa għall-funzjonament tas-sistema stabbilita skont il-programm Galileo;

(ii) il-verifika tal-istabbiliment u l-infurzar tal-proċeduri għall-kontabbilità, it-trattament sigur, il-ħżin u d-distribuzzjoni tal-kodiċijiet PRS.

13.  Jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq kunsens f’konformità mal-prinċipji ġenerali msemmija fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, il-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għandu jieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ votazzjoni bil-maġġoranza, kif previst fl-Artikolu 16 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni u r-rappreżentant tar-RGħ m’għandhomx jivvutaw. Il-President tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għandu jiffirma, f’isem il-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà, id-deċiżjonijiet adottati mill-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà.

14.  Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill infurmati, mingħajr dewmien bla bżonn, dwar l-impatt tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar l-akkreditament ta’ sigurtà dwar it-tmexxija tajba tal-programmi. Jekk il-Kummissjoni tqis li deċiżjoni meħuda mill-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà jista’ jkollha effett sinifikanti fuq it-tmexxija tajba tal-programmi, pereżempju fir-rigward ta’ spejjeż, skeda u prestazzjoni, hija għandha tinforma minnufih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

15.  B’kont meħud tal-fehmiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li għandhom jiġu espressi fi żmien xahar, il-Kummissjoni tista’ tadotta kwalunkwe miżura adegwata f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1285/2013.

16.  Il-Bord Amministrattiv għandu jiġi informat perjodikament dwar l-iżvilupp tal-ħidma tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà.

17.  L-iskeda ta’ żmien għall-ħidma tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għandha tirrispetta l-programm ta’ ħidma annwali msemmi fl-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013.

▼M1

Artikolu 11a

Kompiti tal-President tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà

1.  Il-President tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

(a) jiġġestjona l-attivitajiet ta’ akkreditament ta’ sigurtà taħt is-superviżjoni tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà;

(b) jimplimenta l- parti tal-programmi ta’ ħidma pluriennali u annwali tal-Aġenzija koperti minn dan il-Kapitolu taħt is-superviżjoni tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà;

(c) jikkoopera mad-Direttur Eżekuttiv sabiex jgħinu jħejji l-abbozz tal-pjan ta’ stabbiliment imsemmi fl-Artikolu 13(3) u l-istrutturi organizzattivi tal-Aġenzija;

(d) jipprepara t-taqsima tar-rapport ta’ progress imsemmi fl-Artikolu 8(f), dwar l-attivitajiet operazzjonali koperti minn dan il-Kapitolu u jippreżentaha f’ħin adegwat lill-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà u lid-Direttur Eżekuttiv sabiex din tista’ tiġi integrata fir-rapport ta’ progress;

(e) jipprepara t-taqsimatar-rapport annwali u tal-pjan ta’ azzjoni msemmija fl-Artikolu 8(h) u (r) rispettivament, dwar l-attivitajiet operazzjonali koperti minn dan il-Kapitolu u jippreżentaha fi żmien adegwat lid-Direttur Eżekuttiv;

(f) jirrappreżenta lill-Aġenzija fl-attivitajiet u d-deċiżjonijiet koperti minn dan il-Kapitolu;

(g) jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tal-Aġenzija involut fl-attivitajiet li jaqgħu taħt dan il-Kapitolu, is-setgħat imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3), li huma ddelegati lilu/lilha f’konformità mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 6(3).

2.  Għall-attivitajiet koperti minn dan il-Kapitolu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jitolbu lill-President tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà skambju ta’ fehmiet dwar il-ħidma u l-prospetti tal-Aġenzija quddiem dawk l-istituzzjonijiet, inkluż fir-rigward tal-programmi ta’ ħidma pluriennali u annwali.

▼B

Artikolu 12

Rwol tal-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom:

(a) jgħaddu lill-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà l-informazzjoni kollha li huma jikkunsidraw rilevanti għall-finijiet tal-akkreditazzjoni tas-sigurtà;

▼M1

(b) jippermetti li persuni debitament awtorizzati maħturin mill-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà, bi qbil ma’ u taħt is-superviżjoni tal-entitajiet nazzjonali kompetenti fi kwistjonijiet ta’ sigurtà, ikollhom aċċess għal kwalunkwe informazzjoni u kwalunkwe żona u/jew sit relatati mas-sigurtà tas-sistemi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali tagħhom, u mingħajr ebda diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità ta’ ċittadini tal-Istati Membri, inkluż għal finijiet ta’ awditjar u testijiet tas-sigurtà kif deċiżi mill-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà u tal-proċess ta’ monitoraġġ tar-riskju ta’ sigurtà msemmi fl-Artikolu 10(h). Dawn l-awditjar u t-testijiet għandhom jitwettqu f’konformità mal-prinċipji li ġejjin:

(i) l-importanza tas-sigurtà u tal-ġestjoni effikaċi tar-riskju fl-entitajiet ispezzjonati għandha tiġi enfasizzata;

(ii) kontromiżuri għall-mitigazzjoni tal-impatt speċifiku ta’ telf ta’ kunfidenzjalità, integrità jew disponibbiltà ta’ informazzjoni klassifikata għandhom jiġu rrakkomandati;

▼B

(c) ikunu responsabbli, kull wieħed minnhom, għat-tħejjija ta’ mudell għall-kontroll tal-aċċess, jiġifieri, deskrizzjoni jew lista ta’ żoni/siti li għandhom jiġu akkreditati, u li għandha tkun maqbula minn qabel bejn l-Istati Membri u l-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà, biex b’hekk jiġi żgurat li l-istess livell ta’ aċċess qed jiġi pprovdut mill-Istati Membri kollha;

(d) ikunu responsabbli, fil-livell lokali, għall-akkreditazzjoni tas-sigurtà taż-żoni li jinsabu fit-territorju tagħhom u li jagħmlu parti miż-żona tal-akkreditazzjoni tas-sigurtà tas-sistemi tal-GNSS Ewropej, u jirrapportaw, għal dan il-għan, lill-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà.



KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET BAĠITARJI U FINANZJARJI

Artikolu 13

Baġit

1.  Mingħajr preġudizzju għal riżorsi u ħlasijiet dovuti oħra li għad iridu jiġu definiti, id-dħul tal-Aġenzija għandu jinkludi sussidju tal-Unjoni miżjud fil-budget ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi żgurat bilanċ bejn id-dħul u l-infiq.

2.  L-infiq tal-Aġenzija għandu jkopri l-infiq għall-persunal, għall-amministrazzjoni u għall-infrastruttura, l-ispejjeż operazzjonali u l-infiq assoċjat mal-funzjonament tal-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà, inklużi l-korpi msemmija fl-Artikolu 11(11), u l-kuntratti u l-ftehimiet konklużi mill-Aġenzija biex twettaq il-kompiti li ġew fdati lilha.

▼M1

3.  Id-Direttur Eżekuttiv għandu, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-President tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għall-attivitajiet koperti mill-Kapitolu III, ifassal abbozz tal-estimi ta’ dħul u nfiq tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja li jmiss, filwaqt li juri b’mod ċar id-distinzjoni bejn dawk l-elementi tal-abbozz tad-dikjarazzjoni tal-estimi li huma relatati mal-attivitajiet ta’ akkreditament ta’ sigurtà u l-attivitajiet l-oħra tal-Aġenzija. Il-President tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà jista’ jikteb dikjarazzjoni dwar dak l-abbozz u d-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat kemm l-abbozz tal-estimi kif ukoll id-dikjarazzjoni lill-Bord Amministrattiv u lill-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà, flimkien ma’ abbozz ta’ tabella tal-persunal.

▼B

4.  Id-dħul u l-infiq għandhom ikunu bbilanċjati.

▼M1

5.  Kull sena, il-Bord Amministrattiv, abbażi tal-abbozz tal-estimi ta’ dħul u nfiq u f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għall-attivitajiet koperti mill-Kapitolu III, għandu jfassal l-estimi ta’ dħul u nfiq tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja li jmiss.

6.  Il-Bord Amministrattiv għandu jibgħat, sal-31 ta’ Marzu, id-dikjarazzjoni tal-estimi, li għandha tinkludi abbozz ta’ tabella tal-persunal flimkien mal-programm ta’ ħidma annwali proviżorju, lill-Kummissjoni u lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali li magħhom l-Unjoni tkun ikkonkludiet ftehimiet f’konformità mal-Artikolu 23(1).

▼B

7.  Id-dikjarazzjoni tal-estimi għandha tintbagħat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (minn hawn 'il quddiem “l-awtorità baġitarja”) flimkien mal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

8.  Abbażi tad-dikjarazzjoni tal-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea l-estimi li hi tikkunsidra meħtieġa għall-pjan ta’ stabbiliment u l-ammont ta’ sussidju li għandu jidħol fil-baġit ġenerali, li hi għandha tressaq quddiem l-awtoritá baġitarja f’konformità mal-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

9.  L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju lill-Aġenzija u għandha tadotta l-pjan ta’ stabbiliment għall-Aġenzija.

10.  Il-baġit għandu jiġi adottat mill-Bord Amministrattiv. Huwa għandu jsir finali wara l-adozzjoni definittiva tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Fejn adatt, huwa għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ.

11.  Il-Bord Amministrattiv għandu, mill-aktar fis possibbli, jinnotifika lill-awtorità baġitarja dwar l-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikattivi għall-finanzjament tal-baġit, b’mod partikolari kwalunkwe proġett relatat mal-kiri jew ix-xiri ta’ bini. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan.

12.  Fejn fergħa tal-awtoritá baġitarja tkun innotifikat l-intenzjoni tagħha li tagħti opinjoni, hi għandha tibgħat l-opinjoni tagħha lill-Bord Amministrattiv fi żmien sitt ġimgħat mid-data tan-notifika tal-proġett.

Artikolu 14

Implimentazzjoni u kontroll tal-baġit

1.  Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-baġit tal-Aġenzija.

2.  Sal-1 ta’ Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Aġenzija għandu jikkomunika l-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, flimkien ma’ rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet proviżorji tal-istituzzjonijiet u l-korpi deċentralizzati f’konformità mal-Artikolu 128 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

3.  Sal-31 ta’ Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji tal-Aġenzija lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien ma’ rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport għandu wkoll jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.  Meta jaslu l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tal-Aġenzija skont l-Artikolu 129 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Aġenzija taħt ir-responsabbilità tiegħu stess u jippreżentahom lill-Bord Amministrattiv għal opinjoni.

5.  Il-Bord Amministrattiv għandu joħroġ opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Aġenzija.

6.  Id-Direttur Eżekuttiv, sal-1 ta’ Lulju ta’ wara kull sena finanzjarja, għandu jibgħat il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Bord Amministrattiv.

7.  Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati.

8.  Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Qorti tal-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tagħha sat-30 ta’ Settembru. Huwa għandu jibgħat din it-tweġiba lill-Bord Amministrattiv ukoll.

9.  Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq it-talba ta’ dan tal-aħħar, l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tiġi applikata bla xkiel il-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja inkwistjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

▼M1

10.  Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel it-30 ta’ April tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N; minbarra għal dik il-parti tal-implimentazzjoni tal-baġit li tkopri kompiti li huma, skont il-każ, inkarigati lill-Aġenzija skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 li għalihom għandha tapplika l-proċedura msemmija fl-Artikoli 164 u 165 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 12 ).

▼B

Artikolu 15

Dispożizzjonijiet finanzjarji

Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija ghandhom jigu adottati mill-Bord Amministrattiv wara li l-Kummissjoni tkun ġiet ikkonsultata. Huma ma jistgħux jitbiegħdu mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej ( 13 ) ħlief meta tali tbegħid ikun speċifikament meħtieġ għall-operat tal-Aġenzija u l-Kummissjoni tkun tat il-kunsens tagħha minn qabel.

▼M1



KAPITOLU IVa

RIŻORSI UMANI

Artikolu 15a

Persunal

1.  Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għal Aġenti Oħrajn u r-regoli adottati konġuntament mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għal finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawk ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, għandhom japplikaw għall-persunal impjegat mill-Aġenzija.

2.  Il-persunal tal-Aġenzija għandu jikkonsisti minn aġenti impjegati mill-Aġenzija kif meħtieġ sabiex twettaq il-kompiti tagħha. Dawn għandu jkollhom approvazzjonijiet tas-sigurtà adatti għall-klassifikazzjoni tal-informazzjoni li qed jittrattaw.

3.  Ir-regoli interni tal-Aġenzija, bħar-regoli ta’ proċedura tal-Bord Amministrattiv, ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà, ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija, ir-regoli għall-applikazzjoni tar-regolamenti tal-persunal u r-regoli għall-aċċess għad-dokumenti, għandhom jiżguraw l-awtonomija u l-indipendenza tal-persunal li jeżerċita l-attivitajiet ta’ akkreditament tas-sigurtà fil-konfront tal-persunal li jeżerċita l-attivitajiet l-oħrajn tal-Aġenzija, skont l-Artikolu 10(i).

Artikolu 15b

Ħatra u Mandat tad-Direttur Eżekuttiv

1.  Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi reklutat bħala aġent temporanju tal-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra.

2.  Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord Amministrattiv abbażi tal-mertu u tal-ħiliet iċċertifikati fil-qasam tal-amministrazzjoni u l-ġestjoni, kif ukoll tal-kompetenza u l-esperjenza rilevanti, minn lista ta’ kandidati proposta mill-Kummissjoni, wara kompetizzjoni miftuħa u trasparenti li tkun segwiet sejħa għall-espressjoni ta’ interess li tidher f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’pubblikazzjonijiet oħra.

Il-kandidat magħżul mill-Bord Amministrattiv jista’ jiġi mistieden mill-aktar fis biex jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-Parlament Ewropew u biex iwieġeb mistoqsijiet mill-Membri tiegħu.

Għall-fini tal-konklużjoni tal-kuntratt tad-Direttur Eżekuttiv, il-President tal-Bord Amministrattiv għandu jirrappreżenta lill-Aġenzija.

Il-Bord Amministrattiv għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu għall-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu.

3.  Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta’ ħames snin. Fi tmiem dan il-mandat, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv b’ kont meħud tal-kompiti u l-isfidi futuri tal-Aġenzija.

Abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni li tieħu kont tal-evalwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Bord Amministrattiv jista’ jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba għal perijodu ta’ żmien sa erba’ snin.

Kwalunkwe deċiżjoni li jiġi estiż il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandha tiġi adottata b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Bord Amministrattiv.

Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu ikun ġie estiż ma jistax konsegwentement jipparteċipa fi proċedura tal-għażla għall-istess post.

Il-Bord Amministrattiv għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv. Qabel l-estensjoni, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiġi mistieden biex jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitati rilevanti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb il-mistoqsijiet tal-Membri.

4.  Il-Bord Amministrattiv jista’ jneħħi lid-Direttur Eżekuttiv mill-kariga tiegħu, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni jew ta’ terz tal-membri tiegħu, permezz ta’ deċiżjoni adottata minn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu.

5.  Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jitolbu lid-Direttur Eżekuttiv skambju ta’ fehmiet dwar il-ħidma u l-prospetti tal-Aġenzija quddiem dawk l-istituzzjonijiet, inkluż fir-rigward tal-programm ta’ ħidma annwali u pluriennali. Dak l-iskambju ta’ fehmiet m’għandux jittratta materji relatati mal-attivitajiet tal-akkreditament ta’ sigurtà koperti mill-Kapitolu III.

Artikolu 15c

Esperti nazzjonali sekondati

L-Aġenzija tista’ wkoll tagħmel użu mill-esperti nazzjonali. Dawn l-esperti għandu jkollhom approvazzjonijiet tas-sigurtà adatti għall-klassifikazzjoni ta’ informazzjoni li qed jittrattaw. Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għal Aġenti Oħrajn ma għandhomx japplikaw għal dan il-persunal.

▼B



KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELANJI

▼M1

Artikolu 16

Prevenzjoni ta’ frodi

1.  Sabiex jiġu miġġielda l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attivitajiet oħra illegali, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 14 ) għandu japplika għall-Aġenzija mingħajr restrizzjonijiet. Għal dak il-għan, l-Aġenzija għandha taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) ( 15 )) u għandha tadotta d-dispożizzjonijiet adatti applikabbli għall-persunal tal-Aġenzija u għall-esperti nazzjonali sekondati permezz tad-deċiżjoni mudell fl-Anness ta’ dak il-Ftehim.

2.  Il-Qorti tal-Awdituri għandu jkollha s-setgħa li tissorvelja lill-benefiċjarji tal-finanzjament tal-Aġenzija kif ukoll il-kuntratturi u s-subkuntratturi li jkunu rċevew fondi mill-Unjoni permezz tal-Aġenzija, abbażi ta’ dokumenti pprovduti lilha jew permezz ta’ ispezzjonijiet fuq il-post.

3.  Fir-rigward ta’ għotjiet iffinanzjati jew kuntratti mogħtija mill-Aġenzija, l-OLAF jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u ispezzjonijiet fuq il-post, f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u mar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96) ( 16 ), sabiex jiġġieled kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li tagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

4.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni konklużi mill-Aġenzija ma’ pajjiżi terzi mhux membri jew organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti u ftehimiet tal-għotjiet konklużi mill-Aġenzija ma’ partijiet terzi, u kwalunkwe deċiżjoni ta’ finanzjament li tittieħed mill-Aġenzija għandhom jipprevedu b’mod espliċitu li l-Qorti tal-Awdituri u l-OLAF jistgħu jwettqu verifiki u investigazzjonijiet f’konformità mas-setgħat rispettivi tagħhom.

Artikolu 17

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu japplika għall-Aġenzija u l-persunal tagħha msemmi fl-Artikolu 15a.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 19

Responsabbiltà

1.  Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Aġenzija għandha tiġi rregolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni li tagħti sentenza skont kwalunkwe klawsola ta’ arbitraġġ li tkun f’kuntratt konkluż mill-Aġenzija.

2.  Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Aġenzija għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull ħsara kkawżata mid-dipartimenti tagħha jew mill-ħaddiema tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

3.  Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni fi kwalunkwe tilwim relatat ma’ kumpens għal dannu kif imsemmi fil-paragrafu 2.

4.  Ir-responsabbiltà personali lejn l-Aġenzija tal-ħaddiema tagħha għandha tkun irregolata bid-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew fil-Kondizzjonijiet ta’ impjieg applikabbli għalihom.

Artikolu 20

Lingwi

1.  Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea ( 17 ) għandhom japplikaw għall-Aġenzija.

2.  Is-servizzi ta’ traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-Aġenzija għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru ta’ Traduzzjoni għall-korpi tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 21

Aċċess għal dokumenti u protezzjoni ta’ data ta’ natura personali

1.  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni ( 18 ) għandu japplika għal dokumenti miżmumin mill-Aġenzija.

2.  Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta arranġamenti għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fi żmien sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.  Deċiżjonijiet meħudin mill-Aġenzija skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ilment lill-Ombudsman jew ta’ azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikoli 228 u 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea rispettivament.

4.  Meta tkun qed tipproċessa data relatata ma’ individwi, l-Aġenzija għandha tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data ( 19 ).

▼M1

Artikolu 22

Regoli ta’ sigurtà dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata jew sensittiva

1.  L-Aġenzija għandha tapplika r-regoli ta’ sigurtà tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata.

2.  L-Aġenzija tista’ tistabbilixxi, fir-regoli interni tagħha, dispożizzjonijiet għat-trattament ta’ informazzjoni li ma tkunx klassifikata iżda tkun sensittiva. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikopru, fost l-oħrajn, l-iskambju, it-trattament u l-ħżin tagħha.

Artikolu 22a

Konflitt ta’ interess

1.  Il-Membri tal-Bord Amministrattiv u tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà, id-Direttur Eżekuttiv, kif ukoll l-esperti nazzjonali sekondati u l-osservaturi għandhom jagħmlu dikjarazzjoni ta’ impenji u dikjarazzjoni ta’ interessi li jindikaw in-nuqqas jew l-eżistenza ta’ kwalunkwe interess dirett jew indirett, li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom. Dawk id-dikjarazzjonijiet għandhom ikunu preċiżi u kompluti. Dawn għandhom isiru bil-miktub mad-dħul tagħhom fis-servizz u għandhom jiġġeddu kull sena. Dawn għandhom jiġu aġġornati kull meta meħtieġ, b’mod partikolari f’każ ta’ tibdil rilevanti fiċ-ċirkostanzi personali tal-persuni kkonċernati.

2.  Qabel kull laqgħa li jattendu, il-Membri tal-Bord Amministrattiv u tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà, id-Direttur Eżekuttiv, kif ukoll l-esperti nazzjonali sekondati u l-osservaturi u l-esperti esterni li qed jipparteċipaw f’gruppi ta’ ħidma ad hoc għandhom b’mod preċiż u komplut jiddikjaraw in-nuqqas jew l-eżiztenza ta’ kwalunkwe interess li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom fir-rigward ta’ kwalunkwe punti fuq l-aġenda, u għandhom jastjenu milli jipparteċipaw fid-diskussjoni u l-votazzjoni dwar tali punti.

3.  Il-Bord Amministrattiv u l-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà għandhom jistabbilixxu, fir-regoli ta’ proċedura tagħhom, l-arranġamenti prattiċi għar-regola dwar id-dikjarazzjoni ta’ interess imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 u għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess.

Artikolu 23

Parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali

1.  L-Aġenzija għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Tali parteċipazzjoni u l-kondizzjonijiet għaliha għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz jew dik l-organizzazzjoni internazzjonali, f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.  F’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawk il-ftehimiet, għandhom jiġu żviluppati arranġamenti prattiċi għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fil-ħidma tal-Aġenzija, inklużi arranġamenti relatati mal-parteċipazzjoni tagħhom fl-inizjattivi mwettqa mill-Aġenzija, mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji u mal-persunal.

Artikolu 23a

Akkwist konġunt mal-Istati Membri

Għat-twettiq tal-kompiti tagħha, l-Aġenzija għandha tkun awtorizzata li tagħti kuntratti b’mod konġunt mal-Istati Membri f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 ( 20 ).

▼B



KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 24

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 683/2008

▼C1

Fir-Regolament (KE) Nru 683/2008 kollu, il-kliem “Awtortità Superviżorja Ewropea GNSS” u “Awtorità” għandhom jiġu sostitwiti b' “Aġenzija tal-GNSS Ewropea” u “Aġenzija” rispettivament.

▼B

Artikolu 25

Tħassir u validità tal-miżuri meħuda

Ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 huwa b’dan imħassar. Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. Kwalunkwe miżura adottata abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1321/2004 għandha tibqa’ valida.

▼M1

Artikolu 26

Reviżjoni, evalwazzjoni u awditu

1.  Sal-31 ta’ Diċembru 2016, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-Aġenzija dwar, b’mod partikolari, l-impatt, l-effikaċja, l-operat tajjeb, il-metodi ta’ ħidma u l-ħtiġijiet tagħha, u l-użu tar-riżorsi fdati lilha. Din l-evalwazzjoni għandha tinkludi b’mod partikolari evalwazzjoni ta’ kwalunkwe bidla fl-iskop jew natura tal-kompiti tal-Aġenzija u tal-impatt finanzjarju ta’ tali bidla. Hija għandha tindirizza l-applikazzjoni tal-politika tal-Aġenzija dwar il-kunflitt ta’ interess u għandha wkoll tirrifletti kwalunkwe ċirkostanza li setgħet inċidiet fuq l-indipendenza u l-awtonomija tal-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà.

2.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-evalwazzjoni kif ukoll il-konklużjonijiet tagħha dwarha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bord Amministrattiv u lill-Bord ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà tal-Aġenzija. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni għandhom ikunu ppubblikati.

3.  Evalwazzjoni waħda minn kull tnejn għandha tinkludi analiżi tal-bilanċ tal-Aġenzija fir-rigward tal-objettivi u l-kompiti tagħha. Jekk il-Kummissjoni tqis li ż-żamma tal-Aġenzija ma għadhiex ġustifikata fir-rigward tal-objettivi u l-kompiti li ġew assenjati lilha, il-Kummissjoni tista’, fejn ikun xieraq, tipproponi li jitħassar dan ir-Regolament.

4.  L-awditjar estern dwar il-prestazzjoni tal-Aġenzija jista’ jsir fuq it-talba tal-Bord Amministrattiv jew tal-Kummissjoni.

▼B

Artikolu 27

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU C 317, 23.12.2009, p. 103.

( 2 ) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Ġunju 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2010.

( 3 ) ĠU L 246, 20.7.2004, p. 1.

( 4 ) ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1.

( 5 ) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

( 6 ) ĠU L 246, 20.7.2004, p. 30.

( 7 ) Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1).

( 8 ) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

( 9 ) Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

( 10 ) Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/552/PESK tat-12 ta’ Lulju 2004 dwar aspetti tal-operazzjoni tas-sistema Ewropea tar-radjunavigazzjoni bis-satellita li jaffettwaw is-sigurtà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 246, 20.7.2004, p. 30).

( 11 ) Deċiżjoni Nru 1104/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar ir-regoli ta’ aċċess għas-servizz pubbliku regolat offrut mis-sistema dinjija ta’ navigazzjoni bis-satellita li ġiet stabbilita taħt il-programm Galileo (ĠU L 287, 4.11.2011, p. 1).

( 12 ) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

( 13 ) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

( 14 ) Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

( 15 ) ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

( 16 ) Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

( 17 ) ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58.

( 18 ) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

( 19 ) ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

( 20 ) Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

Top