EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02009R0391-20150101

Consolidated text: Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (Tfassil mill-ġdid) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/391/2015-01-01

2009R0391 — MT — 01.01.2015 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT (KE) Nru 391/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ April 2009

dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri

(Tfassil mill-ġdid)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 131, 28.5.2009, p.11)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1355/2014 tas-17 ta' Diċembru 2014

  L 365

82

19.12.2014


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 074, 22.3.2010, p. 1 (391/2009)




▼B

REGOLAMENT (KE) Nru 391/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ April 2009

dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri

(Tfassil mill-ġdid)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 80 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, ( 1 )

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ( 2 ),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni fit-3 ta’ Frar 2009 ( 3 ),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE tat-22 ta’ Novembru 1994 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijet marittimi ( 4 ) ġiet emendata sostanzjalment diversi drabi. Ladarba għandhom isiru emendi ulterjuri, jeħtieġ li tiġi mfassla mill-ġdid fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

Fid-dawl tan-natura tad-dispożizzjonijet tad-Direttiva 94/57/KE jidher li jixraq li d-dispożizzjonijet tagħha jiġu mfassla mill-ġdid permezz ta’ żewġ strumenti legali Komunitarji differenti jiġifieri permezz ta’ Direttiva u ta’ Regolament.

(3)

L-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri għandhom ikunu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom fil-Komunità kollha u jikkompetu ma’ xulxin filwaqt li jipprovdu livelli ugwali ta’ sikurezza u ta’ protezzjoni ambjentali. L-istandards professjonali meħtieġa għall-attivitajiet tagħhom għandhom għalhekk jiġu stabbiliti u applikati b’mod uniformi fil-Komunità kollha.

(4)

Dan l-objettiv għandu jinkiseb permezz ta’ miżuri li jkunu jorbtu adegwatament mal-ħidma tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u, meta dan ikun opportun, li jibnu fuq din il-ħidma u jikkomplimentawha. Flimkien ma’ dan, l-Istati Membri u l- Kummissjoni għandhom jippromwovu l-iżvilupp mill-IMO ta’ kodiċi internazzjonali għall-organizzazzjonijiet rikonoxxuti.

(5)

Kriterji minimi għar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti bil-ħsieb tat-titjib tas-sikurezza tal-vapuri, u l-prevenzjoni tat-tniġġis minnhom. Il-kriterji minimi stabbiliti fid-Direttiva 94/57/KE għandhom għalhekk jissaħħu.

(6)

Sabiex jingħata rikonoxximent inizjali lill-organizzazzjonijiet li jixtiequ jiġu awtorizzati jaħdmu f’isem l-Istati Membri, il-konformità mal-kriterji minimi stabbiliti f’dan ir-Regolament tista’ tiġi evalwata b’mod aktar effettiv u b’mod armonizzat u ċentralizzat mill-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri li qed jitolbu r-rikonoxximent.

(7)

Ir-rikonoxximent għandu jingħata biss abbażi tal-prestazzjonital-organizzazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwalità u sikurezza. Għandu jkun żgurat li l-grad tar-rikonoxximent jkun dejjem marbut mal-kapaċità attwali tal-organizzazzjoni kkonċernata. Barra minn hekk ir-rikonoxximent għandu jieħu kont tad-differenzi fl-istatus legali u fl-istruttura tas-soċjetà kummerċjali tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti filwaqt li jibqgħu jkunu żgurati l-applikazzjoni uniformi tal-kriterji minimi stabbiliti f’dan ir-Regolament u l-effettività tal-kontrolli Komunitarji. Indipendentement mill-istruttura tas-soċjetà kummerċjali, l-organizzazzjoni li tiġi rikonoxxuta għandha tipprovdi servizzi madwar id-dinja kollha u l-entitajiet legali tagħha għandhom ikunu suġġetti għar-responsabbiltà in solidum.

(8)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni ( 5 ).

(9)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda dan ir-Regolament sabiex tinkorpora emendi sussegwenti għall-konvenzjonijiet, protokolli, kodiċijiet u riżoluzzjonijiet internazzjonali relatati magħha, li taġġorna l-kriterji minimi fl-Anness I u li tadotta l-kriterji sabiex titkejjel l-effettività tar-regoli u l-proċeduri kif ukoll il-prestazzjoni tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti fir-rigward tas-sikurezza u tal-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri kklassifikati minnhom. Ġaladarba dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh b’ elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju pervista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(10)

Huwa tal-ikbar importanza li n-nuqqas minn organizzazzjoni rikonoxxuta li taqdi l-obbligi tagħha jkun jista’ jiġi trattat malajr u b’mod effettiv u proporzjonat. L-objettiv primarju għandu jkun li jiġu kkoreġuti kwalunkwe defiċjenzi bil-ħsieb li, fi stadju bikri, titneħħa kwalunkwe theddida potenzjali għas-sikurezza jew għall-ambjent. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tingħata s-setgħat neċessarji sabiex tirrikjedi li l-organizzazzjoni rikonoxxuta tieħu l-azzjoni preventiva u ta’ rimedju meħtieġa, u sabiex timponi multi u ħlasijiet penali perjodiċi bħala miżuri ta’ koerżjoni. Meta teżerċita dawn is-setgħat, il-Kummissjoni għandha tagħmel dan b’mod li jkun konformi mad-drittijiet fundamentali u għandha tiżgura li l-organizzazzjoni tista’ tagħmel il-veduti tagħha magħrufa matul il-proċedura kollha.

(11)

F’konformità mal-approċċ użat madwar il-Komunità, id-deċiżjoni li jiġi rtirat ir-rikonoxximent ta’ organizzazzjoni li tonqos milli tissodisfa l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament jekk il-miżuri ta’ hawn fuq ikunu ineffettivi jew inkella l-organizzazzjoni tippreżenta theddida mhux aċċettabbli għas-sikurezza jew l-ambjent, trid tittieħed fil-livell tal-Komunità, u għalhekk mill-Kummissjoni, abbażi ta’ proċedura ta’ kumitat.

(12)

Il-monitoraġġ kontinwu a posteriori tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti sabiex tiġi valutata l-konformità tagħhom ma’ dan ir-Regolament jista’ jitwettaq b’mod iktar effettiv jekk isir b’mod armonizzat u ċentralizzat. Għalhekk, huwa xieraq li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istat Membru li qed jitlob ir-rikonoxximent, tingħata r-responsabiltà ta’ dan il-kompitu f’isem il-Komunità.

(13)

Bħala parti mill-operazzjonijiet tal-monitoraġġ tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti, huwa kruċjali li l-ispetturi tal-Kummissjoni jkollhom aċċess għall-vapuri u għall-fajls tal-vapuri tkun xi tkun il-bandiera tal-vapur sabiex ikun żgurat jekk l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti ikunux jikkonformaw mal-kriterji minimi stabbiliti f’dan ir-Regolament fir-rigward tal-vapuri kollha fil-klassijiet rispettivi tagħhom.

(14)

Il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jidentifikaw malajr u jikkoreġu nuqqasijiet fir-regoli, proċessi u kontrolli interni tagħhom hija kritika għas-sikurezza tal-vapuri li huma jispezzjonaw u jiċċertifikaw. Dik il-kapaċità għandha titjieb permezz ta’ Entità għall-Valutazzjoni u ċ-Ċertifikazzjoni tal-Kwalità, li għandha tkun indipendenti minn interessi kummerċjali jew politiċi, li tkun tista’ tipproponi azzjoni komuni għat-titjib sostnut tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti kollha u tiżgura koperazzjoni li tħalli l-frott mal-Kummissjoni.

(15)

Ir-regoli u l-proċeduri ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti jikkostitwixxu fattur prinċipali sabiex tiżdied is-sikurezza u sabiex jiġu prevenuti l-inċidenti u t-tniġġis. L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti bdew il-proċess li għandu jwassal għall-armonizzazzjoni tar-regoli u l-proċeduri tagħhom. Dak il-proċess għandu jiġi inkoraġġit u appoġġat mil-leġislazzjoni Komunitarja, billi għandu jkollu impatt pożittiv fuq is-sikurezza marittima kif ukoll fuq il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-bini tal-vapuri.

(16)

L-armonizzazzjoni tar-regoli tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għad-disinn, il-kostruzzjoni u l-perizja perjodika ta’ vapuri tal-merkanzija hija proċess kontinwu. Għalhekk, l-obbligu li jkun hemm sett ta’ regoli proprji jew l-abbiltà murija li jkun hemm sett ta’ regoli għandu jitqies fil-kuntest tal-proċess ta’ armonizzazzjoni u m’għandux jikkostitwixxi ostakolu għall-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti jew ta’ kandidati potenzjali li jkunu qed jippruvaw jiksbu rikonoxximent.

(17)

L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom ikunu obbligati li jaġġornaw ll-istandards tekniċi tagħhom u jinfurzawhom b’mod konsistenti sabiex jarmonizzaw ir-regoli tas-sikurezza u jiżguraw implimentazzjoni uniformi tar-regoli internazzjonali fil-Komunità. Meta l-istandards tekniċi tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti jkunu identiċi jew simili ħafna, għandu jitqies ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ċertifikati għal materjali, tagħmir u komponenti f’każijiet xierqa, filwaqt li jittieħdu bħala referenza, l-iktar standards eżiġenti u rigorużi.

(18)

Waqt li kull organizzazzjoni rikonoxxuta, fil-prinċipju, għandha tkun responsabbli biss u esklużivament fir-rigward tal-partijiet li hija tiċċertifika, ir-responsabbiltà ta’ organizzazzjonijiet u manifatturi rikonoxxuti tiġi determinata mill-kundizzjonijiet maqbula jew, kif jista’ jkun il-każ, mil-liġi applikabbli f’kull każ individwali.

(19)

Billi t-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-partijiet interessati, kif ukoll id-dritt pubbliku ta’ aċċess għall-informazzjoni, huma għodod fundamentali għall-prevenzjoni tal-inċidenti fil-baħar, l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jipprovdu l-informazzjoni statutorja rilevanti kollha dwar il-kondizzjonijiet tal-vapuri fil-klassi tagħhom lill-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istat tal-port, liema informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-pubbliku ġenerali.

(20)

Biex il-vapuri ma jitħallewx jibdlu l-klassi biex jevitaw tiswijiet meħtieġa, l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jiskambjaw l-informazzjoni kollha rilevanti bejniethom dwar il-kundizzjonijiet tal-vapuri li jibdlu l-klassi u għandhom jinvolvu lill-Istat tal-bandiera meta jkun meħtieġ.

(21)

Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tal-partijiet interessati inklużi dawk tat-tarznara, il-fornituri tat-tagħmir u l-proprjetarji tal-vapuri, m’għandhiex tipprevjeni transazzjonijiet kummerċjali normali u servizzi maqbula kuntrattwalment bejn dawn il-partijiet.

(22)

L-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà Marittima (EMSA) stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ) għandha tipprovdi l-aappoġġ neċessarju biex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(23)

Billi l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta’ miżuri li għandhom jiġu segwiti mill-organizzazzjonijiet fdati bl-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri li joperaw fil-Komunità, ma jistax jinkiseb b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(24)

Il-miżuri li għandhom jiġu segwiti mill-Istati Membri fir-relazzjoni tagħhom mal-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri huma stabbiliti fid-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’t-23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet tal-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijet marittimi ( 7 ),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri li għandhom jiġu segwiti mill-organizzazzjonijiet fdati bl-ispezzjoni, il-perizja u ċ-ċertifikazzjoni tal-vapuri għall-konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar is-sikurezza fuq il-baħar u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar, filwaqt li jmexxi ’l quddiem l-objettiv tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi. Dan jinkludi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ sikurezza għall-buq, il-makkinarju, u l-istallazzjonijiet elettriċi u tal-kontroll tal-vapuri li jidħlu fl-ambitu tal-konvenzjonijiet internazzjonali.

Artikolu 2

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) “vapur” tfisser vapur li jidħol fl-ambitu tal-konvenzjonijiet internazzjonali;

▼M1

(b) “konvenzjonijiet internazzjonali” tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sikurezza tal-Ħajja fuq il-Baħar tal-1 ta’ Novembru 1974 (SOLAS 74) bl-eċċezzjoni tal-kapitolu XI-2 tal-Anness tagħha, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Linji tat-Tagħbija tal-5 ta’ April 1966 u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġiż mill-Vapuri tat-2 ta’ Novembru 1973 (MARPOL), flimkien mal-protokolli u l-emendi tagħhom, u l-kodiċijiet ta’ status mandatorju relatati magħhom fl-Istati Membri kollha, fil-verżjoni aġġornata tagħhom;

▼B

(c) “organizzazzjoni” tfisser entità legali, is-sussidjarji tagħha u kwalunkwe entità oħra taħt il-kontroll tagħha, li flimkien jew separatament iwettqu kompiti li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament;

(d) “kontroll” tfisser, għall-fini tal-punt (c), drittijiet, kuntratti jew kwalunkwe mezz ieħor, fil-liġi jew fil-fatt, li, separatament jew flimkien jikkonferixxu l-possibiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva fuq entità legali jew jippermettu lil dik l-entità twettaq il-kompiti li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament;

(e) “organizzazzjoni rikonoxxuta” tfisser organizzazzjoni rikonoxxuta skont dan ir-Regolament;

(f) “awtorizzazzjoni” tfisser att li bih Stat Membru jagħti awtorizzazzjoni jew jiddelega setgħat lil organizzazzjoni rikonoxxuta;

(g) “ċertifikat statutorju” tfisser ċertifikat maħruġ minn jew f’isem Stat tal-bandiera skont il-konvenzjonijiet internazzjonali;

(h) “regoli u proċeduri ” tfisser ir-rekwiżiti ta’ organizzazzjoni rikonoxxuta għad-disinn, il-kostruzzjoni, it-tagħmir, il-manutenzjoni u l-perizja tal-vapuri;

(i) “ċertifikat tal-klassi” tfisser dokument maħruġ minn organizzazzjoni rikonoxxuta li jiċċertifika li vapur ikun adatt għal użu jew servizz partikolari skont ir-regoli u l-proċeduri stabbiliti u magħmula pubbliċi minn dik l-organizzazzjoni rikonoxxuta;

(j) “sede” tfisser il-post tal-uffiċċju rreġistrat, il-post tal-amministrazzjoni ċentrali jew il-post ewlieni tan-negozju ta’ organizzazzjoni.

Artikolu 3

1.  L-Istati Membri li jixtiequ jagħtu awtorizzazzjoni lil xi organizzazzjoni li għadha m’hijiex rikonoxxuta għandhom iressqu talba għar-rikonoxximent lill-Kummissjoni flimkien ma’ informazzjoni sħiħa dwar, u evidenza ta’, konformità tal-organizzazzjoni mal-kriterji minimi stabbiliti fl-Anness I u dwar ir-rekwiżit u l-impenn tagħha li hija għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8(4), 9, 10 u 11.

2.  Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri rispettivi li jressqu t-talba, għandha twettaq valutazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet li għalihom tkun irċeviet talba għar-rikonoxximent sabiex tivverifika li l-organizzazzjonijiet jissodisfaw u jimpenjaw ruħhom li jikkonformaw mar-rekwiżiti imsemmija fil-paragrafu 1.

3.  Il-Kummissjoni, f’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 12(3), għandha tirrifjuta li tirrikonoxxi organizzazzjonijiet li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 jew li l-prestazzjoni tagħhom hija kkunsidrata bħala theddida li mhix aċċettabbli għas-sikurezza jew l-ambjent fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti konformement mal-Artikolu 14.

Artikolu 4

1.  Ir-rikonoxximent għandu jingħata mill-Kummissjoni skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 12(3).

2.  Ir-rikonoxximent għandu jingħata biss lil organizzazzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 3.

3.  Ir-rikonoxximent għandu jingħata lill-entità legali rilevanti li hija l-entità ewlenija fost l-entitajiet legali kollha li jikkostitwixxu l-organizzazzjoni rikonoxxuta. Ir-rikonoxximent għandu jinkludi l-entitajiet legali kollha li jikkontribwixxu biex jiġi żgurat li dik l-organizzazzjoni tipprovdi kopertura għas-servizzi tagħhom mad-dinja kollha.

4.  Il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 12(3), tista’ tillimita r-rikonoxximent fir-rigward ta’ tipi ta’ vapuri, vapuri ta’ ċertu daqs, ċerti operazzjonijiet kummerċjali, jew kombinazzjoni tagħhom, skont il-kapaċità ppruvata u l-għarfien espert tal-organizzazzjoni kkonċernata. Fit-tali każ, il-Kummissjoni għandha tistqarr ir-raġunijiet għal-limitazzjoni u l-kondizzjonijiet li taħthom il-limitazzjoni għandha titneħħa jew tista’ titwessa’. Il-limitazzjoni tista’ tiġi riveduta fi kwalunkwe ħin.

5.  Il-Kummissjoni għandha tfassal u taġġorna regolarment lista tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti skont dan l-Artikolu. Dik il-lista għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Meta l-Kummissjoni tqis li organizzazzjoni rikonoxxuta tkun naqset milli tissodisfa l-kriterji minimi stabbiliti fl-Anness I jew l-obbligi tagħha skont dan ir-Regolament, jew li l-prestazzjoni tas-sikurezza u tal-prevenzjoni tat-tniġġis ta’ organizzazzjoni rikonoxxuta mar għall-agħar b’mod sinifikanti mingħajr, madankollu, ma dan ikun ta’ theddida mhux aċċettabbli għas-sikurezza jew għall-ambjent, għandha tirrikjedi li l-organizazzjoni rikonoxxuta kkonċernata tieħu l-azzjoni preventiva u ta’ rimedju meħtieġa fl-iskadenzi speċifikati biex tiżgura konformità sħiħa ma’ dawk il-kriterji minimi u l-obbligi msemmija u, b’mod partikolari, li tneħħi kwalunkwe theddida potenzjali għas-sikurezza jew għall-ambjent, jew inkella li tindirizza l-kawżi tal-prestazzjoni li sejra għall-agħar.

L-azzjoni preventiva u ta’ rimedju tista’ tinkludi miżuri protettivi interim meta t-theddida potenzjali għas-sikurezza jew għall-ambjent tkun waħda immedjata.

Madankollu, u mingħajr preġudizzju għall-implimentazzjoni immedjata tagħhom, il-Kummissjoni għandha tavża minn qabel lill-Istati Membri kollha li jkunu taw awtorizzazzjoni lill-organizzazzjoni rikonoxxuta kkonċernata, bil-miżuri li jkollha l-ħsieb tieħu.

Artikolu 6

▼C1

1.  Minbarra l-miżuri meħuda skond l-Artikolu 5, il-Kummissjoni tista', f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 12(2), timponi multi fuq organizzazzjoni rikonoxxuta:

(a) 

 fejn in-nuqqas serju jew ripetut tagħha li tissodisfa l-kriterji minimi stabbiliti fl-Anness I jew li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 8(4), 9, 10 u 11,

 jew

 fejn id-deterorjament fil-prestazzjoni tagħha

jiżvela nuqqasijiet serji fl-istruttura, fis-sistemi, fil-proċeduri jew fil-kontrolli interni tagħha; jew

(b) fejn din tkun ipprovdiet intenzjonalment lill-Kummissjoni informazzjoni inkorretta, mhux kompluta jew li tiżgwida matul il-valutazzjoni tagħha skond l-Artikolu 8(1) jew tkun ostakolat b'mod ieħor dik il-valutazzjoni.

▼B

2.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, meta organizzazzjoni rikonoxxuta tonqos milli tieħu l-azzjoni preventiva u ta’ rimedju rikjesta mill-Kummissjoni, jew iddum b’mod mhux ġustifikat, il-Kummissjoni tista’ timponi ħlasijiet penali perjodiċi fuq dik l-organizzazzjoni sakemm l-azzjoni rikjesta titwettaq b’mod sħiħ.

3.  Il-multi u l-ħlasijiet penali perjodiċi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu dissważivi u proporzjonati kemm mal-gravità tal-każ kif ukoll mal-kapaċità ekonomika tal-organizzazzjoni rikonoxxuta kkonċernata, b’kont meħud, partikolarment, tal-punt safejn is-sikurezza jew il-protezzjoni ambjentali tkun ġiet kompromessa.

Dawn għandhom jiġu imposti biss wara li l-organizzazzjoni rikonoxxuta u l-Istati Membri kkonċernati jkunu ngħataw l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

L-ammont globali tal-multi u l-ħlasijiet penali perjodiċi imposti m’għandux jeċċedi l-5 % tal-medja tad-dħul totali min-negozju tal-organizzazzjoni rikonoxxuta fit-tliet snin finanzjarji preċedenti għall-attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

4.  Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha ġurisdizzjoni mingħajr limitu biex tirrevedi d-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tkun stabbiliet multa jew ħlas penali perjodiku. Hija tista’ tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-ħlas penali perjodiku impost.

Artikolu 7

1.  Il-Kummissjoni għandha tirtira r-rikonoxximent tal-organizzazzjoni:

(a) li n-nuqqas tagħha ripetut u serju li tissodifa l-kriterji minimi stabbiliti fl-Anness I jew l-obbligi tagħha taħt dan ir-Regolament ikun tali li jikkostitwixxi theddida mhux aċċettabbli għas-sikurezza jew għall-ambjent;

(b) li n-nuqqas ripetut u serju tal-prestazzjoni tagħha fis-sikurezza u l-prevenzjoni tat-tniġġis ikun tali li jikkostitwixxi theddida mhux aċċettabbli għas-sikurezza jew għall-ambjent;

(c) li ripetutament ma tippermettix jew tostakola l-valutazzjoni tagħha mill-Kummissjoni;

(d) li tonqos milli tħallas il-multi u/jew il-ħlasijiet penali perjodiċi msemmija fl-Artikolu 6 (1) u (2); jew

(e) li tipprova tikseb kopertura finanzjarja jew rimborż ta’ kwalunkwe multa imposta fuqha skont l-Artikolu 6.

2.  Għall-fini tal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi fuq il-bażi tat-tagħrif kollu disponibbli, inklużi:

(a) ir-riżultati tal-valutazzjoni tagħha stess tal-organizzazzjoni rikonoxxuta kkonċernata skont l-Artikolu 8(1);

(b) rapporti mressqa minn Stati Membri skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/15/KE;

(c) analiżi tad-diżgrazzji li jinvolvu vapuri kklassifikati mill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti;

(d) kwalunkwe ripetizzjoni tan-nuqqasijiet msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1);

(e) il-punt sa liema tkun affettwata l-flotta fil-klassi tal-organizzazzjoni rikonoxxuta; u

(f) l-ineffettività tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 6(2).

3.  L-irtirar tar-rikonoxximent għandu jkun deċiż mill-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba minn Stat Membru, skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 12(3) u wara li l-organizzazzjoni rikonoxxuta kkonċernata tkun ingħatat l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

Artikolu 8

1.  L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti kollha għandhom jiġu evalwati mill-Kummissjoni, flimkien mal-Istat Membru li jkun ippreżenta t-talba rilevanti għar-rikonoxximent, fuq bażi regolari u mill-anqas kull sentejn, biex jiġi żgurat li dawn jissodisfaw l-obbligi taħt dan ir-Regolament u jissodisfaw il-kriterji minimi stabbiliti fl-Anness I. Il-valutazzjoni għandha tkun limitata għal dawk l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

2.  Meta tagħżel l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li ser ikunu valutati, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-prestazzjoni tas-sikurezza u tal-prevenzjoni tat-tniġġis tal-organizzazzjoni rikonoxxuta, għar-rekords tad-diżgrazzji u għar-rapporti magħmula mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/15/KE.

3.  Il-valutazzjoni tista’ tinkludi żjara lil fergħat reġjonali tal-organizzazzjoni rikonoxxuta kif ukoll spezzjoni mhux regolari tal-vapuri, kemm dawk li qed jintużaw kif ukoll dawk li qed jinbnew, sabiex tkun ivverifikata l-prestazzjoni tal-organizzazzjoni rikonoxxuta. F’dan il-każ il-Kummissjoni, meta xieraq, għandha tinforma lill-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-fergħa reġjonali. Il-Kummissjoni għandha tagħti rapport lill-Istati Membri dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni.

4.  Kull sena kull organizzazzjoni rikonoxxuta għandha tqiegħed ir-riżultati tar-reviżjoni tal-ġestjoni tas-sistema ta’ kwalità tagħha għad-dispożizzjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 12(1).

Artikolu 9

1.  L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni ikollha aċċess għall-informazzjoni neċessarja għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1). Ebda klawżoli kuntrattwali ma jistgħu jiġu invokati biex dan l-aċċess ikun ristrett.

2.  L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jiżguraw fil-kuntratti tagħhom mal-proprjetarji jew l-operaturi tal-vapuri għall-ħruġ ta’ ċertifikati statutorji jew ta’ ċertifikati tal-klassi lil vapur li tali ħruġ għandu jiddependi mill-fatt li l-partijiet ma jopponux l-aċċess lill-ispetturi tal-Kummissjoni abbord dak il-vapur għall-finijiet tal-Artikolu 8(1).

Artikolu 10

1.  L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jikkonsultaw ma’ xulxin perjodikament bil-ħsieb li jżommu ekwivalenza u jimmiraw għal armonizzazzjoni tar-regoli u l-proċeduri tagħhom u għall-implimentazzjoni tagħhom. Huma għandhom jikkooperaw ma’ xulxin bil-ħsieb li jaslu għal interpretazzjoni konsistenti tal-konvenzjonijiet internazzjonali, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Istati tal-bandiera. L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom, f’każijiet fejn dan ikun xieraq, jaqblu dwar il-kondizzjonijiet tekniċi u proċedurali li taħthom jirrikonoxxu reċiprokament iċ-ċertifikati tal-klassi għal materjali, tagħmir u komponenti abbażi ta’ standards ekwivalenti, bl-użu tal-aktar standards eżiġenti u rigorużi bħala referenza.

Fejn ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil dwar rikonoxximent reċiproku għal raġunijiet serji ta’ sikurezza, l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jistqarru b’mod ċar ir-raġunijiet għal dan.

Fejn organizzazzjoni rikonoxxuta taċċerta bi spezzjoni jew b’mod ieħor li materjal, biċċa tagħmir jew komponent m’huwiex f’konformità maċ-ċertifikat tiegħu, l-organizzazzjoni tista’ tirrifjuta li tawtorizza t-tpoġġija abbord il-vapur ta’ dak il-materjal, biċċa tagħmir jew komponent. L-organizzazzjoni rikonoxxuta għandha immedjatament tinforma lill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti l-oħra, waqt li tiddikjara r-raġunijiet għar-rifjut tagħha.

L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jirrikonoxxu, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni, ċertifikati ta’ tagħmir marittimu li għandu l-wheelmark skont id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE tal-20 ta’ Diċembru 1996 dwar tagħmir marittimu ( 8 ).

Huma għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b’rapporti perjodiċi dwar il-progress bażiku fl-istandards u r-rikonoxximent reċiproku ta’ ċertifikati għal materjali, tagħmir u komponenti.

2.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sas-17 ta’ Ġunju 2014 ibbażat fuq studju indipendenti, fuq il-livell milħuq fil-proċess tal-armonizzazzjoni tar-regoli u l-proċeduri u dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ċertifikati għal materjali, tagħmir u komponenti.

3.  L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jikkooperaw mal-amministrazzjonijiet mill-Istat tal-kontroll tal-port fejn ikun ikkonċernat vapur tal-klassi tagħhom, b’mod partikolari biex jiffaċilitaw ir-rettifika ta’ nuqqasijiet irrappurtati jew diskrepanzi oħra.

4.  L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jipprovdu lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri kollha li jkunu taw kwalunkwe waħda mill-awtorizzazzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/15/KE u lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-flotta kklassifikata tagħhom, it-trasferimenti, il-bidliet, is-sospensjonijiet u l-irtirar tal-klassi, irrispettivament mill-bandiera li jtajru l-vapuri.

L-informazzjoni dwar trasferimenti, bidliet, sospensjonijiet, u rtirar tal-klassi, inkluża informazzjoni dwar perizji li suppost saru, rakkomandazzjonijiet li suppost saru, kundizzjonijiet tal-klassi, kundizzjonijiet tal-ħidma jew limitazzjonijiet tal-ħidma maħruġa għall-vapuri klassifikati tagħhom, irrispettivament mill-bandiera li jtajru l-vapuri, għandu jkun ikkomunikat ukoll b’mod elettroniku lid-database komuni ta’ spezzjoni użata mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-Kontroll Portwali tal-Istat ( 9 ) fl-istess żmien li jkun irreġistrat fis-sistemi ta' l-organizzazzjoni rikonoxxuta stess u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 72 siegħa wara l-ġrajja li tkun qajjmet l-obbligu li tkun ikkomunikata l-informazzjoni. Din l-informazzjoni, bl-eċċezzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u tal-kundizzjonijiet tal-klassi li ż-żmien għat-twettiq tagħhom ikun għadu ma skadiex, għandha tiġi ppubblikata fis-sit elettroniku ta’ dawn l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti.

5.  L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti m’għandhomx joħorġu ċertifikati statutorji għal vapur, irrispettivament mill-bandiera tiegħu, li ġie mniżżel grad jew biddel il-klassi għal raġunijiet ta’ sikurezza, qabel ma jagħtu l-opportunità lill-amministrazzjoni kompetenti tal-Istat tal-bandiera tagħti l-opinjoni tagħha fi żmien raġonevoli dwar jekk hemmx bżonn spezzjoni sħiħa.

6.  F’każijiet ta’ trasferiment minn organizzazzjoni rikonoxxuta għal oħra, l-organizzazzjoni li tkun qed titrasferixxi għandha, mingħajr dewmien tipprovdi lill-organizzazzjoni li tkun qed tirċievi bil-fajl komplut tal-istorja tal-vapur u, b’mod partikolari, tinfurmaha dwar:

(a) kwalunkwe perizja li ż-żmien għaliha jkun skada;

(b) kwalunkwe rakkomandazzjoni u kundizzjoni tal-klassi li ż-żmien għat-twettiq tagħhom ikun skada;

(c) il-kundizzjonijiet tal-ħidma maħruġa kontra l-vapur, u

(d) il-limitazzjonijiet tal-ħidma maħruġa kontra l-vapur.

Ċertifikati ġodda għall-vapur jistgħu jinħarġu mill-organizzazzjoni li tkun qed tirċievi biss wara li jitlestew b’mod sodisfaċenti l-perizji kollha u wara li r-rakkomandazzjonijiet jew il-kundizzjonijiet tal-klassi kollha fir-rigward tal-vapur li jkunu inħarġu preċedentement u li ż-żmien għat-twettiq tagħhom ikun skada jitlestew kif speċifikat mill-organizzazzjoni li tkun qed titrasferixxi.

Qabel il-ħruġ taċ-ċertifikati, l-organizzazzjoni li tkun qed tirċievi għandha tavża lill-organizzazzjoni li tkun qed titrasferixxi bid-data tal-ħruġ taċ-ċertifikati u tikkonferma d-data, u l-azzjoni meħuda biex titlesta kull perizja, rakkomandazzjoni u kundizzjoni tal-klassi li ż-żmien għat-twettiq tagħhom ikun skada.

L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw rekwiżiti komuni xierqa dwar każijiet ta’ trasferiment tal-klassi meta jkunu meħtieġa prekawzjonijiet speċjali. Bħala minimu, dawk il-każijiet għandhom jinkludu t-trasferiment tal-klassi ta’ vapuri ta’ 15-il sena jew aktar u t-trasferiment minn organizzazzjoni mhux rikonoxxuta għal organizzazzjoni rikonoxxuta.

L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jikkooperaw ma’ xulxin biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu b’mod xieraq.

Artikolu 11

1.  L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jistabbilixxu, sas-17 ta’ Ġunju 2011, u jżommu Entità indipendenti għall-Valutazzjoni u ċ-Ċertifikazzjoni tal-Kwalità skont l-istandards internazzjonali tal-kwalità li jkunu applikabbli, fejn l-assoċjazzjonijiet professjonali rilevanti li jaħdmu fl-industrija tal-vapuri jistgħu jipparteċipaw fil-kapaċità ta’ konsulenza.

2.  L-Entità għall-Valutazzjoni u ċ-Ċertifikazzjoni tal-Kwalità għandha twettaq il-kompiti li ġejjin:

(a) il-valutazzjoni frekwenti u regolari tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-kwalità ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti, f’konformità mal-kriterji tal-istandard tal-kwalità ISO 9001;

(b) iċ-ċertifikazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-kwalità ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti, inkluż organizzazzjonijiet li għalihom intalab rikonoxximent skont l-Artikolu 3;

(c) il-ħruġ ta’ interpretazzjonijiet ta’ standards ta’ ġestjoni ta’ kwalità rikonoxxuti internazzjonalment, b’mod partikolari biex jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tan-natura u tal-obbligi tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti; u

(d) l-addozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet individwali u kollettivi għat-titjib tal-proċessi u tal-mekkaniżmi ta’ kontroll intern tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti.

3.  L-Entità għall-Valutazzjoni u ċ-Ċertifikazzjoni tal-Kwalità għandu jkollha l-governanza u l-kompetenzi neċessarji biex taġixxi indipendentement mill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti u għandha jkollha l-mezzi neċessarji biex twettaq il-kompiti tagħha b’mod effettiv u bl-aktar standards professjonali għolja, filwaqt li tissalvagwardja l-indipendenza tal-persuni li jwettquhom. L-Entità għall-Valutazzjoni u ċ-Ċertifikazzjoni tal-Kwalità għandha tistabbilixxi l-metodi tax-xogħol u r-regoli ta’ proċedura tagħha.

4.  L-Entità għall-Valutazzjoni u ċ-Ċertifikazzjoni tal-Kwalità tista’ titlob għajnuna minn organi oħra esterni ta’ valutazzjoni tal-kwalità.

5.  L-Entità għall-Valutazzjoni u ċ-Ċertifikazzjoni tal-Kwalità għandha tipprovdi lill-partijiet interessati, inkluż Stati tal-Bandiera u l-Kummissjoni, l-informazzjoni sħiħa dwar il-pjan annwali ta’ ħidma tagħha kif ukoll dwar ir-riżultati li tikseb u r-rakkomandazzjonijiet tagħha, partikolarment fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet fejn jista’ jkun li ġiet kompromessa s-sikurezza.

6.  L-Entità għall-Valutazzjoni u ċ-Ċertifikazzjoni tal-Kwalità għandha tkun vvalutata perjodikament mill-Kummissjoni.

7.  Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Istati Membri dwar ir-riżultati u s-segwitu tal-valutazzjoni tagħha.

Artikolu 12

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti (COSS) stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ).

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

3.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

4.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 13

1.  Dan ir-Regolament jista’, mingħajr ma jitwessa’ l-ambitu tiegħu, jiġi emendat sabiex jiġu aġġornati l-kriterji minimi stabbiliti fl-Anness I filwaqt li jitqiesu, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet rilevanti tal-IMO.

Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 12(4).

2.  L-emendi għall-konvenzjonijiet internazzjonali definiti fl-Artikolu 2(b) jistgħu jkunu esklużi mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002.

Artikolu 14

1.  Il-Kummissjoni għandha tadotta u tippubblika:

(a) kriterji biex titkejjel l-effettività tar-regoli u tal-proċeduri kif ukoll il-prestazzjoni tas-sikurezza u tal-prevenzjoni tat-tniġġis tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti fir-rigward tas-sikurezza, u l-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri kklassifikati tagħhom, filwaqt li tqis b’mod partikolari d-data mill-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port u/jew minn skemi simili oħra; u

(b) kriterji sabiex jiġi determinat meta tali prestazzjoni għandha titqies bħala theddida mhux aċċettabbli għas-sikurezza jew għall-ambjent, li jistgħu jieħdu kont ta’ ċirkostanzi speċifiċi li jaffettwaw organizzazzjonijiet ta’ daqs żgħir jew speċjalizzati ħafna.

Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 12(4).

2.  Il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh li għandhom x’jaqsmu mal-Artikolu 6 u, jekk xieraq, mal-Artikolu 7 għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 12(4).

3.  Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni immedjata tal-kriterji minimi stabbiliti fl-Anness I, il-Kummissjoni tista’, f’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 12(3), tadotta regoli dwar l-interpretazzjoni tagħhom u tista’ tikkunsidra l-istabbiliment ta’ objettivi għall-kriterji minimi ġenerali msemmija fil-punt 3 tal-Parti A tal-Anness I.

Artikolu 15

1.  L-organizzazzjonijiet li, mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, kienu ngħataw ir-rikonoxximent skont id-Direttiva 94/57/KE għandhom iżommu r-rikonoxximent tagħhom, soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2.

2.  Bla ħsara għall-Artikoli 5 u 7, il-Kummissjoni għandha terġa’ teżamina r-rikonoxximenti limitati kollha mogħtija skont id-Direttiva 94/57/KE fid-dawl tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regolament sas-17 ta' Ġunju 2010, bil-għan li jkun deċiż, skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 12(3), jekk il-limitazzjonijiet għandhomx ikunu sostitwiti b’oħrajn jew jekk għandhomx jitneħħew. Il-limitazzjonijiet għandhom jibqgħu japplikaw sakemm il-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni.

Artikolu 16

Matul il-valutazzjoni skont l-Artikolu 8(1), il-Kummissjoni għandha tivverifika li d-detentur tar-rikonoxximent huwa l-entità legali rilevanti fl-organizzazzjoni li għaliha għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Jekk dak ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni li temenda dak ir-rikonoxximent.

Meta l-Kummissjoni temenda r-rikonoxximent, l-Istati Membri għandhom jadattaw il-ftehim tagħhom mal-organizzazzjoni rikonoxxuta biex jieħdu kont tal-emenda.

Artikolu 17

Il-Kummissjoni, kull sentejn, għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 18

Ir-referenzi fil-liġi Komunitarja u dik nazzjonali għad-Direttiva 94/57/KE għandhom jinftiehmu, kif xieraq, bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 19

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

KRITERJI MINIMI SABIEX L-ORGANIZZAZZJONIJIET JIKSBU U JKOMPLU JGAWDU R-RIKONOXXIMENT TAL-KOMUNITÀ

(imsemmija fl-artikolu 3)

A.   KRITERJI MINIMI ĠENERALI

1. Organizzazzjoni rikonoxxuta għandu jkollha personalità legali fl-Istat fejn ikollha s-sede. Il-kontijiet tagħha għandhom ikunu ċċertifikati minn awdituri indipendenti.

2. L-organizzazzjoni rikonoxxuta trid tkun kapaċi tiddokumenta esperjenza estensiva fil-valutazzjoni tad-disinn u l-kostruzzjoni tal-vapuri tal-merkanzija.

3. L-organizzazzjoni rikonoxxuta trid tkun komposta f'kull ħin minn persunal maniġerjali, tekniku, ta' appoġġ u ta' riċerka sinifikanti li jirrifletti d-daqs tal-flotta fil-klassi tagħha, il-kompożizzjoni tagħha u l-involviment tal-organizzazzjoni fil-kostruzzjoni u l-konverżjoni ta' vapuri. L-organizzazzjoni rikonoxxuta trid tkun tista' tagħti lil kull post tax-xogħol, meta u kif ikun hemm bżonn, mezzi u persunal li jirriflettu l-ħidmiet li għandhom jitwettqu skont il-kriterji ġenerali minimi taħt il-punti 6 u 7 u bi kriterji minimi speċifiċi taħt il-Parti B.

4. L-organizzazzjoni rikonoxxuta għandu jkollha u għandha tapplika sett ta' regoli komprensivi u proċeduri tagħha stess, jew l-abbiltà murija tagħha għalhekk, għad-disinn, il-kostruzzjoni u l-perizja perjodika tal-vapuri tal-merkanzija, li jkollhom il-kwalità ta' standards internazzjonali rikonoxxuti. Dawn għandhom jiġu ppubblikati u kontinwament aġġornati u mtejba mill-programmi tar-riċerka u l-iżvilupp.

5. L-organizzazzjoni rikonoxxuta għandha tippubblika r-reġistru tagħha tal-vapuri fuq bażi annwali jew iżżomm dan ir-reġistru f'database elettronika aċċessibbli għall-pubbliku.

6. L-organizzazzjoni rikonoxxuta ma għandhiex tkun ikkontrollata mis-sidien jew mill-bennejja tal-vapuri, jew minn oħrajn involuti b'mod kummerċjali fil-manifattura, it-tagħmir, it-tiswija jew l-operazzjoni tal-vapuri. L-organizzazzjoni rikonoxxuta ma tkunx sostanzjalment dipendenti fuq impriża kummerċjali waħda għad-dħul tagħha. L-organizzazzjoni rikonoxxuta ma twettaqx xogħol tal-klassi jew statutorju jekk tkun identika ma' jew ikollha rabtiet tan-negozju, personali jew tal-familja ma' sid il-vapur jew mal-operatur. Din l-inkompatibilità għandha tapplika wkoll għall-periti impjegati mill-organizzazzjoni rikonoxxuta.

7. L-organizzazzjoni rikonoxxuta trid topera skont id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Anness għar-Riżoluzzjoni A.789(19) tal-IMO dwar speċifikazzjonijiet dwar il-funzjoni ta' perizja u ta' ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jaġixxu f'isem l-amministrazzjoni, sakemm ikopru kwistjonijiet li jaqgħu fil-qasam ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

B.   KRITERJI MINIMI SPEĊIFIĊI

1. L-organizzazzjoni rikonoxxuta trid tipprovdi kopertura dinjija mill-periti esklussivi tagħha jew, f'każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, permezz tal-periti esklussivi ta' organizzazzjonijiet oħra rrikonoxxuti.

2. L-organizzazzjoni rikonoxxuta trid tkun irregolata b'kodiċi ta' etika.

3. L-organizzazzjoni rikonoxxuta trid tkun ġestita u amministrata b'mod li jiżgura l-kunfidenzjalità tat-tagħrif meħtieġ mill-amministrazzjoni.

4. L-organizzazzjoni rikonoxxuta trid tipprovdi t-tagħrif relevanti lill-amministrazzjoni, lill-Kummissjoni u lill-partijiet interessati.

5. L-organizzazzjoni rikonoxxuta, il-periti u l-persunal tekniku tagħha għandhom iwettqu l-ħidma tagħhom mingħajr ma bl-ebda mod jagħmlu ħsara lid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tat-tarznari, tal-fornituri tat-tagħmir u tal-proprjetarji tal-vapuri, inklużi l-privattivi, il-liċenzji, l-għerf tas-sengħa, jew kull xorta ta' għarfien li l-użu tiegħu huwa legalment protett fuq livell internazzjonali, Komunitarju jew nazzjonali; taħt l-ebda ċirkustanza, u mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta' valutazzjoni tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni u b'mod partikolari taħt l-Artikolu 9, ma jistgħu la l-organizzazzjoni rikonoxxuta u lanqas il-periti u l-persunal tekniku tagħha, li hija timpjega, jgħaddu jew jiżvelaw data kummerċjalment rilevanti miksuba waqt ix-xogħol tagħhom ta' spezzjoni, kontroll, u monitoraġġ tal-vapuri taħt kostruzzjoni jew għat-tiswija.

6. L-amministrazzjoni tal-organizzazzjoni rikonoxxuta trid tiddefinixxi u tiddokumenta l-politika u l-objettivi tagħha għal, u l-impenn tagħha favur, il-kwalità u trid tiżgura li din il-politika tkun mifhuma, implimentata u miżmuma fil-livelli kollha fl-organizzazzjoni rikonoxxuta. Il-politika tal-organizzazzjoni rikonoxxuta trid tirreferi għall-miri u l-indikaturi tal-prestazzjoni tas-sikurezza u tal-prevenzjoni tat-tniġġis.

7. L-organizzazzjoni rikonoxxuta tiżgura li:

(a) ir-regoli u l-proċeduri tagħha jkunu stabbiliti u miżmuma b'mod sistematiku;

(b) ir-regoli u l-proċeduri tagħha jkunu segwiti u titwaqqaf sistema interna biex titkejjel il-kwalità tas-servizz b'rabta ma' dawn ir-regoli u proċeduri;

(c) ir-rekwiżiti tax-xogħol statutorju li għalih hija awtorizzata l-organizzazzjoni rikonoxxuta jkunu sodisfatti u titwaqqaf sistema interna biex titkejjel il-kwalità tas-servizz b'rabta mal-konformità mal-istandards internazzjonali;

(d) ir-responsabilitajiet, is-setgħat u l-interrelazzjoni tal-persunal li x-xogħol tagħhom jaffettwa l-kwalità tas-servizzi tal-organizzazzjoni rikonoxxuta jkunu definiti u dokumentati;

(e) ix-xogħol kollu jitwettaq f'konformità ma' kundizzjonijiet ikkontrollati;

(f) tkun teżisti sistema ta' sorveljanza li timmonitorja l-azzjonijiet u x-xogħol imwettqa mill-periti u l-persunal tekniku u amministrattiv impjegati mill-organizzazzjoni rikonoxxuta;

(g) il-periti għandhom għarfien kbir tat-tip ta' vapur partikulari li fuqu jwettqu x-xogħol tagħhom kif meħtieġ għall-perizja partikulari li tkun ser issir u skont ir-rekwiżiti applikabbli;

(h) tkun implimentata sistema għall-kwalifikazzjoni ta' periti u l-aġġornament kontinwu tal-għarfien tagħhom;

(i) jinżammu reġistri, li juru l-kisba tal-istandards meħtieġa fl-oġġetti koperti mis-servizzi mwettqa, kif ukoll l-operazzjoni effettiva tas-sistema tal-kwalità;

(j) tinżamm sistema komprensiva ta' verifiki interni pjanati u dokumentati li għandhom x'jaqsmu mal-attivitajiet tal-kwalità fil-postijiet kollha;

(k) il-perizji u l-ispezzjonijiet statutorji rikjesti mis-Sistema Armonizzata tal-Perizji u ċ-Ċertifikazzjoni li għalihom l-organizzazzjoni rikonoxxuta tkun awtorizzata jitwettqu skont id-dispożizzjoni stabbilita fl-Anness u fl-Appendiċi għar-Riżoluzzjoni A.948(23) tal-IMO dwar Linji Gwida għall-Perizji skont is-Sistema Armonizzata tal-Perizji u ċ-Ċertifikazzjoni;

(l) jiġu stabbiliti linji ta' responsabiltà u ta' kontroll ċari u diretti bejn l-uffiċċji ċentrali u reġjonali tal-organizzazzjoni rikonoxxuta u bejn l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti u l-periti tagħhom.

8. L-organizzazzjoni rikonoxxuta trid tkun żviluppat, implimentat u trid iżżomm sistema effettiva ta' kwalità interna bbażata fuq partijiet xierqa ta' standards ta' kwalità rikonoxxuti internazzjonalment u f'konformità ma' EN ISO/IEC 17020:2004 (korpi ta' spezzjoni) u ma' EN ISO 9001:2000 (sistemi ta' mmaniġġar tal-kwalità, rekwiżiti), kif interpretati u ċċertifikati mill-Entità indipendenti għall-Valutazzjoni u ċ-Ċertifikazzjoni tal-Kwalità imsemmija fl-Artikolu 11(1).

9. Ir-regoli u l-proċeduri tal-organizzazzjoni rikonoxxuta iridu jiġu implimentati b'tali mod li l-organizzazzjoni tibqa' f'pożizzjoni li tnissel mill-għarfien u l-ġudizzju dirett tagħha dikjarazzjoni affidabbli u oġġettiva dwar is-sikurezza tal-vapuri kkonċernati permezz ta' ċertifikati tal-klassi li fuq il-bażi tagħhom jistgħu jinħarġu ċertifikati statutorji.

10. L-organizzazzjoni irid ikollha l-mezzi meħtieġa biex tevalwa, bl-użu ta' persunal professjonali kkwalifikat u skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness għar-Riżoluzzjoni A.913(22) tal-IMO dwar Linji Gwida għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi Internazzjonali tal-Immaniġġar tas-Sikurezza (ISM) mill-amministrazzjonijiet, l-applikazzjoni u ż-żamma tas-sistema tal-immaniġġar tas-sikurezza, kemm ta' mal-kosta kif ukoll fuq il-vapuri, maħsuba li tkun koperta fiċ-ċertifikazzjoni.

11. L-organizzazzjoni rikonoxxuta għandha tippermetti l-parteċipazzjoni fl-iżvilupp tar-regoli u l-proċeduri tagħha mir-rappreżentanti tal-amministrazzjoni u tal-partijiet l-oħra kkonċernati.




ANNESS II



Tabella ta’ Korrelazzjoni

Direttiva 94/57/KE

Direttiva 2009/15/KE

Dan ir–Regolament

Artikolu1

Artikolu1

Artikolu1

Artikolu2(a)

Artikolu2(a)

Artikolu2(a)

Artikolu2(b)

Artikolu2(b)

Artikolu2(c)

Artikolu2(c)

Artikolu2(d)

Artikolu2(d)

Artikolu2(b)

Artikolu2(e)

Artikolu2(e)

Artikolu2(c)

Artikolu2(f)

Artikolu2(d)

Artikolu2(f)

Artikolu2(g)

Artikolu2(e)

Artikolu2(g)

Artikolu2(h)

Artikolu2(f)

Artikolu2(h)

Artikolu2(i)

Artikolu2(g)

Artikolu2(i)

Artikolu2(k)

Artikolu2(i)

Artikolu2(j)

Artikolu2(h)

Artikolu2(j)

Artikolu2(l)

Artikolu2(k)

Artikolu2(j)

Artikolu3

Artikolu3

Artikolu 4(1) l–ewwel frażi

Artikolu3(1)

Artikolu4(1) it–tieni frażi

Artikolu3(2)

Artikolu4(1) it–tielet frażi

Artikolu4(1) ir–raba’ frażi

Artikolu4(1)

Artikolu3(3)

Artikolu4(2),(3),(4)

Artikolu5

Artikolu6

Artikolu7

Artikolu5(1)

Artikolu4(1)

Artikolu5(3)

Artikolu4(2)

Artikolu6(1), (2), (3), (4)

Artikolu5 (1), (2), (3), (4)

Artikolu6(5)

Artikolu7

Artikolu6

Artikolu12

Artikolu8(1) l–ewwel inċiż

Artikolu7(1) punt (a) tal–ewwel subparagrafu

Artikolu8(1) it–tieni inċiż

Artikolu13(1)

Artikolu8(1) it–tielet inċiż

Artikolu7(1) punt (b) tal–ewwel subparagrafu

Artikolu7(1) it–tieni subparagrafu

Artikolu13(1) (it–tieni subparagrafu)

Artikolu8(2)

Artikolu7(2)

Artikolu8(2) it–tieni subparagrafu

Artikolu13(2)

Artikolu9(1)

Artikolu9(2)

Artikolu10(1) kliem introduttorju

Artikolu8

Artikolu10(1)(a), (b), (c), (2),(3), (4)

Artikolu11(1),(2)

Artikolu9(1),(2)

Artikolu11(3),(4)

Artikolu8(1)(2)

Artikolu 12

Artikolu10

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu11

Artikolu11(3)

Artikolu12

Artikolu9

Artikolu15(1)

Artikolu10(1)(2)

Artikolu15(2)

Artikolu10(3)

Artikolu15(3)

Artikolu10(4)

Artikolu15(4)

Artikolu10(5)

Artikolu15(5)

Artikolu10(6) l–ewwel, it–tieni, it–tielet, il–ħames subparagrafi

Artikolu10(6)ir–raba’ subparagrafu

Artikolu16

Aricle 13

Artikolu17

Artikolu16

Artikolu14

Artikolu15

Artikolu11

Artikolu14

Artikolu15

Artikolu16

Artikolu17

Artikolu18

Artikolu19

Anness

Anness I

Anness I

Anness II

Anness II



( 1 ) ĠU C 318, 23.12.2006, p. 195.

( 2 ) ĠU C 229, 22.9.2006, p. 38.

( 3 ) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ April 2007 (ĠU C 74E, 20.3.2008, p.632), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2008 (ĠU C 190E, 29.7.2008, p. 1.), il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Settembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009 u r-Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

( 4 ) ĠU L 319, 12.12.1994, p. 20.

( 5 ) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

( 6 ) ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1.

( 7 ) Ara paġna 47 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

( 8 ) ĠU L 46, 17.2.1997, p. 25.

( 9 ) Ara paġna 57 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

( 10 ) ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1.

Top