Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2012G0004

    Deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA Nru 4/2012/SC tas- 26 ta’ Ottubru 2012 li jinnomina kumitati biex jassistu lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll 1 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja u li jħassar ċerti Deċiżjonijiet tal-Kumitat Permanenti

    ĠU L 36, 7.2.2013, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/4(3)/oj

    7.2.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 36/8


    DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT PERMANENTI TAL-ISTATI TAL-EFTA

    Nru 4/2012/SC

    tas-26 ta’ Ottubru 2012

    li jinnomina kumitati biex jassistu lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll 1 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja u li jħassar ċerti Deċiżjonijiet tal-Kumitat Permanenti

    IL-KUMITAT PERMANENTI TAL-ISTATI TAL-EFTA,

    Wara li kkunsidra l-ftehim dwar kumitat permanenti tal-Istati tal-EFTA, u b’mod partikulari l-artikolu 5(2) tiegħu;

    Wara li kkunsidra l-proposta mingħand l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA;

    Billi:

    (1)

    L-artikolu 3 tal-protokoll 1 tal-ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-twaqqif ta’ awtorità ta’ sorveljanza u ta’ qorti tal-ġustizzja, kif aġġustat permezz tal-protokoll li jaġġusta l-ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-twaqqif ta’ awtorità ta’ sorveljanza u ta’ qorti tal-ġustizzja ("il-ftehim dwar sorveljanza u qorti"), jistabbilixxi li, fejn f’att imsemmi fl-annessi ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE li fihom hemm il-proċeduri deskritti fl-artikolu 1, il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta lil kumitat tal-UE abbozz ta’ miżura biex tiġi adottata, jew inkella tikkonsulta miegħu, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, skont proċeduri korrispondenti li għandhom jiġu stabbiliti mill-kumitat permanenti, tikkonsulta ma’ kumitat korrispondenti, jekk ikun jeżisti, li jkun stabbilit jew innominat skont il-ftehim dwar kumitat permanenti tal-Istati tal-EFTA.

    (2)

    Fir-Regolament (UE) nru 182/2011 tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (1), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stabbilixxew ir-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar ir-regoli u l-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-mekkaniżmi li japplikaw fejn att tal-Unjoni li jkun jorbot legalment (“att bażiku”) jidentifika l-ħtieġa ta’ kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni u jirrikjedi li l-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni tkun suġġetta għall-kontroll tal-Istati Membri;

    (3)

    Fid-deċiżjoni tiegħu nru 3/2012 (proċeduri ġodda tal-komitoloġija) il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA stabbilixxa r-regoli ġenerali li jiddeskrivu l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti meta l-kumitati jassistu lil-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, sabiex dawk il-proċeduri jiġu allinjati mal-proċeduri adottati fir-Regolament (UE) nru 182/2011;

    (4)

    Xi deċiżjonijiet tal-Kumitat Permanenti li huma fis-seħħ bħalissa u li jinnominaw kumitati biex jassistu lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jirreferu għal atti legali antiki li ġew irrevokati mill-ftehim dwar iż-ŻEE u li jista’ jkun li jirreferu għal proċeduri li ġew immodifikati minħabba d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) nru 182/2011. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu aġġornati d-deċiżjonijiet kollha li huma fis-seħħ u li jinnominaw kumitati, li ġew adottati mill-kumitat permanenti skont l-artikolu 5(2) tal-ftehim dwar kumitat permanenti tal-Istati tal-EFTA, u li tiġi indikata l-proċedura li għandha tiġi segwita mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA f’kull każ speċifiku.

    (5)

    Sabiex jiġi ssimplifikat u ċċarat il-proċess tan-nominazzjoni tal-kumitati, il-kumitati kollha li l-awtorità ta’ sorveljanza tal-EFTA trid tissottomettilhom abbozzi ta’ miżuri jew inkella trid tikkonsulta magħhom huma b’dan innominati f’deċiżjoni waħda u d-deċiżjonijiet separati li jinsabu fis-seħħ għandhom jiġu rrevokati.

    (6)

    Mhuwiex meħtieġ, madankollu, li jiġu nnominati l-kumitati biex jassistu lill-Awtorità fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat minħabba li dawk il-kumitati diġà ġew innominati u stabbiliti permezz tal-protokolli 3 u 4 ta’ mal-ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-twaqqif ta’ awtorità ta' sorveljanza u qorti tal-ġustizzja.

    (7)

    Il-proċedura applikabbli meta l-Kummissjoni Ewropea trid tissottometti abbozz ta’ miżura biex tiġi adottata jew inkella tikkonsulta ma’ kumitat hija stabbilita fl-att inkwistjoni. Il-proċedura applikabbli għall-awtorità ta’ sorveljanza tal-EFTA meta tagħmel dan skont att imsemmi fl-annessi ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE trid tkun il-proċedura stabbilita fid-deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA nru 3/2012 (dwar il-proċeduri tal-komitoloġija) li l-aktar li tikkorrispondi mill-qrib għall-proċedura stabbilita fl-att imsemmi fl-annessi ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE. Konsegwentement, mhux meħtieġ li tiġi speċifikata l-proċedura applikabbli għall-Kumitat malli jiġi innominat.

    (8)

    Fil-każ tal-atti eżistenti, l-artikolu 13 tar-Regolament (UE) nru 182/2011 jistabbilixxi ċerti miżuri tranżitorji għall-adattament tal-atti bażiċi eżistenti fl-ordni ġuridiku tal-UE li jneħħu l-ħtieġa li kull wieħed minn dawk l-atti jiġi mmodifikat. L-artikolu 7 tad-deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti nru 3/2012 (proċeduri ġodda tal-komitoloġija) fih dispożizzjoni simili dwar l-adattament tal-proċeduri eżistenti.

    (9)

    L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA se tipproponi lill-kumitati li jadottaw regoli standard ta' proċedura.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Nominazzjoni ta’ kumitati

    1.   Il-kumitati elenkati fl-anness ta’ ma’ din id-deċiżjoni huma innominati biex jassistu lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha skont l-artikolu 3 tal-protokoll 1 ta’ mal-ftehim dwar sorveljanza u qorti.

    2.   Meta l-kumitati jassisti lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, jagħmlu dan skont id-deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA nru 3/2012 (dwar il-proċeduri tal-komitoloġija).

    Artikolu 2

    Proċedura applikabbli

    Meta l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tkun trid, skont att imsemmi fl-annessi ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE, tippreżenta abbozz ta’ miżura biex tiġi adottata jew inkella tikkonsulta ma’ kumitat, tagħmel dan skont il-proċedura stabbilita fid-deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA nru 3/2012 (dwar il-proċeduri tal-komitoloġija) li tkun tikkorrispondi l-aktar mill-qrib għall-proċedura stabbilita fl-att imsemmi fl-annessi ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE.

    Artikolu 3

    Revoka ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat Permanenti

    Id-deċiżjonijiet tal-kumitat permanenti nri 6/94/SC, 8/94/SC, 9/94/SC, 10/94/SC, 11/94/SC, 12/94/SC, 14/94/SC, 15/94/SC, 2/2000/SC, 3/2000/SC, 3/2001/SC, 1/2003/SC, 2/2004/SC, 3/2004/SC, 1/2005/SC, 4/2005/SC, 2/2006/SC, 3/2006/SC, 2/2007/SC, 3/2008/SC, 4/2008/SC, 1/2009/SC, 4/2009/SC, 6/2009/SC, 7/2009/SC, 8/2009/SC, 9/2009/SC, 4/2010/SC u 2/2012/SC jiġu b’dan irrevokati.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ

    Din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ dakinhar li tiġi adottata.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata fis-Sezzjoni taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ miegħu.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2012.

    Għall-Kumitat Permanenti

    Il-President

    Atle LEIKVOLL

    Is-Segretarju Ġenerali

    Kristinn F. ÁRNASON


    (1)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13


    ANNESS

     

    ISEM IL-KUMITAT

    ATT LEGALI

    1

    Il-kumitat tal-EFTA dwar kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji

    L-atti rilevanti msemmijin fl-ambitu tal-Anness I (Kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji) ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE.

    2

    Il-kumitat tal-EFTA dwar ir-regolamenti tekniċi, l-istandards, l-ittestjar u ċ-ċertifikazzjoni

    L-atti rilevanti msemmijin fl-ambitu tal-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE.

    3

    Kumitat tal-EFTA dwar ir-responsabbiltà għal danni minn prodotti

    L-atti rilevanti msemmijin fl-ambitu tal-Anness III (Responsabbiltà għal danni minn prodotti) ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE.

    4

    Il-kumitat tal-EFTA dwar l-enerġija

    L-atti rilevanti msemmijin fl-ambitu tal-anness IV (Enerġija) ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE.

    5

    Il-kumitat tal-EFTA dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema

    L-atti rilevanti msemmijin fl-ambitu tal-anness V (Moviment liberu tal-ħaddiema) ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE.

    6

    Il-kumitat tal-EFTA dwar is-sigurtà soċjali

    L-atti rilevanti msemmijin fl-ambitu tal-anness VI (Sigurtà Soċjali) ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE.

    7

    Il-kumitat tal-EFTA dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali

    L-atti rilevanti msemmijin fl-ambitu tal-anness VII (Rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali) ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE.

    8

    Il-kumitat tal-EFTA dwar id-dritt tal-istabbiliment

    L-atti rilevanti msemmijin fl-ambitu tal-anness VIII (Dritt tal-istabbiliment) ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE.

    9

    Il-kumitat tal-EFTA dwar is-servizzi finanzjarji

    L-atti rilevanti msemmijin fl-ambitu tal-anness IX (Servizzi finanzjarji) ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE.

    10

    Il-kumitat tal-EFTA dwar is-servizzi

    L-atti rilevanti msemmijin fl-ambitu tal-anness X (Servizzi inġenerali) ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE.

    11

    Il-kumitat tal-EFTA dwar l-komunikazzjonijiet elettroniċi (il-COCOM)

    L-atti rilevanti msemmijin fl-ambitu tal-anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE.

    12

    Il-kumitat tal-EFTA dwar il-moviment liberu tal-kapital

    L-atti rilevanti msemmijin fl-ambitu tal-anness V (Moviment liberu tal-kapital) ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE.

    13

    Il-kumitat tal-EFTA dwar it-trasport

    L-atti rilevanti msemmijin fl-ambitu tal-anness XIII (Trasport) ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE.

    16

    Il-kumitat tal-EFTA dwar l-akkwist

    Il-protokoll 2 tal-ftehim dwar sorveljanza u qorti u l-atti rilevanti msemmijin fl-ambitu tal-anness XVI (Akkwist) ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE.

    17

    Il-kumitat tal-EFTA dwar il-proprjetà intellettwali

    L-atti rilevanti msemmijin fl-ambitu tal-anness XVII (Proprjetà intellettwali) ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE.

    18

    Il-kumitat tal-EFTA dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, il-liġi tax-xogħol, u t-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa

    L-atti rilevanti msemmijin fl-ambitu tal-Anness XVIII (Is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, il-liġi tax-xogħol, u t-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa) ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE.

    19

    Il-kumitat tal-EFTA dwar il-protezzjoni tal-konsumatur

    L-atti rilevanti msemmijin fl-ambitu tal-anness XIX (Protezzjoni tal-konsumatur) ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE.

    20

    Il-kumitat tal-EFTA dwar l-ambjent

    L-atti rilevanti msemmijin fl-ambitu tal-anness XX (Ambjent) ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE.

    21

    Il-kumitat tal-EFTA dwar l-istatistika

    L-atti rilevanti msemmijin fl-ambitu tal-anness XXI (Statistika) ta’ mal-ftehim dwar iż-ŻEE.


    Top