Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2012C0521

    Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 521/12/COL tad- 19 ta' Diċembru 2012 biex tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-għajnuna mill-Istat mibdija bid-Deċiżjoni Nru 363/11/COL fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat lil tliet banek ta’ investiment tal-Islanda permezz ta’ self skedat mill-ġdid b’termini preferenzjali (L-Islanda)

    ĠU L 132, 16.5.2013, p. 11–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/521(2)/oj

    16.5.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 132/11


    DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

    Nru 521/12/COL

    tad-19 ta' Diċembru 2012

    biex tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-għajnuna mill-Istat mibdija bid-Deċiżjoni Nru 363/11/COL fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat lil tliet banek ta’ investiment tal-Islanda permezz ta’ self skedat mill-ġdid b’termini preferenzjali (L-Islanda)

    L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA ("l-Awtorità"),

    WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 61 u l-Protokoll 26,

    WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar l-Istabbiliment ta' Awtorità ta' Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja (“il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”), u b’mod partikolari l-Artikolu 24,

    WARA LI KKUNSIDRAT il-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti ("il-Protokoll 3”), b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tal-Parti I u l-Artikoli 4(4) u 6 tal-Parti II,

    WARA li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1), u wara li tqiesu l-kummenti tagħhom,

    Billi:

    I.   IL-FATTI

    1   Proċedura

    (1)

    B’ittra datata t-22 ta’ Ġunju 2010, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (“l-Awtorità”) rċeviet ilment mingħand ditta tat-titoli tal-Islanda H.F. Verðbréf hf. li allegat li t-Teżor tal-Islanda f’Marzu 2009 kien ta għajnuna illegali mill-Istat lill-banek ta’ investiment Saga Capital u VBS permezz tal-konverżjoni ta’ dejn fuq perjodu qasir mal-Bank Ċentrali tal-Islanda (“is-CBI”) għal self fit-tul fuq termini favorevoli. L-Awtorità rċeviet u reġistrat l-ittra fis-7 ta’ Lulju 2010 (l-Avveniment Nru 563424).

    (2)

    Wara li rċeviet l-informazzjoni rilevanti mingħand l-awtoritajiet Islandiżi u wara li ddiskutiet il-każ magħhom f’laqgħa fis-6 ta’ Ġunju 2011, l-Awtorità ddeċidiet bid-Deċiżjoni Nru 363/11/COL tat-23 ta’ Novembru 2011 (2) li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat lil tliet banek Islandiżi ta’ investiment permezz ta’ self skedat mill-ġdid b’termini preferenzjali (3). Permezz ta’ din id-Deċiżjoni, l-Awtorità talbet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom. Permezz ta’ ittra datata l-21 ta’ Frar 2012 (Avveniment Nru 625875), l-awtoritajiet Islandiżi ressqu l-kummenti tagħhom dwar id-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 363/11/COL.

    (3)

    F’Ġunju 2012 l-Awtorità rċeviet informazzjoni mingħand l-ilmentatur, H.F. Verðbréf hf., fir-rigward tal-proċess tal-istralċ ta’ Saga Capital hf. (l-Avveniment Nru 641907). L-Awtorità rċeviet ukoll tagħrif dwar din il-kwistjoni minn sorsi oħra u segwiet mill-qrib il-proċess tal-istralċ ta’ banek ta’ investiment li kienu s-suġġett tad-Deċiżjoni Nru 363/11/COL.

    2   Deskrizzjoni tal-miżuri

    2.1   Is-self kollaterali u l-iskema tas-self ta' titoli tas-CBI

    (4)

    Il-miżuri li kienu taħt valutazzjoni preliminari fid-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 363/11/COL huma marbuta mas-self kollaterali u mal-iskema tas-self ta' titoli tas-CBI. Is-CBI, bħala parti mir-rwol tiegħu bħala bank ċentrali u bħala sellief tal-aħħar istanza u f'konformità mal-politika monetarja ta' banek ċentrali oħra, ipprovda faċilitajiet ta' kreditu fuq perjodu qasir lill-impriżi finanzjarji fil-forma ta’ self kollaterali (4), skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli tas-CBI li jappartjenu lilu. Fl-2007 u l-2008 is-self kollaterali żdied b’mod stabbli u s-CBI sar is-sors ewlieni ta’ likwidità tal-impriżi finanzjarji. Fiż-żmien ta’ kollass finanzjarju tat-tliet banek kummerċjali Islandiżi f’Ottubru 2008, is-CBI kien xtara diversi pretensjonijiet konsiderevoli kontra impriżi finanzjarji domestiċi, li kienu sostnuti minn kollataral ta’ tipi varji.

    (5)

    Minħabba l-kollass tal-banek, il-valur tal-kollateral naqas u deher ċar li s-CBI kien ġarrab telf minħabba f'kollateral bla bażi soda. Wara li l-Parlament kien ta l-awtorizzazzjoni tiegħu, it-Teżor u s-CBI ikkonkludew ftehim f’Jannar 2009, li skontu s-CBI assenja parti mill-pretensjonijiet tiegħu ta’ self kollaterali kontra l-impriżi finanzjarji, flimkien ma’ sigurtajiet sottostanti, lill-Ministeru tal-Finanzi. Fi Frar 2010 il-Ministeru u s-CBI qablu li l-pretensjonijiet li kienu ġew trasferiti qabel mis-CBI lill-Ministeru għandhom jiġu ttrasferiti lura lil Eignarhaldsfélag Seðlabanka Íslands (ESÍ), kumpanija azzjonarja tas-CBI stabbilita dan l-aħħar, bi prezz imnaqqas mill-31 ta’ Diċembru 2009.

    (6)

    Il-Ġestjoni tad-Dejn tal-Gvern (GDM), li hija amministrata mis-CBI, toffri faċilitajiet ta’ self lil negozjanti primarji tat-titoli tal-istat. L-għan ta’ dan is-self ta’ titoli huwa biex titjieb il-funzjonalità tas-suq u biex tinżamm il-likwidità fis-suq għas-serje ta' titoli li l-GDM qed jibni. It-titoli aċċettati mill-GDM bħala kollateral għal Bonds u Kambjali tat-Teżor huma kollha bonds tal-gvern u bonds ipotekarji ta' riferenza negozjabbli b’mod elettroniku fis-suq sekondarju. Titoli oħra negozjabbli elettronikament jistgħu jiġu aċċettati wkoll skont il-kriterji speċifikati fil-faċilità. Ir-rata tal-imgħax għal dan is-self hija bbażata fuq ir-rata repo tas-CBI. Il-perjodu massimu tal-kuntratt huwa ta’ 28 jum (5).

    2.2   Konverżjoni ta’ faċilitajiet ta' kreditu fuq perjodu qasir għal self fit-tul

    (7)

    F'Marzu 2009, il-Ministeru tal-Finanzi kkonkluda ftehimiet tal-konverżjoni ta' self ma' Saga Capital Investment Bank hf., VBS Investment Bank hf. u ma' Askar Capital Investment Bank hf. Il-ftehimiet ta' self ġew konklużi kollha b'termini simili. L-ammonti ta’ self kienu bbażati fuq is-soluzzjoni tal-obbligi rispettivi f’Diċembru 2008. Il-kondizzjonijiet dwar il-ħlas lura tas-self lil Saga u lil VBS kienu identiċi. Dan is-self kien rimborsabbli matul is-seba’ snin ta' wara b’metodu ta’ indiċjar u rata tal-imgħax ta’ 2 % fis-sena. Il-kondizzjonijiet dwar il-ħlas lura tas-self li Askar Capital kienu simili, ħlief li f-rata ta’ imgħax annwali kienet ta’ 3 %. L-ammont nominali totali ta’ dejn li jista’ jiġi attribwit lit-tliet banek ta’ investiment, fiż-żmien tal-ħruġ ta’ bonds fit-tul, kien ta’ ISK 52,4 biljun (6).

    (8)

    Il-miżuri msemmija qabel kienu bbażati fuq il-proposti ta’ Grupp ta’ Ħidma li fl-20 ta’ Jannar 2009 ippreżenta memorandum lill-Ministru tal-Finanzi għar-ristrutturar ta’ dejn dovut minn impriżi finanzjarji minħabba faċilitajiet ta' self kollaterali mas-CBI. Il-memorandum kien ibbażat fuq informazzjoni li tirrigwarda l-impriżi finanzjarji u l-ħila tagħhom biex iħallsu lura d-dejn. Skont il-memorandum, l-impriżi finanzjarji inkwistjoni ma kinux kapaċi jħallsu d-djun tagħhom mis-CBI b'mod sħiħ minħabba l-implikazzjonijiet tal-kollass finanzjarju fl-Islanda. Il-memorandum tal-Grupp ta' Ħidma tal-Ministru jiddikjara wkoll li f’dak iż-żmien, l-apparat kollu tal-awtoritajiet Islandiżi kienu mħassba billi kienu qed jipprovaw iżommu s-sistema finanzjarja tal-pajjiż taħdem u kienu qed jipproteġu l-interess tad-detenturi tad-depożitu. Filwaqt li dan ġie kkunsidrat, flimkien ma’ kunsiderazzjonijiet oħra, inħasset il-ħtieġa li jsiru ċerti arranġamenti sabiex jiġi żgurat li l-impriżi jkunu kapaċi jħallsu d-djun tagħhom.

    (9)

    Skont l-awtoritajiet Islandiżi, id-deċiżjoni dwar it-termini u l-kondizzjonijiet tal-interess ma kinux iċċentrati fuq kif għandu jkun ambjent ġust u bi qligħ normali fuq l-ekwità, billi kien jidher ċar minn qabel li l-impriżi inkwistjoni aktarx li ma kinux se jħallsu lura bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet inkwistjoni. Minflok, il-Grupp ta’ Ħidma kien iffoka fuq is-sejba ta' perċentwal ta' imgħax għoli biżżejjed sabiex ikun sinifikattiv għall-impriża inkwistjoni iżda mhux daqshekk għoli biex jipprekludi lil din tal-aħħar il-possibbiltà għal ħlas lura, għalhekk ġie eliminat l-inċentiv għal dawn l-intrapriżi biex jirristrutturaw il-finanzi tagħhom.

    (10)

    L-awtoritajiet Islandiżi madankollu ffissaw ċerti kondizzjonijiet għall-konverżjoni tad-dejn. Skont il-kondizzjonijiet id-debitur kien fost l-oħrajn obbligat li ma jħallasx dividendi, sakemm ma kienx hemm ħlas parzjali korrispondenti fuq is-self, id-debitur ma setax jidħol f’xi impenn b'riskju ewlieni li kien jaqbeż l-20 % ta’ ekwità (CAD), kull bonus għad-debituri impjegati kellu jkun moderat, id-debituri kienu obbligati li jipprovdu s-sellief b’rapporti dettaljati ta’ kull tliet xhur dwar l-operazzjonijiet tagħhom u l-proporzjonijiet tas-CAD tad-debituri ma setgħux jinżlu għal anqas minn 10 %. Fil-każ li l-qagħda tal-likwidità tad-debituri tkun inaċċettabbli fil-fehma tas-CBI jew jekk il-proporzjonijiet tas-CAD tagħhom ikunu niżlu inqas minn 10 %, is-sellief ikun jista’ jesiġi li l-ammont pendenti tas-self flimkien ma’ imgħax u ma' spejjeż oħra rilevanti jkunu kkonvertiti f’ekwità. L-għan ta’ dawk il-kondizzjonijiet kien li jżid il-probabbiltà ta’ rkupru sħiħ tas-self biex b'hekk ikun protett l-interess tat-Teżor.

    (11)

    Għal deskrizzjoni iktar dettaljata tal-miżuri, wieħed għandu jirreferi għad-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 363/11/COL (7).

    2.3   L-għan tal-miżura u l-bażi legali nazzjonali tagħha

    (12)

    L-awtoritajiet Islandiżi qiesu li l-għan tal-miżuri kien maqsum fi tnejn; l-ewwel, li jipprova jiżgura l-interessi immensi tal-Istat billi jiġi massimizzat l-irkupru tal-pretensjonijiet tat-Teżor, u, t-tieni, biex l-intrapriżi finanzjarji jingħataw iż-żmien u l-possibbiltà li jsolvu l-problemi tagħhom u jegħlbu d-diffikultajiet.

    (13)

    Il-miżuri kienu bbażati fuq awtorizzazzjoni mill-Parlament Islandiż fil-paragrafu 7.20 tal-baġit supplimentari tal-istat għas-sena 2008, fejn il-Ministru tal-Finanzi, f’isem it-Teżor, kien awtorizzat li jixtri mingħand il-Bank Ċentrali tal-Islanda dokumenti kummerċjali li kienu mwiegħda lill-bank bħala garanziji għas-self kif ukoll biex jissolvew dawn ir-rikjesti bl-aktar mod vijabbli possibbli.

    2.4   Il-benefiċjarji

    (14)

    Kif imsemmi qabel it-tliet benefiċjarji għall-miżuri msemmija qabel kienu Saga Capital Investment Bank hf., VBS Investment Bank hf. u Askar Capital Investment Bank hf. Għal deskrizzjoni aktar dettaljata tat-tliet benefiċjarji u żviluppi sussegwenti dwar l-operazzjonijiet tagħhom, wieħed għandu jirreferi għat-taqsimiet 2.5 u 2.6 tad-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 362/11.COL.

    3   Raġunijiet biex jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali

    (15)

    Fid-Deċiżjoni Nru 363/11/COL, l-Awtorità eżaminat preliminarjament jekk il-miżuri tat-Teżor biex jiġu kkonvertiti l-pretensjonijiet fuq perjodu qasir għal self fit-tul fuq termini favorevoli kinux kompatibbli mad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Ftehim taż-ŻEE. Madankollu peress li l-involviment tal-Istat bħala kreditur ewlieni lill-impriżi kkonċernati ġie minn miżuri preċedenti, jiġifieri mis-self kollaterali tas-CBI u s-self ta’ titoli, kien meħtieġ li jitqies jekk dawk il-miżuri kinux possibbilment jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

    (16)

    Għalhekk l-Awtorità bdiet il-valutazzjoni tagħha billi analizzat is-CBI mis-self kollaterali fuq perjodu qasir għall-impriżi finanzjarji. L-awtoritajiet Islandiżi kienu enfasizzaw li l-faċilitajiet ta' kreditu kkonċernati fuq perjodu qasir jappartjenu lil miżuri ta' politika monetarja u tas-suq finanzjarju regolari tas-CBI u lill-ġestjoni tad-dejn tal-gvern regolari tat-Teżor. L-Awtorità ma kkontestatx li dawn il-miżuri kienu jappartjenu lil politika monetarja u ta’ ġestjoni tad-dejn tal-gvern u li dawn kienu bbażati fuq regoli relevanti fuqhom (8). Il-miżuri ttieħdu fuq l-inizjattiva tal-impriżi finanzjarji konċernati u s-CBI, dak iż-żmien, ma kellux l-appoġġ ta' xi kontrogaranzija mill-Istat. Għalhekk l-Awtorità kkonkludiet li s-self kollaterali tas-CBI fuq perjodu qasir għall-impriżi finanzjarji u l-faċilitajiet ta’ self tat-Teżor fuq perjodu qasir ma kinux jinvolvu għajnuna mill-Istat.

    (17)

    Madankollu, fil-fehma preliminari tal-Awtorità, il-ftehimiet ta' konverżjoni ta' self tat-Teżor kienu jammontaw għal għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE. L-aspetti li ġejjin kienu identifikati fid-deċiżjoni biex jingħata bidu għal proċedura ta’ investigazzjoni formali:

    i)

    L-Awtorità kkonkludiet li l-miżuri ngħataw b’mod ċar permezz ta’ riżorsi tal-Istat peress li s-self kien ingħata mill-Ministeru tal-Finanzi fuq il-bażi tal-awtorizzazzjoni prevista fil-baġit tal-Istat.

    ii)

    L-Awtorità sabet li l-miżuri taw vantaġġi kummerċjali lit-tliet banek ta’ investiment peress li ma kellhomx iħallsu imposti, fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħax u spejjeż oħra assoċjati ma’ faċilitajiet ta’ kreditu fuq perjodu qasir tas-CBI, li normalment kien ikollhom iħallsu mill-bagits tagħhom. L-Awtorità espremiet ukoll dubju dwar jekk il-miżuri kinux konsistenti mal-imġiba ta’ kreditur privat f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli, minħabba l-kundizzjonijiet favorevoli ta’ rimbors tas-self u l-fatt li ma kinux jipprevedu titjib tar-rati tal-imgħax f’każ ta' titjib fil-kundizzjoni finanzjarja tad-debituri.

    iii)

    Rigward is-selettività, l-Awtorità kkonkludiet li l-miżuri ma setgħux jitqiesu bħala ta’ natura ġenerali, peress li kienu jiffavorixxu tliet impriżi f’settur ekonomiku partikolari wieħed u impriżi oħra u setturi ma kinux jibbenefikaw minnhom. Il-miżuri għalhekk ikollhom jiġu kkunsidrati bħala selettivi (9). Barra minn hekk l-awtoritajiet Islandiżi ma kinux ressqu evidenza ċara li l-ftehimiet dwar il-konverżjoni ta’ self favorevoli kienu saru effettivament disponibbli għall-impriżi kollha f’sitwazzjoni legali u fattwali kumparabbli bħal Saga Capital, VBS u Askar Capital.

    iv)

    Fl-aħħar nett, l-Awtorità kkonkludiet li l-miżuri kienu kapaċi jfixklu l-kompetizzjoni. Minkejja li l-banek tal-investiment ikkonċernati kienu joperaw l-aktar fis-suq Islandiż u kienu ta’ daqs pjuttost żgħir, dawn kienu minkejja kollox involuti fid-dispożizzjoni tas-servizzi finanzjarji li kienu kompletament miftuħa għall-kompetizzjoni u l-kummerċ fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

    (18)

    Barra minn hekk, l-Awtorità kellha dubji dwar jekk l-għajnuna mill-Istat setgħetx titqies bħala kumpatibbli mal-Ftehim taż-ŻEE. L-awtoritajiet Islandiżi kienu rreferew għall-Artikolu 61(3) taż-ŻEE u għal-linji gwida għall-għajnuna tas-salvataġġ u tar-ristrutturar bħala sostenn għall-argument tagħhom li l-miżura kienet kompatibbli mal-Ftehim. L-awtoritajiet Islandiżi madankollu ma taw l-ebda evidenza favur il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura skont l-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim taż-ŻEE jew il-linji gwida temporanji dwar l-għajnuna mill-Istat rigward il-kriżi finanzjarja. L-Awtorità saħqet li r-regoli temporanji dwar għajnuna lill-impriżi finanzjarji jipprovdu għal-limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu neċessarju, għar-restawr tal-vijabbiltà fit-tul tal-bank u għas-salvagwardji kontra t-tgħawwiġ mhux mistħoqq tal-kompetizzjoni. B’mod partikolari, il-linji gwida jistabbilixxu regoli biex tiġi żgurata rimunerazzjoni xierqa u adegwata għar-rikapitalizzazzjoni mill-Istat (10). It-termini dwar il-ħlas lura ta’ self ipprovdut mill-Istat dehru li ma kinux jikkunsidraw dawn il-prinċipji. Is-self kien ingħata bi ħlas lura ta’ perjodu ta’ seba’ snin, b’metodu ta’ indiċjar, u b’rati fissi tal-imgħax ta’ 2 % fis-sena, li kien ħafna taħt ir-rati tas-suq u ma kien previst l-ebda titjib tar-rati tal-imgħax biex jinkoraġġixxi t-tifdija tal-kapital tal-Istat. Fid-dawl ta’ dan, l-Awtorità kkonkludiet li t-termini ta' self ta’ dan it-tip ma kinux kompatibbli mal-linji gwida tal-Awtorità dwar l-għajnuna mill-Istat.

    4   Kummenti mill-awtoritajiet Islandiżi

    (19)

    Il-kummenti tal-awtoritajiet Islandiżi huma ffukati fuq il-fehma tagħhom li l-miżuri kienu kompatibbli mal-Ftehim taż-ŻEE. Fil-fehma tagħhom il-miżuri ma kinux selettivi billi ċ-ċirkostanzi tat-tliet banek ta’ investiment kienu uniċi u banek oħra, bħal Straumur, SPB u SPRON, ma kinux f’sitwazzjoni simili bħal dik tat-tliet banek ta’ investiment. Xi istituzzjonijiet bankarji oħra kienu diġà naqsu mill-obbligi tagħhom kontra l-kredituri tagħhom saż-żmien li kienu saru l-ftehimiet dwar il-konverżjoni ta’ self u l-isforzi ta' riorganizzazzjoni tagħhom kienu tant sostanzjali li l-konverżjoni tad-djun mas-CBI ma kinitx tkun fattur sinifikanti fir-ristrutturar finanzjarju tagħhom. L-awtoritajiet Islandiżi sostnew ukoll li d-deċiżjonijiet tagħhom biex jikkonvertu s-self kienu skont il-prinċipju tal-kreditur privat peress li kull kreditur, fl-istess pożizzjoni li kien fiha l-Istat Islandiż f’dak iż-żmien, kien jaġixxi bl-istess mod.

    (20)

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet Islandiżi pprovdew informazzjoni dwar l-istatus attwali tat-tliet banek ta’ investiment u l-iżviluppi li seħħew minn meta l-Awtorità ħarġet id-Deċiżjoni Nru 363/11/COL (11).

    (21)

    Fid-dawl tal-fatt li t-tliet benefiċjarji kienu waqqfu kull attività ekonomika billi ġiet ippubblikata d-Deċiżjoni Nru 363/11/COL u, b’referenza għall-prattika stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità dwar il-kwistjoni li ssegwi l-klassifikazzjoni ta’ miżuri f’ċirkostanzi korrispondenti u l-valutazzjoni tal-kompatibilità tagħhom (12), l-awtoritajiet Islandiżi sostnew li ma kien hemm l-ebda raġuni biex l-Awtorità tkompli ssegwi l-kwistjoni.

    II.   VALUTAZZJONI

    (22)

    L-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE huwa kif ġej:

    Bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji f’dan il-Ftehim, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija mill-Istati Membri tal-KE, lill-Istati tal-EFTA jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat li twassal biex ixxekkel jew thedded li xxekkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti, safejn tolqot il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, tkun inkompatibbli mal-funzjonament ta' dan il-Ftehim.

    (23)

    Dan jimplika li biex miżuri jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE, iridu jinvolvu għotja mill-Istat jew għotja permezz ta’ riżorsi tal-Istat, jagħtu vantaġġ lill-impriża destinatarja, jkunu selettivi, jkunu jfixklu l-kompetizzjoni u jkunu jaffettwaw il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti.

    (24)

    Kif ġie nnutat qabel, l-Awtorità, fid-Deċiżjoni Nru 363/11/COL, b’mod preliminari kkonkludiet li l-miżuri li qed jiġu vvalutati, jiġifieri l-konverżjoni ta’ faċilitajiet ta' kreditu fuq perjodu qasir għal self fit-tul, kienu jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE u għalhekk kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, ma kien hemm xejn li jissuġġerixxi li l-miżuri kienu kompatibbli la mad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Ftehim taż-ŻEE u lanqas mal-linji gwida temporanji dwar l-għajnuna mill-Istat rigward il-kriżi finanzjarja. L-Awtorità fil-kors tal-investigazzjoni ma rċeviet l-ebda informazzjoni li tkun tista' tibdel din l-opinjoni preliminari. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Islandiżi ma kinux innotifikaw il-miżuri ta’ għajnuna koperti mid-Deċiżjoni tal-ftuħ lill-Awtorità qabel l-implimentazzjoni tagħhom. Billi ma għamlux dan, huma ma rrispettawx l-obbligu tan-notifika tagħhom skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3. L-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri ta’ għajnuna għalhekk kienet illegali. Minkejja dan l-Awtorità għandha madankollu tikkalkula jekk hemmx raġuni għaliha li tkompli bil-kwistjoni.

    (25)

    Kif diġà ġie nnutat fid-Deċiżjoni Nru 363/11/COL, Askar Capital Investment Bank hf. kien diġà ġarrab telf sinifikanti mill-investimenti tiegħu fl-2007, fi prodotti ta' kreditu strutturati (sub-prime) b’ipoteka tal-Istati Uniti tal-Amerika bħala assi sottostanti. Il-Bank iffaċċja diffikultajiet saħansitra akbar f’Ġunju 2010 meta l-Qorti Suprema tal-Islanda ddeċidiet li s-self f’valuta barranija kien illegali. Il-bank eventwalment iddikjara stat ta’ falliment fl-14 ta’ Lulju 2010 u ttieħed mill-Awtorità Superviżorja Finanzjarja (“l-FME”) fl-istess ġurnata. Skont l-informazzjoni sottomessa aktar tard lill-Awtorità, il-bank attwalment jinsab fil-proċess ta’ stralċ u waqqaf kull attività ekonomika.

    (26)

    Kif ġie nnutat ukoll fid-Deċiżjoni 363/11/COL, il-qagħda finanzjarja ta' VBS Investment Bank hf. iddeterjorat sostanzjalment wara negozjati bla suċċess bejn il-bank u l-kredituri u l-azzjonisti tiegħu, u, sussegwentement, fl-2010 il-kredituri tal-bank waqqfu n-negozjati kollha. Bid-Deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, l-FME ħatret lil VBS bħala bord provviżorju ta' Diretturi, u permezz ta' deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Reykjavik fid-9 ta’ April 2010, tnediet proċedura ta’ stralċ għal VBS, skont l-Artikolu 101 tal-Att Nru 161/2002 dwar l-impriżi finanzjarji. Il-liċenzja operattiva tal-bank issa ġiet revokata minħabba l-fatt li l-bank huwa għaddej minn proċedura ta’ stralċ.

    (27)

    Il-liċenzja operattiva ta' Saga Capital ġiet revokata permezz ta' deċiżjoni tal-FME tat-28 ta’ Settembru 2011. Sussegwentement, l-FME talbet li titnieda proċedura ta’ stralċ għal Saga Capital u li jinħatar bord ta' stralċ. Il-Qorti Distrettwali tal-Grigal tal-Islanda, b’deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2012, ssodisfat it-talbiet tal-FME u ddikjarat li Saga Capital għandha tgħaddi minn proċedura ta’ stralċ. Fl-14 ta’ Ġunju 2012, il-Qorti Suprema tal-Islanda kkonfermat din id-deċiżjoni. Id-deċiżjoni tal-FME li tirrevoka l-liċenzja operattiva ta' Saga Capital ġiet ikkonfermata minn deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Reykjavík, bid-data tal-5 ta’ Marzu 2012. Id-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Reykjavík ġiet appellata fil-Qorti Suprema. Madankollu, il-bank waqqaf l-operazzjonijiet ta' liċenzjar kollha minħabba l-fatt li l-liċenzja tal-operat tiegħu bħala istituzzjoni finanzjarja ġiet irtirata.

    (28)

    Għalhekk huwa ċar li t-tliet banek ta’ investiment inkwistjoni issa waqqfu kull attività ekonomika, il-liċenzji operattivi tagħhom ġew revokati, jinsabu għaddejjin minn proċedura ta’ stralċ u l-limitu ta’ żmien biex jitressqu rikjesti fil-konfronti tagħhom skada. (13) Jekk kienet ingħatat għajnuna mill-Istat lill-banek ta’ investiment, l-għajnuna m’għadhiex tipproduċi effetti ta’ tgħawwig, u jekk ingħatat għajnuna illegali, l-irkupru ta’ dik l-għajnuna kien ikun impossibbli. Taħt dawn iċ-ċirkustanzi, deċiżjoni mill-Awtorità dwar il-klassifikazzjoni bħala għajnuna tal-miżuri kkonċernati u l-kompatibilità tagħhom mal-Ftehim taż-ŻEE ma jkollha l-ebda effett prattiku. (14)

    (29)

    It-tkomplija l-proċedura ta’ investigazzjoni formali mibdija skont l-Artikolu 1 (2) tal-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti għalhekk sservi l-ebda skop utli.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil tliet banek ta’ investiment tal-Islanda permezz ta’ self skedat mill-ġdid b’termini preferenzjali hija b’dan magħluqa.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Islanda.

    Artikolu 3

    L-unika verżjoni awtentika ta’ din id-Deċiżjoni hija dik bil-lingwa Ingliża.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2012.

    Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA

    Oda Helen SLETNES

    President

    Sverrir Haukur GUNNLAUGSSON

    Membru tal-Kulleġġ


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 363/11/COL tat-23.11.2011 sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lil tliet banek ta’ investiment tal-Islanda permezz ta’ self skedat mill-ġdid b’termini preferenzjali ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-26.1.2012, ĠU C 21, p. 2 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 4, 26.1.2012, p. 8.

    (2)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 hawn fuq għar-referenzi tal-pubblikazzjoni.

    (3)  Ara l-paragrafi 2-6 tad-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 363/11/COL.

    (4)  Self kollaterali jissejjaħ ukoll self repo, fejn repos jew ftehim ta’ xiri mill-ġdid huma kuntratti li fihom il-bejjiegħ ta’ titoli, bħalma huma l-kambjali tat-teżor, jaqbel li jixtrihom lura fi żmien speċifiku kif ukoll bi prezz speċifiku.

    (5)  Għal aktar dettalji ara r-Regoli dwar il-faċilitajiet ta’ self ta’ titoli tal-Bank Ċentrali tal-Islanda f’isem it-Teżor għal negozjanti primarji datati t-28 ta’ Novembru 2008, li jinsabu fuq: http://www.lanamal.is/assets/nyrlanasysla/regluren08.pdf

    (6)  Aktar dettalji dwar il-ftehimiet ta’ self huma stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru. 363/11/COL, il-paragrafi 11-27.

    (7)  B’mod partikolari, it-taqsima 2.2 tad-Deċiżjoni.

    (8)  Dawn ir-regoli ġew sostitwiti fis-26 ta’ Ġunju 2009 mir-Regoli Nru 553 dwar l-istess suġġett (attwalment ir-regoli applikabbli).

    (9)  Ara pereżempju l-Kawża C-75/97 Il-Belġju v. Il-Kummissjoni (Maribel bis/ter) [1999] ECR I-3671, kif ukoll is-sentenza reċenti fil-kawżi konġunti C-106/09 P u C-107/09 P Il-Kummissjoni v. Government of Gibraltar, li għadha ma ġietx rappurtata, il-paragrafu 75.

    (10)  Ara pereżempju l-linji gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni tal-Awtorità li jinsabui fuq: http://www.eftasurv.int/?1=1&showLinkID=16015&1=1

    (11)  L-Awtorità aktar tard irċieviet informazzjoni korrispondenti mingħand l-ilmentatur (l-Avveniment Nru 641907).

    (12)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Settembru 2007 dwar il-miżuri tal-għajnuna implimentati minn Spanja għal IZAR, il-Kawża C 47/2003, ĠU 2008, L 44, p. 33, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2005 dwar il-miżuri implimentati minn Franza għall-Mines de potasse d’Alsace, il-Każ C 53/2000, ĠU 2006 L 86, p. 20 u deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tas-27 ta’ Mejju 2009 dwar għajnuna allegatament illegali lill-impriża NordBook AS, il-Kawża 245/09/COL, ĠU L 282, 29.10.2009, p. 41.

    (13)  Għandu jiġi nnotat li l-limitu ta’ żmien biex jiġu affermati pretensjonijiet mal-bordijiet tal-istralċ tat-tliet banek skada: skont l-Artikolu 85 tal-Att Nru 21/1991 dwar il-Falliment, il-perjodu biex jitressqu rikjesti għandu ġeneralment ikun ta’ xahrejn, iżda f’ċirkostanzi eċċezzjonali t-trustee jista’ jiddeċiedi fuq perjodu minn tliet xhur sa massimu ta' sitt xhur sħaħ. Ikun xi jkun it-tul ta’ żmien, il-perjodu li fih għandhom jiġu ddikjarati rikjesti għandu jibda meta l-avviż lill-kredituri huwa ppubblikat għall-ewwel darba, u dan għandu jiġi ddikjarat b’mod ċar fl-avviż. Għalhekk, deċiżjoni mill-Awtorità li tordna l-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli, tkun f’dan il-każ inutli. Madankollu, minħabba l-fatt li l-awtoritajiet Islandiżi ma ħarsux l-obbligu tan-notifika tagħhom skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3 SCA, l-Awtorità ma kinetx f’pożizzjoni li tibda l-investigazzjoni tal-miżuri qabel bid-Deċiżjoni tagħha 363/11/COL, jiġifieri f’Novembru 2011. Fi kwalunkwe każ, l-Awtorità tistenna li l-bejgħ tal-assi tat-tliet banek ta' investiment isir fuq termini tas-suq u f’konformità mar-regoli ġenerali applikabbli fi proċeduri ta’ falliment.

    (14)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Settembru 2007 dwar il-miżuri tal-għajnuna implimentati fi Spanja għal IZAR, il-Każ C 47/2003, ĠU 2008 L 44, p. 33 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2005 dwar il-miżuri implimentati minn Franza għall-Mines de potasse d’Alsace, il-Każ C 53/2000, ĠU L 86, p. 20.


    Top