Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2008C0191

    Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 191/08/COL tas- 17 ta’ Marzu 2008 dwar ix-xogħol bla ħlas marbut ma’ attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp (In-Norveġja)

    ĠU L 332, 17.12.2009, p. 23–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/191(2)/oj

    17.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 332/23


    DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA

    Nru 191/08/COL

    tas-17 ta’ Marzu 2008

    dwar ix-xogħol bla ħlas marbut ma’ attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp (In-Norveġja)

    L-AWTORITA TA’ SORVELJANZA tal-EFTA (1),

    Wara li kkunsidrat l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2), b’mod partikolari l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (3), b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat l-Artikolu 1(2) u (3) tal-Ewwel Parti u Artikoli 4(4), 6 u 7(4) tat-Tieni Parti tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti,

    Wara li kkunsidrat il-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat (4) dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim ŻEE, b’mod partikolari it-taqsima dwar ir-riċerka u l-iżvilupp u l-għajnuna għall-innovazzjoni,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 59/06/COL tal-Awtorità tat-8 ta’ Marzu 2008 biex tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 1(2) tal-Ewwel Parti u Artikolu 6 tat-Tieni Parti tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti,

    Wara li talbet lil partijiet interessati jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont dik id-dispożizzjoni (5),

    Billi:

    I.   FATTI

    1.   PROĊEDURA

    B’ittra bid-data tal-14 t’Ottubru 2005 mill-Missjoni Norveġiża għall-Unjoni Ewropea, li kienet tinkludi ittra mill-Ministeru Norveġiż għall-Kummerċ u l-Industrija, bid-data tal-5 t’Ottubru 2005, it-tnejn li huma rċevuti u rreġistrati mill-Awtorità fis-17 t’Ottubru 2005 (Okkorrenza Nru 346675), l-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw, f’konformità mal-Artikolu 1(3) tal-Ewwel Parti tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, proposta għal skema ġdida għall-għajnuna mill-Istat għal għajnuna għal xogħol bla ħlas relatat mal-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp. L-iskema proposta hija imsemmija “Skema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D”.

    B’ittra bid-data tat-8 ta’ Marzu 2006 (Okkorrenza Nru 364666), u wara diversi skambji ta’ korrespondenza (6), l-Awtorità infurmat lill-awtoritajiet Norveġiżi li kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 6 tat-Tieni Parti ta’ Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti fir-rigward tal-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D u stiednithom jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni.

    B’ittra bid-data tad-19 t’April 2006 mill-Missjoni Norveġiża għall-Unjoni Ewropea, li tinkludi ittri mill-Ministeru tal-Amministrazzjoni tal-Gvern u r-Riforma u l-Ministeru għall-Kummerċ u l-Industrija, bid-dati tal-11 u 7 t’April rispettivament, l-awtoritajiet Norveġiżi ppreżentaw il-kummenti tagħhom. L-ittra ġiet irċevuta u rreġistrata mill-Awtorità fl-20 t’April 2006 (Okkorrenza Nru 370829).

    Id-Deċiżjoni Nru 59/06/COL biex jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u s-Supplement taż-ŻEE tiegħu (7). L-Awtorità talbet lill-partijiet interessati jippreżentaw il-kummenti tagħhom. L-Awtorità ma rċeviet l-ebda kummenti mingħand partijiet interessati.

    Fl-aħħarnett, f’ittra li ntbgħatet elettronikament fil-15 ta’ Frar 2008 mill-Ministeru għall-Amministrazzjoni tal-Gvern u r-Riforma (Okkorrenza Nru 465311), l-awtoritajiet Norveġiżi kkonsolidaw l-informazzjoni li ntbgħatet bħala riżultat ta’ kuntatt informali sew permezz tat-telefon kif ukoll permezz tal-posta elettronika matul l-2007 u Jannar 2008.

    2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA PROPOSTA

    2.1.   L-GĦAN, IL-BAŻI LEGALI U L-OPERAZZJONI TAL-ISKEMA TA’ XOGĦOL BLA ĦLAS GĦAR-R&D

    L-għan

    Mill-ħidma ta’ tħejjija leġiżlattiva jidher li l-għan globali tal-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D huwa li jiġi stimolat iktar investiment fl-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp, b’mod partikolari minn kumpaniji żgħar bħal intraprendituri u impriżi ta’ persuna waħda (8). B’mod iktar speċifiku, l-għan tal-iskema l-ġdida huwa li jiġu stimolati l-isforzi li saru minn individwi f’kumpaniji b’orjentament lejn ir-riċerka u l-iżvilupp, li, fil-fażi tal-bidu, huma spiss dipendenti fuq riżorsi ta’ xogħol li ma jistgħux jitħallsu. Il-kumpaniji orjentati lejn ir-riċerka u l-iżvilupp huma meqjusa importanti mill-awtoritajiet Norveġiżi għall-iskop ta’ ħolqien ta’ valur derivat mir-riċerka kif ukoll għall-innovazzjoni.

    Fuq livell iktar dettaljat, l-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li l-introduzzjoni tal-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għall-R&D kienet motivata mill-fatt li taħt “l-iskema Skattefunn” eżistenti (9), m’huwiex possibbli li tingħata għajnuna għal xogħol bla ħlas relatat mal-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp li jsiru minn imprendituri u impriżi b’persuna waħda minħabba l-fatt li l-Iskema Skattefunn hija skema ta’ tnaqqis tat-taxxa (10). F’dan ir-rigward l-awtoritajiet spjegaw li taħt l-Iskema Skattefunn, l-għajnuna tingħata għal attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp fil-forma ta’ tnaqqis tat-taxxa (jew kreditu tat-taxxa) li fiha ammont, ekwivalenti għal perċentwali tal-ispejjeż eliġibbli, jitnaqqas mill-ammont dovut fit-taxxa mill-kumpanija. Madankollu, l-awtoritajiet Norveġiżi kkunsidraw li t-tnaqqis ta’ ammont li m’huwiex ibbażat fuq spejjeż eliġibbli reali iżda fuq xogħol bla ħlas, jiġifieri spejjeż li ma sarux fit-tifsira li ma tħallas l-ebda salarju u li m’huwiex rifless fil-kontijiet tan-negozju, mill-ammont dovut fit-taxxa ma jkunx konformi mal-leġiżlazzjoni ġenerali dwar it-taxxa. Abbażi ta’ dan ġie meqjus li x-xogħol bla ħlas ma setgħax jikkwalifika bħala spiża eliġibbli taħt l-Iskema Skattefunn.

    Fuq dan l-isfond l-awtoritajiet Norveġiżi pproponew li jwaqqfu l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D, li fiha għajnuna finanzjarja għandha tingħata għal xogħol bla ħlas relatat ma’ attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp fil-forma ta’ għotjiet li huma eżentati mit-taxxa. Għaldaqstant l-awtoritajiet Norveġiżi jikkunsidraw l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D bħala korrezzjoni jew suppliment għall-Iskema Skattefunn eżistenti.

    Fin-notifika, l-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw ukoll li bosta kumpaniji għandhom proġetti li ġew approvati taħt l-Iskema Skattefunn imma li sussegwentement ma setgħux jibbenefikaw mit-tnaqqis tat-taxxa (jew kellhom iħallsu ammont ekwivalenti għat-tnaqqis tat-taxxa li diġà kienu rċevew) minħabba l-fatt li l-proġetti kienu jinvolvu xogħol bla ħlas. Għalhekk l-awtoritajiet Norveġiżi kienu ddeċidew li jintroducu “Skema Komprensiva” sabiex jiġu kkumpensati kumpaniji għal telf finanzjarju kkawżat minħabba l-proġetti tagħhom ta’ riċerka u żvilupp matul is-snin bejn l-2002-2004 bħala riżultat tal-fatt li x-xogħol bla ħlas ma setgħax ikun kopert mill-Iskema Skattefunn (11). Bid-Deċiżjoni tagħha li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D, l-Awtorità kienet tal-fehma li l-għajnuna mogħtija lill-impriżi taħt l-Iskema ta’ Kumpens kienet tikkwalifika bħala għajnuna de minimis taħt “ir-Regolament de minimis”  (12) L-Iskema ta’ Kumpens ma kienetx parti mill-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    Bażi legali

    Fil-proposta oriġinali dwar il-baġit fiskali mill-Gvern Norveġiż għall-Parlament Norveġiż (13), li ġiet segwita minn Rakkommandazzjoni minn Kumitat Parlamentari għall-Parlament (14), il-Gvern ippropona li jiddedika total ta’ NOK 70 miljun kemm għall-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D kif ukoll għall-Iskema ta’ Kumpens (15). Sakemm ikun hemm approvazzjoni mill-Awtorità ma tħallsu l-ebda fondi taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D imma l-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li l-baġit annwali għall-iskema huwa mistenni li jkun l-iktar madwar NOK 50 miljun (16).

    Flimkien mal-adozzjoni tal-baġit oriġinali għall-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D, il-Parlament Norveġiż fis-17 ta’ Ġunju 2005 adotta proposta li temenda l-Att Norveġiż dwar it-Taxxa fuq il-ġid u d-dħul bl-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar it-trattament u limiti tat-taxxa fir-rigward ta’ finanzjament li għandu jingħata taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D (minn hawn il quddiem imsemmija “Il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D”) (17).

    Apparti l-adozzjoni tal-baġit u l-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D, il-Ministeru Norveġiż għall-Kummerċ u l-Industrija ppubblika abbozz ta’ Linji Gwida dwar l-implimentazzjoni tal-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D (minn hawn il quddiem “il-Linji Gwida dwar l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D”) (18). L-abbozz tal-Linji Gwida jipprovdi li “Norges forskningsråd” (il-Kunsill Norveġiż għar-Riċerka) ser ikun l-entità responsabbli għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-iskema.

    Il-ħidma tal-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D – proġetti eliġibbli

    Mil-Linji Gwida dwar l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D jidher li l-proġetti eliġibbli għandhom jinvolvu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp li jsiru minn individwi li m’huma qed jirċievu l-ebda paga jew kumpens ieħor għax-xogħol tagħhom. Individwi li jirċievu ħlas permezz ta’ sorsi pubbliċi oħra m’humiex koperti (19).

    Skond il-Linji Gwida dwar l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D, proġetti eliġibbli huma:

    (i)

    dawk li jinvolvu riċerka jew investigazzjoni kritika mmirata fuq l-akkwist ta’ għarfien u ħiliet ġodda għall-iżvilupp ta’ prodotti, proċess jew servizzi ġodda, jew għal titjib sinjifikanti fil-prodotti, proċessi jew servizzi eżistenti. Dawn jinkludu l-ħolqien ta’ komponenti ta’ sistemi kumplessi, li huwa neċessarju għal riċerka ta’ dan it-tip, notevolment għal validazzjoni ġenerika ta’ teknoloġija, bl-esklużjoni ta’ prototipi kif koperti mill-għażla (ii); (20) u

    (ii)

    dawk li għandhom l-għan li jipprovdu informazzjoni, għarfien jew esperjenza ġdida li huwa preżunt ta’ użu għall-impriża f’rabta mal-iżvilupp ta’ prodotti ġodda, servizzi jew metodi ta’ produzzjoni aħjar. Barra minn hekk, attivitajiet li fihom riżultati minn riċerka industrijali jiġu trasferiti fi pjan, proġett jew disinn għal prodotti, servizzi jew proċessi ta’ produzzjoni aħjar jew ġodda, kif ukoll l-iżvilupp tal-ewwel prototip jew proġett pilota li ma jistax jiġi sfruttat fuq pjan kummerċjali huma wkoll attivitajiet eliġibbli taħt l-iskema (21).

    L-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw li dawn id-definizzjonijiet ta’ proġetti ta’ riċerka u żvilupp eliġibbli huma identiċi għad-definizzjonijiet ta’ proġetti ta’ riċerka u żvilupp eliġibbli taħt l-Iskema Skattefunn eżistenti. Fil-fatt, fil-prattika, l-awtoritajiet Norveġiżi jirreferu għall-proġetti eliġibbli taħt l-Iskema għal Xogħol bla Ħlas għar-R&D bħala proġetti li jilħqu l-“kriterji Skattefunn” jew li ġew approvati taħt l-Iskema Skattefunn (22).

    Kif imsemmi hawn fuq, l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas R&D ser tiġi amministrata u implimentata mill-Kunsill Norveġiż għar-Riċerka. Din l-entità tal-aħħar hija wkoll il-korp ta’ segretarjat u amministrazzjoni li jevalwa jekk proġetti humiex eliġibbli jew le taħt l-Iskema Skattefunn (23). L-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li l-fatt li attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp huma definiti bl-istess mod taħt kemm l-Iskema Skattefunn kif ukoll l-Iskema ta’ Xogħol bla ħlas għar-R&D, u li l-entità amministrativa, li tevalwa jekk il-proġetti jikkwalifikawx bħala eliġibbli, huwa l-istess taħt iż-żewġ skemi, ifisser li għall-iskopijiet ta’ implimentazzjoni ż-żewġ skemi huma koordinati mill-qrib. F’dan ir-rigward l-intenzjoni hija li l-applikanti li japplikaw għal għajnuna għal attivitajiet eliġibbli ta’ riċerka u żvilupp jeħtieġu biss jimlew formola ta’ applikazzjoni waħda li fiha l-applikant ikollu l-għażla bejn għajnuna għal xogħol imħallas u/jew mingħajr ħlas relatat mal-attività relevanti ta’ riċerka u żvilupp (24). Iktar minn hekk, l-għajnuna finanzjarja li għandha tingħata taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D ser tiġi kkunsidrata meta l-applikanti jitolbu wkoll għajnuna taħt l-Iskema Skattefunn u l-għajnuna globali ser tkun suġġetta għal-limitu massimu għal għajnuna taħt l-iskema tal-aħħar (25). Fil-fatt, skont l-awtoritajiet Norveġiżi l-unika differenza bejn iż-żewġ skemi hija t-tip ta’ spejjeż eliġibbli (jiġifieri xogħol bi ħlas kontra xogħol bla ħlas) u l-mod li fih tingħata l-għajnuna (jiġifieri tnaqqis ta’ taxxa kontra għajnuna ħielsa mit-taxxa).

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw li sabiex jikkwalifikaw bħala proġetti eliġibbli taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D il-proġetti ma jridux ikunu bdew qabel ma ssir l-applikazzjoni għal għajnuna (26).

    2.2.   DESTINATARJI

    Fin-notifika, l-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D ser tkun miftuha għal dawk kollha li jħallsu t-taxxi b’obbligu tat-taxxa fin-Norveġja, inkluż l-impriżi kollha, irrispettivament mid-daqs, settur u reġjun (27). Impriżi li jipparteċipaw b’mod konġunt f’proġett ta’ kooperazzjoni jistgħu ukoll jibbenefikaw mill-Iskema (28).

    L-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li r-raġuni li l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D tinkludi kumpaniji ta’ daqs medju u kbar hija biex din tibqa’ konformi mal-kundizzjonijiet tal-Iskema Skattfunn (li hija miftuħa għall-impriżi kollha independentement mid-daqs). F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw li “għalhekk ukoll m’hemmx diskriminazzjoni formali kontra kumpaniji ikbar fid-definizzjoni ta’ benefiċjarji fl-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D” (enfażi miżjuda) (29).

    Madankollu, l-awtoritajiet Norveġiżi huma ċari dwar il-fatt li, fil-prattika, l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D hija maħsuba biex tolqot biss imprendituri u impriżi ta’ persuna waħda: “Anke jekk l-iskema tinkludi impriżi ta’ kull daqs, in-natura stess tal-iskema (appoġġ għal xogħol bla ħlas) timplika li l-effett inċentiv ikun l-iktar sinjifikanti għal ditti imprenditorjali u impriżi ta’ persuna waħda” (30). Bl-istess mod l-awtoritajiet iddikjaraw li l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D hija “… immirata l-iktar għal kumpaniji ġodda bbażati fuq it-teknoloġija li m’għandhomx il-kapaċità li jħallsu pagi lill-individwi li jwettqu attività ta’ R&D” u “[minħabba li l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D ser tagħti appoġġ għal xogħol bla ħlas li jsir minn persunal R&D li ma jirċevix paga jew kumpens ieħor għax-xogħol, l-iskema m’hijiex ser tkun relevanti għal kumpaniji komuni ta’ daqs medju u kbir” (31).

    Abbażi ta’ dan, l-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw li “Kumpaniji bi dħul fis-sena jew total ta’ bilanċ annwali ekwivalenti għad-definizzjoni ESA ta’ kumpaniji ta’ daqs medju fil-prattika mhux ser jirċievu għajnuna għal xogħol bla ħlas” (32). L-awtoritajiet żiedu li “Kumpaniji ta’ daqs ikbar ġeneralment jużaw persunal impjegat u mħallas għar-R&D biex iwettqu l-attività R&D fi proġett Skattefunn” u “l-ispejjeż ta’ ħlas ta’ dawn l-impjegati jkunu eliġibbli għal rimbors tat-taxxa taħt l-Iskema Skattefunn, u għalhekk dan it-tip ta’ kumpaniji la jkollhom bżonn u lanqas raġuni biex japplikaw għal sussidju mill-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas R&D” (33).

    Fl-aħħarnett, l-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw li minħabba li l-limitu massimu għal għajnuna għal proġett eliġibbli huwa l-istess sew jekk l-għajnuna tingħata esklussivament fil-forma ta’ tnaqqis ta’ taxxa taħt l-Iskema Skattefunn, kif ukoll permezz ta’ kombinazzjoni ta’ tnaqqis ta’ taxxa u għotja taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas R&D, ma hemm l-ebda inċentiva għal kumpaniji ikbar biex jiksbu appoġġ miż-żewġ skemi.

    B’riżultat ta’ dan, permezz ta’ ittra bid-data tal-15 ta’ Frar 2008 (Okkorrenza Nru 465311), l-awtoritajiet Norveġiżi infurmaw lill-Awtorità li “l-iskema hija formalment ristretta għad-definizzjoni tal-Awtorità ta’ kumpaniji żgħar u mikro”.

    2.3.   SPEJJEŻ ELIĠIBBLI U INTENSITÀ TAL-GĦAJNUNA

    Spejjeż eliġibbli

    L-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw li skont l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D l-infiq eliġibbli jikkonsisti fi spejjeż ta’ xogħol bla ħlas relatati ma’ proġett eliġibbli (34). F’termini ta’ identifikazzjoni tar-rata(i) fis-siegħa xierqa għax-xogħol bla ħlas, l-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li minħabba li l-kwalifiki formali ta’ individwu m’humiex dejjem riflessi fil-ħila li jwettaq proġetti ta’ riċerka u żvilupp huwa diffiċli li jiġu identifikati rati separati ekwivalenti għall-edukazzjoni, esperjenza u qasam relevanti. Għalhekk ġie deċiż li tintuża rata fis-siegħa komuni biex tiġi kkalkolata l-għajnuna taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D.

    Ir-rata fis-siegħa proposta mill-awtoritajiet Norveġiżi hija bbażata fuq il-kalkolu ta’ 1,6 % tal-paga nominali annwali industrijali għall-2005 (NOK 348 300) (35), li tirriżulta f’rata fis-siegħa ta’ NOK 557,27 li, għas-sempliċità, tqarrbet għal NOK 500. Ir-rata fis-siegħa ta’ NOK 500 tista’ tkun suġġetta għal aġġustament mill-Ministeru għall-Kummerċ u l-Industrija abbażi ta’ żvilupp ġenerali fil-pagi.

    Il-metodoloġija ta’ kalkolu tar-rata fis-siegħa (bħala 1,6 % tas-salarju nominali annwali) ġie żviluppat mill-Kunsill Norveġiż għar-Riċerka. F’dan ir-rigward l-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li r-rata fis-siegħa għax-xogħol tista’, fil-fatt, tiġi stabbilita faċilment sempliċement b’referenza għas-salarju annwali medju (ibbażat fuq statistika) u l-medja annwali ta’ sigħat ta’ xogħol. Madankollu, sabiex tiġi ssimplifikata l-għotja ta’ għajnuna għal attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp il-Kunsill Norveġiż għar-Riċerka ried imur lil’hinn. Għalhekk żviluppa metodoloġija li fiha r-rata fis-siegħa tinkludi mhux biss (i) l-ispejjeż ta’ salarju pur, iżda wkoll (ii) “spejjeż operativi oħra” kkalkolati fuq bażi ta’ impjegati u li tikkonsisti fi (a) spejjeż soċjali relatati mas-salarju (bħal pensjoni, sigurtà soċjali, eċċ); (b) spejjeż ta’ tagħmir użat għal kull impjegat (pereżempju użu tat-telefon, kompjuter/tagħmir IT, fotokopijer, eċċ); (c) spejjeż ġenerali ta’ spejjeż fissi ta’ elettriku, tisħin, kiri tal-uffiċċju, kantin u persunal għas-servizzi u użu temporanju ta’ staff ta’ appoġġ; u (d) kiri/xiri ta’ strumenti u provvisti għall-uffiċju.

    Ir-rata fis-siegħa għal “xogħol bla ħlas” għalhekk ikopri mhux biss l-ispejjeż ta’ salarju iżda wkoll “spejjeż operattivi oħra” fuq bażi ta’ kull impjegat (36).

    Sabiex tiġi stabbilita l-metodoloġija l-Kunsill Norveġiż għar-Riċerka għamel reviżjoni ta’ kontijiet ta’ għadd ta’ kumpaniji Norveġiżi li wrew li, fil-medja, l-ispejjeż operativi annwali huma 1.8 darbiet għola mill-ispejjeż annwali ta’ salarju (inklużi l-ispejjeż soċjali) (37). Wara li ġew ikkoreġuti l-ispejjeż annwali ta’ salarju għall-fatt li kienu jinkludu spejjeż soċjali (ekwivalenti għal 40 % tas-salarju), il-medja tal-ispejjeż operativi kienet 2,52 darbiet ogħla mill-ispejjeż tas-salarju pur. Billi tiġi diviża din iċ-ċifra bil-medja annwali ta’ sigħat ta’ xogħol (1 500) (38), l-ispejjeż operativi, kkalkolati fuq bażi ta’ kull siegħa, kienu ta’ 1,68 % (imqarrba għal 1,6 %) darbiet tal-ispejjeż annwali tas-salarju pur. Bl-istess mod, il-metodoloġija hija li r-rata fis-siegħa għal xogħol bla ħlas (li tkopri kemm l-ispejjeż tas-salarju pur kif ukoll “spejjeż operativi oħra”) huwa kkalkolat bħala 1,6 % tas-salarju annwali relevanti.

    Il-Linji Gwida dwar l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D jipprovdu li l-ispejjeż ta’ xogħol eliġibbli huma suġġetti għal limitu stabbilit ta’ NOK 2 miljun fis-sena għal kull impriża (39).

    Fl-aħħarnett, fir-rigward ta’ miżuri ta’ kontroll, ix-xogħol bla ħlas u spejjeż oħra ta’ proġett għandhom jiġu ċċertifikati minn kontabilist għal kull applikazzjoni (40). Filwaqt li evidenza ta’ ħlas ta’ “spejjeż operattivi oħra” hija vverifikata permezz ta’ rċevuti, l-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li minħabba li m’hemmx evidenza rrapurtata ta’ sigħat ta’ xogħol bla ħlas, il-kumpaniji huma mitluba jniżżlu d-data, il-kariga, in-numru ta’ sigħat u l-isem tal-individwu relevanti. Għal proġetti b’iktar minn individwu wieħed, ir-rekords għandhom ikunu ffirmati kemm mill-individwu li jkun wettaq ix-xogħol bla ħlas kif ukoll mill-individwu responsabbli mill-proġett. Barra minn hekk, in-numru ta’ sigħat irrappurtati jista’ jitnaqqas mill-Kunsill Norveġiż ta’ Riċerka jekk jirriżulta matul il-proċedura li n-numru ta’ sigħat iddikjarati huwa żbaljat.

    Intensità tal-għajnuna

    Il-Linji Gwida dwar l-Iskema ta’ Xogħol bla ħlas għar-R&D jipprovdu li għotjiet li jingħataw taħt l-Iskema huma suġġetti għal limiti stipulati fit-Taqsima 16-40 tal-Att Norveġiż dwar Tassazzjoni fuq ġid u dħul (41). Din id-dispożizzjoni hija l-bażi għall-Iskema Skattefunn u tipprovdi li l-intensitajiet tal-għajnuna ta’ mhux iktar minn 20 % fil-każ ta’ intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju (SMEs) huma aċċettabbli.

    Fin-notifika, l-awtoritajiet Norveġiżi ppreżentaw informazzjoni dwar intensitajiet sħaħ tal-għajnuna ta’ 27,8 % għall-SMEs (42). Għajnuna taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlar għar-R&D titħallas fil-forma ta’ għotja ekwivalenti għal 20 % tal-ispejjeż eliġibbli (43). Madankollu, permezz tal-Liġi dwar it-Taxxa dwar l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas, l-għotjiet huma eżentati mit-taxxa tal-kumpaniji, li bħalissa għandha rata ta’ 28 %. Għotja eżentata mit-taxxa ta’ 20 % tal-ispejjeż eliġibbli għalhekk hija ekwivalenti għal għotja taxxabbli ta’ 27,8 % ta’ dawk l-ispejjeż. Għalhekk l-intensità sħiħa tal-għajnuna hija 27,8 %.

    L-għotjiet li jingħataw taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D huma meqjusa flimkien ma’ għajnuna li tingħata taħt l-Iskema Skattefunn u għajnuna taħt din tal-ewwel hija inkluża meta jiġu kkalkolati l-limiti taħt din tal-aħħar. Taħt l-Iskema Skatteffunn, l-ammont totali għal għajnuna għall-SMEs ma jistax ikun iktar minn 20 % tal-ispejjeż eliġibbli li ma jistgħux ikunu iktar minn NOK 4 miljun għal kull impriża fis-sena. Fejn l-ammont totali tal-għajnuna finanzjarja taqbeż il-limiti stipulati taħt l-Iskema Skattefunn, it-tnaqqis tat-taxxa jitnaqqas bl-istess mod. L-awtoritajiet Norveġiżi kkjarifikaw li dawn il-limiti huma, madankollu, mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-ispejjeż attribwiti għal xogħol bla ħlas għandhom ikunu fil-limitu msemmi qabel ta’ NOK 2 miljuni għal kull impriża fis-sena. Fl-aħħarnett, l-awtoritajiet spjegaw li f’każijiet fejn proġett jirċievi għotjiet taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D u għajnuna pubblika minn sorsi oħra, minbarra l-Iskema Skattefunn, li flimkien jaqbżu l-limitu totali għal għajnuna, isir tnaqqis fl-għajnuna mogħti taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D.

    2.4.   BAĠIT U TUL TA’ ŻMIEN

    Kif imsemmi hawn fuq, l-awtoritajiet Norveġiżi jipprevedu li l-baġit futur għall-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D ser ikun madwar massimu ta’ NOK 50 miljun fuq bażi annwali.

    L-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D ġiet innotifikata bħala mingħajr limitu ta’ żmien. Madankollu, b’ittra bid-data tal-15 ta’ Frar 2008 (Okkorrenza Nru 465311), l-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw li l-tul ta’ żmien massimu tal-Iskema ser ikun marbut mat-tul ta’ żmien tal-Linji Gwida attwali ta’ Għajnuna mill-Istat dwar Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni (minn hawn ‘il quddiem “Il-Linji Gwida R&D&I”), li jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2013. L-awtoritajiet Norveġiżi huma konxji mill-fatt li żmien iktar fit-tul tal-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D teħtieġ notifika ġdida.

    3.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

    L-Awtorità fetħet l-ewwel proċedura ta’ investigazzjoni formali abbażi tar-riżultat preliminari li l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D tinvolvi għajnuna mill-istat li tiddubita tistax tiġi kkunsidrata kumpatibbli mal-Ftehim ŻEE. Waħda mit-tħassib tal-Awtorità kienet jekk l-intensitajiet tal-għajnuna taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D tistax taqbeż dawk stipulati fil-Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat (44). Fil-fatt, l-għotjiet li jistgħu jingħataw taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D huma eżentati mit-taxxa u tibdil fir-rata tat-taxxa jista’ għalhekk jirriżulta f’intensità ta’ għajnuna sħiħa iktar għolja. Barra minn hekk, minħabba li l-ispejjeż ta’ “xogħol bla ħlas” m’humiex fil-fatt imħallsa, l-Awtorità tiddubita jekk jistgħux jikkwalifikaw bħala spejjeż eliġibbli skont dawn il-Linji Gwida. F’dan ir-rigward, l-Awtorità kkunsidrat il-fatt li taħt is-Seba’ Programm Kwadru ta’ Riċerka, għajnuna għal xogħol “bla ħlas” ma kienx permess. Fl-aħħarnet, l-Awtorità kienet imħassbha dwar l-effett inċentiv meħtieġ.

    4.   KUMMENTI MILL-AWTORITAJIET NORVEĠIŻI

    L-awtoritajiet Norveġiżi kkjarifikaw li jekk tiżdied ir-rata tat-taxxa, titnaqqas l-għotja taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D, jekk meħtieġ, sabiex jiġi żgurat li l-intensità tal-għajnuna ma taqbiżx l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna stabbiliti skont il-Linji Gwida R&D&I. L-awtoritajiet Norveġiżi jibbażaw din id-dikjarazzjoni fuq l-aħħar paragrafu tat-Taqsima 3 tal-Linji Gwida dwar l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D li, meta tiġi tradotta bil-Malti, tinqara “meta jiġi kkunsidrat il-finanzjament pubbliku totali tal-proġett, l-għotja [għal xogħol bla ħlas] hija meqjusa bl-istess mod tat-tnaqqis tat-taxxa. Jekk il-finanzjament pubbliku totali għall-proġett jaqbeż [il-limitu] għall-għajnuna permessa skont ir-regoli tal-ESA, it-tnaqqis tat-taxxa jonqos. Jekk l-għajnuna għal xogħol bla ħlas fiha nnifisha tirriżulta f’qabża tal-limitu għat-total permess, l-għotja għal xogħol bla ħlas tonqos” (45).

    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni li “[persuni fiżiċi ma jistgħux jitolbu spejjeż ta’ xogħol relatati mal-involviment personali tagħhom fil-proġett”, li tinsab fis-Sitt Programm Kwadru ta’ Riċerka, l-awtoritajiet Norveġiżi rraġunaw li t-terminu “persuni fiżiċi” jirreferi għal persunal impjegat f’universitajiet/kulleġġi li jirċievi salarju mill-istituzzjoni ta’ riċerka (kontra kumpanija ta’ persuna waħda). Minħabba li dawn il-persuni m’humiex eliġibbli għal għajnuna taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D l-awtoritajiet Norveġiżi jikkunsidraw ir-referenza għas-Sitt Programm Kwadru ta’ Riċerka bħala irrelevanti.

    Fir-rigward tar-rata fis-siegħa proposta, l-awtoritajiet Norveġiżi indikaw li l-punt tat-tluq biex tiġi kkalkolata r-rata fis-siegħa ta’ NOK 500 huwa s-salarju nominali annwali tal-ħaddiem industrijali, li huwa ħafna inqas mis-salarju nominali annwali tal-persunal għar-riċerka u żvilupp. Minħabba li l-livell ta’ edukazzjoni f’kumpaniji ta’ persuna waħda u imprendituri ġeneralment huwa ekwivalenti għal-livell iktar għoli ta’ edukazzjoni tal-persunal għar-riċerka u żvilupp, il-kalkolu tar-rata fis-siegħa għall-iskop tal-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D setgħet tkun ibbażata fuq l-ogħla salarju ta’ inġinjiera ċivili. Għall-2005 dan kien ta’ NOK 460 000 jew NOK 530 000 (skont jekk l-impjegati kellhomx ħames sew għaxar snin esperjenza) li jirriżulta f’rata fis-siegħa ta’ NOK 772,80 jew NOK 890,40 (46). Abbażi ta’ dan, l-awtoritajiet Norveġiżi rraġunaw li, bil-proposta ta’ rata fis-siegħa kkalkolata fuq il-bażi tas-salarju nominali annwali ħafna iktar baxx għall-ħaddiema industrijali, għalhekk ir-rata fis-siegħa tibqa’ waħda minima.

    Fir-rigward tal-effett inċentiv, l-awtoritajiet Norveġiżi jirraġunaw li minħabba li l-flus kontanti huma problema ewlenija għall-fażi ta’ bidu tal-impriżi ġodda, ser ikun preżenti awtomatikament effett inċentiv għall-grupp ewlieni mmirat tal-iskema, jiġifieri imprendituri żgħar u kumpaniji ta’ persuna waħda.

    II.   EVALWAZZJONI

    1.   IL-PREŻENZA TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT FIT-TIFSIRA TAL-ARTIKOLU 61(1) TAL-FTEHIM TAŻ-ŻEE

    L-Artikolu 61(1) ŻEE jistipula li:

    “Mingħajr ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji f’dan il-Ftehim, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija mill-Istati Membri tal-KE, l-Istati tal-EFTA jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, safejn tolqot il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, tkun inkompatibbli ma’ dan il-Ftehim.”

    Sabiex jikkostitwixxu għajnuna Statali fil-medda tat-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE miżura għandha tissodisfa dawn l-erba’ kriterji kumulativi: (i) il-miżura għandha tagħti lid-destinatarji vantaġġ ekonomiku li ma jirċevux normalment matul in-negozju; (ii) il-miżura għandha tingħata mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat; (iii) il-miżura għandha tkun selettiva billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti; u (iv) il-miżura toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti. F’dan li ġej huwa eżaminat jekk l-erba’ kriterji kumulattivi humiex sodisfatti f’dan il-każ.

    1.1.   VANTAĠĠ EKONOMIKU

    Il-miżura għandha tagħti lid-destinatarji vantaġġ ekonomiku li ma jirċevux normalment matul in-negozju.

    Taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D l-awtoritajiet Norveġiżi ser jagħtu appoġġ finanzjarju lil min iħallas it-taxxa, inklużi l-impriżi. L-impriżi li jirċievu dan it-tip ta’ appoġġ għalhekk jirċievu vantaġġ ekonomiku, jiġifieri għotja, li kieku ma jirċevux matul l-andament normali tan-negozju.

    Barra minn hekk, l-għotjiet huma eżentati mit-taxxa tal-kumpaniji. L-eżenzjoni tat-taxxa teħles lid-destinatarji minn ħlas li ssoltu jitħallas mill-baġits tagħhom, b’tali mod li l-eżenzjoni tirrappreżenta vantaġġ ekonomiku ieħor, minbarra l-għotja fiha nnifisha.

    1.2.   PREŻENZA TA’ RIŻORSI TAL-ISTAT

    Il-miżura għandha tingħata mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

    L-għotjiet li jingħataw taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D huma finanzjati mill-Ministeru għall-Kummerċ u l-Industrija u għalhekk huma ffinanzjati mill-Istat.

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ għotjiet mit-taxxa tal-kumpaniji, eżenzjoni mit-taxxa tfisser li l-Istat tirrinunzja dħul mit-taxxa u telf ta’ dħul mit-taxxa huwa ekwivalenti għal konsum tar-riżorsi tal-Istat fil-forma ta’ nefqa fiskali (47).

    1.3.   FAVORIMENT TA’ ĊERTI IMPRIŻI JEW TAL-PRODUZZJONI TA’ ĊERTI OĠĠETTI

    Il-miżura għandha tkun selettiva billi tiffavorixxi “ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti”.

    Fin-notifika huwa ddikjarat li l-finanzjament taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D ser tkun disponibbli għall-impriżi kollha irrispettivament tad-daqs, settur u reġjun tagħhom.

    Fid-Deċiżjoni Nru 16/03/COL tal-5 ta’ Frar 2003, li tawtorizza l-estensjoni tal-Iskema Skattefunn lill-impriżi kollha, irrispettivament mid-daqs u s-settur tagħhom (48), l-Awtorità sabet li l-korp li jamministra u jimplimenta l-Iskema Skattefunn (il-Kunsill Norveġiż għar-Riċerka) kellu poteri diskrezzjonarji għall-iskopijiet ta’ evalwazzjoni tal-karattru ta’ riċerka tal-proġetti u l-effett inċentiv tal-miżura ta’ għajnuna.

    Fid-dawl ta’ dan kollu u minħabba l-fatt li l-kriterji biex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà ta’ proġetti taħt l-Iskema Skattefunn u l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D huma l-istess u jiġu evalwati mill-istess entità amministrativa, jiġifieri l-Kunsill Norveġiż għar-Riċerka, l-Awtorità hija tal-opinjoni li din tal-aħħar tgawdi poteri diskrezzjonali wkoll għall-iskopijiet ta’ implimentazzjoni tal-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D. F’dan ir-rigward l-Awtorità tfakkar li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kienet tal-fehma li l-poteri diskrezzjonali li jgawdu minnhom awtoritajiet pubbliċi, li jamministraw skema ta’ appoġġ finanzjarju, jfisser li l-iskema hija, de facto, selettiva (49). B’riżultat ta’ dan, l-Awtorità tikkonkludi li skema bħal din tkun, de facto, selettiva.

    Fil-fatt, dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet Norveġiżi jgħidu li filwaqt li “… ma hemm l-ebda diskriminazzjoni formali kontra kumpaniji li huma ikbar fid-definizzjoni ta’ benefiċjarji fl-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D” (enfażi miżjuda), “[kumpaniji bi dħul annwali jew total tal-karta tal-bilanċi annwali ekwivalenti għad-definizzjoni tal-ESA dwar kumpaniji ta’ daqs medju fil-prattika mhux ser jirċievu appoġġ għal xogħol bla ħlas” jikkonfermaw li fil-prattika l-Kunsill Norveġiż għar-Riċerka kien ser juża l-poteri diskrezzjonali tiegħu biex jipprekludi kumpaniji ikbar minn għajnuna.

    L-evalwazzjoni stipulata hawn fuq tkun daqstant valida għal eżenzjoni mit-taxxa tal-kumpaniji li jgawdu d-destinatarji ta’ għotjiet taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D.

    Għalhekk, matul il-kors tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Norveġiżi ddeċidew li jillimitaw formalment l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D għal kumpaniji mikro u żgħar skont id-definizzjoni mogħtija fil-Linji Gwida dwar Għajnuna mill-Istat dwar għajnuna għall-SMEs (50). Għalhekk l-iskema hija selettiva.

    1.4.   DISTORSJONI TA’ KOMPETIZZJONI U EFFETT FUQ IL-KUMMERĊ BEJN PARTIJIET KONTRAENTI

    Il-miżura għandha tgħawweġ il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti.

    L-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D tapplika għas-setturi kollha tal-ekonomija stabbiliti fin-Norveġja. Fid-dawl ta’ dan, għas-sena 2006, l-esportazzjonijiet għall-UE jirrappreżentaw madwar 82 % tal-esportazzjonijiet totali min-Norveġja, filwaqt li importazzjonijiet mill-UE jirrappreżentaw madwar 69 % tal-importazzjonijiet totali għan-Norveġja, hemm kummerċ konsiderevoli bejn in-Norveġja u l-UE. (51)

    F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-Awtorità tqis li l-għoti ta’ għajnuna u l-eżenzjoni tat-taxxa konnessa taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D għandha ssaħħaħ l-pożizzjoni relattiva tad-destinatarji meta mqabbla ma’ impriżi li jinsabu f’pajjiżi oħra taż-ŻEE u li jikkompetu f’setturi jew negozji simili. Barra minn hekk, abbażi tal-esklużjoni formali ta’ kumpaniji ikbar mill-Iskema, ser tissaħħaħ il-pożizzjoni ta’ kumpaniji żgħar u mikru li jirċievu għajnuna taħt l-Iskema. L-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D għalhekk għandha titqies bħala waħda li taffettwa l-kummerċ u toħloq distorsjoni jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni.

    1.5.   KONKLUŻJONI

    Fid-dawl ta’ dak kollu t’hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-għotja ta’ għajuna, inkluża l-eżenzjoni tat-taxxa, taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D hija għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

    2.   ĦTIĠIJIET PROĊEDURALI

    Skond l-Artikolu 1(3) ta’ Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, “l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA għandha tkun informata, fi żmien suffiċjenti sabiex tkun tista’ tissottometti l-kummenti tagħha, fir-rigward ta’ kwalunkwe pjanijiet li tingħata għajnuna jew li l-għajnuna tiġi varjata. […] L-Istat Membru konċernat ma jistax idaħħal fis-seħħ il-miżuri proposti tiegħu qabel ma dik il-proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali”.

    Permezz ta’ ittra bid-data tal-14 t’Ottubru 2005, l-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D. Skond ix-xogħol leġiżlattiv ta’ tħejjija l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D tista’ tidħol fis-seħħ biss wara li ssir notifika lill-Awtorità u tiġi approvata (52). Għalhekk, l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet Norveġiżi dwar id-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D u l-adozzjoni finali tal-abbozz tal-Linji Gwida dwar l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D it-tnejn jiddependu mill-approvazzjoni minn qabel tal-iskema mill-Awtorità (53).

    F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-Awtorità tqis li l-awtoritajiet Norveġiżi rrispettaw l-obbligi ta’ notifika u waqfien skont l-Artikolu 1(3) ta’ Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

    3.   KUMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA

    Billi l-konklużjoni tal-Awtorità hija li l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D tinvolvi l-għajnuna mill-Istat, jekk l-iskema titqisx kumpatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE skont l-Artikolu 61(2) jew (3) tal-Ftehim taż-ŻEE għad trid tiġi eżaminata.

    3.1.   KUMPATIBBILTÀ MAL-ARTIKOLU 61(2) TAL-FTEHIM TAŻ-ŻEE

    Ma japplikaw ebda mill-eċċezzjonijiet skont l-Artikolu 61(2) tal-Ftehim taż-ŻEE f’dan il-każ minħabba li l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D m’hijiex immirata lejn l-objettivi mniżżla f’dik id-dispożizzjoni.

    3.2.   KUMPATIBBILTÀ MAL-ARTIKOLU 61(3) TAL-FTEHIM TAŻ-ŻEE

    Miżura ta’ għajnuna mill-Istat titqies kumpatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE skont l-Artikolu 61(3)(a) tal-Ftehim taż-ŻEE meta tkun imfassla biex tippromwovi żvilupp ekonomiku fejn l-istandard tal-ħajja huwa baxx b’mod abnormali jew fejn hemm nuqqas gravi ta’ impjieg. Madankollu, minħabba li ma huma definiti l-ebda żoni ta’ dan it-tip fil-mappa ta’ għajnuna reġjonali tan-Norveġja, din id-dispożizzjoni ma tapplikax (54).

    Barra minn hekk, l-eċċezzjoni fl-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim taż-ŻEE ma tapplikax minħabba li l-għajnuna mill-Istat mogħtija taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D m’hijiex maħsuba biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni kew biex tirrimedja problemi serji fl-ekonomija tan-Norveġja.

    Madankollu, tista’ tapplika l-eċċezzjoni stipulata fl-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE li tipprovdi li għajnuna mill-Istat tistaħ titqies kumpatibbli mas-suq komuni fejn tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti żoni ekonomiċi u ma taffettwax il-kondizzjonijiet kummerċjali b’mod negativ b’tali mod li jkun ta’ ħsara għall-interess komuni.

    F’dan li ġej, l-Awtorità tqis il-kumpatibbiltà tal-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skont l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE abbażi tal-Linji Gwida R&D&I.

    Għajnuna għar-R&D&I

    Skond il-Linji Gwida R&D&I, il-kumpatibbiltà tal-għajnuna skont l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE hija ġeneralment preżunt ladarba l-kundizzjonijiet stipulati fit-Taqsima 5 ta’ dawn il-Linji Gwida huma sodisfatti u l-għajnuna tikkostitwixxi inċentiv biex isir iktar impenn fir-riċerka u l-iżvilupp skont it-Taqsima 6 tal-Linji Gwida (55).

    Fit-Taqsima 5 tal-Linji Gwida R&D&I hemm listi ta’ tipi differenti ta’ riċerka u żvilupp, bħal “riċerka fundamentali”, “riċerka industrijali” u “żvilupp esperimentali” bl-indikazzjoni tal-intensitajiet ta’ għajnuna applikabbli għal kull kategorija ta’ riċerka.

    Mit-Taqsima 2.2(f) tal-Linji Gwida R&D&I jidher li “ir-riċerka industrijali” tfisser “riċerka ppjanata jew investigazzjoni kritika mmirata fuq l-akkwist ta’ għarfien u ħiliet ġodda għall-iżvilupp ta’ prodotti, proċess jew servizzi ġodda, jew għal titjib sinjifikanti fil-prodotti, proċessi jew servizzi eżistenti. Dawn jinkludu l-ħolqien ta’ komponenti ta’ sistemi kumplessi, li huwa neċessarju għal riċerka ta’ dan it-tip, notevolment għal validazzjoni ġenerika ta’ teknoloġija, bl-esklużjoni ta’ prototipi kif koperti mill-[iżvilupp esperimentali] -punt (g)”. Is-subparagrafu (g) tal-istess Taqsima jipprevedi li “żvilupp esperimentali” huwa definit bħala “l-akkwist, it-tagħqid, l-iffurmar u l-użu tal-għarfien u l-ħiliet xjentifiċi, teknoloġiċi, kummerċjali u għarfien u ħiliet oħra rilevanti għal fini li jiġu prodotti pjanijiet u arranġamenti jew disinji għal prodotti, proċessi jew servizzi ġodda, mibdula jew imtejba. Dawn jistgħu jinkludu wkoll, pereżempju, attivitajiet oħra mmirati fid-definizzjoni kunċettwali, ippjanar u dokumentazzjoni ta’ prodotti ġodda, proċessi u servizzi. L-attivitajiet jistgħu jinkludu l-produzzjoni ta’ abbozzi, disinnji, pjanijiet u dokumentazzjoni oħra, sakemm huma maħsuba għall-użu kummerċjali. L-iżvilupp ta’ prototipi għal użu kummerċjali u proġetti piloti huma wkoll inklużi fejn il-prototip huwa neċessarjament il-prodott kummerċjali aħħari u fejn ma jiswix wisq biex jiġi prodott jekk ikun ser jintuża biss għal skopijiet ta’ dimostrazzjoni u validazzjoni. F’każ ta’ użu kummerċjali sussegwentigħal dimostrazzjoni jew proġetti pilota, kwalunkwe dħul iġġenerat minn dan it-tip ta’ użu għandu jitnaqqas mill-ispejjeż eliġibbli”.

    L-Awtorità tqis li d-deskrizzjonijiet ta’ proġetti eliġibbli taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D, stipulata hawn fuq fir-Taqsima 2.1 ta’ Parti I, huma konformi mad-deskrizzjonijiet li ngħataw ta’ “riċerka industrijali” u “żvilupp esperimentali” fit-Taqsima 2.2 subparagrafi (f) u (g) tal-Linji Gwida R&D&I.

    (i)   Intensitjiet tal-għajnuna

    Skond it-Taqsima 5.1.2 tal-Linji Gwida R&D&I, l-intensità grossa tal-għajnuna permessa għar-riċerka industrijali u l-iżvilupp esperimnentali huma fissi għal 50 % u 25 % rispettivament, tal-ispejjeż eliġibbli. Barra minn hekk, skont it-Taqisma 5.1.3 fejn l-għajnuna tingħata lill-SMEs (kif definit fl-Anness tar-Regolament ġdid ta’ eżenzjoni ta’ kategorija dwar l-għajnuna lill-SMEs) jistgħu jingħataw 10 (għal daqs medju) jew 20 (żgħar) punti perċentwali (56). B’dan il-mod l-intensità tal-għajnuna permissibbli titla’ għal 60 % (ta’ daqs medju) jew 70 % (żgħar) tal-ispejjeż eliġibbli fil-każ ta’ riċerka industrijali. Fil-każ ta’ żvilupp esperimentali l-intensità massima tal-għajnuna hija 35 % (ta’ daqs medju) jew 45 % (żgħar).

    Filwaqt li l-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw intensitajiet ta’ għajnuna kemm għall-SMEs kif ukoll għal kumpaniji kbar taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D, huwa mfakkar li l-awtoritajiet Norveġiżi ddeċidew li jillimitaw l-iskema biex tkopri biss mikrokumpaniji u kumpaniji żgħar. Għalhekk l-intensità ta’ għajnina għall-SMEs biss (20 %) huwa relevanti. L-għotja hija eżentata mit-taxxa bir-rata attwali ta’ 28 %. Għalhekk l-intensità sħiħa tal-għajnuna hija 27,8 % (57). L-intensità massima ta’ għajnuna għal kumpaniji mikro u żgħar taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D għalhekk hija f’livell aċċettabbli b’referenza għat-Taqsima 5 tal-Linji Gwida dwar Għajnuna mill-Istat dwar R&D&I.

    Li kieku tiżdied ir-rata tat-taxxa tal-kumpaniji, l-intensità gross totali tal-għajnuna tiżdied proporzjonalment. Madankollu, f’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Norveġiżi kkjarifikaw li anke jekk tiżdied ir-rata tat-taxxa, il-Linji Gwida dwar l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D jirrikjedu li l-għotjiet ma jaqbżux l-intensità ta’ għajnuna li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat. Minħabba li l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D hija limitata għal kumpaniji mikro u żgħar il-limitu massimu relevanti huwa għalhekk ta’ 70 % għar-riċerka industrijali u 45 % għall-iżvilupp esperimentali bbażat fuq il-Linji Gwida għar-R&D&I attwali. L-Awtorità taċċetta li jekk tiżdied ir-rata ta’ taxxa tal-kumpaniji, l-intensità ta’ għajnuna totali għal kumpaniji mikro u żgħar taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D tista’ tiżdied sa dawn il-livelli massimi.

    Bħala konklużjoni, l-Awtorità tapprova l-intensità tal-għajnuna applikabbli għal kumpaniji mikro u żgħar għal 27,8 % u tinnota li din tista’, bħala riżultat ta’ żieda fir-rata tat-taxxa tal-kumpanijia, tiżdied għal 70 % għar-riċerka industrijali u 45 % għall-iżvilupp esperimentali. L-awtoritajiet Norveġiżi infurmaw lill-Awtorità li l-Linji Gwida dwar l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D ser tiġi formalment mibdula sabiex tirrifletti kemm il-limitu ġenerali għal kull kategorija ta’ riċerka kif ukoll il-limitu massimu li fih l-għajnuna tista’ tiżdied wara żieda fir-rata tat-taxxa (58).

    (ii)   Spejjeż eliġibbli

    It-Taqsima 5.1.4 tal-Linji Gwida R&D&I tistipula lista ta’ spejjeż li għandhom jitqiesu bħala eliġibbli għall-iskop ta’ kalkolu tal-intensità tal-għajnuna. Dawn l-ispejjeż huma, fost oħrajn, (i) spejjeż tal-persunal li jkopru l-ispejjeż ta’ riċerkaturi, tekniki u persunal ieħor impjegat biss għall-iskop tal-attività ta’ riċerka; (ii) spejjed additzzjonali li jirriżultaw direttament mill-proġett ta’ riċerka; u (iii) spejjeż operativi oħra, inkluż l-ispejjeż ta’ materjal, provvisti u prodotti simili li jirriżultaw direttament mill-attività ta’ riċerka (59).

    Programm Kwadru ta’ Riċerka tal-Komunità - spejjeż ta’ xogħol

    It-Taqsima 5.1.4 tal-Linji Gwida R&D&I ma telaborax dwar jelkk spejjeż ta’ persunal jistgħux ikopru l-ispejjeż ta’ xogħol bla ħlas. Madankollu, l-Awtorità tikkunsidra li gwida għall-interpretazzjoni tat-terminu li jintuża fil-Linji Gwida dwar Għajnuna mill-Istat tista’ tinkiseb jekk jiġi eżaminat kif dan it-terminu jintuża fil-kuntest tal-Programm Kwadru ta’ Riċerka tal-Komunità (60).

    Kif iddikjarat fid-Deċiżjoni li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, għajnuna finanzjarja taħt is-Sitt Programm Qafas mill-Komunità għal spejjeż ta’ xogħol bla ħlas ma setgħatx tinkiseb. Il-Parti B.II.22.3 ta’ Anness II tal-Ftehim dwar il-Mudell Ġenerali, li jintuża għall-iskop ta’ għotja ta’ għajnuna taħt is-Sitt Programm Qafas, tiddikjara li “[persuni fiżiċi ma jistgħux jiċċarġjaw spejjeż ta’ xogħol relatat mal-involviment personali tagħhom fil-proġett” u fil-Parti B.II.19.1(a) jidher li spejjeż eliġibbli “għandhom ikunu attwali, ekonomiċi u meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proġett”. F’dan il-kuntest il-Kummissjoni Ewropea adottat l-opinjoni li jekk il-valur tal-ispejjeż ta’ xogħol ma setgħux jiġu identifikati u rreġistrat fil-kotba tal-kumpanija, lanqas ma setgħu jitħallsu mill-Programm Kwadru. Konformi ma’ dan, l-Awtorità, bid-Deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-Iskema ta Xogħol bla Ħlas għar-R&D, esprimiet dubji dwar jekk l-ispejjeż ta’ xogħol bla ħlas jistgħux jikkwalifikaw bħala spejjeż eliġibbli fit-tifsira tal-Linji Gwida R&D&I.

    Madankollu, is-Seba’ Programm Qafas issa ġie adottat u jipprovdi li, taħt ċerti kondizzjonijiet, tista’ tingħata għajnuna għal spejjeż li m’humiex “attwali” (61). F’dan ir-rigward il-ftehim standard dwar l-għotjiet li jintuża mill-Kummissjoni Ewropea (il-Ftehim Mudell Ġenerali dwar għajnuna taħt is-Seba Programm Qafas) jiddikjara li, minkejja l-ħtiġijiet ġenerali li spejjeż eliġibbli għandhom ikunu attwali, “benefiċjarji jistgħu jagħżlu li jiddikjaraw il-medja ta’ spejjeż tal-persunal jekk ibbażat fuq metodoloġija approvata mill-Kummissjoni u konsistenti mal-prinċipji ta’ ġestjoni u l-prattiċi ta’ kontabilità normali tal-benefiċjarju. Il-medja ta’ spejjeż tal-persunal iċċarġjati skont dan il-ftehim dwar l-għotja minn benefiċjarju li jkun ipprovda ċertifikat dwar il-metodoloġija hija meqjusa bħala mhux sinjifikatament differenti minn spejjeż attwali tal-persunal” (62).

    Fid-dokumenti ta’ gwida relevanti, huwa spjegat li r-regola msemmija hawn fuq, jiġifieri “metodu ta’ spejjeż medji ta’ persunal ibbażat fuq metodoloġija ċċertifikata”, tippermetti (i) persuni fiżiċi assimilati għal SME; u (ii) proprjetarji ta’ SME li ma jirċevux salarju għax-xogħol tagħhom għall-SME, il-possibbiltà li japplikaw għal u jirċievu għajnuna għax-xogħol tagħhom relatat ma’ proġetti R&D. Filwaqt li ma hemm l-ebda ħtieġa speċifika dwar liema metodoloġija għandha tintuża, huwa ċar mid-dokumenti ta’ gwida li, fil-programm tal-Komunità, “metodoloġija ċertifikata” tfisser li awditur irid jiċċertifika l-metodoloġija li hija l-bażi għall-kalkolu tal-valur tax-xogħol jew “spejjeż ta’ xogħol” (jiġifieri, effettivament, ir-rata fis-siegħa).

    Fir-relazzjoni ma’ metodoloġiji aċċettabbli, l-Awtorità l-ewwel tosserva li l-gwida relatata ma’ persuni fiżiċi tirreferi għal metodoloġija għall-identifikazzjoni tar-rata fis-siegħa permezz ta’ dħul (pereżempju dikjarazzjonijiet tat-taxxa) (63). Madankollu, partikolarment fid-dawl tal-gwida mill-Kummissjoni Ewropea fil-każ ta’ proprjetarji ta’ SMEs li ma jirċevux salarju u li ma jistgħux juru traċċa tal-ispejjeż ta’ xogħol tagħhom fil-kontijiet tal-kumpanija, li juru li l-ispejjeż jistgħu jiġu kkalkolati bl-użu ta’ stimi, l-Awtorità tqis li r-referenza għal metodoloġija bbażata fuq dħul m’hijiex suffiċjenti biex teskludi awtomatikament l-użu ta’ metodoloġiji alternattivi. L-għan taħt is-Seba’ Programm Qafas hu li jippermetti li jiġi kkalkolat il-valur tal-isforz tax-xogħol li jsir fir-rigward tal-proġett R&D. Ma hemm l-ebda ħtieġa espliċita li l-benefiċjarju potenzjali jirċievi dħul relatat ma din l-attività. Abbażi ta’ dan l-Awtorità hija tal-fehma li, kemm għal (i) u (ii) t’hawn fuq, il-preżenza ta’ dħul m’hijiex fiha nnifisha kondizzjoni għal eliġibbiltà għal għajnuna u li metodoloġiji oħra għad-determinazzjoni ta’ rata fis-siegħa tista’ tkun aċċettabbli.

    F’dak li jirrigwarda l-metodoloġija proposta mill-awtoritajiet Norveġiżi, l-Awtorità tosserva li, bħala punt preliminari, l-istrateġija ta’ kalkolu ta’ 1.6 % tas-salarju annwali nominali tidentifika rata fis-siegħa li tinkludi mhux biss element ta’ spiża ta’ xogħol iżda wkoll element ta’ “spejjeż operativi oħra”. Għalhekk, għalkemm l-iskop ta’ din l-analiżi hija biex jiġi verifikat jekk l-ispejjeż ta’ xogħol humiex eliġibbli, huwa wkoll neċessarju, sabiex issir il-konklużjoni finali dwar jekk il-metodoloġija hijiex aċċettabbli, li jiġi vverifikat jekk l-element relatat ma’ “spejjeż operativi oħra” jikkwalifikax bħala spiża eliġibbli taħt il-Linji Gwida R&D&I. Dawn iż-żewġ elementi huma għalhekk indirizzati separatament hawn taħt.

    Spejjeż ta’ Xogħol “bla ħlas”

    Fir-rigward tal-ispejjeż attribwibbli għal xogħol bla ħlas, dan l-element ta’ metodoloġija huwa sempliċement definit b’referenza għall-istatistika tal-pagi. Fil-fatt, il-metodoloġija proposta timplika li l-element ta’ spiża ta’ xogħol huwa ekwivalenti għal dak li kieku kien ikun ir-riżultat jekk ir-rata fis-siegħa kien ikun identifikat billi jiġu diviżi s-sigħat medji annwali bis-salarju nominali annwali tal-ħaddiem industrijali, kif jidher fl-istatistika għall-2005. L-element ta’ spiża ta’ xogħol għal salarju ta’ ħaddiem industrijali huwa ekwivalenti għal rata fis-siegħa ta’ NOK 23,220 (348 300/1 500).

    L-Awtorità tqis li rata fis-siegħa definita b’referenza għal statistika uffiċjali ta’ pagi (għall-2005) tiżgura li l-element ta’ spiża ta’ xogħol ma jkunx imkabbar. Barra minn hekk, il-fatt li r-rata fis-siegħa hija determinata b’referenza għall-paga annwali tal-ħaddiem industrija (kontra l-paga ħafna iktar għolja ta’ pereżempju, inġinjier ċivili) tfisser li l-element ta’ spiża ta’ xogħol jinżamm f’livell relattivament baxx (64). Fl-aħħarnett, il-fatt li s-sigħat ta’ xogħol bla ħlas irrappurtati għandhom ikunu ffirmati mill-manaġer tal-proġett u ċċertifikat minn kontabilist għal kull applikazzjoni għal għotja jiżgura preżenza ta’ verifika li hija konformi ma’ - jew saħansitra iktar stretta minn - iċ-ċertifikazzjoni ta’ awditjar imsemmija fil-Ftehim Mudell Ġenerali taħt is-Seba’ Programm Qafas (65). Fl-aħħarnett, l-Awtorità tinnota li, b’żieda ma’ dan, il-kontroll isir ukoll mill-Kunsill Norveġiż għar-Riċerka, li jivverifika li ċ-ċifri dikjarati m’humiex żbaljati.

    F’dawn iċ-ċirkostanzi l-Awtorità tikkonkludi li l-identifikazzjoni tal-element ta’ spiża ta’ xogħol bla ħlas fil-metodoloġija għad-determinazzjoni tar-rata fis-siegħa huwa aċċettabbli. L-ispejjeż ta’ xogħol bla ħlas, meta jiġu kkunsidrati waħedhom, għalhekk jikkwalifikaw bħala spejjeż eliġibbli ta’ persunal fit-tifsira tal-Linji Gwida R&D&I.

    “Spejjeż operativi oħra”

    L-Awtorità tqis li d-deskrizzjoni ta’ “spejjeż operativi oħra” taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D (stipulata fit-Taqsima 2.3 ta’ Parti I) hija ekwivalenti għal spejjeż eliġibbli fil-forma ta’ “spejjeż addizzjonali” u/jew “spejjeż operativi oħra” fis-subparagrafi (e) u (f) tat-Taqsima 5.1.4 tal-Linji Gwida R&D&I. Il-livell tal-ispejjeż operativi jiġi kkalkolat awtomatikament fuq bażi ta’ rata fis-siegħa għal kull impjegat relatat mas-salarju tal-ħaddiem industrijali - minflok ma hu bbażat fuq il-livell tal-ispiża ddikjarat fl-irċevuti (66). Madankollu, jekk l-element ta’ spiża operativa taħt il-metodoloġija ġie kkalkolat fuq bażi tar-reviżjoni tal-kumpanija mill-Kunsill Norveġiż għar-Riċerka. Dan jiżgura li l-livell tal-ispejjeż operativi huwa realistiku. Barra minn hekk, is-sehem tal-ispejjeż operativi huwa kkalkolat fuq il-bażi tas-salarju baxx tal-ħaddiem industrijali u l-element ta’ spejjeż operativi jibqa’ f’massimu stabbilit fuq rata fis-siegħa. Abbażi ta’ dan, u meta jitqies li l-ispejjeż attwali ta’ spejjeż operativi jiġu vverifikati permezz ta’ riċevuti bħala parti minn kontroll ta’ verifika, l-Awtorità tikkunsidra li l-metodoloġija proposta hija mod aċċettabbli ta’ identifikazzjoni tal-livell ta’ “spejjeż operativi oħra” u għalhejj jikkwalifikaw bħala spejjeż eliġibbli taħt il-Linji Gwida R&D&I.

    Konklużjonijiet dwar metodoloġija

    Bħala konklużjoni, l-Awtorità tikkunsidra li, skont il-bidla fil-prinċipju taħt is-Seba’ Programm Qafas, l-ispejjeż ta’ xogħol bla ħlas jistgħu jikkwalifikaw bħala spejjeż eliġibbli, skont jekk il-metodoloġija li tintgħażel għall-identifikazzjoni tar-rata fis-siegħa. Minn dak li ntqal qabel, l-Awtorità tikkunsidra li taħt il-metodoloġija proposta mill-awtoritajiet Norveġiżi, il-mod li bih jiġi stabbilit kemm il-livell tal-element ta’ spiża ta’ xogħol kif ukoll l-element ta’ spiża operativa, huwa aċċettabbli. Għalhekk, il-metodoloġija hija approvata u l-ispejjeż jikkwalifikaw bħala eliġibbli skont il-Linji Gwida R&D&I. Din il-konklużjoni hija wkoll konformi mal-pożizzjoni li ttieħdet mill-Awtorità fl-2002 fid-Deċiżjoni tagħha dwar l-Iskema Skattefunn, fil-kuntest li l-Awtorità approvat metodoloġija identika għad-determinazzjoi tal-(livell ta’) spejjeż eliġibbli (67).

    Għalkemm il-metodoloġija proposta timplika li rata fis-siegħa waħda biss tapplika anke jekk il-benefiċjarji potenzjali taħt l-iskema jistgħu jvarjaw fid-daqs, huwa mfakkar li l-awtoritajiet Norveġiżi ddeċidew li jillimitaw l-iskema għal kumpaniji mikro u żgħar u li l-benefiċjarji potenzjali għalhekk jirrappreżentaw grupp pjuttost uniformi. Għalhekk l-Awtorità tapprova l-użu ta’ rata waħda komuni.

    (iii)   Effett inċentiv

    Skond it-Taqsima 6 tal-Linji Gwida R&D&I effett inċentiv huwa awtomatikament meqjus preżenti fejn il-proġett R&D&I li jirċievi għajnuna jkun għadu ma bediex qabel l-applikazzjoni għal għajnuna, il-benefiċjarju tal-għajnuna huwa SME u l-għajnuna hija inqas minn EUR 7,5 miljun għal kull proġett għal kull SME (68).

    Skond dak li ntqal hawn fuq, l-awtoritajiet Norveġiżi llimitaw l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D għal kumpaniji żgħar u mikro. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-ispejjeż eliġibbli taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D huma suġġetti għal limitu stabbilit ta’ spejjeż eliġibbli ta’ NOK 2 miljun għal kull impriża u li l-intensità tal-għajnuna applikabbli hija 27,8 % tal-valur massimu ta’ għajnuna mogtħija għal kull impriża f’sena jkun NOK 556 000 (madwar EUR 70 500), li huwa ħafna inqas mil-limitu massimu msemmi qabel. Anke jekk tiġi kkunsidrata intensità massima ta’ għajnuna ta’ 45 % (li tista’ tkun ikkawżata minn żieda fir-rata tat-taxxa). l-ammont massimu ta’ għajnuna huwa NOK 900 000 (madwar EUR 114 000) li xorta huwa ħafna inqas mil-limitu massimu stabbilit fil-Linji Gwida R&D&I (69).

    Fl-aħħarnett, l-awtoritajiet Norveġiżi kkonfermaw li għajnuna taħt l-Iskema ma jingħatax jekk il-proġetti ta’ riċerka jkunu bdew qabel ma ssir l-applikazzjoni għal għajnuna.

    Abbażi ta’ dan, l-Awtorità tqis li l-għotjiet li jistgħu jingħataw taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D&I għalhekk għandhom effett inċentiv skont it-Taqsima 6 tal-Linji Gwida R&D&I.

    (iv)   Tul ta’ żmien

    L-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D ġiet innotifikata mill-awtoritajiet Norveġiżi bħala waħda b’tul ta’ żmien indefinit. Madankollu, l-awtoritajiet Norveġiżi qablu li jillimitaw formalment it-tul ta’ żmien tal-Iskema sal-31 ta’ Diċembru 2013, li hija wkoll id-data ta’ skadenza tal-Linji Gwida R&D&I attwali. Abbażi ta’ dan, l-Awtorità tikkunsidra t-tul ta’ żmien tal-iskema aċċettabbli.

    3.3.   KONKLUŻJONI DWAR IL-KUMPATIBBILTÀ TAL-ISKEMA MAL-FTEHIM ŻEE

    Kif jidher minn dak kollu li ntqal l-Awtorità tikkunsidra li kemm il-proġetti kif ukoll l-elementi ta’ spejjeż taħt l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D jikkwalifikaw bħala eliġibbli skont il-Linji Gwida R&D&I. Minħabba li l-Iskema hija limitata għal kumpaniji żgħar u mikro, l-intensitajiet tal-għajnuna huma konformi ma’ dawn il-Linji Gwida, effett inċentiv huwa ppruvat u t-tul ta’ żmien tal-iskema ġie limitat b’mod konformi mal-Linji Gwida, l-Awtorità hija tal-fehma li l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D hija kumpatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE.

    4.   DEĊIŻJONI

    Abbażi ta’ din l-evalwazzjoni l-Awtorità tqis li l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D hija kumpatibbli mal-Ftehim ŻEE suġġett għal dawn il-kondizzjonijiet.

    (a)

    L-ambitu tal-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D huwa limitat għal kumpaniji mikro u żgħar skont id-definizzjoni fil-Linji Gwida dwar Għajnuna mill-Istat dwar għajnuna għall-SMEs.

    (b)

    L-intensità totali tal-għajnuna għall-kumpaniji mikro u żgħar hija ta’ 27.8 % li tista’ tiżdied bħala riżultat ta’ żieda possibbli fir-rata tat-taxxa tal-kumpaniji (f’dan il-każ il-limiti applikabbli jkunu ta’ mhux iktar minn 45 % għall-iżvilupp esperimentali u 70 % għar-riċerka industrijali); u

    (c)

    It-tul ta’ żmien tal-Iskema m’hijiex iktar mit-31 ta’ Diċembru 2013, id-data li fiha jiskadu l-Linji Gwida attwali.

    L-awtoritajiet Norveġiżi huma mfakkra li huma obbligati jipprovdu rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Iskema kif stipulat fl-Artikolu 21 ta’ Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti flimkien mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 195/04/COL tal-14 ta’ Lulju 2004.

    L-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw li r-rata fis-siegħa applikabbli fl-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D tista’ tinbidel skont żviluppi fis-salarji. F’dan ir-rigward, l-Awtorità tfakkar lill-awtoritajiet Norveġiżi dwar l-obbligu tagħhom li jinnotifikaw, skont l-Artikolu 1 ta’ Parti I tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, dwar kwalunkwe tibdil li jikkwalifika bħala emendi fit-tifsira tal-Artikolu 1 ta’ Parti II tal-Protocol 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti (70),

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D li l-awtoritajiet Norveġiżi bi ħsiebhom jimplimentaw tikkostitwixxi għajnuna statali fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE, imma tista’ tiġi ddikjarata kumpatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE abbażi tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE u l-Linji Gwida R&D&I u suġġetta għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 li ġej.

    Artikolu 2

    L-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D hija limitata għal kumpaniji mikro u żgħar kif definit fil-Linji Gwida tal-Istat dwar għajnuna għal impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u l-intensità massima tal-għajnuna hija 27,8 %, li tista’ tiżdied jekk tiżdied ir-rata tat-taxxa tal-kumpaniji (f’dan il-każ il-limiti massimi applikabbli jkunu ta’ 45 % għall-iżvilupp esperimentali u 70 % għar-riċerka industrijali). It-tul ta’ żmien tal-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D hija limitata għall-31 ta’ Diċembru 2013.

    Artikolu 3

    L-awtoritajiet Norveġiżi għandhom jinfurmaw lill-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, fi żmien xagħrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, dwar il-miżuri li jittieħdu biex ikunu konfomi magħha.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.

    Artikolu 5

    Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Marzu 2008.

    Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA

    Per SANDERUD

    Il-President

    Kurt JAEGER

    Membru tal-Kulleġġ


    (1)  Minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“Awtorità”.

    (2)  Minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim ŻEE”.

    (3)  Minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”.

    (4)  Regoli Proċedurali u Sostantivi fil-Qasam tal-Għajnuna mill-Istat - Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim ŻEE u Artikolu 1 tal-Ewwel Parti tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, adottati u maħruġa mill-Awtorità fid-19 ta’ Jannar 1994, ippubblikati fil-ĠU L 231, 3.9.1994, p. 1, u fis-Supplement ŻEE Nru 32, 3.9.1994, p. 1. Il-Linji Gwida ġew emendati l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 154/07/COL tat-3 ta’ Mejju 2007. Minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-“Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat”.

    (5)  ĠU C 258, 26.10.2006, p. 28, u s-Supplement ŻEE Nru 53, 26.10.2006.

    (6)  Għal informazzjoni iktar dettaljata dwar il-korrespondenza, irreferi għad-Deċiżjoni Nru 59/06/COL għall-bidu tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, li jinsab ippubblikat fil-qosor fil-ĠU C 258, 26.10.2006, p. 28, u s-Supplement ŻEE Nru 53, 26.10.2006. Id-deċiżjoni sħiħa hija ppublikata fuq il-websajt tal-Awtorità: www.eftasurv.int

    (7)  Dettalji tal-pubblikazzjoni jinsabu fin-nota ta’ qiegħ 6 hawn fuq.

    (8)  Taqsima 3.9 ta’ St. prp. nr. 65 (2004-2005).

    (9)  L-Iskema Skattefunn ġiet approvata mill-Awtorità bid-Deċiżjoni tagħha Nru 171/02/COL tal-25 ta’ Settembru 2002 u emendi għall-Iskema Skattefunn Scheme ġew approvati mill-Awtorità bid-Deċiżjoni tagħha Nru 16/03/COL tal-5 ta’ Frar 2003.

    (10)  It-termini użati mill-awtoritajiet Norveġiżi għall-formoli tal-kumpaniji imsemmija huma “gründerselskaper” u “enkeltpersonforetak”.

    (11)  Fit-2 ta’ Lulju 2006 l-awtoritajiet Norveġiżi adottaw id-Digriet Irjali Nru 123 dwar l-implimentazzjoni tal-Iskema ta’ Kumpens: “Forskrift om kompensasjon for ulønnet arbeidsinnsats i Skattefunn-godkjente forsknings- og utviklingsprosjekter for inntektsårene 2002, 2003 og 2004”. Ara wkoll deskrizzjoni fit-taqsima 3.9 ta’ St. prp. nr. 65 (2004-2005).

    (12)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna de minimis (ĠU L 10, 13.1.2001, p. 30) li ġie inkorporat fil-punt 1(e) tal-Aness XV tal-Ftehim taż-ŻEE.

    (13)  Taqsima 3.9 ta’ St. prp. nr. 65 (2004-2005), Kapitolu 928, punt 71.

    (14)  Taqsima 10.1.1.2 ta’ Innst. S. nr. 240 (2004-2005), Kapitolu 928, punt 71.

    (15)  Il-baġit ġie approvat mill-Parlament fis-17 ta’ Ġunju 2005. Matul l-2006-2007 ngħataw NOK 35 taħt l-Iskema ta’ Kumpens.

    (16)  Din hija stima u għalhekk m’hija riflessa fl-ebda testi legali.

    (17)  Lov 2005-06-17 nr 74: Lov om endringer i lov 26. mars 1999 nr. 14 om skatt av formue og inntekt (skatteloven). Il-proposta tal-Gvern lill-Parlament tinsab fit-taqsima 14.1 ta’ Ot. prp. nr. 92 (2004-2005) u tirreferi għall-proposta oriġinali tal-baġit fil-St. prp. nr. 65 (2004-2005). Il-proposta kienet appoġġjata f’Rakkomandazzjoni mill-Kumitat Finanzjarju fil-Parlament, ara t-taqsima 15.1 tal-Innst. O. nr. 125 (2004-2005).

    (18)  L-abbozz tal-Linji Gwida dwar l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D hija istruzzjoni amministrativa ppubblikata abbażi tar-regolamenti interni dwar il-ġestjoni ta’ finanzji fl-Istat intitolata “Reglement for økonomistrying i staten” u “Bestemmelser om økonomistyring i staten”.

    (19)  It-Taqsima 6 ta’ Parti III.6.A fil-Formola ta’ Notifika Standard u t-Taqsima 3 tal-Linji Gwida dwar l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D.

    (20)  In-notifika tirreferi għall-Iskema Skattefunn imma ssemmi b’mod speċifiku biss it-tip ta’ proġett imniżżel taħt (ii) hawn taħt u għalhekk ma kienx ċar jekk tipi oħra ta’ proġetti kienux madankollu inklużi fl-ambitu tal-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D. Madankollu, permezz ta’ e-mail fit-12 ta’ Marzu 2008 (Okkorrenza Nru 469276), l-awtoritajiet Norveġiżi kkonfermaw li t-tip ta’ riċerka u żvilupp deskritt f’punt (i) t’hawn fuq huwa kopert mill-Iskema.

    (21)  It-Taqsima 6 tal-Ewwel Parti fil-Formola ta’ Notifika Standard u t-Taqsima 3 tal-Linji Gwida dwar l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D. Madankollu, l-iżvilupp ta’ prodott għall-iskop normali ta’ negozju li m’għandhux il-karattru ta’ riċerka m’huwiex kopert, pereżempju proġetti li għandhom karattru li jkompli jew li jinkludu modifikazzjoni ta’ metodi mingħajr il-ħtieġa ta’ żvilupp ta’ tagħrif ġdid jew l-użu ta’ għarfien eżistenti f’modi ġodda, jew li għandhom karattru oganizzazzjonali jew li fihom inkjesti, eċċ.

    (22)  It-Taqsima 3 tal-Linji Gwida dwar l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D u t-Taqsima IX tal-Liġi dwar it-Taxxa għall-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D.

    (23)  It-Taqsima 3.9 ta’ St. prp. nr. 65 (2004-2005), it-Taqsima 14.1 ta’ Ot. prp. nr. 92 (2004-2005) u l-introduzzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas R&D. Għalkemm “Innovasjon Norge” li qabel kienet “Statens nærings- og distriktsutviklingsfond” hija wkoll involuta fl-amministrazzjoni tal-Iskema Skattefunn għandha rwol sekondarju biss.

    (24)  It-Taqsima 7 tal-Linji Gwida dwar l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D.

    (25)  Ara ‘l quddiem it-Taqsima 2.3 dwar “Spejjż eliġibbli u intensità tal-għajnuna”.

    (26)  E-mail bid-data tat-12 ta’ Marzu 2008 mill-awtoritajiet Norveġiżi (Okkorrenza Nru 469275).

    (27)  Ara wkoll it-Taqsima 3.9 ta’ St. prp. nr. 65 (2004-2005) li tgħid li l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D hija indirizzata lil impriżi ta’ persuna waħda, kumpaniji b’responsabbiltà limitata u tipi oħra ta’ kumpaniji.

    (28)  F’dan il-każ l-ispejjeż tal-proġett jingħataw lil parteċipanti b’mod proporzjonat għas-sehem ta’ parteċipazzjoni tagħhom.

    (29)  Ittra bid-data ta’ 10 ta’ Jannar 2008 mill-awtoritajiet Norveġiżi (Okkorrenza Nru 356994).

    (30)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 29.

    (31)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 29.

    (32)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 29.

    (33)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 29.

    (34)  It-Taqsima 6 ta’ Parti III.6.A tal-Formola ta’ Notifika Standard.

    (35)  Ara NOU: 2004:14 intitolat “Om grunnlaget for inntektsoppgjørene”, li huwa rapport dwar reviżjoni tal-isfond għall-istabbiliment tal-livelli tas-salarji fl-istatistika pubblika maħruġ minn entità stabbilit mill-Gvern. Skond dan ir-rapport, il-paga medja industrijali annwali (għall-impjegati full-time) għall-2003 kienet ta’ NOK 319 600. B’kunsiderazzjoni għaż-żieda fis-salarju annwali stmat għal 4,4 % bejn l-2004 u l-2005 (ekwivalenti għaż-żieda fis-salarju annwali bejn l-2002 u l-2003) is-salarju medju industrijali annwali għall-2005 ġie stmat bħala NOK 348 300. Ir-raġuni għal din l-istrateġija kienet li meta saret in-notifika fl-2005 din kienet l-aħjar data disponibbli. Bħala paragun, NOU: 2007:3 turi li s-salarju medju industrijali annwali għall-2006 kien ta’ NOK 355 600.

    (36)  Filwaqt li llivell ta’ dawn “l-ispejjeż operattivi oħra” huwa kkalkolat fuq bażi ta’ impjegat fis-siegħa, il-fatt li dawn l-ispejjeż jitħallsu verament jiġi vverifikat permezz ta’ rċevuti, kif spjegat hawn taħt.

    (37)  Ir-reviżjoni saret fl-1990 fuq il-bażi ta’ għadd ta’ kumpaniji ta’ daqsijiet differenti.

    (38)  Wara korrezzjonijiet għal mard, liv għall-maternità eċċ.

    (39)  It-Taqsima 3 tal-Linji Gwida dwar l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D. Mit-Taqsima 3.9 ta’ St. prp. nr. 65 (2004-2005) jidher li l-limitu huwa bażikament 50 % tal-limitu massimu għall-ispejjeż (relatati ma’ proġetti li jsiru mill-impriża nnifisha) taħt l-Iskema Stattefunn (NOK 4 miljun).

    (40)  It-Taqsima 4 tal-Linji Gwida dwar l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D.

    (41)  It-Taqsima 3 tal-Linji Gwida dwar l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D.

    (42)  It-Taqsima 7 ta’ Parti III.6.A tal-Formola ta’ Notifika Standard.

    (43)  L-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw li fid-dawl tal-fatt li l-limitu għal spejjeż ta’ xogħol bla ħlas eliġibbli huwa NOK 2 miljuni, u minħabba li l-intensità tal-għajnuna huwa 20 % għall-SMEs, il-limitu tal-għoja f’ċifri assoluti jkun NOK 400 000 fuq bażi annwali. It-Taqsima 3 tal-Linji Gwida dwar l-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D u t-Taqsima 6 ta’ Parti 1 fil-Formola ta’ Notifika Standard.

    (44)  Il-Linji Gwida ta’ qabel dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp ġew mibdula minn linji gwida dwar ir-Riċerka u Żvilupp u Innovazzjoni mis-7 ta’ Frar 2007. Kontemporanjament mad-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-Iskema ta’ Xogħol bla Ħlas għar-R&D kienu applikabbli l-linji gwida ta’ qabel. Madankollu, minħabba li r-regoli sustantivi għall-evalwazzjoni tal-każ preżenti baqgħu fil-parti l-kbira l-istess, ma hemmx iktar kummenti dwar it-tibdil leġiżlativ f’li ġej.

    (45)  Traduzzjoni mill-Awtorità.

    (46)  Sors: Statistika dwar is-salarji ppublikata fl-2007 mill-assoċjazzjoni Norveġiża għal individwi bi grad għoli fl-inġinjerija, “TEKNA”.

    (47)  Taqsima 3(3) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar l-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri relatati mat-tassazzjoni fuq in-negozju.

    (48)  Għalkemm mhux imsemmi speċifikament, il-finanzjament ingħata wkoll irrispettivament mir-reġjun.

    (49)  Ara l-Każ C-241/94 Franza v Kummissjoni [1996] ECR I-4551, paragrafi 23 u 24; Każ C-200/97 Ecotrade v AFS [1998] ECR I-7907, paragrafu 40; u Każ C-295/97 Piaggio v Ifitalia [1999] ECR I-3735, paragrafu 39.

    (50)  Ittra bid-data tal-15 ta’ Frar 2008 mill-awtoritajiet Norveġiżi (Okkorrenza Nru 465311). Skond it-Taqsima 2.2 tal-Linji Gwida dwar Għajnuna mill-Istat dwar għajnuna għal impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), intrapriża żgħira hija definita bħal intrapriża li timpjega inqas minn 5 persuna u li d-dħul annwali u/jew il-karta tal-bilanċ annwali ma taqbiżx EUR 10 miljun, u intrapriża mikro hija definita bħala intrapriża li timpjega inqas minn 10 persuni u li d-dħul annwali u/jew karta tal-bilanċ ma taqbiżx EUR 2 miljun. Strutturi ta’ pussess jistgħu jeskludu l-kwalifika ta’ kumpaniji żgħar u mikro kif stipulati fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar għajnuna għall-SME.

    (51)  L-istatistika relevanti ġiet ippubblikata minn “Statistisk Sentralbyrå” u hija intitolata “Utenrikshandel med varer, årsserier 2006” (Tabella 17 “Import etter handelsområder, verdensdeler og land” għall-2001-2006 u Tabella 18 “Eksport etter handelsområder, verdensdeler og land” għall-2001-2006 L-istatistika hija disponibbli fuq: http://www.ssb.no/emner/09/05/nos_utenriks/

    (52)  Taqsima 14.3 ta’ Ot. prp. nr. 92 (2004-2005) li tirreferi għat-Taqsima 3.9 ta’ St. prp. nr. 65 (2004-2005).

    (53)  Taqsima 15.1 ta’ Innst. O. nr. 125 (2004-2005) u t-Taqsima 14.3 ta’ Ot. prp. nr. 92 (2004-2005) li tirreferi għat-Taqsima 3.9 ta’ St. prp. nr. 65 (2004-2005).

    (54)  Id-Deċisżjoni Nru 226/06/COL tad-19 ta’ Lulju 2006 dwar il-mappa ta’ żoni li jirċievu għajnuna u livelli livelli ta’ għajnuna fin-Norveġja.

    (55)  Paragrafi 29 u 30 tat-Taqsima 1.4 tal-Linji Gwida R&D&I.

    (56)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna mill-Istat għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 10, 13.1.2001, p. 33), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 364/2004 tal-25 ta’ Frar 2004 (ĠU L 63, 28.2.2004, p. 22). Iż-żewġ Regolament iddaħħlu fil-punt 1(f) tal-Anness XV għal-Ftehim ŻEE. Id-definizzjonijiet li fihom tikkorrispondi għad-definizzjoni fil-Linji Gwida dwar Għajnuna mill-Istat dwar għajnuna għall-SMES (ARA T-Taqsima 1.3 fil-Parti II).

    (57)  Għotja ta’ 20 % ta’ spejjeż ħielsa mit-taxxa hija ekwivalenti, b’rata ta’ 28 %, għal 27,8 % tal-ispejjeż gross (28 % minn 27,8 = 7,8 li għandhom “jitħallsu” f’taxxi u 20 jitħallew għall-għoja).

    (58)  Dikjarazzjoni fil-Linji Gwida dwar l-Iskema ta’ Xoħgol bla Ħlas għar-R&D li l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna huma stipulati fil-Linji Gwida R&D&I hija insuffiċjenti.

    (59)  Dawn jikkorrespondu mas-subparagrafi (a) spejjeż tal-persunal; (e) spejjeż addizzjonali u (f) u spejjeż operativi oħra tat-Taqsima 5.1.4 tal-Linji Gwida R&D&I.

    (60)  Il-Programm Kwadru ta’ Riċerka tal-Komunità huwa l-istrument ewlieni tal-Komunità għall-finanzjament ta’ riċerka fl-Ewropa u hemm referenza għalih fil-Qafas tal-Komunità għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1).

    (61)  Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Qafas tal-Komunità Ewropea għar-Riċerka, żvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1).

    (62)  Il-Parti B.II.14.1(g) tal-Anness II tal-Ftehim Mudell Ġenerali dwar għajnuna taħt is-Seba’ Programm Qafas. It-test tal-Ftehim huwa disponibbli fuq il-websajt tad-DĠ Riċerka: http://ec.europa.eu/research/index.cfm

    (63)  Skond l-Artikolu II.12.3 “Spejjeż mhux eliġibbli”, p. 42 tal-“Gwida għal Kwistjonijiet Finanzjarji relatati ma’ Azzjonijiet Indiretti FP7” (imħejji għall-interpretazzjoni tal-Ftehim Mudel Ġenerali taħt l-FP7), dawn l-individwli jistgħu jagħżlu li “jiddikjaraw spejjeż medji ta’ persunal ibbażati fuq metodoloġija ċċertifikata approvata mill-Kummissjoni u bbażata fuq id-dħul tagħhom (pereżempju dikjarazzjonijiet tat-taxxa) kif rikonoxxut mil-liġi nazzjonali (ġeneralment il-ligi dwar it-taxxa)”.

    (64)  Il-paga annwali ta’ ħaddiem industrijali ta’ NOK 348 300, meta mqabbla ma’ paga ta’ inġinjier ċivili ta’ NOK 460 000 (jew NOK 530 000), tirriżulta f’rata fis-siegħa ta’ NOK 500, meta mqabbla ma’ NOK 772,80 (jew NOK 890,40) jekk ibbażata fuq il-metodoloġija. L-element ta’ spiża ta’ xogħol huwa ekwivalenti għal NOK 232,20 għall-ħaddiema industrijali meta mqabbel ma’ NOK 333,33 jew NOK 353,33 għall-inġinjiera ċivili.

    (65)  Fil-fatt kontroll ta’ kull każ individwali huwa simili għal, jew anke iktar strett minn verifika ta’ darba tal-metodoloġija.

    (66)  L-element tal-ispejjeż operativi jirrappreżenta NOK 267.80, li hija d-differenza bejn ir-rata fis-siegħa flimkien mal-element ta’ spiża tax-xogħol. NOK 500 – NOK 232,20 = NOK 267,80.

    (67)  Id-Deċiżjoni Nru 171/02/COL tal-25 ta’ Settembru 2002, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 16/03/COL tal-5 ta’ Frar 2003.

    (68)  Paragrafi 122-124 tal-Linji Gwida R&D&I.

    (69)  Fil-fatt limitazzjoni għal kull impriż hija stretta minn limitazzjoni għal kull proġett. Madankollu, anke li keiku impriża kellha tirċievi finanzjament taħt l-Iskema għall-istess proġett sal-limitu massimu fuq bażi annwali għat-tul kollu tal-Iskema, il-limitu ta’ EUR 7,5 xorta ma jintlaħaqx.

    (70)  Sakemm it-tibdil jikkwalifika għal notifika skont il-proċedura ssimplifikata skont id-Deċiżjoni Nru 195/04/COL tal-14 ta’ Lulju 2004 dwar id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 27 ta’ Part II tal-Protocol 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti (ĠU L 139, 25.5.2006, p. 37).


    Top