Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2022/145/07

Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni 2022/C 145/07

PUB/2022/235

ĠU C 145, 1.4.2022, p. 8–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 145/8


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2022/C 145/07)

Image 1

Wiċċ nazzjonali tal-munita kommemorattiva l-ġdida taż-żewġ euro maħsuba għaċ-ċirkulazzjoni u maħruġa mis-Slovenja

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-Żona tal-Euro. Biex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-żewġ euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-żewġ euro, iżda n-naħa nazzjonali tagħhom fiha disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż tal-ħruġ: Is-Slovenja

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: Il-mija u ħamsin anniversarju mit-twelid tal-arkitett Jože Plečnik

Id-deskrizzjoni tad-disinn: Id-disinn juri dettall ta’ tieqa kbira fil-kamra tal-qari tal-Librerija Nazzjonali u Universitarja b’pilastru quddiemha. Hija ssupplimentata b’kompożizzjoni tal-ittri A R H. P L E Č N I K. Dawn l-ittri huma inkorporati fit-tieqa f’ordni eżatta u jistgħu jinqraw metaforikament bħala firma tal-arkitett, li hija esibita fix-xogħol tiegħu stess. L-ittri jiddaħħlu f’fetħiet ta’ twieqi approfonditi u jistgħu jinftiehmu (fil-lingwa tal-perit Plečnik) bħala interventi arkitettoniċi spazjali, kif enfasizzat, imdaħħla fil-faċċata jew bħala oġġetti ddisinjati ġeometrikament. Il-kompożizzjoni kollha turi idea ta’ spazju li tirrifletti r-rikkezza tal-ideat tal-arkitett. Hija ċċentrata madwar il-pilastru ewlieni, li għandu rwol li jimmarka l-ispazju tal-munita u jpoġġi l-proporzjon barra - ġewwa jew quddiem - wara, waħda mill-ġesti komuni ta’ Plečnik meta jkun qed jiġi ddisinjat l-ispazju. B’dan, il-kompożizzjoni ssir minjatura spazjali, spazju fl-ispazju, b’diversi saffi u mittika. Fil-qiegħ, l-iskrizzjoni “JOŽE PLEČNIK”. Fuq ix-xellug, vertikalment, is-sena “1872”. Fuq il-lemin, vertikalment, il-pajjiż tal-ħruġ “SLOVENIJA” u taħt is-sena tal-ħruġ “2022”.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu: 1 000 000

Id-data tal-ħruġ: Jannar 2022


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għan-naħat nazzjonali tal-muniti kollha maħruġa fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).


Top