Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2020/178/04

Sejħa għall-Akkreditazzjoni — EAC/A02/2020 Akkreditazzjoni tal-Erasmus fl-oqsma tal-edukazzjoni għall-adulti, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u l-edukazzjoni skolastika 2020/C 178/04

PUB/2020/402

ĠU C 178, 28.5.2020, pp. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 178/5


SEJĦA GĦALL-AKKREDITAZZJONI — EAC/A02/2020

Akkreditazzjoni tal-Erasmus fl-oqsma tal-edukazzjoni għall-adulti, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u l-edukazzjoni skolastika

(2020/C 178/04)

Klawżola ta’ riżerva

Il-programm tal-UE tal-2021-2027 għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport propost mill-Kummissjoni Ewropea fit-30 ta’ Mejju 2018 (minn hawn ’il quddiem il-Programm) għadu ma ġiex adottat mil-leġiżlaturi Ewropej. Madankollu, din is-sejħa għall-akkreditazzjoni hija ppubblikata biex tħaffef l-applikazzjoni ta’ benefiċjarji potenzjali ta’ għotjiet tal-Unjoni malli l-bażi ġuridika tiġi adottata mil-leġiżlaturi Ewropej.

Din is-Sejħa għall-akkreditazzjoni mhix vinkolanti legalment għall-Kummissjoni Ewropea. F’każ ta’ modifika sostanzjali tal-bażi ġuridika mil-leġiżlaturi Ewropej, din is-Sejħa tista’ tiġi modifikata jew titħassar u jistgħu jitnedew Sejħiet oħrajn għall-akkreditazzjoni b’kontenut differenti u b’dati ta’ skadenza xierqa għal tweġiba.

B’mod aktar ġenerali, kwalunkwe azzjoni li titnissel minn din is-Sejħa għall-akkreditazzjoni hija suġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin, li l-implimentazzjoni tagħhom tmur lil hinn mill-kontroll tal-Kummissjoni:

l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-test finali tal-bażi ġuridika li jistabbilixxi l-Programm,

l-adozzjoni tal-programm annwali ta’ ħidma tal-2021 u ta’ dawk sussegwenti, u l-linji gwida ġenerali ta’ implimentazzjoni, il-kriterji u l-proċeduri ta’ għażla, wara konsultazzjoni mal-kumitat tal-Programm u

l-adozzjoni tal-baġit tal-2021 u ta’ dawk sussegwenti tal-Unjoni Ewropea mill-awtorità baġitarja.

Il-programm propost tal-UE tal-2021-2027 għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport jissejjes fuq l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fuq il-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

1.   Introduzzjoni u Objettivi

L-akkreditazzjonijiet tal-Erasmus huma għodda għall-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jridu jinfetħu għall-iskambju u l-kooperazzjoni transfruntieri.

L-organizzazzjonijiet akkreditati tal-Erasmus se jiksbu aċċess simplifikat għall-opportunitajiet ta’ finanzjament li jinsabu fl-Azzjoni Ewlenija 1 tal-Programm li jmiss (2021–2027). Il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-finanzjament tal-organizzazzjonijiet akkreditati se jiġu definiti f’sejħiet għal proposti annwali ppubblikati mill-Kummissjoni.

L-għoti tal-akkreditazzjoni Erasmus jikkonferma li l-applikant ikun stabbilixxa pjan biex jimplimenta attivitajiet ta’ mobilità ta’ kwalità u li se jużahom biex itejjeb l-offerta tiegħu tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Dan il-pjan jissejjaħ Pjan Erasmus u huwa parti ewlenija mill-applikazzjoni għall-akkreditazzjoni tal-Erasmus.

Ir-Regoli ta’ applikazzjoni jipprovdu objettivi speċifiċi għal kull qasam.

2.   Eliġibbiltà

Huma biss l-applikanti fil-pussess ta’ personalità ġuridika skont ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-‘Erasmus+’: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE li jistgħu japplikaw.

L-applikanti li jkunu stabbiliti f’wieħed mill-pajjiżi li ġejjin huma eliġibbli għal akkreditazzjoni tal-Erasmus:

l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

il-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-bażi ġuridika (1)

Barra minn hekk, sabiex ikunu eliġibbli għal kull wieħed mit-tliet oqsma koperti minn din is-Sejħa, l-applikanti għandhom ikunu rikonoxxuti bħala wieħed mit-tipi ta’ organizzazzjonijiet eliġibbli mill-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiż tal-applikant, kif deskritt fir-Regoli ta’ applikazzjoni.

Mhix meħtieġa esperjenza preċedenti fl-Erasmus+ (2014–2020).

3.   Skadenza biex jitressqu l-applikazzjonijiet u data indikattiva għall-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-għażla

L-iskadenza biex jitressqu l-applikazzjonijiet għall-akkreditazzjoni tal-Erasmus hi dik tad-29 ta’ Ottubru 2020. Id-data indikattiva għall-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-għażla hi dik tas-16 ta’ Frar 2021.

4.   Il-proċedura tal-għażla

B’mod eċċezzjonali, għal din is-Sejħa sejrin jiġu implimentati żewġ proċeduri ta’ applikazzjoni separati.

1.

Proċedura standard: miftuħa għall-applikanti eliġibbli kollha. L-applikanti tal-proċedura standard se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni, tal-għażla u tal-għoti.

2.

Proċedura ħafifa: miftuħa għall-organizzazzjonijiet li għandhom Karta valida ta’ Mobilità tal-ETV tal-Erasmus+. L-applikanti tal-proċedura ħafifa se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla.

L-Aġenzija Nazzjonali responsabbli mill-għażla se taħtar kumitat ta’ evalwazzjoni biex jieħu ħsieb il-ġestjoni tal-proċess kollu tal-għażla. Abbażi tal-valutazzjoni mwettqa mill-esperti, il-kumitat ta’ evalwazzjoni se jistabbilixxi lista ta’ applikazzjonijiet proposti għall-għażla.

5.   Id-dettalji kollha

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi l-programm tal-Unjoni 2021-2027 għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport tinsab fil-paġna web li ġejja:

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1585129325950&uri=CELEX:52018PC0367

Il-Kundizzjonijiet, ir-regoli u l-proċeduri dettaljati ta’ din is-sejħa għall-akkreditazzjonijiet jinsabu fir-Regoli ta’ applikazzjoni fl-indirizz tal-Internet li ġej:

https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/calls/2020-erasmus-accreditation

Ir-Regoli tal-applikazzjoni jikkostitwixxu parti integrali minn din is-sejħa għall-akkreditazzjonijiet u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni li jissemmew fiha japplikaw kollha kemm huma għal din is-sejħa.


(1)  Sal-adozzjoni tal-bażi ġuridika. Fil-programm Erasmus+ 2014–2020, din il-lista tinkludi: L-Iżlanda, in-Norveġja, il-Liechtenstein, it-Turkija, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja.


Top