EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2019/344/04

SEJĦA GĦALL-PROPOSTI Appoġġ għall-miżuri ta’ informazzjoni b’rabta mal-politika ta’ koeżjoni tal-UE2019/C 344/04

ĠU C 344, 11.10.2019, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 344/5


SEJĦA GĦALL-PROPOSTI

“Appoġġ għall-miżuri ta’ informazzjoni b’rabta mal-politika ta’ koeżjoni tal-U E

(2019/C 344/04)

1.   OBJETTIVI U TEMI

Din hija sejħa għall-proposti għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 58 (f) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) mill-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-2019 kif imħabbra mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018)8730 tad-19/12/2018 (2).

B’din is-sejħa għall-proposti, il-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li tagħżel il-benefiċjarji potenzjali għall-implimentazzjoni ta’ għadd ta’ miżuri ta’ informazzjoni (3) kkofinanzjati mill-UE. L-għan ewlieni huwa li jingħata appoġġ għall-produzzjoni u għat-tixrid tal-informazzjoni u tal-kontenut marbuta mal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE (4), filwaqt li tiġi rrispettata l-indipendenza editorjali tal-atturi involuti.

Hemm żewġ azzjonijiet prinċipali previsti:

 

Azzjoni 1 – L-appoġġ għall-produzzjoni u għat-tixrid tal-informazzjoni u tal-kontenut marbuta mal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE mill-midja u minn entitajiet eliġibbli oħra (ara “Applikanti eliġibbli”)

 

Azzjoni 2 – Il-promozzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE mill-Universitajiet u minn istituzzjonijiet edukattivi oħra

L-applikanti jistgħu jissottomettu applikazzjoni waħda biss għal azzjoni waħda għal din is-sejħa għall-proposti.

L-objettivi speċifiċi għal din is-sejħa għall-proposti huma li:

Jiġi promoss u jitrawwem fehim aħjar tar-rwol tal-Politika ta’ Koeżjoni fl-appoġġ tar-reġjuni kollha tal-UE;

Tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar proġetti ffinanzjati mill-UE, b’mod partikolari permezz tal-Politika ta’ Koeżjoni, u l-impatt tagħhom fuq il-ħajja taċ-ċittadini;

Tinxtered l-informazzjoni u jiġi mħeġġeġ djalogu miftuħ dwar il-Politika ta’ Koeżjoni, ir-riżultati tagħha, ir-rwol tagħha fit-twettiq tal-prijoritajiet politiċi u dwar il-futur tagħha;

Tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni ċivika fi kwistjonijiet marbutin mal-Politika ta’ Koeżjoni u titrawwem il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini biex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet għall-futur ta’ din il-politika.

Il-proposti għandhom juru u jivvalutaw ir-rwol tal-Politika ta’ Koeżjoni fit-twettiq tal-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Ewropea u fl-indirizzar tal-isfidi kurrenti u futuri għall-UE, l-Istati Membri tagħha, ir-reġjuni tagħha u l-livell lokali. B’mod aktar speċifiku, dawn jenħtieġ li jkunu marbuta mal-kontribut tal-Politika ta’ Koeżjoni biex:

jiżdiedu l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment fil-livell reġjonali u nazzjonali, u titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini;

jgħinu biex jitwettqu l-prijoritajiet ewlenin tal-UE u tal-Istati Membri, li minbarra l-ħolqien tal-impjiegi u tat-tkabbir, jinkludu fost oħrajn l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-ambjent, it-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni;

isaħħu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE, filwaqt li jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-pajjiżi u r-reġjuni tal-UE u bejniethom;

jgħinu lir-reġjuni jisfruttaw il-globalizzazzjoni billi jsibu l-qasam partikolari tagħhom fl-ekonomija dinjija;

jirrinfurzaw il-proġett Ewropew, minħabba li l-Politika ta’ Koeżjoni taqdi direttament liċ-ċittadini.

2.   APPLIKANTI ELIĠIBBLI

Azzjoni 1:

L-applikanti eliġibbli (applikanti ewlenin u koapplikanti kif ukoll entitajiet affiljati, fil-każ li jkun hemm) iridu jkunu entitajiet ġuridiċi stabbiliti u rreġistrati fi Stat Membru tal-UE. Eżempji ta’ applikanti eliġibbli (5) huma:

l-organizzazzjonijiet tal-midja/aġenziji tal-aħbarijiet (it-televiżjoni, ir-radju, l-istampa, il-midja onlajn, midja ġdida, taħlita ta’ midja differenti);

l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ;

l-universitajiet u l-istituzzjonijiet edukattivi;

iċ-ċentri ta’ riċerka u l-gruppi ta’ riflessjoni;

l-assoċjazzjonijiet ta’ interess Ewropew;

l-entitajiet privati;

l-awtoritajiet pubbliċi (6) (nazzjonali, reġjonali u lokali), bl-eċċezzjoni tal-awtoritajiet inkarigati mill-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni f’konformità mal-Artikolu 123 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Azzjoni 2:

L-applikanti eliġibbli (applikanti ewlenin u koapplikanti kif ukoll entitajiet affiljati, fil-każ li jkun hemm) iridu jkunu entitajiet ġuridiċi stabbiliti u rreġistrati fi Stat Membru tal-UE. Għall-Azzjoni 2, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet edukattivi biss huma eliġibbli.

Il-persuni fiżiċi, kif ukoll l-entitajiet stabbiliti biss għall-iskop ta’ implimentazzjoni tal-proġetti f’din is-sejħa għall-proposti, mhumiex applikanti eliġibbli (la għall-Azzjoni 1 u lanqas għall-Azzjoni 2).

Għall-applikanti mir-Renju Unit: il-kriterji ta’ eliġibbiltà jridu jiġu osservati matul id-durata sħiħa tal-għoti. Fil-każ li r-Renju Unit joħroġ mill-UE matul il-perjodu tal-għoti mingħajr ma jiġi konkluż ftehim mal-UE li jiżgura b’mod partikolari li l-applikanti Brittaniċi jkomplu jkunu eliġibbli, ma tirċevix aktar finanzjament mill-UE (filwaqt li tkompli tipparteċipa, fejn hu possibbli) jew tintalab tieqaf mill-proġett abbażi tal-Artikolu II.17 tal-ftehim ta’ għoti.

L-applikanti li pparteċipaw fis-sejħa mnedija mill-Kummissjoni Ewropea fl-2017 u fl-2018 huma eliġibbli minkejja l-eżitu tal-applikazzjoni preċedenti tagħhom.

3.   KRITERJI TAL-ESKLUŻJONI U TAL-GĦAŻLA

L-applikant (ewlieni u l-koapplikanti) u l-entitajiet affiljati jridu jiffirmaw dikjarazzjoni fuq l-unur tagħhom li tiċċertifika li mhumiex f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 136(1) u 141 tar-Regolament Finanzjarju (RF) (7) (rigward l-esklużjoni u ċ-ċaħda mill-proċedura rispettivament).

L-applikanti (l-applikant ewlieni u l-koapplikanti) irid ikollhom il-kompetenzi professjonali kif ukoll il-kwalifiki xierqa meħtieġa biex jikkompletaw il-miżura ta’ informazzjoni proposta, kif ukoll sorsi stabbli u suffiċjenti ta’ finanzjament biex isostnu l-attività tagħhom tul il-perjodu sħiħ li matulu jitwettaq il-proġett jew fis-sena li għaliha tingħata l-għotja, u biex jipparteċipaw fil-finanzjament tagħha.

4.   KRITERJI GĦALL-GĦOTI

L-applikazzjonijiet se jiġu vvalutati abbażi tal-kriterji li ġejjin:

 

Kriterji

Elementi li jenħtieġ li jiġu kkunsidrati

Piż (f’punti)

1.

Ir-rilevanza tal-miżura u l-kontribut għall-objettivi tas-sejħa għall-proposti

Ir-rilevanza tal-objettivi tal-proposta fir-rigward tal-objettivi u l-prijoritajiet tas-sejħa għall-proposti

Ir-rilevanza tat-tipi ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni użati fir-rigward tar-reġjun(i)

Il-valur miżjud lill-inizjattivi eżistenti madwar ir-reġjuni fl-Ewropa

Il-karattru innovattiv tal-proġett fir-rigward tal-evoluzzjoni tax-xenarju tal-komunikazzjoni

30 punt; (livell limitu minimu ta’ 50 %)

2.

Sensibilizzazzjoni u effettività tal-miżura

Objettivi speċifiċi rilevanti, li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, rigward is-sensibilizzazzjoni u t-tixrid

L-abbiltà tal-pjan ta’ sensibilizzazzjoni (inkluż pereżempju skeda tax-xandir, kanal(i) tad-distribuzzjoni u għadd ta’ kuntatti garantiti abbażi tar-rekords preċedenti) biex tintlaħaq kemm jista’ jkun pubbliku destinatarju possibbli fil-livell lokali, reġjonali, multireġjonali u nazzjonali (effett multiplikatur), pereżempju permezz ta’ kooperazzjoni tal-applikanti man-netwerks u/jew mal-atturi/midja reġjonali.

L-effettività tal-metodoloġiji proposti biex jintlaħqu l-objettivi ta’ din is-sejħa, inklużi l-metodi ta’ produzzjoni tal-kontenut, mekkaniżmu li jiżgura l-indipendenza editorjali u l-metodi biex jinbnew soluzzjonijiet tekniċi

Il-pubbliċità ppjanata għall-attivitajiet u l-metodi għat-tixrid tar-riżultati

Il-miżuri għall-monitoraġġ tal-progress

Il-metodoloġija ta’ evalwazzjoni ex post

Possibbiltajiet għat-tkomplija tal-proġett lil hinn mill-perjodu mitlub għall-appoġġ tal-UE

40 punt; (livell limitu minimu ta’ 50 %)

3.

L-effiċjenza tal-miżura

Il-kosteffettività rigward ir-riżorsi proposti, billi jiġu kkunsidrati l-kostijiet kif ukoll ir-riżultati mistennija

20 punt; (livell limitu minimu ta’ 50 %)

4.

L-organizzazzjoni tat-tim tal-proġett u l-kwalità tal-ġestjoni tal-proġett

Il-kwalità tal-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni proposti, il-kwalità tas-sistemi ta’ kontroll u l-arranġamenti biex jiġu ġestiti r-riskji

Il-kwalità tal-proċeduri u tal-allokazzjoni tal-kompiti bl-għan li jiġu implimentati d-diversi attivitajiet tal-miżura proposta

10 punti; (livell limitu minimu ta’ 50 %)

Jingħataw sa massimu ta’ 100 punt għall-kwalità tal-proposta. Il-punteġġ globali minimu meħtieġ huwa 60 punt minn 100, filwaqt li punteġġ minimu ta’ 50 % huwa meħtieġ għal kull kriterju. Il-proposti li jissodisfaw il-livelli limiti ta’ kwalità msemmija hawn fuq biss se jitpoġġew fuq il-lista ta’ klassifika. Li jintlaħaq il-livell limitu ma jimplikax awtomatikament li tingħata l-għotja.

5.   BAĠIT U TUL TA’ ŻMIEN TAL-PROĠETT

Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament tal-miżuri ta’ informazzjoni skont din is-sejħa huwa stmat li jammonta għal EUR 4 800 000 (EUR 4 800 000 għall-Azzjoni 1 u EUR 4 800 000 għall-Azzjoni 2).

L-ammont tal-għotja se jkun ta’ minimu ta’ EUR 4 800 000 sa massimu ta’ EUR 4 800 000. L-għotja tal-UE se tkun f’għamla ta’ rimborż sa massimu ta’ 80 % tal-kostijiet eliġibbli reali tal-azzjoni. L-applikanti jridu jiggarantixxu l-kofinanzjament tal-ammont li jkun għad baqa’ li jkun kopert mir-riżorsi proprji tagħhom.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

It-tul massimu tal-proġetti huwa ta’ 12-il xahar.

6.   SKEDA TA’ ŻMIEN U SKADENZA TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Stadji

Data u perjodu ta’ żmien

L-iskadenza biex jintbagħtu l-applikazzjonijiet

L-10 ta’ Diċembru 2019

Il-perjodu tal-evalwazzjoni (indikattiv)

Jannar sa Marzu 2020

L-informazzjoni lill-applikanti (indikattiva)

April 2020

L-iffirmar tal-ftehimiet tal-għotjiet (indikattiv)

Mejju 2020-Lulju 2020

7.   AKTAR INFORMAZZJONI

L-applikazzjonijiet kif ukoll l-informazzjoni addizzjonali dwar is-sejħa għall-proposti jinsabu fil-linji gwida għall-applikanti disponibbli hawnhekk: http://ec.europa.eu/regional_policy/en/newsroom/funding-opportunities/calls-for-proposal/

L-applikazzjonijiet iridu jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-linji gwida għall-applikanti msemmija hawn fuq.


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)  https://ec.europa.eu/regional_policy/sources/tender/pdf/official/2019_financing_decision_ta.pdf

(3)  Għall-finijiet ta’ din is-sejħa għall-proposti, miżura ta’ informazzjoni hija sett ta’ attivitajiet ta’ informazzjoni li huma indipendenti u koerenti marbutin mal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE.

(4)  Permezz ta’ din is-sejħa għall-proposti, il-Kummissjoni Ewropea qed tappoġġa miżuri ta’ informazzjoni relatati mal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE, li titwettaq permezz ta’ tliet fondi prinċipali: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta’ Koeżjoni (FK) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE). F’dan is-sens, proġett li jindirizza l-impatt ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn it-tliet Fondi f’reġjun huwa eliġibbli.

(5)  Lista mhux eżawrjenti.

(6)  Il-korpi tal-liġi pubblika jew korpi rregolati mid-dritt privat b’missjoni ta’ servizz pubbliku.

(7)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193 tat-30.7.2018, p. 1).


Top