Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2018/466/07

    Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

    ĠU C 466, 28.12.2018, p. 16–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.12.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 466/16


    Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

    (2018/C 466/07)

    Image

    Il-wiċċ nazzjonali tal-munita l-ġdida kommemorattiva ta’ EUR 2 maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mill-Belġju

    Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-żona tal-euro. Sabiex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti ta’ EUR 2 biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra ta’ EUR 2, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.

    Pajjiż li qiegħed joħroġ il-munita : Il-Belġju

    Suġġett tal-kommemorazzjoni : Il-25 anniversarju tal-Istitut Monetarju Ewropew (IME)

    Deskrizzjoni tad-disinn : Il-parti ta’ ġewwa, fuq il-lemin tal-munita juri l-wiċċ ta’ Alexandre Lamfalussy, l-ewwel President tal-IME, b’ismu taħtu. Fil-parti ċentrali, fuq in-naħa tax-xellug, jidher l-akronimu EMI bis-sena 1994 fuqha, bħala riferiment għad-data tat-twaqqif tal-Istitut u l-ħatra ta’ Lamfalussy bħala l-ewwel president tiegħu. Taħt l-akronimu “IME”, jidhru diversi muniti fuq xulxin bl-iskrizzjoni €, “ECU” u “BEF” minn fuq għal isfel. Minħabba l-fatt li huwa ħruġ ta’ munita Belġjana, intgħażel l-akronimu “BEF”, li huwa l-akronimu tal-munita nazzjonali preċedenti tal-Belġju. Din ir-rappreżentazzjoni tissimbolizza t-tranżizzjoni tal-muniti nazzjonali għal munita unika Ewropea, l-euro, minħabba li l-objettiv ewlieni tal-IME kien it-twaqqif tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, inkluż il-BĊE u l-munita l-ġdida. Fil-parti ta’ fuq in-naħa tax-xellug tal-munita tidher l-iskrizzjoni “Istitut Monetarju Ewropew”.

    Peress li z-Zekka Irjali Netherlandiża se tkun responsabbli għall-ħruġ tal-muniti, il-marka taz-zekka ta’ Utrecht, il-bakketta ta’ merkurju tidher fuq ix-xellug mal-marka tal-masru taz-zekka Belġjana, l-arma tal-muniċipalità ta’ Herzele. Il-kodiċi tal-pajjiż BE u l-marka tas-sena 2019 jinsabu fil-qiegħ. L-inizjali LL jirreferu għad-disinjatur tal-munita, is-Sur Luc Luycx, u jidhru fuq il-lemin.

    Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

    L-għadd ta’ muniti li għandhom jinħarġu : 155 000 munita

    Data tal-ħruġ : Jannar 2019


    (1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

    (2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).


    Top