Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2018/144A/01

Avviż ta’ reklutaġġ Nru PE/197/S

ĠU C 144A, 25.4.2018, pp. 1–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 144/1


AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ NRU PE/197/S

(2018/C 144 A/01)

Il-Parlament Ewropew qed jorganizza proċedura ta’ selezzjoni abbażi ta’ kwalifiki u eżamijiet sabiex jistabbilixxi lista ta’ riżerva għal ħdax-il post ta’

AĠENT TEMPORANJU

UFFIĊJAL TAL-PROTEZZJONI PERSONALI (AST 3)

(ta’ sess femminili jew maskili)

Qabel tapplika għandek taqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma' dan l-avviż ta' reklutaġġ.

Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta' reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.

WERREJ

A.

DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET, REKWIŻITI TA’ ELIĠIBILITÀ

B.

ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA

C.

TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

ANNESS:

GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA’ SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

A.   DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET, REKWIŻITI TA’ ELIĠIBILITÀ

1.   Punti ġenerali

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għall-post ta’ ħdax-il aġent temporanju tal-uffiċjali tal-protezzjoni personali (1) (AST 3) — id-Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà u l-Protezzjoni, Direttorat għall-Prossimità u l-Assistenza, is-Sigurtà u s-Sikurezza.

Il-kuntratti se jiġu konklużi għal żmien indeterminat. Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AST 3, l-ewwel skala, b’salarju bażiku ta’ EUR 3 677,17 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS) (2); dan huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se jiġu reklutati l-persuni li jgħaddu, madankollu, tista’ tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta’ dawn il-persuni. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiżdied b’xi allowances.

L-ingaġġ tal-aġenti temporanji jrid ikollu l-għan li jiggarantixxi lill-istituzzjoni l-kontribut ta’ persuni bl-ogħla kwalitajiet mil-lat ta’ kompetenza, prestazzjoni u integrità, li jiġu reklutati fuq l-usa’ bażi ġeografika possibbli fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni. L-aġenti temporanji jintgħażlu mingħajr distinzjoni ta’ razza, twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż, sess jew orjentament sesswali u indipendentement mill-istat ċivili jew mis-sitwazzjoni familjari tagħhom.

2.   Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

L-uffiċjali tal-protezzjoni personali, li se jkunu bbażati fi Brussell (3), se jkunu mistennija, taħt l-awtorità tal-Kap tal-Unità tal-Protezzjoni tad-Direttorat għall-Prossimità, l-Assistenza, is-Sigurtà u s-Sikurezza, li jiżguraw il-ġestjoni u l-attwazzjoni tal-azzjonijiet xierqa kollha għall-protezzjoni personali tal-President tal-Parlament Ewropew fit-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament Ewropew (Brussell, il-Lussemburgu u Strasburgu) u matul il-vjaġġi tiegħu barra minnhom. L-applikanti li jgħaddu jistgħu wkoll jintalbu jipprovdu protezzjoni personali lil personalitajiet fit-tliet postijiet tax-xogħol. Dan jinkludi l-parteċipazzjoni, skont l-eżiġenzi tas-servizz, f’kompiti ta’ protezzjoni fil-qafas ta’ żjarat uffiċjali, manifestazzjonijiet u avvenimenti importanti. Il-kompiti tagħhom huma, fost l-oħrajn, dawn li ġejjin:

—

iridu jiżguraw il-protezzjoni personali tal-President tal-Parlament Ewropew u ta’ personalitajiet oħrajn,

—

iridu jispezzjonaw il-bini qabel il-wasla tal-President jew tal-personalitajiet,

—

iridu jippjanaw, jikkoordinaw u/jew jagħmlu missjonijiet ta’ sigurtà (bħala uffiċjali tal-protezzjoni personali u/jew uffiċjali ta’ kollegament għas-sigurtà) f’żoni b’riskju għoli,

—

iridu jipprevedu sistema ta’ sigurtà għal kull bini li se jżur il-President jew il-personalitajiet u għal kull avveniment li jipparteċipaw fih, fil-Belġju jew barra mill-pajjiż,

—

iridu jibqgħu viġilanti matul it-tul ta’ żmien sħiħ tas-servizz,

—

iridu jikkomunikaw b’mod kostanti mal-uffiċjali l-oħrajn tal-protezzjoni personali,

—

iridu jakkumpanjaw lill-President jew lill-personalitajiet waqt il-missjonijiet tagħhom fil-Belġju u f’pajjiżi oħrajn,

—

iridu jsuqu karozza f’konvoj ta’ sigurtà,

—

iridu jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi l-oħrajn tal-Parlament Ewropew (Protokoll, Stampa u Konferenzi),

—

iridu jwettqu l-kompiti l-oħrajn kollha mitluba mill-ġerarkija fl-interess tas-servizz.

Dawn il-kompiti jeħtieġu missjonijiet frekwenti fil-postijiet tax-xogħol tal-Parlament Ewropew u barra minnhom.

Permezz tat-tressiq tal-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati jaċċettaw li jgħaddu mill-kontroll tas-sigurtà u l-proċeduri tal-pajjiż ospitanti sabiex jiksbu liċenzja biex iġorru l-armi. Bl-istess mod, huma jaċċettaw li jgħaddu mill-verifiki abitwali bil-għan li jakkwistaw approvazzjoni tas-sigurtà (livell sigriet tal-UE). Dawn l-elementi (il-liċenzja għall-ġarr tal-armi u l-approvazzjoni tas-sigurtà) huma rikjesti fil-mument tar-reklutaġġ.

3.   Rekwiżiti ta’ eliġibilità

Fid-data tal-iskadenza stabbilita għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, il-kandidati għandhom jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 12(2) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari jeħtieġ li l-kandidati:

—

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u jgawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom,

—

ikunu ssodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet ta’ reklutaġġ applikabbli fil-qasam tal-obbligu tal-lieva,

—

joffru l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti,

—

jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ idoneità fiżika mitluba biex ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom. B’idoneità fiżika nifhmu wkoll rekwiżiti psikoloġiċi. Minħabba n-natura tal-post ta’ uffiċjal tal-protezzjoni personali (pożizzjoni ta’ sigurtà, ta’ viġilanza u pożizzjoni b’riskju definit), il-kundizzjonijiet ta’ idoneità fiżika jinkludu wkoll sens tajjeb ta’ smigħ u vista tajba, kif ukoll perċezzjoni tajba tal-kuluri.

(b)

Rekwiżiti speċifiċi

(i)

Kwalifiki, diplomi u għarfien meħtieġa

Il-kandidati għandu jkollhom:

—

livell ta’ edukazzjoni ogħla attestat b’diploma maħruġ minn skola tal-pulizija, akkademja militari jew istitut ta’ taħriġ statali tal-istess tip;

jew

—

livell ta’ edukazzjoni sekondarja li tagħti aċċess għal edukazzjoni ogħla segwita minn esperjenza professjonali b’tal-inqas 3 snin esperjenza fil-protezzjoni personali (4);

jew

—

taħriġ ekwivalenti attestat minn diploma jew ċertifikat maħruġ minn skola tal-pulizija, akkademja militari jew istitut ta’ taħriġ statali tal-istess tip.

Il-kandidati jridu jkunu fil-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan (kategorija B) valida

(ii)

Esperjenza professjonali meħtieġa

Il-kandidati għandhom ikunu kisbu esperjenza professjonali b’tal-inqas 3 snin esperjenza fil-protezzjoni personali (l-ewwel ċirku madwar il-personalità) akkwistata f’servizz pubbliku tas-sigurtà fis-sitt snin li jippreċedu l-iskadenza għall-applikazzjonijiet.

(iii)

Għarfien lingwistiku

Il-kandidati għandu jkollhom għarfien fil-fond ta’ lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): il-Ġermaniż, l-Ingliż, il-Bulgaru, il-Kroat, id-Daniż, l-Ispanjol, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Grieg, l-Ungeriż, l-Irlandiż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, in-Netherlandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Iżvediż, jew iċ-Ċek, kif ukoll għarfien tajjeb ta’ mill-anqas waħda oħra fost dawn il-lingwi (lingwa 2).

Għal raġunijiet prattiċi huwa meħtieġ li jkollhom għarfien tajjeb tal-lingwa Franċiża u dik Ingliża (livell B2 bħala l-minimu (5)).

Il-kandidati huma informati li ż-żewġ lingwi magħżulin għall-finijiet ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni, jiġifieri l-Franċiż u l-Ingliż, ġew definiti skont l-interess tas-servizz, li jeżiġi li l-persuni rreklutati l-ġodda jkunu operattivi minnufih u kapaċi jikkomunikaw b’mod effikaċi fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum.

Il-kandidati se jiġu rreklutati fuq l-usa’ bażi ġeografika possibbli fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni.

L-għarfien tal-lingwa Franċiża huwa indispensabbli sabiex jitwettqu l-kompiti varji marbutin mal-missjonijiet fit-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament Ewropew; b’mod partikolari fil-Belġju fejn jitwettqu l-attivitajiet prinċipali, u fi Franza minħabba l-attivitajiet numerużi matul is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu. In-natura speċifika tal-missjoni timponi kollaborazzjoni mill-qrib mas-servizzi ta’ protezzjoni Belġjani u Franċiżi, kif ukoll mas-sħab esterni l-oħrajn kollha kkonċernati.

L-għarfien tal-lingwa Ingliża hija indispensabbli sabiex tkun tista’ tkopri l-missjonijiet l-oħrajn kollha barra mit-tliet postijiet tax-xogħol.

Konsegwentement, biex ikun hemm bilanċ bejn l-interessi u l-eżiġenzi tas-servizz u l-kapaċitajiet tal-kandidati, u minħabba n-natura partikolari ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni, huwa ġġustifikat li jiġu organizzati eżamijiet f’dawk il-lingwi sabiex jiġi żgurat li l-kandidati kollha jkollhom tal-inqas għarfien adegwat tal-Franċiż u l-Ingliż.

B’hekk, il-valutazzjoni tal-ħiliet lingwistiċi tippermetti lill-Parlament Ewropew jevalwa l-kapaċità tal-kandidati li jkunu operattivi minnufih f’ambjent li jkun qrib dak li se jkunu mitluba jaħdmu fih.

B.   ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA

Il-proċedura hija organizzata abbażi ta’ kwalifiki u eżamijiet .

Il-lista tal-kandidati li jkunu ppreżentaw il-fajl tagħhom skont il-modalitajiet u qabel id-data tal-iskadenza stabbilita u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali speċifikati fit-Taqsima A.3(a) tiġi stabbilita mill-Awtorità tal-Ħatra, imbagħad tiġi trażmessa flimkien mal-fajls lill-kumitat ta’ selezzjoni (għal aktar dettalji, ara l-gwida għall-kandidati) .

1.   Eliġibilità għall-proċedura ta’ selezzjoni

Il-kumitat ta’ selezzjoni jeżamina l-fajls u jistabbilixxi l-lista tal-kandidati li, peress li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi kif stabbiliti fit-Taqsima A.3(b), huma ammessi għall-proċedura.

Huwa u jeżamina l-fajls, il-kumitat ta’ selezzjoni jibbaża esklużivament fuq id-dikjarazzjonijiet mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li jkunu appoġġjati minn dokumenti ġustifikattivi (għal aktar dettalji, ara l-gwida għall-kandidati) .

2.   Evalwazzjoni tal-kwalifiki

Il-kumitat ta’ selezzjoni, abbażi tal-kriterji li jkun stabbilixxa minn qabel, iwettaq evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati eliġibbli għall-proċedura ta’ selezzjoni u jistabbilixxi lista tal-aħjar 60 kandidat li jiġu mistiedna għall-eżamijiet bil-miktub.

Waqt l-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati, il-kumitat ta’ selezzjoni se jqis, b’mod partikolari, il-kriterji li ġejjin:

—

esperjenza reċenti fil-protezzjoni personali f’servizz pubbliku tas-sigurtà,

—

taħriġ fil-protezzjoni personali f’servizz uffiċjali,

—

diplomi pertinenti supplimentari,

—

esperjenza fl-użu tal-armi tan-nar matul il-qadi ta’ dmirijietu,

—

taħriġ għal sparar professjonali offrut mill-awtoritajiet nazzjonali,

—

għarfien tat-tekniki tad-difiża,

—

liċenzja tas-sewqan tal-kategorija C,

—

taħriġ tat-tekniki tas-sewqan tal-karozzi,

—

taħriġ fil-qasam tal-ewwel għajnuna,

—

għarfien lingwistiku supplimentari (differenti mil-lingwa 1, mil-lingwa 2, mill-Ingliż u l-Franċiż).

Punteġġ: minn 0 sa 30 punt. Marka minima meħtieġa: 15/30

3.   Eżamijiet

Biex jiġu evalwati l-kapaċitajiet tal-kandidati ħalli jeżerċitaw il-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, jiġu organizzati l-eżamijiet li ġejjin:

Eżamijiet fiżiċi

(a)

għawm:

—

eżami fuq 100 metru, u

—

eżami fuq 50 metru bi rkupru ta’ manikin

(b)

eżamijiet tal-isparar

(c)

eżami fiżiku u tal-awtodifiża

Il-kandidati li jkunu għaddew minn dawn l-eżamijiet jiġu mistiedna għal intervista.

Eżami orali

Intervista mal-Kumitat ta’ Selezzjoni bil-Franċiż u bl-Ingliż li tippermetti li tiġi vvalutata, fid-dawl tal-elementi kollha li jidhru fil-fajl tal-kandidati, il-kapaċità tal-kandidati li jeżerċitaw il-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2 “Deskrizzjoni tal-funzjonijiet”. Il-Kumitat ta’ Selezzjoni jista’ jiddeċiedi li jeżamina l-għarfien lingwistiku tal-kandidati kif speċifikat fuq l-applikazzjoni.

Il-ħin massimu tal-eżami: 45 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 50 punt. Marka minima meħtieġa: 25/50.

4.   Inklużjoni fil-lista ta’ riżerva

Il-lista ta’ riżerva se jkun fiha, f’ordni ta’ mertu, l-ismijiet tat-30 kandidat li jkunu ġabu l-ogħla punteġġ fil-proċedura sħiħa (evalwazzjoni tal-kwalifiki u l-eżamijiet) u li jkunu laħqu l-marka minima meħtieġa.

Il-kandidati se jkunu informati individwalment bir-riżultati tagħhom.

Il-lista ta’ riżerva tibqa’ valida sal-31 ta’ Diċembru 2021 u tista’ tiġi pprorogata. F’dan il-każ, il-kandidati mniżżlin fil-lista ta’ riżerva jiġu informati b’dan fi żmien debitu.

Il-kandidati mniżżlin fil-lista ta’ riżerva li jiġu offruti impjieg iridu jippreżentaw il-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha meħtieġa sabiex jiġu ċċertifikati, b’mod speċjali d-diplomi tagħhom u, jekk ikun il-każ, tad-dokumenti tal-impjiegi tagħhom.

Kuntratt jista’ jintemm jekk:

—

ikun impossibbli għall-uffiċjal li jakkwista approvazzjoni tas-sigurtà kif imsemmi fil-punt A.2.

—

jew jekk ikun impossibbli għall-uffiċjal li jakkwista l-liċenzja biex iġorr l-armi kif imsemmi fil-punt A.2.

C.   TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Il-kandidati jridu jużaw il-formola tal-applikazzjoni uffiċjali, bl-Ingliż jew bil-Franċiż, fornuta għal dan l-avviż ta’ reklutaġġ u li tidher fil-Ġurnal Uffiċjali preżenti.

Il-kandidati huma mistiedna jaqraw b’attenzjoni l-gwida għall-kandidati qabel jimlew il-formola tal-applikazzjoni tagħhom.

Data tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet

Il-formola tal-applikazzjoni u l-fotokopji tad-dokumenti ġustifikattivi jridu jintbagħtu esklużivament bil-posta rreġistrata  (6) sa mhux aktar tard mill-25 ta’ Mejju 2018 (it-timbru tal-posta jitqies bħala prova), fl-indirizz li ġej:

PARLEMENT EUROPÉEN

Unité Sélection des talents

Procédure de sélection PE/197/S

(għandu jiġi indikat in-numru ta’ referenza tal-proċedura ta’ selezzjoni)

BMT 08 A 038

60 rue Wiertz

1047 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

L-applikazzjonijiet li jintbagħtu bil-posta mhux irreġistrata jew bil-posta interna ma jiġux ikkunsidrati. L-Unità tas-Selezzjoni tat-Talenti mhijiex se taċċetta applikazzjonijiet li jitressqu bl-idejn.

Mhi se tintbagħat l-ebda konferma ta’ riċevuta tal-fajls tal-applikazzjoni, ħlief jekk konferma ta’ riċevuta postali takkumpanja ittra rreġistrata.

Il-kandidati huma mitluba MA JĊEMPLUX rigward il-kalendarju tal-proċedura.

Il-kandidati huma mistiedna, għal raġunijiet ta’ diliġenza, jibagħtu e-mail (PE-200-S@ep.europa.eu) jew ittra lill-Unità tas-Selezzjoni tat-Talenti jekk ma tkunx waslitilhom komunikazzjoni rigward l-applikazzjoni tagħhom sas-16 ta’ Lulju 2018.


(1)  Ir-referenzi kollha għal persuni ta’ sess maskili f’dan l-avviż jirreferu wkoll awtomatikament għall-persuni ta’ sess femminili, u viċe versa.

(2)  Ara r-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir- Regolament (CE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) kif ukoll mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(3)  Dawn il-postijiet jistgħu jkunu ttrasferiti f’wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament Ewropew.

(4)  Din l-esperjenza professjonali mhux se titqies għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali meħtieġa taħt il-punt A.3.b.(ii).

(5)  Ara l-Qafas Komuni Ewropew ta’ Riferiment għal-Lingwi (CEFR) — https://europass.cedefop.europa.eu/sites/default/files/cefr-mt.pdf

(6)  L-ispedizzjoni permezz ta’ kurrier privat tgħodd bħala posta rreġistrata. F’dan il-każ, id-data li tidher fuq it-tikketta tal-kunsinna titqies bħala d-data tal-kunsinna.


ANNESS

Gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew

1.

INTRODUZZJONI 8
Kif tiżvolġi proċedura ta’ selezzjoni? 8

2.

STADJI TAL-PROĊEDURA TA’ SELEZZJONI 8
Wasla tal-fajls tal-applikazzjoni 8
Eżami tar-rekwiżiti ġenerali 8
Eżami tar-rekwiżiti speċifiċi 9
Evalwazzjoni tal-kwalifiki 9
Testijiet 9
Lista ta’ riżerva 10

3.

KIF TAPPLIKA? 10
Punti ġenerali 10
Kif tibgħat il-fajl komplut? 10
Liema dokumenti ġustifikattivi għandek tehmeż mal-fajl? 10
Punti ġenerali 10
Dokumenti ġustifikattivi għar-rekwiżiti ġenerali 10
Dokumenti ġustifikattivi għar-rekwiżiti speċifiċi u l-evalwazzjoni tal-kwalifiki 11

4.

AVVIŻ 12

5.

INFORMAZZJONI ĠENERALI 12
Opportunitajiet indaqs 12
Talbiet għal aċċess mill-kandidati għall-informazzjoni li tikkonċernahom 12
Protezzjoni tad-data personali 13
Spejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ soġġorn 13
ANNESS I 14
ANNESS II 18

1.   INTRODUZZJONI

Kif tiżvolġi proċedura ta’ selezzjoni?

Proċedura ta’ selezzjoni tinvolvi sensiela ta’ stadji fejn il-kandidati jikkompetu bejniethom. Din il-proċedura hija miftuħa għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea li, sad-data tal-iskadenza stabbilita għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, jissodisfaw il-kriterji meħtieġa, toffri l-istess possibilità lill-kandidati kollha biex juru l-ħiliet tagħhom u tippermetti selezzjoni bbażata fuq il-mertu, fir-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

Il-kandidati li jgħaddu minn proċedura ta’ selezzjoni jitniżżlu f’lista ta’ riżerva li se sservi bħala bażi għall-Parlament Ewropew sabiex jimla l-kariga li għaliha japplika dan l-avviż ta’ reklutaġġ.

Għal kull proċedura ta’ selezzjoni jiġi kostitwit kumitat ta’ selezzjoni magħmul minn rappreżentanti tal-amministrazzjoni u tal-kumitat tal-persunal. Ix-xogħol ta’ dan il-kumitat ta’ selezzjoni hu sigriet u jiżvolġi skont l-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1).

Il-kuntatti diretti jew indiretti tal-kandidati mal-kumitat ta’ selezzjoni huma formalment ipprojbiti. L-Awtorità tal-Ħatra tirriżerva d-dritt li teskludi kull kandidat li jikser din il-projbizzjoni.

Il-kumitat ta’ selezzjoni jimxi b’mod strett mar-rekwiżiti ta’ ammissjoni msemmija fl-avviż ta’ reklutaġġ biex jiddeċiedi dwar l-ammissjoni jew le ta’ kull kandidat. Il-kandidati li kienu ammessi għal konkors jew proċedura ta’ selezzjoni preċedenti ma jkunux eleġibbli awtomatikament.

Sabiex jagħżel l-aħjar kandidati, il-kumitat ta’ selezzjoni jqabbel il-prestazzjonijiet tal-kandidati sabiex jivvaluta l-ħila tagħhom biex iwettqu l-funzjonijiet deskritti fl-avviż. Għalhekk ma jridx biss jevalwa l-livell tal-għarfien, iżda wkoll jidentifika l-persuni l-aktar kwalifikati abbażi tal-merti tagħhom.

Għall-informazzjoni, proċedura ta’ selezzjoni tista’ ddum bejn 6 u 9 xhur, skont in-numru tal-kandidati.

2.   STADJI TAL-PROĊEDURA TA’ SELEZZJONI

Il-proċedura ta’ selezzjoni hija magħmula mill-istadji li ġejjin:

—

wasla tal-fajls tal-applikazzjoni,

—

eżami tar-rekwiżiti ġenerali,

—

eżami tar-rekwiżiti speċifiċi,

—

evalwazzjoni tal-kwalifiki,

—

testijiet,

—

inklużjoni fil-lista ta’ riżerva.

Wasla tal-fajls tal-applikazzjoni

Il-kandidati li jiddeċiedu li japplikaw għandhom jibagħtu, inkella jiġu esklużi, fajl tal-applikazzjoni komplut, li jinkludi l-formola tal-applikazzjoni speċifika għall-avviż ta’ reklutaġġ, mimlija, iffirmata u akkumpanjata mid-dokumenti ġustifikattivi kollha meħtieġa li jagħtu prova li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-avviż ta’ reklutaġġ. Dan il-fajl għandu jintbagħat bil-posta rreġistrata (il-kunsinna minn kumpanija privata tal-posta titqies bħala ekwivalenti tal-posta rreġistrata. F’dan il-każ tgħodd id-data li fiha jkun intbagħat il-fajl u li tidher fuq il-formola tal-kunsinna) fi żmien l-iskadenza stabbilita fl-avviż ta’ reklutaġġ. Ara t-Taqsima C tal-avviż ta’ reklutaġġ għall-indirizz u d-data tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet.

Eżami tar-rekwiżiti ġenerali

L-Unità ta’ Selezzjoni tat-Talenti teżamina jekk l-applikazzjoni tistax tiġi aċċettata, jiġifieri jekk l-applikazzjoni ntbagħtitx skont il-modalitajiet u sad-data tal-iskadenza indikata fl-avviż ta’ reklutaġġ u jekk ir-rekwiżiti ġenerali ta’ ammissjoni ġewx issodisfati.

Konsegwentement, jiġu eliminati awtomatikament il-kandidati li:

—

bagħtu l-fajl tal-applikazzjoni tagħhom wara d-data tal-iskadenza, kif muri mit-timbru tal-posta jew mill-formola tal-kunsinna tal-kurrier privat, jew

—

ma bagħtux il-fajl tal-applikazzjoni tagħhom bil-posta rreġistrata jew permezz ta’ kurrier privat, jew

—

ma jkunux użaw l-applikazzjoni speċifika għall-avviż ta’ reklutaġġ, jew

—

ma kkompletawx kif xieraq l-applikazzjoni speċifika għall-avviż ta’ reklutaġġ, jew

—

ma ffirmawx l-applikazzjoni, jew

—

ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ġenerali ta’ ammissjoni.

Il-kandidati jiġu informati individwalment b’dan ir-rifjut wara d-data tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet.

Il-lista tal-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali stabbiliti fl-avviż ta’ reklutaġġ hija stabbilita mill-Awtorità tal-Ħatra, imbagħad din il-lista tintbagħat flimkien mal-fajls lill-kumitat ta’ selezzjoni.

Eżami tar-rekwiżiti speċifiċi

Il-kumitat ta’ selezzjoni jeżamina l-applikazzjonijiet u jistabbilixxi l-lista tal-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi fl-avviż ta’ reklutaġġ. Huwa jibbaża esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun appoġġata minn dokumenti ġustifikattivi .

L-istudji, it-taħriġ, l-għarfien lingwistiku u, jekk ikun xieraq, l-esperjenza professjonali għandhom jiġu speċifikati fid-dettall fl-applikazzjoni, jiġifieri:

—

għall-istudji: id-dati tal-bidu u tat-tmiem u d-deskrizzjoni tad-diploma/i, kif ukoll is-suġġetti studjati;

—

għall-esperjenza professjonali eventwali: id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-esperjenza kif ukoll deskrizzjoni preċiża tal-kompiti mwettqa.

Il-kandidati li jkunu ppubblikaw studji, artikli jew testijiet oħra marbuta mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet għandhom jinkluduhom fil-formola tal-applikazzjoni.

F’dan l-istadju huma esklużi l-kandidati li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ ammissjoni stabbiliti fl-avviż ta’ reklutaġġ.

Kull kandidat jiġi informat b’ittra, dwar id-deċiżjoni tal-kumitat ta’ selezzjoni jekk ġiex ammess jew le għall-proċedura.

Evalwazzjoni tal-kwalifiki

Sabiex jagħżel il-kandidati li jkunu mistiedna għat-testijiet, il-kumitat ta’ selezzjoni jipproċedi għall-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati ammessi. Huwa jibbaża esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun appoġġata minn dokumenti ġustifikattivi (ara l-punt 3 ta’ hawn taħt). Il-kumitat ta’ selezzjoni jibbaża fuq il-kriterji li jkun stabbilixxa minn qabel filwaqt li jikkunsidra, b’mod speċjali, il-kwalifiki speċifikati fl-avviż ta’ reklutaġġ fit-Taqsima B.2.

Kull kandidat jiġi informat b’ittra dwar id-deċiżjoni tal-kumitat ta’ selezzjoni jekk ġiex ammess jew le għat-testijiet.

Testijiet

It-testijiet kollha huma obbligatorji u eliminatorji. In-numru massimu ta’ kandidati ammessi għat-testijiet huwa stabbilit fit-Taqsima B.2. tal-avviż ta’ reklutaġġ.

Minħabba raġunijiet ta’ organizzazzjoni, il-kandidati jistgħu jiġu mistiedna għat-testijiet kollha fiżiċi u orali. Madankollu, il-korrezzjoni tat-testijiet issir fl-ordni li jidher fl-avviż ta’ reklutaġġ. Konsegwentement, meta kandidat ma jiksibx il-punteġġ minimu meħtieġ f’wieħed mit-testijiet, fejn ikun meħtieġ, il-kumitat ta’ selezzjoni ma jikkoreġix it-testijiet sussegwenti.

F’każ ta’ abbandun min-naħa tal-kandidat, it-testijiet ma jiġux ikkoreġuti.

Lista ta’ riżerva

Huwa biss in-numru massimu ta’ kandidati stabbilit fit-Taqsima B.4 tal-avviż ta’ reklutaġġ li jiddaħħal fil-lista ta’ riżerva.

Il-fatt li isem kandidat jitniżżel fil-lista ta’ riżerva jfisser li jista’ jiġi mistieden minn wieħed mis-servizzi tal-istituzzjoni għal intervista, iżda dan ma jikkostitwixxix dritt jew garanzija ta’ reklutaġġ min-naħa tal-istituzzjoni.

3.   KIF TAPPLIKA?

Punti ġenerali

Qabel ma japplikaw, il-kandidati għandhom jivverifikaw sew jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti kollha ta’ ammissjoni, kemm dawk ġenerali kif ukoll dawk speċifiċi. Dan jimplika li għandhom l-ewwel jaqraw l-avviż ta’ reklutaġġ u din il-gwida u jaċċettaw il-kondizzjonijiet tagħhom.

Minkejja li l-avviżi ta’ reklutaġġ ma għandhomx limitu ta’ età, għandha tingħata attenzjoni għall-età tal-pensjoni stabbilita mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-kandidati għandhom jimlew il-formola ta’ applikazzjoni (oriġinali jew kopja) speċifika għall-avviż ta’ reklutaġġ u li tinsab f’Il-Ġurnal Uffiċjali ppubblikat mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

Id-dokumenti li jintbagħtu wara d-data tal-iskadenza mhumiex se jiġu kkunsidrati.

Il-kandidati li għandhom diżabilità jew li jinsabu f’sitwazzjoni partikolari (pereżempju: tqala, treddigħ, stat ta’ saħħa, terapija medika, eċċ.), li tista’ tikkawża diffikultajiet waqt l-iżvolġiment tat-testijiet, għandhom jindikaw dan fl-applikazzjoni u jagħtu kull informazzjoni siewja sabiex l-amministrazzjoni, jekk ikun possibbli, tkun tista’ tieħu l-miżuri kollha neċessarji. Jekk ikun il-każ, mal-applikazzjoni tagħhom għandhom jehmżu nota, fuq karta separata, li tippreċiża d-dispożizzjonijiet li huma jqisu neċessarji biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom għat-testijiet.

Kif tibgħat il-fajl komplut?

1.

Imla u ffirma l-applikazzjoni speċifika għall-avviż ta’ reklutaġġ.

2.

Ehmeż lista nnumerata tad-dokumenti ġustifikattivi kollha mal-fajl tiegħek.

3.

Ehmeż id-dokumenti ġustifikattivi kollha meħtieġa, li inti tkun innumerajt minn qabel.

4.

Ibgħat il-fajl bil-mezzi indikati fl-avviż ta’ reklutaġġ, u qabel id-data ta’ skadenza indikata fl-avviż ta’ reklutaġġ.

Liema dokumenti ġustifikattivi għandek tehmeż mal-fajl?

Punti ġenerali

M’għandekx tibgħat l-oriġinali; għandhom jiġu mehmuża biss fotokopji mhux iċċertifikati tad-dokumenti mitluba. Ir-referenzi għal siti tal-internet ma jistgħux jitqiesu bħala dokumenti ġustifikattivi. Dokumenti stampati minn siti tal-internet mhumiex se jitqiesu bħala ċertifikati, iżda jistgħu jinhemżu bħala informazzjoni addizzjonali.

Għandu jitfakkar li l-kandidati mniżżla fil-lista ta’ riżerva li ssirilhom offerta ta’ impjieg għandhom jippreżentaw l-oriġinali tad-dokumenti meħtieġa qabel ma jkunu jistgħu jiġu reklutati.

Curriculum vitæ mhuwiex meqjus bħala dokument ġustifikattiv.

Il-kandidati ma jistgħux jirreferu għal formoli tal-applikazzjonijiet jew dokumenti oħra mibgħuta waqt konkorsi preċedenti (2).

L-ebda element tal-fajl ma jintbagħat lura lill-kandidati.

Dokumenti ġustifikattivi għar-rekwiżiti ġenerali

F’dan l-istadju, l-ebda dokument ma huwa meħtieġ biex jiġġustifika li l-kandidati:

—

huma ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea,

—

igawdu d-drittijiet ċivili tagħhom,

—

ikunu ssodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet ta’ reklutaġġ applikabbli fil-qasam militari,

—

jipproduċu r-referenzi ta’ karattru mitluba għat-twettiq tad-dmirijiet previsti.

—

jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ ħila fiżika meħtieġa biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom.

Il-kandidati huma obbligati jiffirmaw il-formola tal-applikazzjoni. B’din il-firma, jiddikjaraw fuq l-unur tagħhom li jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti u li l-informazzjoni fornuta hija veraċi u kompluta.

Dokumenti ġustifikattivi għar-rekwiżiti speċifiċi u l-evalwazzjoni tal-kwalifiki

Huwa f’idejn il-kandidati li jfornu lill-kumitat ta’ selezzjoni l-informazzjoni u d-dokumenti kollha li jippermettulu jivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni msemmija fil-formola tal-applikazzjoni.

Diplomi u/jew ċertifikati

Il-kandidati jeħtiġilhom ifornu fotokopji tad-diplomi jew taċ-ċertifikati li jiċċertifikaw l-istudji tal-livell meħtieġ fl-avviż ta’ reklutaġġ, kif ukoll tal-liċenzja tas-sewqan tagħhom.

F’dan ir-rigward, il-kumitat ta’ selezzjoni jqis is-sistemi edukattivi differenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Għal diplomi postsekondarji, għandha tinhemeż l-informazzjoni l-aktar dettaljata possibbli, speċjalment dwar it-tul tal-istudji u s-suġġetti studjati, sabiex il-kumitat ta’ selezzjoni jkun jista’ jivvaluta r-rilevanza tad-diplomi b’rabta mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet.

Fil-każ ta’ taħriġ tekniku jew professjonali, jew kors ta’ perfezzjonament jew speċjalizzazzjoni, il-kandidati għandhom jindikaw jekk kienx kors full time jew part time jew kors ta’ filgħaxija, kif ukoll is-suġġetti u t-tul uffiċjali tal-korsijiet.

Esperjenza professjonali

Jekk l-avviż jeżiġi esperjenza professjonali, din se titqies biss jekk tkun inkisbet wara l-kisba tad-diploma jew taċ-ċertifikati meħtieġa. Huwa indispensabbli li d-dokumenti ġustifikattivi jagħtu prova tat-tul u l-livell tal-esperjenza professjonali u li d-deskrizzjoni tal-kompiti tkun dettaljata kemm jista’ jkun sabiex il-kumitat ta’ selezzjoni jkun jista’ jivvaluta r-rilevanza tal-esperjenza b’rabta mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet.

Il-perjodi kollha tal-attività professjonali kkonċernati għandhom ikunu koperti minn dokumenti ġustifikattivi, speċjalment:

—

ċertifikati minn impjegaturi preċedenti u mill-impjegatur attwali li jiġġustifikaw l-esperjenza professjonali mitluba għall-aċċess għall-proċedura ta’ selezzjoni;

—

jekk, minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, il-kandidati ma jistgħux jehmżu ċ-ċertifikati tal-impjiegi meħtieġa, huwa essenzjali li, sabiex dawn jiġu sostitwiti, ifornu fotokopji tal-kuntratt tax-xogħol jew tal-ittra ta’ reklutaġġ u tal-ewwel u l-aħħar dokument tal-paga;

—

għal dawk li ma jaħdmux bħala impjegati (dawk li jaħdmu għal rashom, professjonijiet liberali, eċċ.), jistgħu jkunu aċċettati bħala prova, rċevuti li jagħtu dettalji dwar is-servizzi mogħtija jew kull dokument ieħor ġustifikattiv uffiċjali rilevanti.

Għarfien lingwistiku

L-għarfien tal-lingwi meħtieġ (lingwa 1, lingwa 2, il-Franċiż u l-Ingliż) għandu jkun iċċertifikat minn diploma, ċertifikat jew dikjarazzjoni fuq l-unur, fuq karta separata, li tispjega kif inkiseb l-għarfien ta’ dawn il-lingwi.

Jekk, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, jiġi kkonstatat li l-informazzjoni fornuta fl-applikazzjoni ma tkunx eżatta, ma tkunx sostnuta mid-dokumentazzjoni meħtieġa jew ma tikkorrispondix mar-rekwiżiti kollha ta’ dan l-avviż ta’ reklutaġġ, l-ammissjoni tal-kandidat tiġi ddikjarata nulla.

4.   AVVIŻ

Hija r-responsabilità tal-kandidati li jieħdu l-miżuri kollha sabiex l-applikazzjoni (oriġinali jew kopja) kkompletata kif xieraq, iffirmata u akkumpanjata mid-dokumenti ġustifikattivi kollha, tintbagħat bil-posta rreġistrata (3), qabel id-data tal-iskadenza. It-timbru tal-posta jitqies bħala prova.

L-applikazzjonijiet li jintbagħtu bil-posta mhux irreġistrata jew bil-posta interna mhumiex se jiġu kkunsidrati. L-Unità ta’ Selezzjoni tat-Talenti mhijiex se taċċetta applikazzjonijiet li jitressqu bl-idejn.

Mhi se tintbagħat l-ebda konferma ta’ riċevuta tal-fajls tal-applikazzjoni, ħlief jekk konferma ta’ riċevuta postali takkumpanja ittra rreġistrata.

Il-kandidati għandhom jindirizzaw ittra jew email (4) lill-Unità ta’ Selezzjoni tat-Talenti jekk ma jirċevux email dwar l-applikazzjoni tagħhom sad-data mogħtija fl-aħħar paragrafu tal-avviż ta’ reklutaġġ.

Fil-korrispondenza kollha mibgħuta minn kandidat fir-rigward tal-applikazzjoni mressqa taħt isem partikolari, għandu jsir riferiment għal dan l-isem kif ukoll għan-numru tal-proċedura ta’ selezzjoni.

Kull korrispondenza indirizzata mill-Parlament Ewropew b’rabta mal-proċedura ta’ selezzjoni, inklużi l-konvokazzjonijiet għat-testijiet, tintbagħat bl-email fl-indirizz indikat mill-kandidat fl-applikazzjoni. Il-kandidat għandu r-responsabilità li jikkonsulta l-email tiegħu regolarment (tal-anqas darbtejn fil-ġimgħa) u li jinnotifika lill-Unità ta’ Selezzjoni tat-Talenti dwar bidliet eventwali tal-informazzjoni personali tiegħu.

Għal kull komunikazzjoni dwar il-proċedura, jekk jogħġbok ibgħat email f’dan l-indirizz elettroniku:

PE-197-S@ep.europa.eu

Jekk il-kandidati ma jkunx jistgħu jikkonsultaw aktar l-emails tagħhom, hija r-responsabilità tagħhom li jinformaw minnufih lill-Unità ta’ Selezzjoni tat-Talenti u li jagħtuha indirizz elettroniku ġdid.

Sabiex tinżamm l-indipendenza tal-kumitat ta’ selezzjoni, kull kuntatt, dirett jew indirett, tal-kandidati mal-kumitat ta’ selezzjoni huwa formalment ipprojbit u jista’ jwassal għall-esklużjoni mill-proċedura.

Kull korrispondenza indirizzata lill-kumitat ta’ selezzjoni, u kwalunkwe talba għall-informazzjoni jew korrispondenza oħra relatata mal-iżvolġiment tal-proċedura, għandha tkun indirizzata esklużivament lill-Unità ta’ Selezzjoni tat-Talenti (4), li hija inkarigata mill-komunikazzjoni mal-kandidati sa tmiem il-proċedura ta’ selezzjoni.

5.   INFORMAZZJONI ĠENERALI

Opportunitajiet indaqs

Il-Parlament Ewropew jiżgura li jevita kull forma ta’ diskriminazzjoni.

Huwa japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

Talbiet għal aċċess mill-kandidati għall-informazzjoni li tikkonċernahom

Fil-kuntest tal-proċeduri ta’ selezzjoni, jiġi rikonoxxut id-dritt speċifiku tal-kandidati li jkollhom aċċess, skont il-kondizzjonijiet deskritti hawn taħt, għal ċerta informazzjoni li tikkonċernahom direttament u individwalment. Bis-saħħa ta’ dan id-dritt, il-Parlament Ewropew jista’ jagħti lil kandidat, fuq talba tiegħu, l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

(a)

il-kandidati li ma jkunux ġew mistiedna għat-testijiet fiżiċi jistgħu jiksbu, fuq talba tagħhom, kopja tad-dokument ta’ evalwazzjoni tal-kwalifiki tagħhom. It-talba għandha ssir fi żmien xahar mid-data ta’ meta tkun intbagħtet l-ittra li tikkomunika d-deċiżjoni.

(b)

il-kandidati li ma jkunux fost dawk mistiedna għat-testijiet orali jistgħu jiksbu, fuq talba tagħhom, kopja tar-riżultati tat-testijiet fiżiċi. It-talba għandha ssir fi żmien xahar mid-data ta’ meta tkun intbagħtet l-ittra li tikkomunika d-deċiżjoni.

(c)

il-kandidati li ġew mistiedna għat-testijiet orali u li ma tniżżlux fil-lista ta’ riżerva se jiġu informati bil-punteġġ tagħhom fit-testijiet differenti wara li l-kumitat ta’ selezzjoni jkun stabbilixxa l-lista ta’ riżerva. Fuq talba tagħhom, huma jistgħu jiksbu, għal kull wieħed mit-testijiet, kopja tad-dokumenti individwali ta’ evalwazzjoni tal-eżamijiet. Kwalunkwe talba għal kopja għandha ssir fi żmien xahar mid-data ta’ meta ntbagħtet l-ittra li tikkomunika d-deċiżjoni li dak li jkun ma jkunx ġie inkluż fil-lista ta’ riżerva.

(d)

il-kandidati inklużi fil-lista ta’ riżerva jiġu informati biss li huma għaddew mill-proċedura ta’ selezzjoni.

It-talbiet huma pproċessati b’kunsiderazzjoni tas-segretezza tax-xogħlijiet tal-kumitat ta’ selezzjoni prevista mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Anness III, Artikolu 6) u fir-rispett tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi rigward l-ipproċessar tad-data personali.

Protezzjoni tad-data personali

Il-Parlament Ewropew, bħala l-korp responsabbli għall-organizzazzjoni tas-selezzjonijiet, jiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata fir-rispett sħiħ tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data  (5), speċjalment rigward il-kunfidenzjalità u s-sigurtà tagħhom.

Spejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ soġġorn

Il-kandidati mistiedna għat-testijiet jingħataw kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ soġġorn. Il-kandidati jiġu informati bl-arranġamenti u bit-tariffi applikabbli waqt l-istedina tagħhom għat-testijiet.

L-indirizz mogħti mill-kandidat fil-formola tal-applikazzjoni jitqies bħala l-post minn fejn il-kandidat jitlaq biex jattendi t-testijiet. F’dan ir-rigward, bidla tal-indirizz ikkomunikata mill-kandidat wara li l-Parlament Ewropew ikun bagħat l-istedina għat-testijiet ma tistax tiġi kkunsidrata, ħlief jekk il-Parlament Ewropew iqis li ċ-ċirkostanzi msemmija mill-kandidat ikunu ekwivalenti għal forza maġġuri jew ikun każ mhux mistenni.


(1)  Ara r-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u reċentement mir-Regolament (UE, Εuratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(2)  Dawn il-kondizzjonijiet japplikaw għall-kandidati kollha, inklużi l-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

(3)  Il-kunsinna permezz ta' kurrier privat titqies bħala rreġistrata. F'dan il-każ, id-data li tidher fuq il-formola tal-kunsinna titqies bħala d-data tal-kunsinna.

(4)  

Indirizz: PARLEMENT EUROPÉEN, Unité de sélection des Talents — BMT 08 A 038, Procédure de sélection PE/197/S,

60 rue Wiertz, 1047 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.

Indirizz tal-email: PE-197-S@ep.europa.eu

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

ANNESS I

PAJJIŻ

Edukazzjoni sekondarja  (1) (li tagħti aċċess għall-edukazzjoni post-sekondarja)

Edukazzjoni post-sekondarja (kors post-sekondarju mhux universitarju jew kors universitarju qasir ta’ perjodu legali ta’ mill-inqas sentejn)

Belgique – België – Belgien

Certificat de l’enseignement secondaire supérieur (CESS) / Diploma secundair onderwijs / Diplôme d’aptitude à accéder à l’enseignement supérieur (DAES) / Getuigschrift van hoger secundair onderwijs / Diplôme d’enseignement professionnel / Getuigschrift van het beroepssecundair onderwijs

Candidature – Kandidaat

Graduat – Gegradueerde

Bachelier (dit “professionnalisant” ou de “type court”)/ Professioneel gerichte Bachelor — 180 ECTS

България

Диплома за средно образование / Свидетелство за зрелост / Диплома / Диплома за завършено средно образование / Диплома за средно специално образование

Специалист по …

Česká republika

Vysvědčení o maturitní zkoušce

Vysvědčení o absolutoriu (Absolutorium) + diplomovaný specialista (DiS.)

Danmark

Bevis for: Studentereksamen

Højere Forberedelseseksamen (HF) / Højere Handelseksamen (HHX) / Højere Afgangseksamen (HA) / Bevis for Højere Teknisk Eksamen (HTX)

Videregående uddannelser = Bevis for = Eksamensbevis som (erhversakademiuddannelse AK)

Deutschland

Allgemeine Hochschulreife / Abitur / Fachgebundene Hochschulreife / Fachhochschulreife / Hochschulzugang für beruflich Qualifizierte

 

Eesti

Gümnaasiumi lõputunnistus + riigieksamitunnistus

Lõputunnistus kutsekeskhariduse omandamise kohta

Tunnistus keskhariduse baasil kutsekeskhariduse omandamise kohta

Éire/Ireland

Ardteistiméireacht Grád D3 i 5 ábhar / Leaving Certificate Grade D3 in 5 subjects / Gairmchlár na hArdteistiméireachta (GCAT) / Leaving Certificate Vocational Programme (LCVP)

Teastas Náisiúnta / National Certificate /

Céim Bhaitsiléara / Ordinary Bachelor Degree Dioplóma Náisiúnta (ND, Dip.) / National Diploma (ND, Dip.) / Dámhachtain Ardteastas Ardoideachais (120 ECTS) / Higher Certificate (120 ECTS)

Ελλάδα

α) Απολυτήριο Γενικού Λυκείου

β) Απολυτήριο Κλασικού Λυκείου

γ) Απολυτήριο Τεχνικού — Επαγγελματικού Λυκείου

δ) Απολυτήριο Ενιαίου Πολυκλαδικού Λυκείου

Απολυτήριο Ενιαίου Λυκείου / Απολυτήριο Τεχνολογικού Επαγγελματικού Εκπαιδευτηρίου / Απολυτήριο Γενικού Λυκείου / Απολυτήριο Επαγγελματικού Λυκείου

Δίπλωμα επαγγελματικής κατάρτισης (IΕΚ)

España

Bachillerato Unificado y Polivalente (BUP) + Curso de Orientación Universitaria (COU) / Bachillerato

Técnico superior / Técnico especialista

France

Baccalauréat / Diplôme d’accès aux études universitaires (DAEU) / Brevet de technicien

Diplôme d’études universitaires générales (DEUG) / Brevet de technicien supérieur (BTS) / Diplôme universitaire de technologie (DUT) / Diplôme d’études universitaires scientifiques et techniques (DEUST)

Italia

Diploma di scuola secondaria superiore (diploma di maturità o esame di Stato conclusivo dei corsi di studio di istruzione secondaria superiore)

Certificato di specializzazione tecnica superiore/attestato di competenza (4 semestri) Diploma di istruzione e formazione tecnica superiore (IFTS) / Diploma di istruzione tecnica superiore (ITS) Diploma universitario (2 anni)

Diploma di Scuola diretta a fini speciali (2 anni)

Κύπρος

Απολυτήριο

Δίπλωμα = Programmes offered by Public/Private Schools of Higher Education (for the latter accreditation is compulsory) / Higher Diploma

Latvija

Atestāts par vispārējo vidējo izglītību

Diploms par profesionālo vidējo izglītību

Diploms par pirmā līmeņa profesionālo augstāko izglītību

Lietuva

Brandos atestatas

Aukštojo mokslo diplomas

Aukštesniojo mokslo diplomas

Luxembourg

Diplôme de fin d’études secondaires et techniques

Brevet de technicien supérieur (BTS) / Brevet de maîtrise / Diplôme de premier cycle universitaire (DPCU) / Diplôme universitaire de technologie (DUT)

Magyarország

Gimnáziumi érettségi bizonyítvány / Szakközép-iskolai érettségiképesítő bizonyítvány / Érettségi bizonyítvány

Bizonyítvány felsőfokú szakképesítésről

Malta

Advanced Matriculation or GCE Advanced level in 3 subjects (2 of them grade C or higher) / Matriculation certificate (2 subjects at Advanced level and 4 at Intermediate level including systems of knowledge with overall grade A-C) + Passes in the Secondary Education Certificate examination at Grade 5 /

2 A Levels (passes A-E) + a number of subjects at Ordinary level, or equivalent

MCAST diplomas/certificates

Higher National Diploma

Nederland

Diploma VWO / Diploma staatsexamen (2 diploma’s) / Diploma staatsexamen voorbereidend wetenschappelijk onderwijs (Diploma staatsexamen VWO) / Diploma staatsexamen hoger algemeen voortgezet onderwijs (Diploma staatsexamen HAVO)

Kandidaatsexamen

Associate degree (AD)

Österreich

Matura/Reifeprüfung

Reife-und Diplomprüfung

Berufsreifeprüfung

Kollegdiplom

Akademiediplom

Polska

Świadectwo dojrzałości

Świadectwo ukończenia liceum ogólnokształcącego

Dyplom ukończenia kolegium nauczycielskiego Świadectwo ukończenia szkoły policealnej

Portugal

Diploma de Ensino Secundário/ Certificado de Habilitações do Ensino Secundário

 

Republika Hrvatska

Svjedodžba o državnoj maturi

Svjedodžba o zavrsnom ispitu

Associate degree

Graduate specialist

Stručni Pristupnik / Pristupnica

România

Diplomă de bacalaureat

Diplomă de absolvire (Colegiu universitar) învățamânt preuniversitar

Slovenija

Maturitetno spričevalo (Spričevalo o poklicni maturi) (Spričevalo o zaključnem izpitu)

Diploma višje strokovne šole

Slovensko

vysvedčenie o maturitnej skúške

absolventský diplom

Suomi/

Finland

Ylioppilastutkinto tai peruskoulu + kolmen vuoden ammatillinen koulutus – Studentexamen eller grundskola + treårig yrkesinriktad utbildning (Betyg över avlagd yrkesexamen på andra stadiet)

Todistus yhdistelmäopinnoista (Betyg över kombinationsstudier)

Ammatillinen opistoasteen tutkinto — Yrkesexamen på institutnivå

Sverige

Slutbetyg från gymnasieskolan (3-årig gymnasial utbildning)

Högskoleexamen (80 poäng)

Högskoleexamen, 2 år, 120 högskolepoäng Yrkeshögskoleexamen/Kvalificerad yrkeshögskoleexamen, 1– 3 år

United Kingdom

General Certificate of Education Advanced level — 2 passes or equivalent (grades A to E)

BTEC National Diploma

General National Vocational Qualification (GNVQ), advanced level

Advanced Vocational Certificate of Education, A level (VCE A level)

Higher National Diploma/Certificate (BTEC)/SCOTVEC

Diploma of Higher Education (DipHE)

National Vocational Qualifications (NVQ) and Scottish Vocational Qualifications (SVQ) level 4


(1)  L-aċċess għall-grupp ta' funzjonijiet AST huwa soġġett għall-kondizzjoni addizzjonali ta' esperjenza professjonali xierqa ta' mill-anqas tliet snin.

ANNESS II

TALBIET GĦAL RIEŻAMI – APPELLI – ILMENTI LILL-OMBUDSMAN EWROPEW

Il-kandidati li jqisu li deċiżjoni laqtithom b’mod negattiv jistgħu jitolbu li jsir rieżami ta’ din id-deċiżjoni, jappellaw jew jippreżentaw ilment lill-Ombudsman Ewropew (1).

Talbiet għal rieżami

Il-kandidati jistgħu jitolbu lill-kumitat ta’ selezzjoni biex jagħmel rieżami tad-deċiżjonijiet li ġejjin:

—

in-nuqqas ta’ dħul fil-proċedura tal-għażla

—

in-nuqqas ta’ stedina għat-testijiet fiżiċi

—

in-nuqqas ta’ stedina għat-testijiet orali.

Id-deċiżjoni li wieħed ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva ma tistax tkun soġġetta għal rieżami mill-kumitat ta’ selezzjoni.

It-talbiet għal rieżami motivati jridu jintbagħtu permezz ta’ email fl-indirizz elettroniku PE-197-S@ep.europa.eu fi żmien għaxart ijiem kalendarji mid-data meta l-Unità ta’ Selezzjoni tat-Talenti tkun bagħtet l-email li tinnotifika d-deċiżjoni. It-tweġiba se tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata mill-aktar fis possibbli.

Appelli

—

Il-kandidati jistgħu jippreżentaw ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), indirizzat lil:

M. le Secrétaire général

Parlement européen

Bât. Konrad Adenauer

2929 Luxembourg

LUXEMBOURG

Din il-possibilità hija miftuħa għall-istadji kollha tal-proċedura ta’ selezzjoni.

Għandha tiġi nnutata s-setgħa ta’ valutazzjoni wiesgħa li għandhom il-kumitati ta’ selezzjoni, li jiddeliberaw b’indipendenza sħiħa u li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jinbidlu mill-Awtorità tal-Ħatra. Din is-setgħa ta’ valutazzjoni wiesgħa mhix soġġetta għall-kontroll għajr f’każ ta’ ksur evidenti tar-regoli li jirregolaw ix-xogħol. Id-deċiżjoni tal-kumitat ta’ selezzjoni tista’ b’hekk titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea anke jekk ma jkun ġie ppreżentat ebda lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

—

L-appell għandu jitressaq lil:

Tribunal de l'Union européenne

2925 Luxembourg

LUXEMBOURG,

abbażi tal-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 91 tar-Regolament tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din il-possibilità hija prevista biss għad-deċiżjonijiet meħuda mill-kumitat ta’ selezzjoni.

F’każ ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li jirrifjutaw l-aċċess għall-proċedura ta’ selezzjoni minħabba n-nuqqas ta’ konformità tal-applikazzjoni mar-rekwiżiti ta’ ammissjoni kif stipulat fit-Taqsima B.1. tal-avviż, appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea jista’ jsir biss wara li jkun sar ilment kif imsemmi hawn fuq.

It-talba għal appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea teħtieġ b’mod obbligatorju l-intervent ta’ avukat li jista’ jeżerċita quddiem ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea.

Il-limiti ta’ żmien imsemmija fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li japplikaw għal dawn iż-żewġ tipi ta’ appelli jibdew jgħoddu, jew mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni inizjali li tolqot b’mod negattiv jew, fil-każ ta’ talba għal rieżami, mid-data tan-notifika tat-tweġiba inizjali tal-kumitat ta’ selezzjoni għal din it-talba.

Ilmenti mressqa lill-Ombudsman Ewropew

Bħal kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni Ewropea, il-kandidati jistgħu jippreżentaw ilment lil:

Médiateur européen (European Ombudsman)

1, avenue du Président Robert Schuman — BP 403

67001 STRASBOURG CEDEX

FRANCE,

skont l-Artikolu 228(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont il-kondizzjonijiet previsti mid-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (3).

Għandha tinġibed l-attenzjoni tal-kandidati għall-fatt li l-ilmenti ppreżentati lill-Ombudsman ma jissospendux il-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għat-tressiq ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  Il-preżentazzjoni ta' talbiet għal rieżami, appelli jew ilmenti lill-Ombudsman Ewropew ma jwaqqfux ix-xogħol tal-kumitat ta' selezzjoni.

(2)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u reċentement mir-Regolament (UE, Εuratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(3)  ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.


Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image


Top