Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2017/431A/01

Pubblikazzjoni ta’ post vakanti għal Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) — Lisbona (Aġent Temporanju — Grad AD 14) — COM/2017/20025

ĠU C 431A, 15.12.2017, pp. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 431/1


Pubblikazzjoni ta’ post vakanti għal Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) — Lisbona

(Aġent Temporanju — Grad AD 14)

COM/2017/20025

(2017/C 431 A/01)

 

Min aħna

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) ġiet stabbilita fl-2002 wara l-inċident tat-tanker “Erika” u t-tixrid ta’ żejt b’konsegwenza ta’ dan. Il-mandat tagħha (ir-Regolament (KE) 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)) ġie estiż tul is-snin, bi twessigħ sinifikanti tal-kamp ta’ applikazzjoni fl-2013 (ir-Regolament (UE) 100/2013 (2)). L-ESMA llum tipprovdi assistenza teknika, operazzjonali u xjentifika lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha fl-oqsma tas-sikurezza marittima, sigurtà marittima, prevenzjoni ta’ u rispons għal tniġġis ikkawżat minn bastimenti kif ukoll tipprovdi reazzjoni għal tniġġis ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass.

L-assistenza tagħha hija rilevanti l-aktar fil-proċess kontinwu tal-aġġornament u l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni ġdida, fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha u fl-evalwazzjoni tal-effettività tal-miżuri fis-seħħ. L-ESMA twettaq żjarat regolari għall-amministrazzjonijiet marittimi u tispezzjona soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni kif ukoll sistemi ta’ pajjiżi terzi għat-taħriġ u ċertifikazzjoni tal-baħħara. L-Aġenzija tassisti wkoll lill-pajjiżi ġirien tal-UE biex jestendu l-għarfien u l-kapaċitajiet tagħhom. Barra minn hemm, l-EMSA tassissti lill-Istati Membri affettwati minn tniġġis ikkawżat minn bastimenti u installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass b’bastimenti u tagħmir speċjalizzati kif ukoll immaġnijiet bis-satellita li jidentifikaw it-tniġġis, b’baġit pluriennali speċifiku ddedikat (ir-Regolament (UE) 911/2014 (3)).

Qasam ewlieni taħt żvilupp kostanti li kulma jmur qed ikollu aktar valur miżjud huwa dak tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ tagħrif marittimu tal-EMSA. Il-Kummissjoni Ewropea qed tippromwovi użu akbar tal-assistenza tal-EMSA għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tekniċi biex jiġu ssimplifikati l-formalitajiet tar-rapportar għat-trasport marittimu u għal soluzzjonijiet interoperabbli tal-IT bħat-Tieqa Unika u l-Manifest elettroniku. Filwaqt li jibnu fuq is-sistemi ta’ rapportar tal-vapuri u fuq għodod oħra ta’ sorveljanza, is-Servizzi Marittimi Integrati qed jestendu soluzzjonijiet diġitali lill-utenti finali kollha b’interess leġittimu u lill-korpi tal-UE, sabiex jaqdu lil oqsma politiċi ta’ prijorità bħas-sigurtà u s-sitwazzjoni tal-migrazzjoni. Sfida għall-futur se tkun li tingħata assistenza lil iżjed awtoritajiet nazzjonali involuti f’funzjonijiet tal-Gwardji tal-Kosta għal tisħiħ fl-azzjoni transettorjali u transfruntiera b’kooperazzjoni ma’ aġenziji kompetenti oħra. Dan ġie rifless fl-aħħar reviżjoni tal-mandat fl-2016 (ir-Regolament (UE) 1625/2016 (4)).

L-EMSA hija bbażata f'Lisbona fil-Portugall. Fl-2017, l-Aġenzija kellha baġit totali ta’ madwar EUR 75 miljun u madwar 250 persunal. Il-baġit tal-Aġenzija mistenni jiżdied sal-2020 b’rabta mal-pakkett tal-Gwardja tal-Kosta u t-tkabbir ta’ azzjonijiet iffinanzjati mill-proġetti (bħall-implimentazzjoni tal-komponent tas-sigurtà tal-programm Copernicus).

Għal aktar informazzjoni kkonsulta dan is-sit elettroniku: http://www.emsa.europa.eu

Nipproponu

Id-Direttur Eżekuttiv hu r-rappreżentant legali u l-immaġini pubblika tal-Aġenzija u għandu jwieġeb lill-Bord ta’ Amministrazzjoni.

Id-Direttur Eżekuttiv se jmexxi u jimmaniġġa l-Aġenzija u jassumi r-responsabbiltà sħiħa għall-operazzjonijiet tagħha, u jiżgura li jintlaħqu l-għanijiet tal-Aġenzija.

Ir-responsabbiltajiet speċifiċi tad-Direttur Eżekuttiv jinkludu:

Il-kisba tal-għanijiet tal-Aġenzija f’konformità mal-istrateġija pluriennali stabbilita mill-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija,

L-iżvilupp u ż-żamma ta' kooperazzjoni effettiva u effiċjenti mas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri, pajjiżi terzi relevanti u partijiet ikkonċernati, kif xieraq, skont il-kompiti tal-Aġenzija;

Il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli mill-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar it-trasport marittimu;

Il-kooperazzjoni mad-Diretturi Eżekuttivi ta’ Frontex (l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta) u tal-EFCA (l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd) għall-implimentazzjoni tal-pakkett tal-Gwardja tal-Kosta;

Ir-rispons għal kwalunkwe talba ta’ assistenza mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-Istati Membri skont il-kompiti tal-Aġenzija;

L-iżvilupp tal-profil tal-Aġenzija, inklużi l-attivitajiet internazzjonali tagħha u fejn xieraq, il-kooperazzjoni mal-industrija;

It-tħejjija tad-dokument uniku ta’ programmar pluriennali, il-programm ta' ħidma annwali u tal-pjanijiet ddettaljati għall-attivitajiet ta' preparazzjoni u ta' reazzjoni tal-Aġenzija kontra t-tniġġis u t-teħid tal-passi neċessarji għall-implimentazzjoni tagħhom, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea;

It-tħejjija u t-twettiq tal-baġit tal-Aġenzija f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea;

It-tħejjija tar-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija;

It-twettiq tal-ġestjoni ta' kuljum tal-Aġenzija. Ir-reklutaġġ u l-evalwazzjoni tal-persunal tal-Aġenzija, f'konformità mar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE, waqt li jitrawwem spirtu tajjeb ta' tim u ambjent tax-xogħol pożittiv;

Il-komunikazzjoni diretta u indiretta mal-pubbliku dwar il-kwistjonijiet kollha li jaqgħu fl-ambitu tal-missjoni tal-Aġenzija.

X'qegħdin infittxu (kriterji għall-għażla)

Il-kandidati għandu jkollhom:

a)   Kompetenzi Maniġerjali, b’mod partikolari:

Kapaċità eċċellenti għall-ġestjoni ta’ aġenzija deċentralizzata, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll fil-livell ta’ tmexxija interna, u l-kapaċità għall-indirizzar tal-isfidi li jiltaqa’ magħhom korp li jinteraġixxi ma’ bosta partijiet interessati;

Għarfien, esperjenza, kif ukoll reputazzjoni fil-ġestjoni ta' riżorsi finanzjarji sinifikanti f'ambjent nazzjonali, Ewropew u/jew internazzjonali, inkluż l-ippjanar baġitarju u l-kontroll intern;

Rekord inizjali ippruvat fil-ġestjoni ta’ timijiet kbar f’livell maniġerjali għoli, inkluża l-kapaċità ta’ tmexxija, motivazzjoni u żvilupp tal-potenzjal ta’ tim bi sfondi multinazzjonali u sfond multidixxiplinari; l-esperjenza miksuba f’ambjent multikulturali tiġi kkunsidrata bħala vantaġġ;

Kapaċità li tinżamm relazzjoni mill-qrib mal-Istituzzjonijiet tal-UE u mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

b)   Għarfien tekniku, b’mod partikolari:

Għarfien tajjeb tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u ta' kif joperaw u jinteraġixxu;

Għarfien tal-politika marittima Ewropea, b’mod partikolari l-politika u l-leġiżlazzjoni dwar it-trasport marittimu;

Esperjenza ppruvata fit-trasport u fil-politiki marittimi; l-esperjenza miksuba f'amministrazzjoni pubblika nazzjonali, Ewropea jew internazzjonali tkun ikkunsidrata bħala vantaġġ.

Il-kapaċità li tiġi żviluppata viżjoni strateġika għas-settur tat-trasport marittimu u l-Aġenzija, inkluża s-sikurezza, id-diġitalizzazzjoni u s-sostenibilità ambjentali tat-trasport marittimu.

c)   Ħiliet ta’ komunikazzjoni, b’mod partikolari:

Kapaċità u esperjenza ppruvati ta’ komunikazzjoni effettiva u effiċjenti mal-pubbliku u ta’ kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti kollha;

Ħiliet eċċellenti interpersonali, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, u ħiliet organizzattivi u ta' negozjar u l-kapaċità ta’ bini ta’ relazzjonijiet ta’ ħidma fdati mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u ma’ partijiet interessati oħra;

Għarfien tajjeb ħafna tal-lingwa Ingliża jkun ta’ vantaġġ peress li hija l-lingwa ta’ ħidma tal-Aġenzija.

L-applikanti jeħtieġu (kriterji ta' eliġibbiltà)

Il-kandidati jiġu kkunsidrati għall-fażi tal-għażla abbażi tal-kriterji formali li ġejjin li jridu jiġu ssodisfati sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet:

Ċittadinanza: ikunu ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ċittadini minn pajjiż taż-Żona Ekonomika Ewropea;

Lawrja jew diploma universitarji:

ikollhom livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji li tlestew, iċċertifikati b’diploma, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta' erba' snin jew aktar,

jew livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma, iċċertifikat b'diploma u esperjenza professjonali xierqa ta' mill-inqas sena meta l-perjodu normali ta' edukazzjoni universitarja jkun tal-inqas tliet snin (din is-sena ta' esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali ta' wara l-lawrja meħtieġa hawn taħt);

Esperjenza professjonali: ikollhom minn tal-inqas 15-il sena esperjenza professjonali wara l-istudji universitarji f’livell li jagħtu ammissjoni għalih il-kwalifiki msemmija hawn fuq. Mill-anqas 5 snin minn din l-esperjenza professjonali għandhom ikunu fl-oqsma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet tal-Aġenzija.

Esperjenza ta’ mmaniġġjar: mill-inqas ħames snin minn dawn il-15-il sena ta' esperjenza professjonali jridu jkunu nkisbu f'funzjoni maniġerjali ta' livell għoli (5) u għandu jkollhom rabta diretta ma’qasam relatat ma' din il-kariga.

Lingwi: ikollhom għarfien tajjeb ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni (6) u għarfien sodisfaċenti ta' lingwa oħra minn dawn il-lingwi uffiċjali sa fejn hu meħtieġ għall-qadi ta' dmirijiethom. Matul l-intervista/i, il-bordijiet tal-għażla jivverifikaw jekk il-kandidati jikkonformawx mar-rekwiżit ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dan jista' jinkludi li parti mill-intervista ssir f'din il-lingwa l-oħra.

Limitu tal-età: ikunu kapaċi jlestu, sal-għeluq tal-applikazzjoni, il-mandat sħiħ ta’ ħames snin qabel ma jilħqu l-età tal-irtirar. Għall-persunal temporanju tal-Unjoni Ewropea, l-età tal-irtirar hija definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq l-età ta' 66 sena (ara l-Artikolu 47 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra u l-Artikolu 52(a) tar-Regolamenti tal-Persunal) (7).

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

Id-Direttur Eżekuttiv jiġi mitlub jagħmel dikjarazzjoni ta' impenn biex jaġixxi b'mod indipendenti fl-interess pubbliku u biex jagħmel dikjarazzjoni fir-rigward ta' interessi li jistgħu jkunu meqjusa ta' preġudizzju għall-indipendenza tiegħu/tagħha. Il-kandidati jridu jikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jagħmlu dan fl-applikazzjoni tagħhom.

Għażla u ħatra

Il-Kummissjoni Ewropea torganizza l-għażla skont il-proċeduri ta' għażla u reklutaġġ tagħha (ara wkoll id-Dokument dwar il-Politika għall-Uffiċjali b'Kariga Għolja (8)). Għal dan l-għan, se twaqqaf bord ta’ qabel l-għażla, li fih jipparteċipa rappreżentant tal-Bord Amministrattiv tal-EMSA bħala osservatur. Dan il-bord janalizza l-applikazzjonijiet kollha u jidentifika numru ta’ kandidati li għandhom l-aħjar profil fid-dawl tal-kriterji għall-għażla msemmija hawn fuq. Dawn il-kandidati jistgħu jiġu mistiedna għal intervista mal-bord ta' preselezzjoni.

Wara dawn l-intervisti, il-bord ta' preselezzjoni jfassal il-konklużjonijiet tiegħu u jipproponi lista ta' kandidati għal aktar intervisti mal-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatriet (Consultative Committee on Appointments, CCA) tal-Kummissjoni Ewropea. Is-CCA, filwaqt li jqis il-konklużjonijiet tal-bord ta' preselezzjoni, se jiddeċiedi dwar il-kandidati li għandhom jiġu mistiedna għal intervista.

Il-kandidati msejħa għal intervista mas-CCA se jipparteċipaw għal ġurnata sħiħa f'ċentru ta' valutazzjoni tal-kompetenzi ta’ ġestjoni, immexxi minn konsulenti esterni tar-reklutaġġ. Fuq il-bażi tar-riżultati tal-intervista u r-rapport taċ-ċentru ta' valutazzjoni, is-CCA se jistabbilixxi lista preliminari tal-kandidati li jikkunsidra xierqa biex jaqdu l-funzjonijiet ta' Direttur Eżekuttiv.

Il-kandidati li jitpoġġew fuq il-lista preliminari mis-CCA mbagħad jiġu intervistati mill-Kummissarju/i rilevanti.

Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni tadotta lista qasira tal-kandidati li huma l-iktar adattati, li tiġi kkomunikata lill-Bord Amministrattiv tal-EMSA. Dan tal-aħħar jista' jintervista lill-kandidati ta’ fuq il-lista mqassra. Huwa jinnomina lid-Direttur. L-inklużjoni fil-lista qasira tal-Kummissjoni mhix garanzija tal-ħatra.

Il-kandidati jistgħu jkunu meħtieġa jagħmlu iktar intervisti u/jew testijiet minbarra dawk indikati hawn fuq.

Qabel il-ħatra, l-applikant innominat jista' jkun mistieden jagħmel dikjarazzjoni dwar il-viżjoni tiegħu/tagħha għall-aġenzija quddiem il-Parlament Ewropew u jwieġeb xi mistoqsijiet li jsiru mill-Membri tal-Parlament Ewropew.

Għal raġunijiet prattiċi u sabiex il-proċedura tal-għażla titlesta malajr kemm jista' jkun, il-proċedura tal-għażla ssir biss bl-Ingliż u/jew bil-Franċiż.

Il-paga u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma elenkati fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għal Uffiċjali Oħra għal aġenti temporanji li jokkupaw funzjoni li tikkorrispondi mal-post bażiku ta' Direttur fil-grad AD14 tal-Unjoni Ewropea. Il-kandidat li jintgħażel jiġi klassifikat skont it-tul ta' żmien tal-esperjenza tiegħu/tagħha fl-istadju 1 jew 2 fil-grad. Huwa/hija se jinħatar/tinħatar għal mandat inizjali ta’ ħames 5 snin b’possibbiltà ta’ estensjoni skont ir-regoli li kienu japplikaw fiż-żmien ta’ din il-pubblikazzjoni.

Opportunitajiet indaqs

Il-Kummissjoni Ewropea u l-ESMA japplikaw politika ta' opportunitajiet indaqs u ta' nondiskriminazzjoni f’konformità mal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal (9).

It-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg

Id-Direttur Eżekuttiv se jinħatar bħala aġent temporanju fil-grad ta' AD14, skont l-Artikolu 2(a) u 10 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg ta' ħaddiema oħra tal-Unjoni Ewropea għal perjodu ta’ ħames snin. Skont ir-Regolament tal-EMSA, il-mandat tiegħu/tagħha jista’ jiġġedded darba biss.

L-applikanti għandhom jinnotaw ir-rekwiżit, skont il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra għall-persunal ġdid kollu, li jitwettaq b'suċċess perjodu ta' prova ta' disa' (9) xhur.

Il-post tal-impjieg huwa Lisbona, fejn hi bbażata l-Aġenzija.

Dan il-post battal se jkun disponibbli mill-1 ta’ Jannar 2019.

Proċedura ta' applikazzjoni

Qabel ma tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b’attenzjoni jekk tissodisfax ir-rekwiżiti kollha tal-eliġibbiltà (“L-applikanti jeħtieġu (kriterji ta' eliġibbiltà)”), b’mod partikolari dawk rigward it-tip ta’ diplomi, u l-esperjenza professjonali ta' livell għoli kif ukoll il-ħiliet lingwistiċi meħtieġa. Min ma jissodisfax xi waħda minn dawn ir-rekwiżiti ta' eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.

Jekk tixtieq tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet fis-sit web li ġej u ssegwi l-istruzzjonijiet li jikkonċernaw l-istadji diversi tal-proċedura:

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan jintuża biex tkun ikkonfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jinżamm kuntatt miegħek matul l-istadji differenti tal-proċedura. Għaldaqstant, informa lill-Kummissjoni Ewropea b'kull bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Biex l-applikazzjoni tiegħek tkun kompluta, jeħtieġ li ttella' CV fil-format PDF u li timla online ittra ta' motivazzjoni (massimu ta' 8 000 karattru).

Meta tlesti r-reġistrazzjoni online tiegħek, tirċievi ittra elettronika li tikkonferma li l-applikazzjoni tiegħek ġiet irreġistrata. L-ittra elettronika jkun fiha wkoll numru ta’ reġistrazzjoni li jkun in-numru ta’ referenza tiegħek f’kull kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tiegħek. Jekk ma tirċievi l-ebda konferma bil-posta elettronika, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress tal-applikazzjoni tiegħek onlajn. Inti tiġi kkuntattjat dwar l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek direttament mill-Kummissjoni Ewropea.

Għal aktar informazzjoni u/jew fil-każ ta' problemi tekniċi, ibgħat ittra permezz tal-posta elettronika lil: HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Data ta' Skadenza

Id-data ta' skadenza għar-reġistrazzjoni hija id-29 ta' Jannar 2018, f'nofsinhar (12.00) ħin ta' Brussell, u wara dan ir-reġistrazzjoni onlajn ma tkunx tista' ssir aktar.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li tlesti r-reġistrazzjoni online tiegħek fil-ħin. Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, għaliex konġestjoni kbira fl-internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni onlajn tieqaf qabel ma tkun lestejtha, u b'hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu.

Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista' tibdel jew iżżid xi dejta. Ir-reġistrazzjonijiet li jaslu tard ma jiġux aċċettati.

Informazzjoni importanti għall-kandidati

Il-kandidati huma mfakkra li x-xogħol tad-diversi kumitati tal-għażla huwa kunfidenzjali. Il-kandidati huma pprojbiti milli jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-membri tagħhom jew milli jitolbu lil xi ħaddieħor jagħmel dan f'isimhom.

Protezzjoni ta’ dejta personali

Il-Kummissjoni Ewropea u l-ESMA jiżguraw li d-dejta personali tal-kandidati tiġi pproċessata kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta. Dan japplika b'mod partikolari għall-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta' din id-dejta (10).


(1)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 39, 9.2.2013, p. 30.

(3)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 115.

(4)  ĠU L 251, 16.9.2016, p. 77.

(5)  Fis-CVs tagħhom l-applikanti għandhom jindikaw mill-inqas għal dawn il-ħames snin x'tip ta' esperjenza maniġerjali f'livell għoli inkisbet: (1) it-titolu u l-irwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li kienu fihom; (2) in-numru ta’ persunal li kienu jmexxu f’dawn il-pożizzjonijiet; (3) id-daqs tal-baġits ġestiti; (4) in-numru ta’ livelli ġerarkiċi 'l fuq u 'l isfel; u (5) in-numru ta’ persunal tal-istess livell.

(6)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01958R0001-20130701

(7)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20140701&from=MT

(8)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/compilation-of-the-senior-official-policy-at-the-european-commission_en.pdf

(9)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20170101

(10)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top