Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2016/157A/01

Direttorat Ġenerali għall-Baġit — Post battal għall-kariga ta’ Konsulent Prinċipali (Grad AD14) Brussell — (l-Artikolu 29, paragrafu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal) — COM/2016/10365

ĠU C 157A, 3.5.2016, pp. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 157/1


Direttorat Ġenerali għall-Baġit

Post battal għall-kariga ta’ Konsulent Prinċipali (Grad AD14) Brussell

(l-Artikolu 29, paragrafu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal)

COM/2016/10365

(2016/C 157 A/01)

 

Min aħna

Il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli biex timplimenta bosta mill-obbligi baġitarji tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit (DĠ BAĠIT) għandu l-kompitu li jiżgura mill-awtorità baġitarja r-riżorsi meħtieġa biex jimplimenta l-politiki tal-UE, jamministra l-qafas regolatorju tal-baġit, jimplimenta l-baġits annwali (dħul u nefqa), ifassal il-kontijiet annwali tal-istituzzjonijiet, jiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u jirrapporta fuq l-eżekuzzjoni tal-baġit lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri għal dikjarazzjoni ta’ aċċertament pożittiva (DAS). Huwa magħmul minn ħames direttorati bbażati fi Brussell bi kważi 450 membru tal-persunal.

Id-DĠ BAĠIT iħejji wkoll ir-regoli li jirregolaw il-finanzi tal-Unjoni Ewropea u, billi joffri konsulenza u taħriġ, iħeġġeġ ġestjoni finanzjarja tajba fid-dipartimenti tal-Kummissjoni. B’dan, id-Direttorat Ġenerali għandu parti deċisiva fil-proċess tar-riforma amministrattiva mfassal biex jagħti lill-istituzzjoni amministrazzjoni pubblika ta’ livell għoli li biha jkun jista’ jwettaq bl-effiċjenza massima l-kompiti mogħtija lilu mit-Trattat.

Id-DĠ BAĠIT għandu rwol importanti fl-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani, kif ukoll fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet finanzjarji applikabbli lihom. Dan ikopri wkoll l-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani lil korpi diċentralizzati.

Nipproponu

Id-DG BAĠIT għandu l-intenzjoni li jimpjega Konsulent Prinċipali biex imexxi l-ħidma ta’ “Baġit iffukat fuq ir-riżultati”, li hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tiegħu. Fil-kuntest ta’ skarsità dejjem tikber ta’ finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni jkollha tara li r-riżorsi li hemm disponibbli jintużaw bl-aħjar mod u li jinkisbu l-aħjar riżultati possibbli bil-politiki tal-UE permezz ta’ allokazzjonijiet baġitarji.

B’din il-perspettiva, id-DG BAĠIT qiegħed iressaq għadd ta’ azzjonijiet kemm fi ħdan kif ukoll barra l-Kummissjoni bil-ħsieb li:

jingħata kontribut għal kultura ta’ prestazzjoni aħjar fejn jidħol il-baġit tal-UE, inkuż bit-titjib ta’ bbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni f’kull parti tal-Kummissjoni kif ukoll

li l-partijiet interessati interni u esterni jingħataw informazzjoni li tkun relevanti, f’waqtha u sinifikanti f’dak li għandu x’jaqsam mal-valur miżjud tal-baġit tal-UE.

Il-Konsulent Prinċipali huwa direttament responsabbli lejn id-Direttur-Ġenerali. Il-persuna magħżula tkun inkarigata li tmexxi strateġija biex il-baġit tal-UE ikun iffukat fuq ir-riżultati, kif ukoll fuq l-ippjanar, il-monitoraġġ u s-superviżjoni tal-attivitajiet tat-Task Force li għadha kif ġiet stabbilita “Baġit iffukat fuq ir-riżultati” b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:

l-organizzazzjoni, it-tħejjija u s-segwitu tal-Grupp tal-Kummissarji dwar il-baġit iffukat fuq ir-riżultati, il-Grupp ta’ bejn is-Servizzi dwar il-baġit iffukat fuq ir-riżultati, il-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali dwar l-ibbaġġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni;

l-organizzazjoni, it-tħejjija u s-segwitu tal-Konferenza annwali dwar il-Baġit iffukat fuq ir-riżultati;

l-iżvilupp ta’ qafas koerenti għall-evalwazzjoni u r-rappurtar dwar il-prestazzjoni u l-impatt tal-programmi ta’ nfieq tal-UE f’kooperazzjoni mill-qrib mad-DGs li jkunu qed jonfqu.

Barra minn dan, il-Konsulent Prinċipali jirrappreżenta lill-Kummissjoni fil-livell maniġerjali għoli fir-rispett tad-dinja in ġenerali.

X’qed infittxu

Il-kandidat ideali għandu jkun persuna b’mentalità ta’ servizz pubbliku bi storja ta’ ħidma fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji bi stil ta’ mmaniġġjar bl-eżempju u prattiku.

Għandu jkollu:

għarfien tajjeb ħafna tal-baġit u l-politiki tal-UE;

ħiliet eċċellenti ta’ analiżi u kapaċità li jidentifika kwistjonijiet ewlenin, li jiżviluppa u jiġġenera għanijiet strateġiċi u li jkun kapaċi jsarrafhom fi proposti prattiċi għall-azzjoni;

abbiltà tajba ħafna li jsolvi problemi ta’ organizzazzjoni u ta’ ħidma, ġudizzju tajjeb ippruvat u ħila ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;

ħiliet ippruvati ta’ organizzazzjoni; ħila eċċellenti li jistabbilixxi objettivi u skopijiet, li jipprijoritizza l-kompiti u jara li dawn jiġu eżegwiti b’mod effettiv kif ukoll il-ħila li jaħdem b’metodi ta’ netwerking ma’ servizzi differenti fi ħdan id-DG Baġit u l-Kummissjoni;

esperjenza b’suċċess ippruvata fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji kumplessi, preferibbilment f’oqsma relatati mill-qrib mal-baġit u l-prestazzjoni ta’ politika. Għarfien tajjeb ta’ metodi ta’ evalwazzjoni u għodod ta’ linji ta’ politika.

ħiliet tajbin ħafna ta’ tmexxija, komunikazzjoni u ħiliet interpersonali, jkun kapaċi li jirrappreżenta lid-Direttorat-Ġenerali u lill-Kummissjoni b’mod effettiv f’livell għoli ta’ mmaniġġjar fil-konfront ta’ DGs, Istituzzjonijiet tal-UE u jew persuni interessati oħra.

L-applikanti jridu:

1.

Ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-UE.

2.

Ikollhom:

(i)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji li tlestew, iċċertifikati b’diploma meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar,

(ii)

jew livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma, iċċertifikat b’diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena meta l-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja jkun tal-anqas tliet snin (din l-esperjenza professjonali ta’ sena ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali ta’ wara l-lawrija meħtieġa hawn taħt);

3.

Ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza professjonali ta’ wara l-lawrja f’livell li l-kwalifiki msemmija hawn fuq jagħtu aċċess għalih. Mill-inqas ħames snin minn din l-esperjenza professjonali għandha tkun inkisbet f’funzjoni ta’ konsulenza ta’ livell għoli f’qasam relatat ma’ din il-kariga.

Il-kandidati għandhom jindikaw b’mod ċar għal, kull funzjoni ta’ livell għoli, it-titlu tagħha u r-rwol eżatt li jkunu eżerċitaw.

4.

Ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien adegwat ta’ lingwa oħra minn fost dawn il-lingwi uffiċjali (1). Matul l-intervista/intervisti, il-bordijiet tal-għażla jivverifikaw jekk il-kandidati jikkonformawx mar-rekwiżit ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dan jista’ jinkludi li parti mill-intervista ssir f’din il-lingwa l-oħra.

5.

Ma jkunux għadhom laħqu l-età normali tal-irtirar; għal persunal li jidħol fis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea mill-1 ta’ Jannar 2014, l-età tal-irtirar hija definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq is-66 sena (ara l-Art. 52 lit (a) tar-Regolamenti tal-Persunal) (2).

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi:

Il-kandidati huma obbligati li jaġixxu b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u dikjarazzjoni ta’ kwalunkwe interess li jista’ jiġi kkunsidrat li jippreġudika l-indipendenza tagħhom.

Ħatra u kundizzjonijiet tal-impjieg:

Il-Konsulent Prinċipali se jintgħażel u jinħatar mill-Kummissjoni skont il-proċeduri tagħha tal-għażla u r-reklutaġġ (ara wkoll: Id-Dokument ta’ Kompilazzjoni dwar il-Politika għall-Uffiċjali b’Kariga Għolja (3)). Il-proċess tal-għażla jinkludi intervisti ma’ bordijiet differenti ta’ għażla, inkluż mal-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni dwar il-Ħatriet, kif ukoll parteċipazjoni f’ċentri ta’ evalwazzjoni mmexxi minn konsulenti esterni tar-reklutaġġ.

Is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma dawk stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali fil-grad AD14 tal-Unjoni Ewropea. L-applikanti għandhom jieħdu nota tar-rekwiżit skont ir-Regolamenti tal-Persunal għall-persunal ġdid kollu li jrid jispiċċa b’suċċess perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur.

Għal raġunijiet funzjonali u sabiex il-proċedura tas-selezzjoni titlesta malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-kandidati kif ukoll dak tal-istituzzjonijiet, il-Kummissjoni Ewropea twettaq il-proċedura tas-selezzjoni bl-Ingliż u/jew bil-Franċiż biss (4).

Il-kandidat magħżul se jiġi rreklutat bħala uffiċjal skont it-termini tar-Regolamenti tal-Persunal.

Opportunitajiet indaqs:

Il-Kummissjoni timxi b’politika ta’ opportunitajiet indaqs bil-għan li tkompli żżid is-sehem tan-nisa f’pożizzjonijiet ta’ mmaniġġjar u b’mod partikolari tħajjar lin-nisa biex japplikaw.

Proċedura tal-applikazzjoni:

Qabel ma tippreżenta l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b’attenzjoni jekk tissodisfax il-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha (“Il-kandidati jridu”), b’mod partikolari dawk rigward it-tip ta’ diplomi u l-esperjenza professjonali meħtieġa, kif ukoll dawk rigward il-kompetenza lingwistika tiegħek. Min ma jissodisfax dawn il-kriterji tal-eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.

Jekk trid tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet billi tmur fuq is-sit web

https://ec.europa.eu/dgs/human-riżorsi/seniormanagementvacancies/

u ssegwi l-istruzzjonijiet li hemm li jikkonċernaw id-diversi stadji tal-proċedura.

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan jintuża biex tkun ikkonfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jinżamm kuntatt miegħek matul l-istadji differenti tal-proċess tas-selezzjoni. Għaldaqstant, informa lill-Kummissjoni Ewropea b’kull bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Biex l-applikazzjoni tiegħek tkun kompluta, jeħtieġ li ttella’ CV fil-format PDF u li timla ittra ta’ motivazzjoni onlajn (massimu ta’ 8 000 karattru). Għal raġunijiet funzjonali u sabiex il-proċedura tas-selezzjoni tintemm malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-kandidati kif ukoll dak tal-istituzzjoni, is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni jridu jinkitbu bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

Meta tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek, inti tirċievi ittra elettronika li tikkonferma li l-applikazzjoni tiegħek ġiet irreġistrata. L-ittra elettronika jkun fiha wkoll numru ta’ reġistrazzjoni li jkun in-numru ta’ referenza tiegħek f’kull kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tiegħek.

Jekk ma tirċievi l-ebda konferma bil-posta elettronika, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Nixtiequ niġbdulek l-attenzjoni li mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress tal-applikazzjoni tiegħek online. Il-Kummissjoni Ewropea tikkuntattjak direttament dwar l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek.

Jekk għandek xi diżabbiltà li minħabba fiha ma jkunx possibbli għalik li tirreġistra onlajn, tista’ tibgħat l-applikazzjoni tiegħek (is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni) fuq karta bil-posta rreġistrata f’dan l-indirizz: European Commission, Directorate-General for Human Resources and Security, Unit for Executive Staff and CCA Secretariat, SC11 8/59, B – 1049 Brussels, u indika b’mod ċar bħala referenza: Vacancy for a Deputy Director General in DG ECFIN (COM/2016/10365), u l-ittra trid tkun ittimbrata mhux aktar tard mid-data tal-għeluq tar-reġistrazzjoni. Kull komunikazzjoni sussegwenti bejnek u bejn il-Kummissjoni tkun bil-posta. F’dan il-każ, mal-applikazzjoni tiegħek trid tehmeż ċertifikat maħruġ minn entità rikonoxxuta, li jiċċertifika d-diżabbiltà tiegħek. Għandek tispjega wkoll, fuq folja separata, kull arranġament speċjali li taħseb li jkun meħtieġ biex jiffaċilita l-parteċipazzjoni tiegħek fl-għażla.

Jekk teħtieġ aktar tagħrif u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat ittra elettronika lil HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu.

Id-data tal-għeluq:

Id-data tal-għeluq tar-reġistrazzjoni hi t-8 ta’ Ġunju 2016. Ir-reġistrazzjoni online ma tkunx possibbli wara 12.00 p.m. ħin ta’ Brussell.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek fil-ħin. Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, għaliex konġestjoni kbira fuq l-Internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni onlajn tiġi tterminata qabel ma tkun lestejtha, u b’hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għall-preżentazzjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista’ tibdel jew iżżid xi dejta. Ir-reġistrazzjonijiet li jaslu tard ma jiġux aċċettati.

Informazzjoni importanti għall-applikanti

L-applikanti huma mfakkra li x-xogħol tal-kumitati ta’ għażla ta’ għażla huwa kunfidenzjali. Kull kuntatt dirett jew indirett mill-kandidati jew minn xi ħadd ieħor li jaġixxi f’isimhom ma’ membri ta’ dawn il-kumitati huwa pprojbit.

Protezzjoni ta’ data personali

Il-Kummissjoni tiżgura li d-dejta personali tal-kandidati tiġi proċessata f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-dejta (5).


(1)  http://ec.europa.eu/languages/policy/linguistic-diversity/official-languages-eu_mt.htm

(2)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1962R0031:20140101:MT:PDF

(3)  http://ec.europa.eu/civil_service/docs/official_policy_en.pdf

(4)  Il-bord tal-għażla se jiżgura li ma jingħata l-ebda vantaġġ lil kelliema nattivi ta’ dawn iż-żewġ lingwi

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1


Top