Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62025TN0723

Kawża T-723/25: Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Ottubru 2025 – RockRose (NL) CS1 vs Il-Kummissjoni

ĠU C, C/2025/6644, 22.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6644/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6644/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/6644

22.12.2025

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Ottubru 2025 – RockRose (NL) CS1 vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-723/25)

(C/2025/6644)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: RockRose (NL) CS1 BV (Utrecht, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentant: V. van “t Lam, avukat))

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni skont l-Artikolu 263 TFUE;

tannulla r-Regolament Delegat skont l-Artikolu 263 TFUE;

tiddikjara li l-Artikolu 23 tar-Regolament 2024/1735 ma huwiex applikabbli skont l-Artikolu 277 TFUE;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tar-rikorrenti skont l-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, inklużi l-ispejjeż relatati ma’ kull parti intervenjenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1479 tat-22 ta’ Mejju 2025 li tispeċifika l-kontributi prorata għall-objettiv tal-kapaċità tal-injezzjoni tas-CO2 tal-Unjoni sal-2030 mill-entitajiet li għandhom awtorizzazzjoni kif definita fl-Artikolu 1, il-punt 3, tad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (iktar ’il quddiem id-‘Deċiżjoni’) u tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/1477 tal-21 ta’ Mejju 2025 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika r-regoli dwar l-identifikazzjoni tal-produtturi awtorizzati taż-żejt u tal-gass li huma meħtieġa jikkontribwixxu għall-objettiv li tintlaħaq il-mira tal-Unjoni għall-kapaċità tal-injezzjoni tas-CO2 disponibbli sal-2030, dwar il-kalkolu tal-kontributi rispettivi tagħhom, u dwar l-obbligi tar-rapportar tagħhom (iktar ’il quddiem ir-‘Regolament Delegat’), u għal dikjarazzjoni ta” inapplikabbiltà tal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament 2024/1735”), ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Artikolu 23 tar-Regolament 2024/1735 huwa inkompatibbli mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar il-quddiem il-“Karta”) u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huma il-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-rekwiżiti proċedurali u sostantivi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, id-dritt għall-proprjetà, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-libertà ta’ intrapriża kif protetta fl-Artikolu 16 tal-Karta u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Għalhekk id-Deċiżjoni u r-Regolament Delegat, sa fejn ġew adottati skont l-Artikolu 23 tar-Regolament 2024/1735, huma illegali.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-Deċiżjoni u r-Regolament Delegat huma inkompatibbli mal-Karta u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huma il-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-rekwiżiti proċedurali u sostantivi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, id-dritt għall-proprjetà, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-libertà ta’ intrapriża kif protetta fl-Artikolu 16 tal-Karta u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6644/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top