Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62025TN0539

Kawża T-539/25: Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Awwissu 2025 – RM vs Il-Parlament

ĠU C, C/2025/5356, 13.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5356/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5356/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/5356

13.10.2025

Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Awwissu 2025 – RM vs Il-Parlament

(Kawża T-539/25)

(C/2025/5356)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Partijiet

Rikorrent: RM (rappreżentant: D. Aukštuolytės-Kapp)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2025 tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew;

tannulla n-nota ta’ debitu Nru 7050001084 maħruġa mill-Parlament Ewropew fit-2 ta’ Ġunju 2025;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Parlament Ewropew kiser it-terminu ta’ ħames snin stabbilit fl-Artikolu 98(2) tar-Regolament Finanzjarju (1), li fih nota ta’ debitu għandha tiġi ppreżentata skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 68 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni (2), peress li seta’ jitlob il-kumpens mingħand ir-rikorrent sa mis-17 ta’ Ġunju 2016 u, minkejja li kellu d-dokumenti kontabbli ta’ sostenn dwar id-dejn, kien biss fis-6 ta’ Ġunju 2025 li ssottometta n-nota ta’ debitu lir-rikorrent;

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li, mingħajr ġustifikazzjoni, b’mod inġust u b’mod irraġonevoli, il-Parlament Ewropew dam biex fetaħ il-proċedura ta’ rkupru tal-fondi, kuntrarjament għall-prinċipju li azzjoni għandha tittieħed fi żmien raġonevoli, kif stabbilit fl-Artikolu 4(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-Parlament kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent, peress li minħabba l-ftuħ tardiv tal-proċedura, ir-rikorrent tilef l-opportunità li jiddefendi lilu nnifsu b’mod effettiv kontra l-allegazzjonijiet magħmula fil-konfront tiegħu bil-ġbir tal-provi neċessarji, meta dan kien għadu possibbli;

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Parlament Ewropew wettaq żball ta’ evalwazzjoni: huwa evalwa b’mod żbaljat il-provi prodotti u l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrent, li kienu jikkonfermaw ix-xogħol ta’ persuna bħala assistent tar-rikorrent, b’tali mod li kien jeżiġi mir-rikorrent livell ta’ prova għoli wisq.


(1)  Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024).

(2)  Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2009, C 159, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5356/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top