Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62025CN0327

Kawża C-327/25, VETS Svoge: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fl-14 ta’ Mejju 2025 – VETS Svoge EOOD vs Predsedatel na Upravitelnia savet na Fond Sigurnost na elektroenergiynata sistema

ĠU C, C/2025/4436, 18.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4436/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4436/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/4436

18.8.2025

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fl-14 ta’ Mejju 2025 – “VETS Svoge” EOOD vs Predsedatel na Upravitelnia savet na Fond “Sigurnost na elektroenergiynata sistema”

(Kawża C-327/25, VETS Svoge)

(C/2025/4436)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhoven administrativen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellant: “VETS Svoge” EOOD

Konvenut: Predsedatel na Upravitelnia savet na Fond “Sigurnost na elektroenergiynata sistema”

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-osservanza ta’ miżura nazzjonali, bħalma hija dik prevista fl-Artikolu 36f taż-Zakon za energetikata (iktar ’il quddiem iz-“ZE”), li tipprovdi għal kontribuzzjoni ta’ 5 % tad-dħul mill-bejgħ tal-elettriku u li fl-istess ħin tistabbilixxi limitu massimu obbligatorju għad-dħul mis-suq tal-produtturi tal-elettriku?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: l-Artikolu 8 tar-Regolament 2022/1854 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li l-kontribuzzjoni ta’ 5 % tad-dħul mill-bejgħ tal-elettriku tiġi kkalkolata abbażi ta’ u tkun dovuta fir-rigward ta’ ammonti li jaqbżu l-limitu massimu obbligatorju tad-dħul, li l-produtturi tal-elettriku huma obbligati jittrasferixxu fil-Fond “sigurnost na elektroenergiynata sistema” (il-Fond għas-Sigurtà tas-Sistema tal-Elettriku, iktar ’il quddiem il-“FSSE”), u li ma jikkostitwixxux dħul għalihom? Fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jitqies li l-kontribuzzjoni ta’ 5 % tad-dħul mill-bejgħ tal-elettriku hija nondiskriminatorja fid-dawl tal-fatt li għal uħud mill-produtturi din il-kontribuzzjoni twassal għal impożizzjoni doppja tal-istess ammonti?

3)

Fid-dawl tal-interpretazzjoni:

tal-Artikolu 2(1) u (2) u tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (2), ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 191(2) TFUE, li jistabbilixxu l-importanza fundamentali tat-tranżizzjoni min-naħa tal-Istati Membri fir-rigward tas-sistema tal-enerġija, ibbażata fuq sorsi rinnovabbli,

tal-Artikolu 3(1), (3) u (4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (3), li jistabbilixxi l-għan vinkolanti għall-Unjoni Ewropea li tilħaq, sal-2030, sehem iddeterminat tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-obbligu għall-Istat Membru li jiżguraw li jintlaħaq dan is-sehem, u

tal-Artikolu 3(a), (b), (h) u (p) u tal-Artikolu 10(1), (4) u (5) tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (4), ikkunsidrati flimkien mal-premessi 22 u 23 tal-preambolu tiegħu u mal-Artikolu 5(1), (3) u (4) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (5) u mal-Artikolu 8 tar-Regolament 2022/1854, li jirregolaw il-prinċipji marbuta mad-determinazzjoni tal-prezzijiet fis-suq tal-kummerċ tal-elettriku,

id-dritt tal-Unjoni jippermetti li r-Repubblika tal-Bulgarija timponi fuq u tiġbor kontribuzzjonijiet mingħand il-produtturi tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, bħalma hija l-kontribuzzjoni prevista fl-Artikolu 36f taz-ZE fuq l-ammonti li jaqbżu l-limitu massimu obbligatorju tad-dħul, li l-produtturi tal-elettriku huma obbligati jittrasferixxu fil-FSSE, u li ma jikkostitwixxux dħul għalihom? Fid-dawl tal-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, dan it-trattament jista’ jitqies li huwa proporzjonat meta wieħed iqis li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-ispejjeż operattivi effettivament sostnuti mill-produtturi tal-elettriku?

4)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 63 TFUE u tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux dispożizzjoni u prassi nazzjonali, bħal dawk deskritti f’din il-kawża, li bis-saħħa tagħhom jiġi impost, fuq l-ammonti li l-produtturi tal-elettriku jħallsu lill-Istat (pereżempju l-ammonti li jaqbżu l-limitu massimu obbligatorju għad-dħul tal-produtturi tal-elettriku), obbligu pubbliku ieħor (fl-ammont ta’ 5 % fis-sens tal-Artikolu 36f taz-ZE)?


(1)   ĠU 2022, L 261I, p. 1.

(2)   ĠU 2021, L 243, p. 1.

(3)   ĠU 2018, L 328, p. 82, rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 11, fil-ĠU 2021, L 224, p. 42 u fil-ĠU 2022, L 41, p. 37.

(4)   ĠU 2019, L 158, p. 54.

(5)   ĠU 2019, L 158, p. 125.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4436/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top