Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62024TO0178

Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ Frar 2025.
Corinne Reverbel vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti li jikkonċernaw il-produzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID‑19 – Rifjut impliċitu ta’ aċċess – Deċiżjoni espliċita adottata wara l-preżentata tar-rikors – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.
Kawża T-178/24.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2025:173

 DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

11 ta’ Frar 2025 ( *1 )

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti li jikkonċernaw il-produzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID‑19 – Rifjut impliċitu ta’ aċċess – Deċiżjoni espliċita adottata wara l-preżentata tar-rikors – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Fil-Kawża T‑178/24,

Corinne Reverbel, residenti f’Dému (Franza), irrappreżentata minn D. Protat, avukata,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Burón Pérez u K. Herrmann, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn P. Škvařilová-Pelzl (Relatriċi), Presidenta, G. Steinfatt u R. Meyer, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Corinne Reverbel, titlob l-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni Ewropea tas‑7 ta’ Frar 2024 li tiċħad it-talba konfermattiva tagħha għal aċċess għal diversi dokumenti tal‑15 ta’ Diċembru 2023 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u l‑fatti sussegwenti għall‑preżentata tar‑rikors

2

Fl‑1 ta’ Marzu 2023, ir-rikorrenti ressqet, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), talba għal aċċess għal diversi dokumenti li jikkonċernaw il-produzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID‑19.

3

Il-Kummissjoni wieġbet għal din it-talba fit‑30 ta’ Novembru 2023.

4

F’din id-deċiżjoni, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kienet identifikat dokument li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-talba tagħha. Dan kien rapport ta’ evalwazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) tal‑25 ta’ Novembru 2021 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-EMA”).

5

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tat aċċess parzjali għar-rapport tal-EMA, peress li l-iżvelar sħiħ tiegħu kien, fil-fehma tagħha, prekluż mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti, l-ewwel nett, fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, it-tieni nett, fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament u, it-tielet nett, fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, peress li dawn l-eċċezzjonijiet huma relatati, l-ewwel, mal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, b’mod partikolari f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data personali, it-tieni, mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika speċifika, inkluża l-proprjetà intellettwali, u t-tielet, mal-protezzjoni tal-iskop ta’ spezzjoni, investigazzjoni u awditjar.

6

Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2023, irreġistrata mill-Kummissjoni fit‑18 ta’ Diċembru 2023, ir-rikorrenti ppreżentat talba konfermattiva skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 fejn talbet reviżjoni tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

7

Permezz ta’ posta elettronika tas‑17 ta’ Jannar 2024, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li ma setgħetx tingħatalha risposta għat-talba konfermattiva tagħha fit-terminu ta’ 15-il jum previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, li kien jiskadi fl-istess jum. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, f’din id-data, l-informazzjoni neċessarja sabiex issir analiżi kompleta kienet għadha ma nġabritx.

8

Permezz ta’ posta elettronika tas‑7 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li r-risposta għat-talba konfermattiva tagħha ma setgħetx tiġi adottata peress li kienu għaddejjin konsultazzjonijiet interni u li, fid-dawl tal-oriġini tad-dokument mitlub, hija kellha, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, tikkonsulta wkoll lil terzi.

9

Ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors fit‑2 ta’ April 2024.

10

Fl‑4 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni adottat, b’risposta għat-talba konfermattiva tar-rikorrenti, deċiżjoni espliċita abbażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni konfermattiva espliċita”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, hija tat lir-rikorrenti aċċess parzjali usa’ għar-rapport tal-EMA.

11

Fid-deċiżjoni konfermattiva espliċita, il-Kummissjoni esponiet li aċċess sħiħ għar-rapport tal-EMA ma kienx possibbli, fid-dawl tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 u fl-Artikolu 4(1)(b) tal-istess regolament, li jirrigwardaw, minn naħa, il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu. Barra minn hekk, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonfermat li hija ma kellha ebda dokument ieħor li jista’ jikkorrispondi għad-deskrizzjoni mogħtija fit-talba tal‑1 ta’ Marzu 2023 (ara l-punt 2 iktar ’il fuq).

12

Fis‑17 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni ressqet talba sabiex jiġi ddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

It-talbiet tal-partijiet

13

Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

14

Fit-talba tagħha għal dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata li r-rikors ma għadx għandu skop u li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni;

tikkundanna lil kull parti għall-ispejjeż rispettivi tagħha.

15

Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba tal-Kummissjoni għal dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tiċħad din it-talba u tikkonferma li hija qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

Id-dritt

16

Skont l-Artikolu 130(2) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fil-każ ta’ talba f’dan is-sens minn parti, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkonstata li r-rikors ma għadx għandu skop u li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni.

17

Peress li l-Kummissjoni talbet li jiġi kkonstatat li r-rikors ma għadx għandu skop u li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali, billi tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess, tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni dwar din it-talba mingħajr ma tkompli l-proċedura.

18

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-iskop tal-kawża għandu jippersisti, l-istess bħall-interess ġuridiku, sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni. Dan jippreżupponi li r-rikors jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il-Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 43).

19

Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni, permezz tad-deċiżjoni tat‑30 ta’ Novembru 2023 imsemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq, ċaħdet parzjalment it-talba għal aċċess għad-dokumenti mressqa mir-rikorrenti fl‑1 ta’ Marzu 2023. Wara din id-deċiżjoni, ir-rikorrenti ppreżentat talba konfermattiva.

20

Huwa stabbilit li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni konfermattiva espliċita wara l-preżentata tar-rikors preżenti. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, hija tat aċċess parzjali usa’ għar-rapport tal-EMA u, għall-bqija, ikkonfermat espliċitament iċ-ċaħda tat-talba konfermattiva tar-rikorrenti.

21

Fl-ewwel lok, fir-rigward taċ-ċaħda espliċita tat-talba konfermattiva, għandu jitfakkar li istituzzjoni, bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ talba konfermattiva għal aċċess għal dokumenti, tipproċedi għall-irtirar tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ din it-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il-Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punti 8889; tat‑2 ta’ Lulju 2015, Typke vs Il-Kummissjoni, T‑214/13, EU:T:2015:448, punt 37; tas‑26 ta’ Marzu 2020, ViaSat vs Il-Kummissjoni, T‑734/17, mhux ippubblikata, EU:T:2020:123, punti 1617; u tad‑29 ta’ Settembru 2021, AlzChem Group vs Il-Kummissjoni, T‑569/19, EU:T:2021:628, punt 27).

22

Dan l-irtirar tal-att ikkontestat, fid-dawl tan-natura retroattiva tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 1997, de Compte vs Il‑Parlament, C‑90/95 P, EU:C:1997:198, punt 35), iwassal għat-tmiem l-iskop tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punti 4849; tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il-Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 45, u tal‑21 ta’ Jannar 2021, Leino-Sandberg vs Il‑Parlament, C‑761/18 P, EU:C:2021:52, punt 33).

23

F’tali każ, l-eżami tar-rikors kontra d-deċiżjoni impliċita la jista’ jiġi ġġustifikat mill-għan li jiġi evitat li terġa’ sseħħ l-illegalità allegata, u lanqas mill-għan li jiġi ffaċilitat rikors għad-danni possibbli, peress li l-imsemmija għanijiet jistgħu jintlaħqu permezz tal-eżami tar-rikors kontra d-deċiżjoni espliċita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2010, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑494/08 sa T‑500/08 u T‑509/08, EU:T:2010:511, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Fil-każ ineżami, l-adozzjoni tad-deċiżjoni konfermattiva espliċita, sa fejn din tiċħad it-talba tar-rikorrenti, kellha l-effett li tirtira parzjalment id-deċiżjoni kkontestata u għalhekk temmet, f’dan ir-rigward, l-iskop ta’ dan ir-rikors, li kien intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar.

25

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argumenti tar-rikorrenti li jirrigwardaw iċ-ċaħda espliċita tat-talba tagħha.

26

Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni li ċ-ċaħda espliċita tat-talba konfermattiva tagħha, minħabba l-perijodu ta’ proċessar twil b’mod anormali, li fi tmiemu ġiet adottata, hija nulla u mingħajr effett u li, konsegwentement, ma tistax tiġi “invokata” fil-konfront tagħha.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rifjut parzjali kontra t-talba tar-rikorrenti għandu neċessarjament effetti fuq is-sitwazzjoni tagħha, peress li din ma għandhiex aċċess, minħabba dan ir-rifjut, għad-dokumenti inkwistjoni.

28

Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti titqies li tikkontesta l-legalità taċ-ċaħda espliċita tat-talba konfermattiva tagħha u li din l-illegalità potenzjali jista’ jkollha effett fuq in-natura infurzabbli ta’ din iċ-ċaħda, l-argument tagħha għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud.

29

Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni konfermattiva espliċita ta’ ċaħda barra mit-termini għal tweġiba previsti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza minn istituzzjoni tat-termini għal tweġiba previsti fl-imsemmi artikolu, din l-istituzzjoni tibqa’ obbligata tipprovdi, anki jekk tardivament, risposta motivata għat-talba tal-persuna kkonċernata. Hija ddeċidiet ukoll li, f’tali każ, konformement mal-Artikolu 8(1) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-persuna kkonċernata setgħet tirrikorri għal żewġ tipi ta’ proċedura. Minn naħa, hija setgħet tressaq ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew konformement mal-Artikolu 228 TFUE jew, min-naħa l-oħra, tippreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali rikors għad-danni skont l-Artikolu 340 TFUE sabiex tikseb possibbilment kumpens għal dannu kkawżat min-nuqqas ta’ osservanza tat-termini għall-għoti ta’ tweġiba (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Sea Handling vs Il-Kummissjoni, C‑271/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:557, punti 85 sa 87).

30

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-ksur tat-termini previsti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni konfermattiva espliċita.

31

It-tieni nett, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rtirar fi tmiem terminu irraġonevoli, huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza, l-irtirar retroattiv ta’ att amministrattiv illegali li joħloq drittijiet għandu jseħħ f’terminu raġonevoli (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑362/09 P, EU:C:2010:783, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata, li hija deċiżjoni ta’ rifjut kontra t-talba tar-rikorrenti, ma tikkostitwixxix fil-konfront tagħha att li joħloq drittijiet. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq ma hijiex rilevanti fil-każ ineżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑362/09 P, EU:C:2010:783, punt 60).

33

Barra minn hekk, il-kundizzjoni li tissuġġetta l-irtirar ta’ att għall-illegalità tiegħu tapplika f’oqsma fejn għandu jiġi evitat li tali rtirar jippermetti lil istituzzjoni tevita kull stħarriġ ġudizzjarju tal-azzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑362/09 P, EU:C:2010:783, punti 68 sa 71, u tal‑11 ta’ Lulju 2013, BVGD vs Il-Kummissjoni, T‑104/07 u T‑339/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:366, punt 80). Issa, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni konfermattiva espliċita ma twassalx għal tali riskju. Għall-kuntrarju, hija tippermetti lir-rikorrent isir jaf bir-raġunijiet għaċ-ċaħda li l-istituzzjoni tinvoka kontrih.

34

Konsegwentement, ir-rikorrenti ma għandhiex iktar interess li tikseb l-annullament taċ-ċaħda impliċita tat-talba konfermattiva tagħha għal aċċess għal dokumenti sa fejn din id-deċiżjoni impliċita ġiet ikkonfermata sussegwentement permezz ta’ deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda.

35

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-aċċess parzjali usa’ għar-rapport tal-EMA mogħti mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li s-sempliċi għoti ta’ aċċess għad-dokumenti kontenzjużi wara ċ-ċaħda ta’ talba, mingħajr ma l-istituzzjoni, permezz tal-adozzjoni ta’ rtirar espliċitu, tirrikonoxxi l-iżball tagħha, ma jistax jitqies bħala rtirar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 2020, Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il-Kummissjoni, C‑560/18 P, EU:C:2020:330, punti 72 sa 75, u tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il-Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punti 31 sa 33).

36

F’dan ir-rigward, il-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma baqgħux fis-seħħ, u li dan ġara wara li tressaq ir-rikors, ma jfissirx, minnu stess, li l-Qorti Ġenerali għandha l-obbligu tiddeċiedi li ma hemmx lok għal deċiżjoni minħabba li ma hemmx skop għall-kawża jew minħabba li ma hemmx interess ġuridiku fid-data tal-għoti tas-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 47; tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il-Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 45; tal‑21 ta’ Jannar 2021, Leino-Sandberg vs Il-Parlament, C‑761/18 P, EU:C:2021:52, punt 33; u tal‑20 ta’ Ġunju 2024, EUIPO vs Indo European Foods, C‑801/21 P, EU:C:2024:528, punt 59).

37

Għaldaqstant, ir-rikorrenti tista’ żżomm interess fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet ta’ eventwali rikors għad-danni sa fejn l-aċċess parzjali usa’ għar-rapport tal-EMA ngħatalha biss fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni konfermattiva espliċita.

38

Madankollu, rikorrent ma jistax jiġġustifika interess ġuridiku permezz ta’ sempliċi invokazzjoni tal-possibbiltà li fil-futur jippreżenta rikors intiż għal kumpens tad-dannu, mingħajr ma jinvoka provi konkreti li jikkonċernaw il-konsegwenzi tal-allegata illegalità fuq is-sitwazzjoni tiegħu u n-natura tad-dannu li huwa kien allegat li ġarrab u li minnu tali rikors kien intiż li jikseb rimedju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il-Kummissjoni, C‑560/18 P, EU:C:2020:330, punt 74, u d-digriet tat‑28 ta’ Settembru 2021, Airoldi Metalli vs Il‑Kummissjoni, T‑611/20, mhux ippubblikat, EU:T:2021:641, punti 6869).

39

Issa, fil-każ ineżami, ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda prova konkreta.

40

Konsegwentement, hija ma għandhiex raġun tikkontesta dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni minħabba li eventwali konstatazzjoni tal-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata tippermettilha sussegwentement li tippreżenta rikors għad-danni intiż li jikkumpensa d-dannu li kkawżatilha din id-deċiżjoni.

41

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors preżenti ma għadx għandu skop u li ma għadx hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwaru.

Fuq l-ispejjeż

42

Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tuża d-diskrezzjoni tagħha fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

43

Fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

tordna:

 

1)

Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors.

 

2)

Corinne Reverbel u Il-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Magħmul fil-Lussemburgu, fil‑11 ta’ Frar 2025.

Ir-Reġistratur

V. Di Bucci

Il-Presidenta

P. Škvařilová-Pelzl


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top