Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62024TN0198

Kawża T-198/24: Rikors ippreżentat fit-13 ta’ April 2024 – DM u DN vs EUBAM Libya

ĠU C, C/2024/4731, 5.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4731/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4731/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4731

5.8.2024

Rikors ippreżentat fit-13 ta’ April 2024 – DM u DN vs EUBAM Libya

(Kawża T-198/24)

(C/2024/4731)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: DM u DN (rappreżentanti: T. Bontinck, M. Brésart u F. Patuelli, avukati)

Konvenut: Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

1) tirrikonoxxi r-responsabbiltà ta’ EUBAM Libya għad-danni li r-rikorrenti ġarrbu sa mill-11 ta’ April 2023 u, konsegwentement:

prinċipalment u bla ħsara għal żieda matul il-proċedura:

tikkundanna lill-EUBAM Libya, waħedha, tħallas ammont ta’ EUR 2 000 000 lil DM bħala kumpens għad-dannu morali li huwa ġarrab;

tikkundanna lill-EUBAM Libya, waħedha, tħallas ammont ta’ EUR 2 000 000 lil DN bħala kumpens għad-dannu morali li huwa ġarrab;

tikkundanna lill-EUBAM Libya, waħedha, tħallas lil DM:

ammont provviżorju ta’ EUR 19 710 li jista’ jiżdied fil-mori tal-kawża u sa’ konsolidazzjoni bħala kumpens għad-dannu materjali li huwa ġarrab minħabba l-inkapaċità totali u temporanja tiegħu; jew inkella

ammont provviżorju ta’ EUR 763 542 bħala kumpens għad-dannu materjali li huwa ġarrab minħabba l-inkapaċità parzjali u permanenti tiegħu

tikkundanna lill-EUBAM Libya, waħedha, tħallas lil DN:

ammont provviżorju ta’ EUR 18 075 li jista’ jiżdied fil-mori tal-kawża u sa’ konsolidazzjoni bħala kumpens għad-dannu materjali li huwa ġarrab minħabba l-inkapaċità totali u temporanja tiegħu; jew inkella

ammont provviżorju ta’ EUR 899 110 bħala kumpens għad-dannu materjali li huwa ġarrab minħabba l-inkapaċità parzjali u permanenti tiegħu

tikkundanna lill-EUBAM Libya, waħedha, tħallas l-ammont ta’ EUR 10 090 lil DM għad-dannu finanzjarju li huwa ġarrab;

tikkundanna lill-EUBAM Libya, waħedha, tħallas l-ammont ta’ EUR 2 730 lil DN għad-dannu finanzjarju li huwa ġarrab;

sussidjarjament, tikkundanna lil-EUBAM Libya tħallas, in solidum, l-ammonti indikati fil-punt 1 iktar ’il fuq, bla ħsara għal żieda matul il-proċedura;

tiddeċiedi li l-ammonti indikati fil-punt 1 iktar ’il fuq għandhom jiġi miżjuda bl-interessi moratorji, b’effett mill-għoti tas-sentenza u sa ħlas sħiħ, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta' finanzjament, miżjuda b’żewġ punti perċentwali;

2) tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-aspettattivi leġittimi.

Ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-aspettattivi leġittimi kontra EUBAM Libya minħabba li huma ġew arrestati u miżmuma f’detenzjoni għaliex ma kellhomx liċenzji xierqa għall-ġarr ta’ armi minkejja li EUBAM Libya kienet tathom garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti li tali liċenzji kienu nkisbu.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

Ir-rikorrenti jsostnu li, billi naqset milli tivverifika bir-reqqa u bil-prudenza meħtieġa l-eżistenza u l-validità tal-viżi u tal-liċenzji neċessarji għall-qadi tal-funzjonijiet tar-rikorrenti, fid-dawl tar-riskji ta’ detenzjoni, EUBAM Libya wettqet ksur suffiċjentement serju tad-dmir ta’ amministrazzjoni tajba sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-kuntratt qafas ta’ servizzi.

Ir-rikorrenti jsostnu li EUBAM Libya naqset milli tosserva l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-kuntratt qafas ta’ servizzi li jorbot lill-EUBAM Libya mal-konsorzju ta’ impriżi li kien jimpjega lir-rikorrenti. Dawn in-nuqqasijiet kienu jirrigwardaw l-obbligi marbuta mal-ksib ta’ viżi, ta’ liċenzji għall-ġarr ta’ armi u ta’ tagħmir għall-komunikazzjoni bir-radju.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4731/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top