Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62024CJ0805

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Ottubru 2025.
Gennady Nikolayevich Timchenko u Elena Petrovna Timchenko vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Appell – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna – Regolament (UE) Nru 269/2014 – Artikolu 2 – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Artikolu 9(2) – Obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi mill-persuni kkonċernati minn miżura restrittiva ta’ ffriżar – Klassifikazzjoni ġuridika ta’ tali obbligu – Bażi legali – Artikolu 215(2) TFUE – Artikoli 24, 26 u 29 TUE – Eżekuzzjoni tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni mill-Istati Membri.
Kawża C-805/24 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:792

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

16 ta’ Ottubru 2025 (*)

“Appell – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna – Regolament (UE) Nru 269/2014 – Artikolu 2 – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Artikolu 9(2) – Obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi mill-persuni kkonċernati minn miżura restrittiva ta’ ffriżar – Klassifikazzjoni ġuridika ta’ tali obbligu – Bażi legali – Artikolu 215(2) TFUE – Artikoli 24, 26 u 29 TUE – Eżekuzzjoni tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni mill-Istati Membri”

Fil-Kawża C‑805/24 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil‑21 ta’ Novembru 2024,

Gennady Nikolayevich Timchenko, residenti f’Genève (l-Isvizzera),

Elena Petrovna Timchenko, residenti f’Genève,

irrappreżentati minn S. Bonifassi, T. Bontinck, E. Fedorova u A. Guillerme, avukati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M.-C. Cadilhac, D. Laurent u J. Rurarz, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Carpus Carcea, C. Giolito, H. Krämer u L. Puccio, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei (Relatriċi) kif ukoll S. Rodin, N. Piçarra, u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti, Gennady Nikolayevich Timchenko u Elena Petrovna Timchenko, jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑11 ta’ Settembru 2024, Timchenko u Timchenko vs Il-Kunsill (T‑644/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2024:621), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1273 tal‑21 ta’ Lulju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 194, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”), sa fejn jemenda l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 121, p. 60), billi inkluda fih b’mod partikolari, fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 9, obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi minn persuni li huma s-suġġett ta’ miżura restrittiva ta’ ffriżar.

 Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

2        Il-kuntest ġuridiku u l-fatti tal-kawża huma esposti fil-punti 2 sa 16 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jiġi miġbura fil-qosor u kkompletat kif ġej.

3        Din il-kawża tidħol fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea sa mis-sena 2014 b’reazzjoni għall-azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

4        L-appellanti huma s-suġġett ta’ tali miżuri restrittivi. G. N. Timchenko huwa negozjant u E. P. Timchenko hija martu. It-tnejn li huma għandhom nazzjonalità Russa u Finlandiża.

 Ir-Regolament Nru 269/2014

5        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 476/2014 (ĠU 2014, L. 137, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 269/2014”), li l-verżjoni tiegħu kienet l-istess kemm fid-data tal-adozzjoni tal-atti msemmija fil-punt 7 ta’ din is-sentenza kif ukoll fid-data tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, jipprovdi:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà, li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I, għandhom jiġu ffriżati.

2.      Ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, għall-benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I. ”

6        L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-regolament kontenzjuż, jipprovdi;

“1.      Il-parteċipazzjoni b’mod konxju u bi ħsieb, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 għandha tkun ipprojbita.

2.      Persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati, elenkati fl-Anness I, għandhom:

(a)      jirrappurtaw qabel l‑1 ta’ Settembru 2022 jew fi żmien sitt ġimgħat mid-data tal-elenkar fl-Anness I, skont liema jiġi l-aħħar, fondi jew riżorsi ekonomiċi fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru li jappartjenu, huma l-proprjetà, jinżammu jew huma kkontrollati minnhom, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsabu dawk il-fondi jew riżorsi ekonomiċi; u

(b)      jikkooperaw mal-awtorità kompetenti biex tali informazzjoni tiġi vverifikata b’kull mod.

3.      In-nuqqas ta’ konformità mal-paragrafu 2 għandu jitqies bħala parteċipazzjoni, kif imsemmi fil-paragrafu 1, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2.

[...] ”

 Il-miżuri restrittivi adottati kontra r-rikorrenti

7        Fl‑2022, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta miżuri restrittivi kontra r-rikorrenti, fosthom l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tagħhom, billi żied isimhom fil-listi ta’ persuni, entitajiet u korpi li jinsabu fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16), u fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014. Dawn il-miżuri ttieħdu, fir-rigward ta’ G. N. Timchenko, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/337 tat‑28 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 59, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 67, p. 112), kif ukoll tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/336 tat‑28 ta’ Frar 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 58, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 67, p. 113), u, fir-rigward ta’ E. P. Timchenko, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/582 tat‑8 ta’ April 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 110, p. 55, rettifika fil-ĠU 2022 L 141, p. 131, fil-ĠU 2023 L 39, p. 65 u fil-ĠU L, 2023/90041), kif ukoll tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/581 tat‑8 ta’ April 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 110, p. 3, rettifika fil-ĠU 2022, L 141, p. 130, fil-ĠU 2023, L 39, p. 64 u fil-ĠU L, 2023/9004). Sussegwentement, il-Kunsill estenda l-miżuri restrittivi adottati kontra r-rikorrenti.

 Is-sentenza kkontestata

8        Permezz ta’ rikors tal‑14 ta’ Ottubru 2022, l-appellanti ppreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jiksbu, essenzjalment, l-annullament tal-Artikolu 1(4) tar-regolament kontenzjuż sa fejn dan jemenda l-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament Nru 269/2014. Huma sostnew b’mod partikolari li, billi emenda b’dan il-mod l-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament sabiex jinkludi, fost oħrajn, l-obbligu, għall-persuni fiżiċi inklużi fl-Anness I tal-imsemmi regolament, li jiddikjaraw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lilhom jew li huma proprjetà tagħhom, miżmuma jew ikkontrollati minnhom fit-territorju tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“obbligu ta’ dikjarazzjoni kontenzjuż”), il-Kunsill kien eċċeda l-kompetenzi mogħtija lilu skont l-Artikolu 215(2) TFUE u kien kiser ukoll, fost l-oħrajn, l-Artikolu 29 TUE.

9        Fil-punt 65 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, filwaqt li rreferiet għall-punti 56 sa 64 ta’ din is-sentenza, li, peress li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni jaqa’ taħt is-setgħa li l-Kunsill għandu sabiex jimplimenta deċiżjoni adottata fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) abbażi tal-Artikolu 29 TUE, f’dan il-każ id-Deċiżjoni 2014/145, il-Kunsill seta’ jipprevedi dan l-obbligu abbażi ta’ regolament tal-Unjoni adottat skont l-Artikolu 215(2) TFUE, u dan, indipendentement mill-fatt li dan huwa obbligu li jiġu imposti fuq persuni bħall-appellanti u li dan l-obbligu ma kienx previst mid-Deċiżjoni 2014/145 stess.

10      B’mod iktar partikolari, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellanti li jgħid li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni kontenzjuż jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ eżekuzzjoni tal-Istati Membri u jikkaratterizza l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 24(2) TUE.

11      Barra minn hekk, peress li ċaħdet il-motivi l-oħra tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħhom.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu u tannulla r-regolament kontenzjuż sa fejn dan jemenda l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014 u joħloq l-obbligu ta’ dikjarazzjoni kontenzjuż fil-konfront tagħhom;

–        tikkundanna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

13      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

14      Il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

15      Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw żewġ aggravji, l-ewwel wieħed ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u t-tieni wieħed fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 215 TFUE kif ukoll tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236).

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

16      Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ma mmotivatx suffiċjentement is-sentenza appellata sabiex tirrispondi għall-argument tagħhom li jgħid li l-Kunsill mar lil hinn mill-kompetenzi tiegħu meta ppreveda l-obbligu ta’ dikjarazzjoni kontenzjuż inkwistjoni li jinsab fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament kontenzjuż. Dan l-aggravju jinqasam f’żewġ partijiet.

17      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ma esponietx b’mod ċar u inekwivoku jekk l-obbligu ta’ dikjarazzjoni kontenzjuż jikkostitwixxix miżura restrittiva adottata skont l-Artikolu 29 TUE u l-Artikolu 215 TFUE, kif jirriżulta mill-punti 56 u 62 tas-sentenza appellata, jew inkella jekk dan l-obbligu jikkostitwixxix miżura ta’ implimentazzjoni jew ta’ eżekuzzjoni ta’ miżuri restrittivi, kif jirriżulta mill-punt 60 ta’ din is-sentenza. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa għalhekk ambigwu fir-rigward tal-klassifikazzjoni ġuridika li għandha tingħata lill-imsemmi obbligu.

18      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx b’mod suffiċjenti l-punti 57 sa 60 tas-sentenza appellata sa fejn ir-raġunament tagħha ma jidentifikax il-bażi legali konkreta li seta’ jibbaża ruħu fuqha l-Kunsill sabiex jipprevedi l-obbligu ta’ dikjarazzjoni kontenzjuż. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma tispjegax kif waslet għall-konklużjoni li tgħid li l-Kunsill ma marx lil hinn mill-kompetenzi tiegħu billi ppreveda dan l-obbligu, filwaqt li l-Artikolu 215(2) TFUE jippermettilu biss li jadotta miżuri restrittivi diġà previsti fid-deċiżjoni PESK ta’ riferiment u li, skont l-Artikolu 24 TUE, l-eżekuzzjoni tal-miżuri restrittivi għandha ssir mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà kif ukoll mill-Istati Membri.

19      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti tal-appellanti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

20      Għandu jitfakkar, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 51 u 52 tas-sentenza appellata, li, fil-qasam tal-PESK, il-Kunsill jista’, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, jadotta deċiżjonijiet li jiddefinixxu l-pożizzjoni tal-Unjoni fuq kwistjoni partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika, peress li tali pożizzjoni tista’ tinkludi miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 87 u 88, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Bank Refah Kargaran vs Il-Kunsill, C‑134/19 P, EU:C:2020:793, punti 41 u 44).

21      Barra minn hekk, l-Artikolu 215(2) TFUE jippermetti lill-Kunsill jadotta miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux statali, meta dan ikun previst minn deċiżjoni, adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, li l-Artikolu 29 tiegħu jifforma parti minnu.

22      Fid-dawl tal-fatt li miżuri restrittivi jistgħu jiġu adottati mill-Kunsill kemm fil-kuntest ta’ deċiżjoni PESK abbażi tal-Artikolu 29 TUE kif ukoll fil-kuntest ta’ atti tal-Unjoni adottati abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, kif essenzjalment fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punti 53 sa 55 tas-sentenza appellata, it-tqassim tal-kompetenzi tal-Kunsill fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tat-Trattati.

23      Għalhekk, id-deċiżjonijiet adottati fil-kuntest tal-PESK abbażi tal-Artikolu 29 TUE jistabbilixxu l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-miżuri restrittivi li għandhom jiġu adottati. Bħala regola ġenerali, il-Kunsill għandu  jiddefinixxi jew jippreċiża s-suġġett tiegħu, billi jiddeċiedi unanimament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 88 u 90).

24      Fir-rigward tar-regolamenti adottati abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, dawn huma marbuta, fid-dawl tal-għanijiet u tal-kontenut tagħhom, ma’ dawn id-deċiżjonijiet u jikkostitwixxu l-istrument sabiex jingħataw effett fil-livell tal-Unjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, li tistabbilixxi rabta bejn l-għanijiet tat-Trattat UE fil-qasam tal-PESK u l-azzjonijiet tal-Unjoni li jinvolvu miżuri ekonomiċi li jaqgħu taħt it-Trattat FUE, jippermetti l-adozzjoni ta’ regolamenti mill-Kunsill, li jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni, sabiex jagħti effett lil miżuri restrittivi meta dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE, kif ukoll, b’mod partikolari, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punti 72 u 76, kif ukoll tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 88 sa 90).

25      Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali esponiet, fil-punti 56, 59 u 60 tas-sentenza appellata, moqrija flimkien mal-punti 63 u 65 tagħha, li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni kontenzjuż li jinsab fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-regolament kontenzjuż, kien ġie stabbilit abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE u li dan kellu l-għan li jimplimenta deċiżjoni meħuda fil-qasam tal-PESK abbażi tal-Artikolu 29 TUE, jiġifieri d-Deċiżjoni 2014/145, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi, fit-territorju tal-Unjoni, tal-miżuri restrittivi previsti minn din id-deċiżjoni, b’mod partikolari sabiex jiġu ostakolati l-istrateġiji ta’ evażjoni ta’ dawn il-miżuri.

26      Minn dawn il-punti jirriżulta li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 53 sa 55 tas-sentenza appellata u miġbura fil-qosor fil-punti 20 sa 24 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni kontenzjuż ma kienx miżura restrittiva meħuda skont l-Artikolu 29 TUE jew skont l-Artikolu 215(2) TFUE, iżda miżura, adottata abbażi biss ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, intiża biex tiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-miżura restrittiva ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, prevista fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2014/145 u riprodotta essenzjalment fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 269/2014.

27      B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali identifikat b’mod ċar u inekwivoku, minn naħa, fil-punt 60 tas-sentenza appellata moqri flimkien mal-punt 56 ta’ din is-sentenza, il-bażi legali tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni kontenzjuża, jiġifieri l-Artikolu 215(2) TFUE, u, min-naħa l-oħra, fil-punt 60 tal-imsemmija sentenza, in-natura legali ta’ dan l-obbligu, jiġifieri miżura intiża biex timplimenta d-Deċiżjoni 2014/145 b’mod li tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tal-miżura restrittiva ta’ ffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi prevista minn din id-deċiżjoni.

28      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, il-konstatazzjoni, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li s-sempliċi riferiment magħmul, fl-Artikolu 215(2) TFUE, għall-“miżuri restrittivi” ma għandux il-konsegwenza li jillimita l-miżuri previsti f’din id-dispożizzjoni għal obbligi li ma ssirx xi ħaġa, ma jistax jinftiehem fis-sens li l-Qorti Ġenerali kklassifikat l-obbligu ta’ dikjarazzjoni kontenzjuża bħala “miżura restrittiva” u b’hekk tikkontradixxi l-konstatazzjoni tagħha, fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, li tgħid li dan l-obbligu ta’ dikjarazzjoni jirrigwarda l-implimentazzjoni ta’ tali miżura.

29      Ċertament, il-formulazzjoni tal-Artikolu 215(2) TFUE tuża biss l-espressjoni “miżuri restrittivi” u, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, kif ukoll fil-punti 63 u 65 ta’ din tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni kontenzjuża ġie stabbilit biss abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE.

30      Madankollu, dan ma jimplikax li dan l-obbligu għandu imperattivament jiġi kklassifikat bħala “miżura restrittiva”. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 89 tas-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236), iċċitata fil-punt 54 tas-sentenza appellata u mfakkra essenzjalment fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, il-miżuri adottati mill-Kunsill f’regolament adottat abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni jistgħu jkunu intiżi biex jagħtu effett lill-miżuri restrittivi previsti minn deċiżjoni PESK meta tali miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE u biex japplikawhom b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha. Għal dan l-għan, il-Kunsill jista’ jirriproduċi l-kontenut essenzjali tad-deċiżjoni PESK u jipprovdi definizzjonijiet jew preċiżazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi previsti minn din id-deċiżjoni.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl ukoll tal-fatt li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26(2) TUE, il-Kunsill għandu jiżgura l-unità, il-koerenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK, din l-istituzzjoni jista’ jkollha tadotta, f’tali regolament, miżuri intiżi biex jiżguraw l-applikazzjoni uniformi, koerenti u effikaċi tal-miżuri restrittivi ddefiniti f’deċiżjoni PESK, mingħajr ma dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni jikkostitwixxu huma stess miżuri restrittivi. Issa, dan huwa preċiżament l-għan tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni kontenzjuż bħala miżura li, kif jirriżulta essenzjalment mill-punti 59 u 60 tas-sentenza appellata, hija relatata mal-miżura restrittiva ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, prevista fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2014/145 u riprodotta essenzjalment fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 269/2014.

32      Billi sostniet, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li s-sempliċi riferiment magħmul, fl-Artikolu 215(2) TFUE, għall-“miżuri restrittivi” ma għandux il-konsegwenza li jillimita l-miżuri previsti f’din id-dispożizzjoni għal obbligi li ma ssirx xi ħaġa, il-Qorti Ġenerali spjegat, kif jirriżulta barra minn hekk espliċitament mit-tieni sentenza ta’ dan il-punt 62 kif ukoll mill-punt 63 ta’ din is-sentenza, li miżura meħuda abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE tista’, bħal f’dan il-każ, tinkludi obbligu li ssir xi ħaġa sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi ta’ miżura restrittiva adottata prevista minn deċiżjoni PESK.

33      Għaldaqstant, l-ilmenti invokati insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju u insostenn ta’ parti mit-tieni parti ta’ dan l-aggravju, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali hija kkritikata li kkontradixxiet lilha nnifisha u li ma mmotivatx b’mod suffiċjenti r-raġunament tagħha dwar il-bażi legali li seta’ jibbaża ruħu fuqha l-Kunsill sabiex jipprevedi l-obbligu ta’ dikjarazzjoni kontenzjuż, huma infondati.

34      Għandu jiġi miċħud ukoll l-ilment, invokat insostenn tat-tieni parti tal-imsemmi aggravju, li jgħid li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar il-bażi legali tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni kontenzjuż huwa, fil-punti 57 sa 60 tas-sentenza appellata, ivvizzjat b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni minħabba li din il-qorti ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-miżuri restrittivi huma, skont l-Artikolu 24 TUE, eżegwiti mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà kif ukoll mill-Istati Membri.

35      Fil-fatt, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li ma huwiex ikkontestat fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Qorti Ġenerali, billi rreferiet espressament għar-raġunament tagħha u għall-motivi li jinsabu fil-punti 57 sa 60 ta’ din is-sentenza, ċaħdet l-argument tal-appellanti bbażat preċiżament fuq il-ksur ta’ dan l-artikolu tat-Trattat UE u fuq l-injorar tal-kompetenzi ta’ implementazzjoni tal-Istati Membri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx b’mod suffiċjenti s-sentenza appellata f’dan ir-rigward.

36      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni aggravju

37      Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li, minħabba interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 215 TFUE u tas-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill seta’ jipprevedi l-obbligu ta’ dikjarazzjoni kontenzjuż li jinsab fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament kontenzjuż, u dan, kemm jekk din is-sentenza tinftiehem fis-sens li tikklassifika dan l-obbligu bħala miżura restrittiva (l-ewwel parti tat-tieni aggravju) jew miżura ta’ implimentazzjoni jew ta’ eżekuzzjoni ta’ miżura restrittiva ta’ ffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi (it-tieni parti tat-tieni aggravju).

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

38      Fil-każ li l-Qorti Ġenerali tkun ikklassifikat l-obbligu ta’ dikjarazzjoni kontenzjuż bħala miżura restrittiva, l-appellanti jqisu li din il-qorti ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill seta’ jadottah abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, minkejja li dan l-obbligu ma kienx espressament previst fid-deċiżjoni PESK relatata miegħu.

39      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 215(2) TFUE jeskludi l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri restrittivi addizzjonali u distinti minn dawk previsti fid-deċiżjoni PESK ikkonċernata. Issa, id-Deċiżjoni 2014/145 ma ssemmix l-obbligu ta’ dikjarazzjoni kontenzjuż. Min-naħa l-oħra, in-natura stess ta’ dan l-obbligu, li jikkostitwixxi obbligu fih innifsu li għandu jiġi osservat mill-persuni kkonċernati taħt piena li n-nuqqas ta’ dikjarazzjoni jitqies bħala evażjoni tal-miżuri restrittiva, punibbli b’sanzjonijiet, jimponi li dan jiġi inkluż mhux biss fir-regolament li jipprevedi l-imsemmi obbligu, iżda wkoll fid-deċiżjoni PESK ta’ riferiment, li tittieħed b’unanimità.

40      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41      L-ewwel parti tat-tieni aggravju hija fformulata fil-każ li l-Qorti Ġenerali kklassifikat l-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni bħala miżura restrittiva. Issa, mill-motivi esposti fil-punti 26 sa 32 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan ma huwiex il-każ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

42      Fil-każ li l-Qorti Ġenerali kklassifikat l-obbligu ta’ dikjarazzjoni kontenzjuż bħala miżura ta’ implementazzjoni jew ta’ eżekuzzjoni tal-miżura restrittiva ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, prevista b’mod partikolari fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2014/145, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill kellu l-kompetenza li jipprevedi tali obbligu fir-Regolament Nru 269/2014. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 24 TUE li jgħid li, u fin-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 291(2) TFUE, huwa kull Stat Membru, u mhux il-Kunsill, li għandu jadotta l-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni tal-miżuri restrittivi ddefiniti minn deċiżjoni PESK.

43      Barra minn hekk, dejjem fl-istess ipoteżi, l-appellanti jsostnu essenzjalment li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat, fil-punti 54 sa 59 tas-sentenza appellata, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236), b’tali mod li hija wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kunsill kien kompetenti sabiex jipprevedi tali obbligu fir-Regolament Nru 269/2014. Fil-fatt, minn din is-sentenza jirriżulta li regolament adottat abbażi tal-Artikolu 215 TFUE jikkostitwixxi biss strument intiż li jagħti effett dirett u, għaldaqstant, forza vinkolanti lill-miżuri restrittivi diġà ddefiniti f’deċiżjoni PESK, jekk ikun hemm bżonn billi jippreċiżahom iżda mingħajr ma jżid miżuri oħra jew ibiddel il-portata ta’ dawk hekk iddefiniti. Issa, il-Qorti Ġenerali estendiet il-portata tal-imsemmija sentenza billi indikat li tali regolament mhux biss jagħti effett lil tali miżuri restrittivi, iżda jimplimentahom ukoll.

44      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argumenti tal-appellanti miġbura fil-qosor fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) u (3) TUE, il-Kunsill għandu jieħu, b’deċiżjoni unanima, id-deċiżjonijiet neċessarji għad-definizzjoni u għall-implimentazzjoni tal-PESK, abbażi tal-linji gwida ġenerali u tal-linji gwida strateġiċi ddefiniti mill-Kunsill Ewropew, u li l-PESK għandha tiġi eżegwita mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà kif ukoll mill-Istati Membri, konformement mat-Trattati u bl-użu tal-mezzi nazzjonali kif ukoll dawk tal-Unjoni.

46      Hekk kif iddeċidiet korrettament il-Qorti Ġenerali essenzjalment fil-punt 61 tas-sentenza appellata, moqri flimkien mal-punti 57 sa 60 ta’ din is-sentenza li jirreferi għalihom dan il-punt 61, il-Kunsill huwa, kif jirriżulta wkoll mill-punti 30, 31 u 32 ta’ din is-sentenza, awtorizzat, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 24 u 26 TUE kif ukoll tal-Artikolu 215(2) TFUE, biex jimplimenta d-deċiżjonijiet adottati fil-qasam tal-PESK abbażi tal-Artikolu 29 TUE sabiex b’mod partikolari tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi, koerenti u effikaċi, fl-Istati Membri kollha, tal-miżuri restrittivi previsti f’tali deċiżjonijiet, meta dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE.

47      Billi jadotta għalhekk, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, regolament intiż li jimplementa deċiżjoni PESK, il-Kunsill bl-ebda mod ma jindaħal fuq il-kompetenza ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) u fl-Artikolu 26(3) TUE.

48      Fil-fatt, filwaqt li tali regolament huwa intiż li jagħti effett, fuq il-livell tal-Unjoni, lill-miżuri restrittivi previsti f’deċiżjoni PESK filwaqt li jiggarantixxi applikazzjoni uniformi, koerenti u effikaċi, il-kompetenza ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE ma tirrigwardax l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet PESK u l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi fil-livell tal-Unjoni, iżda l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-miżuri mill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru fit-territorju nazzjonali tagħhom.

49      Dan għandu japplika iktar u iktar peress li, skont il-kliem stess tal-Artikolu 26(3) TUE, il-PESK hija eżegwita mill-Istati Membri “bl-użu tar-riżorsi [...] ta’ l-Unjoni”. Dan jimplika li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-eżekuzzjoni tal-miżuri restrittivi fit-territorji rispettivi tagħhom billi josservaw il-miżuri adottati mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi, koerenti u effettiva, fil-livell tal-Unjoni, tal-miżuri restrittivi ddefiniti fil-kuntest tad-deċiżjonijiet PESK.

50      Sa fejn ir-rikorrenti jqisu li l-Kunsill ma setax jipprevedi l-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni fl-assenza ta’ kompetenza ta’ implimentazzjoni mogħtija lilu f’dan is-sens, skont l-Artikolu 291(2) TFUE, minn regolament adottat abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li miżuri restrittivi u miżuri li, bħall-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni, huma intiżi li japplikaw b’mod uniformi, koerenti u effikaċi, fil-livell tal-Unjoni, miżuri restrittivi previsti f’deċiżjoni PESK jistgħu, ċertament, jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 291(2) TFUE meta regolament adottat abbażi tal-Artikolu 215 TFUE jagħti kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill, iżda jistgħu wkoll jiġu adottati esklużivament abbażi tat-tieni mill-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 34).

51      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti tal-appellanti miġbura fil-qosor fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li l-Qorti Ġenerali fakkret u applikat b’mod korrett, fil-punti 54 sa 59 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236). Fil-fatt, kif iddeċidiet essenzjalment il-Qorti Ġenerali u kif diġà ġie indikat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, mill-punti 88 sa 90 tas-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236), jirriżulta li l-Kunsill huwa awtorizzat, fil-kuntest ta’ regolament adottat abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, jieħu kull miżura, bħall-obbligu ta’ dikjarazzjoni kontenzjuż, intiża li timplimenta deċiżjoni PESK adottata abbażi tal-Artikolu 29 TUE u, f’dan il-kuntest, li jiggarantixxi l-applikazzjoni uniformi fil-livell tal-Unjoni, tal-miżuri restrittivi ddefiniti f’tali deċiżjoni u mfakkra jew ippreċiżati fir-regolament ikkonċernat. Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, il-Kunsill, b’dan il-mod, ma jżid ebda miżura restrittiva ġdida u lanqas ma jbiddel il-portata tal-miżuri restrittivi ddefiniti fid-deċiżjoni PESK.

52      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

53      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

54      Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

55      Peress li l-appellanti tilfu, hemm lok li jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż kif mitlub mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Gennady Nikolayevich Timchenko u Elena Petrovna Timchenko huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top