This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62024CJ0433
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 1 August 2025.#Galerie Karsten Greve v Ministère de l'Économie, des Finances et de la Souveraineté industrielle et numérique.#Request for a preliminary ruling from the Conseil d'État.#Reference for a preliminary ruling – Taxation – Common system of value added tax (VAT) – Directive 2006/112/EC – Special arrangements for second-hand goods, works of art, collectors’ items and antiques – Taxable dealers – Margin scheme – Article 316(1)(b) – Option to apply the margin scheme – Concept of ‘supply of a work of art by the creator’ – Supply by the creator through a legal person.#Case C-433/24.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-1 ta’ Awwissu 2025.
Galerie Karsten Greve vs Ministère de l'Économie, des Finances et de la Souveraineté industrielle et numérique.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État (Franza).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Skema speċjali applikabbli fil-qasam tal-oġġetti użati, tax-xogħlijiet tal-arti, tal-oġġetti ta’ kollezzjoni jew tal-antikitajiet – Bejjiegħa mill-ġdid taxxabbli – Skema tal-marġni ta’ profitt – Artikolu 316(1)(b) – Għażla għall-applikazzjoni tal-iskema tal-marġni ta’ profitt – Kunċett ta’ ‘provvista ta’ xogħol tal-arti mill-awtur’ – Provvista mill-awtur permezz ta’ persuna ġuridika.
Kawża C-433/24.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-1 ta’ Awwissu 2025.
Galerie Karsten Greve vs Ministère de l'Économie, des Finances et de la Souveraineté industrielle et numérique.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État (Franza).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Skema speċjali applikabbli fil-qasam tal-oġġetti użati, tax-xogħlijiet tal-arti, tal-oġġetti ta’ kollezzjoni jew tal-antikitajiet – Bejjiegħa mill-ġdid taxxabbli – Skema tal-marġni ta’ profitt – Artikolu 316(1)(b) – Għażla għall-applikazzjoni tal-iskema tal-marġni ta’ profitt – Kunċett ta’ ‘provvista ta’ xogħol tal-arti mill-awtur’ – Provvista mill-awtur permezz ta’ persuna ġuridika.
Kawża C-433/24.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:600
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)
1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Skema speċjali applikabbli fil-qasam tal-oġġetti użati, tax-xogħlijiet tal-arti, tal-oġġetti ta’ kollezzjoni jew tal-antikitajiet – Bejjiegħa mill-ġdid taxxabbli – Skema tal-marġni ta’ profitt – Artikolu 316(1)(b) – Għażla għall-applikazzjoni tal-iskema tal-marġni ta’ profitt – Kunċett ta’ ‘provvista ta’ xogħol tal-arti mill-awtur’ – Provvista mill-awtur permezz ta’ persuna ġuridika”
Fil-Kawża C‑433/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Ġunju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Ġunju 2024, fil-proċedura
Galerie Karsten Greve
vs
Ministère de l’Économie, des Finances et de la Souveraineté industrielle et numérique,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, N. Jääskinen, A. Arabadjiev (Relatur), M. Condinanzi u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta-20 ta’ Marzu 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Galerie Karsten Greve, minn L. Poulet‑Odent, avocat, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn B. Dourthe, O. Duprat‑Mazaré u B. Fodda, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Torró Molés, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Herold, W. Roels u J. Samnadda, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Ġunju 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 316(1)(b) tad-Direttiva 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-kumpannija Galerie Karsten Greve (iktar ’il quddiem “GKG”) u l-ministère de l’Économie, des Finances et de la Souveraineté industrielle et numérique (il-Ministeru għall-Ekonomija, għall-Finanzi u għas-Sovranita Industrijali u Diġitali, Franza), dwar arretrati tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 4, 7 u 51 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdu:
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 1 u 2 tiegħu: “Provvista ta’ merkanzija” għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 103 tal-imsemmija direttiva: “1. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li r-rata mnaqqsa, jew waħda mir-rati mnaqqsa, li huma japplikaw skond l-Artikoli 98 u 99 għandha tapplika wkoll għall-importazzjonijiet ta’ xogħlijiet ta’ l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet, kif definiti fil-punti (2), (3) u (4) ta’ l-Artikolu 311(1). 2. Jekk l-Istati Membri jagħmlu użu mill-għażla skond il-paragrafu 1, dawn jistgħu japplikaw ukoll ir-rata mnaqqsa għat-transazzjonijiet li ġejjin:
|
|
6 |
L-Artikolu 311(1) tal-istess direttiva jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ dan il–Kapitolu, u mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw: […]
[…]
|
|
7 |
L-Artikolu 314 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi: “L-iskema tal-marġni għandha tapplika għall-provvista minn negozjant taxxabbli ta’ merkanzija użata, oġġetti tal-kollezzjoni jew antikitajiet fejn dik il-merkanzija kienet ipprovduta lilu fil-Komunità [Ewropea] minn waħda mill-persuni li ġejjin:
|
|
8 |
L-Artikolu 316(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jagħtu lin-negozjanti taxxabbli d-dritt li jagħżlu li japplikaw l-iskema ta’ marġni għat-transazzjonijiet li ġejjin:
|
|
9 |
L-Anness IX tal-imsemmija direttiva jinkludi Parti A, bit-titolu “Xogħlijiet ta’ l-arti”, li hija fformulata kif ġej:
|
Id‑dritt Franċiż
|
10 |
L-Artikolu 278‑0 bis tal-code général des impôts (il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi, iktar ’il quddiem il-“KĠT”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, kien b’mod partikolari jipprovdi: “Il-[VAT] għandha tinġabar bir-rata mnaqqsa ta’ 5.5 % f’dak li jirrigwarda: […] I. — 1° L-importazzjonijiet ta’ xogħlijiet tal-arti, ta’ oġġetti ta’ kollezzjoni jew ta’ antikitajiet, kif ukoll fuq l-akkwisti intra-Komunitarji, imwettqa minn persuna taxxabbli jew minn persuna ġuridika mhux taxxabbli, ta’ xogħlijiet tal-arti, ta’ oġġetti ta’ kollezzjoni u ta’ antikitajiet li huma jkunu importaw fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea; 2° L-akkwisti intra‑Komunitarji ta’ xogħlijiet tal-arti li kienu s-suġġett ta’ provvista fi Stat Membru ieħor minn persuni taxxabbli għajr bejjiegħa mill-ġdid taxxabbli”. |
|
11 |
Skont l-Artikolu 278 septies tal-KĠT, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali: “[Il-VAT] għandha tinġabar bir-rata ta’ 10 %: […] 2° Fuq il-provvisti ta’ xogħlijiet tal-arti mwettqa mill-awtur jew mill-aventi kawża tiegħu”. |
|
12 |
L-Artikolu 297 A(1) tal-KĠT huwa fformulat kif ġej: “1° L-ammont taxxabbli tal-provvisti minn bejjiegħ mill-ġdid taxxabbli ta’ oġġetti tal-arti, ta’ xogħlijiet tal-arti, ta’ oġġetti ta’ kollezzjoni jew ta’ antikitajiet ipprovduti lilu minn persuna li ma hijiex responsabbli għall-ħlas tal-[VAT] jew minn persuna li ma hijiex awtorizzata tiffattura l-[VAT] fir-rigward ta’ din il-provvista huwa kkostitwit mid-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ u l-prezz tax-xiri. Id-definizzjoni ta’ oġġetti użati, ta’ xogħlijiet tal-arti, ta’ oġġetti ta’ kollezzjoni u ta’ antikitajiet hija stabbilita permezz ta’ digriet”. |
|
13 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 297 B tal-KĠT jipprovdi: “Il-bejjiegħa mill-ġdid taxxabbli jistgħu jitolbu li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 297 A għall-provvisti ta’ xogħlijiet tal-arti, ta’ oġġetti ta’ kollezzjoni jew ta’ antikitajiet wara importazzjoni, akkwist intra-Komunitarju jew provvista suġġetti għar-rata mnaqqsa tal-[VAT] b’applikazzjoni tal-Artikolu 278 septies jew tal-paragrafu I tal-Artikolu 278–0 bis.” |
|
14 |
L-Artikolu 98(II) tal-Anness III tal-KĠT, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprevedi: “Ix-xogħolijiet sussegwenti għandhom jitqiesu bħala xogħlijiet tal-arti:
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
15 |
GKG teżerċita attività ta’ gallarija tal-arti u wettqet il-provvista ta’ xogħlijiet tal-arti li kienu ġew ipprovduti lilha fl‑2014, mill-kumpannija rregolata mid-dritt Brittaniku Studio Rubin Gideon (iktar ’il quddiem il-“kumpannija SRG”). GKG kienet is-suġġett ta’ verifika tal-kontabbiltà li fi tmiemha l-awtorità tat-taxxa kkontestat l-ibbenefikar mill-iskema tal-marġni ta’ profitt applikata għall-provvisti mwettqa minn GKG u, konsegwentement, talbitha arretrati tal-VAT għall-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Jannar u l‑31 ta’ Diċembru 2014. |
|
16 |
Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, it-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi, Franza) ċaħdet it-talba ta’ GKG intiża għall-eżenzjoni minn dawn l-arretrati tat-taxxa kif ukoll mill-penalitajiet korrispondenti. Permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, il-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) ċaħdet l-appell ippreżentat minn GKG kontra dik is-sentenza. |
|
17 |
Adit b’appell ta’ kassazzjoni ppreżentat minn GKG, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), li huwa l-qorti tar-rinviju, jirrileva li mill-atti tal-proċess jirriżulta b’mod kostanti li l-kumpannija SRG wettqet, matul il-perijodu ta’ tassazzjoni inkwistjoni, provvisti ta’ xogħlijiet tal-arti b’mod abitwali. Konsegwentement, GKG ma kellhiex, fi kwalunkwe każ, id-dritt li tissuġġetta għall-iskema tal-marġni ta’ profitt, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 297 B u tal-Artikolu 278–0bis (I) (2) tal-KĠT, il-provvisti tagħha stess konsekuttivi għall-akkwisti intra‑Komunitarji mwettqa mingħand din il-kumpannija. |
|
18 |
Madankollu, mill-kliem tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 278 septies tal-KĠT, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-perijodu ta’ tassazzjoni inkwistjoni, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 297 B ta’ dan il-kodiċi, jirriżulta li d-dritt li tintgħażel l-iskema speċjali tal-marġni ta’ profitt japplika għal provvisti ta’ xogħlijiet tal-arti konsekuttivi għal provvista mwettqa mill-awtur tagħhom jew mill-aventi kawża tiegħu, kif ukoll għal dawk konsekuttivi għal akkwist intra‑Komunitarju ta’ tali xogħlijiet imwettaq mingħand l-awtur tagħhom jew mingħand l-aventi kawża tiegħu. |
|
19 |
F’dan il-każ, GKG kienet applikat l-iskema tal-marġni ta’ profitt għal provvisti, imwettqa lill-klijenti tagħha, ta’ tpinġijiet tal-pittur Gideon Rubin, li hija stess kienet kisbet wara akkwisti intra‑Komunitarji mwettqa mingħand il-kumpannija SRG, li tagħha Rubin kien wieħed miż-żewġ soċji. |
|
20 |
Sabiex tiddeċiedi li GKG ma kellhiex dritt tapplika l-iskema tal-marġni ta’ profitt għal dawn il-provvisti ta’ tpinġijiet, il-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi) kienet qieset li t-tpinġijiet inkwistjoni ma kinux ġew ipprovduti lil din il-kumpannija mill-awtur tagħhom, b’mod partikolari minħabba li l-awtur ta’ tpinġija seta’ jkun biss l-artist li kien pinġiha b’idejh, b’mod li l-kumpannija SRG, fil-kwalità tagħha ta’ persuna ġuridika, ma setgħetx titqies l hija l-awtur ta’ dawn it-tpinġijiet. GKG issostni, insostenn tal-appell tagħha, li l-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi) wettqet, fuq dan il-punt, żball ta’ liġi. |
|
21 |
Skont il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), it-tweġiba għall-motiv imqajjem minn GKG tiddependi mill-punt dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 316(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, flimkien ma’ dawk tal-punt (2) tal-Artikolu 311(1) u tal-Parti A tal-Anness IX tagħha, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li persuna ġuridika, bħal kumpannija, titqies, fis-sens u għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li hija l-“awtur” ta’ tpinġija. |
|
22 |
Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal din l-ewwel domanda, ir-risposta għal dan il-motiv tkun tiddependi wkoll mill-punt dwar liema kriterji għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi aċċettat li persuna ġuridika, bħal kumpannija, tista’ titqies, fis-sens u għall-applikazzjoni ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet, li hija l-“awtur” ta’ tpinġija. Tali kriterji jistgħu jkunu, b’mod partikolari, l-issuġġettar ta’ din il-kumpannija għal sistema legali partikolari, iż-żamma mill-persuna fiżika li tkun pinġiet it-tpinġija tal-kapital azzjonarju kollu jew ta’ parti minnu tal-imsemmija kumpannija, jew ukoll l-eżerċizzju minn din il-persuna ta’ funzjonijiet ta’ tmexxija fi ħdan l-istess kumpannija. |
|
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
|
24 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tkun tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li hija tkun adita biha. F’din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tat‑30 ta’ April 2025, Inspektorat kam Visshia sadeben savet, C‑313/23, C‑316/23 u C‑332/23, EU:C:2025:303, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
Skont l-Artikolu 316(1)(b) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-bejjiegħa mill-ġdid taxxabbli d-dritt li jagħżlu l-applikazzjoni tal-iskema tal-marġni ta’ profitt għall-provvisti ta’ xogħlijiet tal-arti li jkunu ġew ipprovduti lilhom mill-awtur jew mil-aventi kawża tiegħu. |
|
26 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar jekk persuna ġuridika tistax titqies, għall-finijiet tal-applikazzjoni, mill-bejjiegħ mill-ġdid taxxabbli, tal-iskema tal-marġni ta’ profitt prevista f’dan l-Artikolu 316(1)(b), li hija l-awtur ta’ xogħol tal-arti u, jekk dan ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet. |
|
27 |
Madankollu, huwa paċifiku li l-awtur tat-tpinġijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa l-pittur Gideon Rubin li kkummerċjalizzahom permezz tal-kumpannija SRG, li tagħha huwa wieħed miż-żewġ soċji. |
|
28 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 314(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-iskema tal-marġni ta’ profitt għandha tapplika għall-provvisti ta’ oġġetti użati, ta’ xogħlijiet tal-arti, ta’ oġġetti ta’ kollezzjoni jew ta’ antikitajiet, imwettqa minn bejjiegħ mill-ġdid taxxabbli, meta dawn l-oġġetti ikunu ġew ipprovduti lilu fl-Unjoni minn persuna mhux taxxabbli. Għaldaqstant, l-Artikolu 316(1)(b) ta’ din id-direttiva jirrigwarda, min-naħa tiegħu, il-każ tal-bejjiegħa mill-ġdid taxxabbli li jwettqu provvisti ta’ xogħlijiet tal-arti li jkunu ġew ipprovduti lilhom mill-awtur jew mill-aventi kawża tiegħu bħala persuni taxxabbli għall-finijiet tal-VAT. |
|
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex il-qorti nazzjonali tingħata risposta utli, id-domanda għandha tiġi analizzata bħala li tirrigwarda mhux jekk persuna ġuridika bħall-kumpannija SRG tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtur”, fis-sens tal-Artikolu 316(1) (b) tad-Direttiva dwar il-VAT, iżda jekk il-provvista ta’ xogħlijiet tal-arti mwettqa mill-awtur tagħhom jew mill-aventi kawża tiegħu li jaġixxu permezz ta’ persuna ġuridika suġġetta għall-VAT taqax taħt din id-dispożizzjoni. |
|
30 |
Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 316(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li l-provvista minn bejjiegħa mill-ġdid taxxabbli ta’ xogħlijiet tal-arti li jkunu ġew ipprovduti lilhom mill-awtur jew mill-aventi kawża tiegħu li jaġixxu permezz ta’ persuna ġuridika taqa’ taħt din id-dispożizzjoni u, jekk dan kien il-każ, taħt liema kundizzjonijiet. |
|
31 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jitqiesu kemm il-kliem u l-għan tagħha kif ukoll il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2014, E., C‑436/13, EU:C:2014:2246, punt 37). |
|
32 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 316(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT ma tispeċifikax il-modalitajiet tal-provvista ta’ xogħlijiet tal-arti mill-awtur jew mill-aventi kawża tiegħu lil bejjiegħa mill-ġdid taxxabbli. Madankollu, hekk kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-provvista ta’ xogħlijiet tal-arti tagħmel parti mill-attività kummerċjali tal-awtur jew tal-aventi kawża tiegħu, li s-sustanza tagħha tikkonsisti, konformement mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, fit-trasferiment, ġeneralment bi ħlas, tad-dritt li wieħed jiddisponi minn proprjetà tanġibbli bħala proprjetarju. |
|
33 |
Għaldaqstant, il-formulazzjoni tal-Artikolu 316(1 (b) tad-Direttiva dwar il-VAT ma teskludix espressament li awtur jew l-aventi kawża tiegħu jistgħu jwettqu tali provvista permezz ta’ persuna ġuridika u lanqas li tali provvista tista’ titwettaq minn persuna ġuridika. |
|
34 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li taħtu taqa’ din id-dispożizzjoni, ċertament, l-iskema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt imwettaq mill-bejjiegħ mill-ġdid taxxabbli waqt il-provvista ta’ xogħlijiet tal-arti tikkostitwixxi skema speċjali tal-VAT, li tidderoga mill-iskema ġenerali ta’ din id-direttiva, b’mod li l-Artikoli 314 u 316 tagħha, li jidentifikaw il-każijiet ta’ applikazzjoni ta’ din l-iskema, għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Madankollu, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li l-kliem użat sabiex tiġi ddefinita l-imsemmija skema għandu jiġi interpretat b’mod li jneħħilha l-effetti tagħha. Fil-fatt, l-interpretazzjoni ta’ dan il-kliem għandha tkun konformi mal-għanijiet segwiti mill-istess skema u għandha tosserva r-rekwiżiti ta’ newtralità fiskali (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, Mensing, C‑264/17, EU:C:2018:968, punti 22 u 23). |
|
35 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għanijiet segwiti mid-Direttiva dwar il-VAT, mill-premessi 4 u 7 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din hija intiża li tistabbilixxi sistema ta’ VAT li ma toħloqx distorsjoni fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u li ma tostakolax il-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali huwa inerenti għal din is-sistema u li dan il-prinċipju jipprekludi b’mod partikolari li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess tranżazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti fil-qasam tal-ġbir tal-VAT (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, Mensing, C‑264/17, EU:C:2018:968, punti 32). |
|
36 |
Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-għanijiet segwiti mill-iskema tal-marġni ta’ profitt, kif prevista fl-Artikoli 314 u 316 tad-Direttiva dwar il-VAT, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont il-premessa 51 ta’ din id-direttiva, din l-iskema hija intiża, fil-qasam tal-oġġetti użati, tax-xogħlijiet tal-arti, tal-antikitajiet u tal-oġġetti ta’ kollezzjoni, li jiġu evitati t-taxxi doppji u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn persuni taxxabbli (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, Mensing, C‑264/17, EU:C:2018:968, punt 35). |
|
37 |
Barra minn hekk, minn naħa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 25 u 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, billi adotta l-Artikoli 103 u 316 tad-Direttiva dwar il-VAT, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-għan speċifiku li jiffavorixxi l-introduzzjoni fis-suq tal-Unjoni ta’ xogħlijiet tal-arti ġodda, kemm jekk dawn ikunu importati fl-Unjoni jew maħluqa ġodda fit-territorju tagħha, billi jipprevedi trattament fiskali favorevoli għall-importazzjoni ta’ tali xogħlijiet, għall-ewwel provvista tagħhom wara l-ħolqien, u għall-ewwel provvista ta’ dawn ix-xogħlijiet minn bejjiegħa mill-ġdid taxxabbli. |
|
38 |
Min-naħa l-oħra, hekk kif sostna ġustament il-Gvern Franċiż, billi jillimita d-dritt, għall-bejjiegħa mill-ġdid taxxabbli, li jagħżlu l-iskema tal-marġni ta’ profitt biss għax-xogħlijiet tal-arti li jkunu ġew ipprovduti lilhom mill-awtur tagħhom jew mill-aventi kawża tiegħu, l-Artikolu 316(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT huwa intiż ukoll li jillimita, kemm għall-bejjiegħa mill-ġdid taxxabbli kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri, l-ispejjeż amministrattivi ta’ prova u ta’ kontroll, fosthom b’mod partikolari dawk marbuta, għal dawk tal-ewwel, mal-prova li l-prezz tax-xiri ta’ xogħol tal-arti jinkludi jew le l-VAT tal-input imħallsa u, għal dawk tat-tieni, mal-kontroll ta’ tali stat ta’ fatt. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li jista’ jkun diffiċli li jiġi stabbilit jekk oġġett speċifiku kienx preċedentement is-suġġett ta’ impożizzjoni tal-VAT sa fejn, fid-dawl tan-natura stess tax-xogħlijiet tal-arti, tal-oġġetti ta’ kollezzjoni u tal-antikitajiet, l-oġġett jista’ jkun antik jew jista’ kien is-suġġett ta’ diversi skambji bejn diversi persuni mhux taxxabbli. Huwa preċiżament fid-dawl ta’ dawn id-diffikultajiet fid-determinazzjoni tal-VAT li tista’ tkun diġà ġiet imposta fuq tali oġġett, li d-Direttiva dwar il-VAT tipprevedi d-dritt li tintgħażel l-applikazzjoni tal-iskema tal-marġni ta’ profitt u li l-VAT dovuta tiġi kkalkolata b’riferiment, bħala element għall-kalkolu ta’ tali marġni, għall-prezz tal-bejgħ ta’ dawn l-oġġetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, Mensing, C‑264/17, EU:C:2018:968, punt 36). |
|
40 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni tal-Artikolu 316(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, fil-każijiet kollha, il-provvisti mill-bejjiegħa mill-ġdid taxxabbli tax-xogħlijiet tal-arti li jkunu ġew ipprovduti lilhom minn awturi jew mill-aventi kawża tagħhom li jaġixxu permezz ta’ persuni ġuridiċi, tista’ tmur kontra l-għanijiet intiżi li tiġi ggarantita n-newtralità fiskali, li jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u li tiġi ffavorita l-introduzzjoni ta’ xogħlijiet tal-arti ġodda fis-suq tal-Unjoni. |
|
41 |
Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi, b’mod partikolari, li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess operazzjonijiet ikunu ttrattati b’mod differenti fil-qasam tal-ġbir tal-VAT. Issa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 27, 29 u 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta jipprovdu xogħlijiet tal-arti lill-bejjiegħa mill-ġdid taxxabbli, l-awturi ta’ dawn ix-xogħolijiet jew l-aventi kawża tagħhom iwettqu operazzjonijiet identiċi mill-perspettiva tal-impożizzjoni tal-VAT, kemm jekk huma jwettqu dawn il-provvisti bħala persuni fiżiċi kif ukoll jekk huma jaġixxu permezz ta’ persuni ġuridiċi. |
|
42 |
Barra minn hekk, meta l-Artikolu 103(2)(a) u (b) tad-Direttiva dwar il-VAT jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għal ċerti provvisti, dan juża, essenzjalment, l-istess kliem bħall-Artikolu 316(1)(b) ta’ din id-direttiva, b’mod li tali trattament differenti skont il-forma ġuridika li taħtha jaġixxu l-awturi jew l-aventi kawża tagħhom jista’ jwassal ukoll għal ġbir tal-VAT b’rati differenti għal operazzjonijiet identiċi. |
|
43 |
Barra minn hekk, id-differenza fit-trattament li tkun tirriżulta mill-interpretazzjoni msemmija fil-punt 40 ta’din is-sentenza tissogra, minn naħa, li tippreġudika l-għan intiż li tiġi ffavorita l-introduzzjoni ta’ xogħlijiet tal-arti ġodda fis-suq tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn il-bejjiegħa mill-ġdid taxxabbli li jwettqu l-istess operazzjonijiet, jiġifieri essenzjalment l-akkwist u l-bejgħ mill-ġdid ta’ xogħlijiet tal-arti, sa fejn jiġi applikat fir-rigward tagħhom trattament differenti fir-rigward tal-possibbiltà li tintgħażel l-applikazzjoni tal-iskema tal-marġni ta’ profitt skont l-Artikolu 316(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, skont jekk dawn ix-xogħlijiet ikunux ġew ipprovduti lilhom mill-awtur jew mill-aventi kawża tiegħu jew le permezz ta’ persuna ġuridika. |
|
44 |
Konsegwentement, għandu jitqies, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva dwar il-VAT u mill-Artikolu 316(1)(b) tagħha, li din id-dispożizzjoni tkopri wkoll il-provvisti minn bejjiegħ mill-ġdid taxxabbli ta’ xogħlijiet tal-arti li jkunu ġew ipprovduti lilu minn persuna ġuridika, bil-kundizzjoni madankollu li, f’tali każ, il-provvisti ta’ dawn ix-xogħlijiet tal-arti minn din il-persuna ġuridika lil dan il-bejjiegħ mill-ġdid taxxabbli jkunu jistgħu jiġu attribwiti lill-awtur jew lill-aventi kawża tiegħu. |
|
45 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, meta l-provvista lil bejjiegħ mill-ġdid taxxabbli ta’ xogħol tal-arti titwettaq, hekk kif jidher li huwa l-każ hawnhekk, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, minn persuna ġuridika li l-awtur jew l-aventi kawża tiegħu stabbilixxew għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tax-xogħlijiet tal-arti maħluqa mill-awtur, jista’ jiġi preżunt li l-provvista hija attribwibbli lill-awtur jew lill-aventi kawża tiegħu, sa fejn, f’tali każ, din il-provvista sseħħ fil-kuntest tal-arranġamenti li l-awtur jew l-aventi kawża tiegħu ġeneralment stabbilixxew għall-finijiet ta’ din il-kummerċjalizzazzjoni. |
|
46 |
Min-naħa l-oħra, peress li l-għan speċifiku tal-Artikolu 316(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT huwa li tiġi ffavorita l-introduzzjoni ta’ xogħlijiet tal-arti ġodda fis-suq tal-Unjoni, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza għandha tiġi limitata għall-provvisti msemmija f’dan il-punt li effettivament jikkostitwixxu l-ewwel introduzzjoni ta’ xogħol tal-arti fis-suq tal-Unjoni, b’mod li ma għandux ikun hemm indizji ta’ provvista preċedenti ta’ dan ix-xogħol tal-arti, suġġetta għall-VAT, li tikkostitwixxi tali introduzzjoni inizjali. |
|
47 |
Konsegwentement, meta awtur jew l-aventi kawża tiegħu jwettqu l-provvista ta’ tali xogħol lil bejjiegħ mill-ġdid taxxabbli permezz ta’ persuna ġuridika, huwa neċessarju, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-mument tal-provvista sussegwenti ta’ dan ix-xogħol mill-bejjiegħ mill-ġdid taxxabbli, li din il-persuna ġuridika jkollha d-dritt tiddisponi mill-imsemmi xogħol bħala proprjetarja sa mill-ħolqien tiegħu jew, fl-assenza ta’ provvista preċedenti suġġetta għall-VAT, fil-mument ta’ din l-ewwel introduzzjoni fis-suq tal-Unjoni. |
|
48 |
Minn dan isegwi li, meta ż-żewġ kriterji msemmija fil-punti 44 u 46 ta’ din is-sentenza jkunu ssodisfatti, il-provvista inkwistjoni taqa’ taħt l-Artikolu 316(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, fatt li jippermetti lil bejjiegħ mill-ġdid taxxabbli jagħżel l-iskema ta’ marġni tal-profitt. |
|
49 |
Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-applikazzjoni ta’ kriterji bħal dawk previsti mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-issuġġettar tal-persuna ġuridika għal sistema legali partikolari, iż-żamma mill-persuna fiżika li tkun ħolqot xogħol tal-arti tal-kapital azzjonarju kollu jew ta’ parti minnu ta’ din il-persuna ġuridika, l-eżerċizzju minn din il-persuna fiżika ta’ funzjonijiet ta’ tmexxija fi ħdan l-imsemmija persuna ġuridika u/jew it-trasferiment ta’ parti sostanzjali mid-dħul mill-bejgħ lill-persuna fiżika li tkun ħolqot l-imsemmi xogħol, tista’ tikkomprometti l-għan tal-Artikolu 316(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, li jikkonsisti f’li jiġu evitati piżijiet eċċessivi fil-qasam tal-prova u tal-kontroll, sa fejn tali applikazzjoni tkun timplika verifika tal-aġġustamenti, jekk ikun il-każ kumplessi ħafna, relatati mad-drittijiet ta’ proprjetà jew ta’ vot fi ħdan persuna ġuridika kif ukoll mat-tqassim tal-profitti bejn is-soċji tagħha, pereżempju fil-każ fejn diversi artisti jaġixxu fil-kuntest ta’ tali persuna ġuridika sabiex jikkummerċjalizzaw ix-xogħlijiet tal-arti tagħhom u, b’mod partikolari, meta tali xogħlijiet jinħolqu b’mod kollaborattiv. |
|
50 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun li l-Artikolu 316(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista minn bejjiegħa mill-ġdid taxxabbli ta’ xogħlijiet tal-arti li jkunu ġew pprovduti lilhom mill-awtur jew mill-aventi kawża tiegħu li jaġixxu permezz ta’ persuna ġuridika taqa’ taħt din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li, l-ewwel nett, il-provvista mill-persuna ġuridika tkun attribwibbli lill-awtur jew lill-aventi kawża tiegħu, dan ikun il-każ meta l-awtur jew l-aventi kawża jkunu stabbilixxew din il-persuna ġuridika għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tax-xogħlijiet tal-arti li l-awtur ikun ħoloq u, it-tieni nett, il-provvista ta’ dawn ix-xogħlijiet tal-arti lill-bejjiegħ mill-ġdid taxxabbli tkun tikkostitwixxi l-ewwel introduzzjoni tal-imsemmija xogħlijiet tal-arti fis-suq tal-Unjoni. |
Fuq l-ispejjeż
|
51 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 316(1)(b) tad-Direttiva 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista minn bejjiegħa mill-ġdid taxxabbli ta’ xogħlijiet tal-arti li jkunu ġew pprovduti lilhom mill-awtur jew mill-aventi kawża tiegħu li jaġixxu permezz ta’ persuna ġuridika taqa’ taħt din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li, l-ewwel nett, il-provvista mill-persuna ġuridika tkun attribwibbli lill-awtur jew lill-aventi kawża tiegħu, dan ikun il-każ meta l-awtur jew l-aventi kawża jkunu stabbilixxew din il-persuna ġuridika għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tax-xogħlijiet tal-arti li l-awtur ikun ħoloq u, it-tieni nett, il-provvista ta’ dawn ix-xogħlijiet tal-arti lill-bejjiegħ mill-ġdid taxxabbli tkun tikkostitwixxi l-ewwel introduzzjoni tal-imsemmija xogħlijiet tal-arti fis-suq tal-Unjoni Ewropea. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.